4.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 203/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1413

tat-3 ta' Awwissu 2017

li jemenda l-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prodotti kożmetiċi

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 31(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-ossidu taż-żingu huwa awtorizzat bħala kolorant fil-prodotti kożmetiċi skont l-entrata 144 tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009.

(2)

Fl-opinjoni tiegħu tat-18 ta' Settembru 2012 (2), li ġiet rieżaminata fit-23 ta' Settembru 2014 (3), il-Kumitat Xjentifiku dwar is-Sikurezza tal-Konsumatur (SCCS) ikkonkluda li l-użu tal-ossidu taż-żingu mhuwiex perikoluż meta jintuża bħala kolorant, mhux miksi u f'forma mhux nano, fil-kożmetiċi għall-applikazzjoni tal-ġilda. Madankollu, l-SCCS qies ukoll li fid-dawl tal-infjammazzjoni tal-pulmun ipprovokata minn partiċelli tal-ossidu taż-żingu wara l-inalazzjoni, l-użu tal-ossidu taż-żingu fi prodotti kosmetiċi li jista' jwassal għall-esponiment tal-pulmuni tal-konsumatur għall-ossidu taż-żingu permezz tal-inalazzjoni, kien ta' tħassib.

(3)

Fid-dawl tal-opinjonijiet tal-SCCS, l-użu tal-ossidu taż-żingu bħala kolorant, mhux miksi, f'forma mhux nano fil-prodotti kożmetiċi għandu jkun ristrett għal dawk l-applikazzjonijiet li ma jkunux jistgħu jwasslu għal esponiment tal-pulmuni tal-utent aħħari permezz tal-inalazzjoni.

(4)

L-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(5)

L-industrija għandha tingħata żmien raġonevoli biex tagħmel l-aġġustamenti meħtieġa fil-formulazzjonijiet tal-prodotti fid-dawl tat-tqegħid tagħhom fis-suq u biex tirtira mis-suq il-prodotti mhux konformi.

(6)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Kożmetiċi,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Mill-24 ta' Frar 2018 prodotti kożmetiċi biss li jikkonformaw ma' dan ir-Regolament għandhom jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni.

Mill-24 ta' Mejju 2018 prodotti kożmetiċi biss li jikkonformaw ma' dan ir-Regolament għandhom jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta' Awwissu 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 342, 22.12.2009, p. 59.

(2)  SCCS/1489/12 Revision of 11 December 2012, http://ec.europa.eu/health/scientific_committees/consumer_safety/docs/sccs_o_103.pdf

(3)  SCCS/1539/14 Revision of 25 June 2015, http://ec.europa.eu/health/scientific_committees/consumer_safety/docs/sccs_o_163.pdf


ANNESS

L-entrata 144 tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 hija sostitwita b'dan li ġej:

Numru ta' referenza

L-identifikazzjoni tas-sustanza

Kundizzjonijiet

Liema kliem għandu jintuża fil-kundizzjonijiet tal-użu u t-twissijiet

Isem Kimiku

Numru tal-indiċi tal-kulur/Isem fil-Glossarju tal-Ingredjenti Komuni

Numru CAS

Numru KE

Kulur

Tip ta' prodott, Partijiet tal-ġisem

Konċentrazzjoni massima fi preparazzjoni lesta għall-użu

Oħrajn

a

b

c

d

e

f

g

h

i

j

“144

Ossidu taż-żingu (*1)

77947

1314-13-2

215-222-5

Abjad

 

 

M'għandhux jintuża f'applikazzjonijiet li jistgħu jwasslu għall-esponiment tal-pulmuni tal-utent aħħari permezz tan-nifs

 


(*1)  Għall-użu bħala filtru għall-UV, ara l-Anness VI, Nru. 30 u Nru 30a.”.