28.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 198/1


REGOLAMENT (UE) 2017/1369 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-4 ta' Lulju 2017

li jistabbilixxi qafas għat-tikkettar tal-enerġija u li jħassar id-Direttiva 2010/30/UE

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 194(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-Unjoni hi impenjata li tibni Unjoni tal-Enerġija b'politika progressiva dwar il-klima. L-effiċjenza enerġetika hi element kruċjali tal-Qafas Politiku tal-Unjoni dwar il-Klima u l-Enerġija tal-2030 u hi kruċjali għall-moderazzjoni tad-domanda tal-enerġija.

(2)

It-tikkettar tal-enerġija jippermetti li l-klijenti jagħmlu għażliet infurmati abbażi tal-konsum tal-enerġija mill-prodotti relatati mal-enerġija. L-għoti ta' informazzjoni dwar prodotti relatati mal-enerġija li jkunu effiċjenti u sostenibbli jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-iffrankar tal-enerġija u għat-tnaqqis tal-kontijiet tal-enerġija, filwaqt li fl-istess ħin jippromwovi l-innovazzjoni u l-investimenti fil-produzzjoni ta' prodotti aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija. It-titjib tal-effiċjenza tal-prodotti relatati mal-enerġija permezz ta' għażla infurmata min-naħa tal-klijenti u l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti relatati fil-livell tal-Unjoni hu ta' benefiċċju wkoll għall-manifatturi, għall-industrija u għall-ekonomija tal-Unjoni inġenerali.

(3)

Il-Kummissjoni għamlet rieżami tal-effettività tad-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u identifika l-ħtieġa li l-qafas għat-tikkettar tal-enerġija jiġi aġġornat biex titjieb l-effettività tiegħu.

(4)

Jixraq li d-Direttiva 2010/30/UE tiġi sostitwita b'Regolament li essenzjalment iżomm l-istess kamp ta' applikazzjoni, iżda li jimmodifika u jtejjeb uħud mid-dispożizzjonijiet tagħha sabiex jiċċara u jaġġorna l-kontenut tagħhom, filwaqt li jqis il-progress teknoloġiku li sar f'dawn l-aħħar snin b'rabta mal-effiċjenza enerġetika tal-prodotti. Peress li l-konsum tal-enerġija mill-mezzi tat-trasport għal persuni jew merkanzija jiġi regolat direttament u indirettament minn liġi u politiki oħrajn tal-Unjoni, jixraq li dawn jibqgħu jiġu eżentati mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, inkluż il-mezzi tat-trasport b'mutur li jibqa' fl-istess post matul l-operazzjoni, bħalma huma liftijiet, skali mobbli u conveyor belts.

(5)

Jixraq li jiġi ċċarat li l-prodotti kollha li jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni għall-ewwel darba, inkluż il-prodotti importati użati, jenħtieġ li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Madankollu, jenħtieġ li prodotti li jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni għat-tieni darba jew għal darb'oħra ma jiġux inklużi.

(6)

Regolament hu l-istrument legali adatt peress li jimponi regoli ċari u dettaljati li jipprekludu traspożizzjoni diverġenti mill-Istati Membri u għalhekk jiżgura livell ogħla ta' armonizzazzjoni fl-Unjoni kollha. Qafas regolatorju armonizzat fil-livell tal-Unjoni pjuttost milli fil-livell tal-Istat Membru jnaqqas l-ispejjeż għall-manifatturi, jiżgura kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni u jiżgura l-moviment liberu tal-merkanzija fis-suq intern kollu.

(7)

Il-moderazzjoni tad-domanda għall-enerġija hi rikonoxxuta bħala azzjoni kruċjali fl-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà tal-Enerġija stabbilita fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Mejju 2014. L-Istrateġija Qafas tal-Unjoni tal-Enerġija stabbilita fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Frar 2015 komplaiet tenfasizza l-prinċipju li l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel, kif ukoll il-ħtieġa li l-liġi eżistenti tal-Unjoni dwar l-enerġija tiġi implimentata b'mod sħiħ. Il-Pjan Direzzjonali għall-Istrateġija Qafas tal-Unjoni tal-Enerġija stabbilit f'dik il-Komunikazzjoni ppreveda rieżami tal-qafas tal-effiċjenza enerġetika għall-prodotti fl-2015. Dan ir-Regolament itejjeb il-qafas leġislattiv u ta' infurzar għat-tikkettar tal-enerġija.

(8)

It-titjib tal-effiċjenza tal-prodotti relatati mal-enerġija permezz ta' għażliet infurmati min-naħa tal-klijent hu ta' benefiċċju għall-ekonomija tal-Unjoni, inaqqas id-domanda għall-enerġija u jiffranka l-flus tal-klijent fuq il-kontijiet tal-enerġija, jikkontribwixxi għall-innovazzjoni u l-investiment fl-effiċjenza enerġetika, u jippermetti li l-industriji li jiżviluppaw u jipproduċu l-prodotti l-aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija jiksbu vantaġġ kompetittiv. Dan jikkontribwixxi wkoll biex jintlaħqu l-miri tal-Unjoni tal-effiċjenza enerġetika għall-2020 u l-2030, kif ukoll il-miri tal-Unjoni għall-ambjent u t-tibdil fil-klima. Barra minn hekk, għandu l-għan li jkollu impatt pożittiv fuq il-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti relatati mal-enerġija u l-partijiet tagħhom, inkluż l-użu ta' riżorsi għajr l-enerġija.

(9)

Dan ir-Regolament jikkontribwixxi għall-iżvilupp, ir-rikonoxximent mill-klijenti u t-tixrid fis-suq ta' prodotti tal-enerġija intelliġenti, li jistgħu jiġu attivati biex jinteraġixxu ma' apparati u sistemi oħra, inkluż in-netwerk tal-enerġija nnifsu, sabiex titjieb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija jew l-użu tal-enerġiji rinnovabbli, jitnaqqas il-konsum tal-enerġija u tiġi promossa l-innovazzjoni fl-industrija tal-Unjoni.

(10)

L-għoti ta' informazzjoni preċiża, rilevanti u komparabbli dwar il-konsum speċifiku tal-enerġija tal-prodotti relatati mal-enerġija jiffaċilita l-għażla min-naħa tal-klijent favur prodotti li jikkunsmaw inqas enerġija u riżorsi essenzjali oħrajn waqt l-użu. Tikketta obbligatorja standardizzata tal-prodotti relatati mal-enerġija hi mezz effettiv li permezz tiegħu l-klijenti potenzjali jingħataw informazzjoni komparabbli dwar l-effiċjenza enerġetika tal-prodotti. Jenħtieġ li t-tikketta tkun issupplimentata bi skeda informattiva dwar il-prodott. Jenħtieġ li t-tikketta tingħaraf faċilment u tkun sempliċi u konċiża. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-iskala eżistenti ta' kuluri tat-tikketta li jvarjaw bejn aħdar skur u aħmar tinżamm bħala l-bażi biex il-konsumaturi jiġu infurmati dwar l-effiċjenza enerġetika tal-prodotti. Biex it-tikketta tkun verament utli għall-klijenti li jridu jiffrankaw l-enerġija u l-ispejjeż, jenħtieġ li l-istadji tal-iskala tat-tikketta jikkorrispondu għal iffrankar sinifikanti tal-enerġija u l-ispejjeż għall-klijenti. Għall-biċċa l-kbira tal-gruppi ta' prodotti, fejn xieraq, jenħtieġ li minbarra l-iskala tat-tikketta, it-tikketta tindika wkoll il-konsum assolut tal-enerġija, biex il-klijenti jkunu jistgħu jbassru l-impatt dirett tal-għażliet tagħhom fuq il-kontijiet tagħhom tal-enerġija. Madankollu, mhuwiex possibbli li tingħata l-istess informazzjoni fir-rigward ta' prodotti relatati mal-enerġija li ma jikkunsmawx enerġija huma stess.

(11)

Il-klassifikazzjoni li tuża l-ittri mill-A sal-G uriet li kienet kosteffettiva għall-klijenti. L-intenzjoni hija li l-applikazzjoni uniformi tagħha għal gruppi ta' prodotti differenti żżid it-trasparenza u l-fehim fost il-klijenti. F'sitwazzjonijiet fejn, minħabba l-miżuri tal-ekodisinn skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), il-prodotti ma jistgħux jibqgħu jaqgħu taħt il-klassi “E”, “F” jew “G”, jenħtieġ li dawk il-klassijiet madanakollu jidhru fuq it-tikketta b'tipa griża. F'każijiet eċċezzjonali u ġustifikati kif xieraq, bħal meta ma jkunx hemm biżżejjed iffrankar fl-ispettru sħiħ tas-seba' klassijiet, jenħtieġ li t-tikketta jista' jkollha anqas klassijiet minn skala A-G regolari. F'dawk il-każijiet, l-iskala ta' kuluri minn aħdar skur għal aħmar tat-tikketta jenħtieġ li tinżamm għall-kumplament tal-klassijiet u jenħtieġ li tapplika biss għal prodotti ġodda li jitqiegħdu fis-suq jew li jitqiegħdu fis-servizz.

(12)

Meta fornitur jqiegħed prodott fis-suq, jenħtieġ li kull unità tal-prodott ikun akkumpanjat b'tikketta f'forma stampata li tikkonforma mar-rekwiżiti tal-atti delegati rilevanti. Jenħtieġ li l-att delegat rilevanti jistabbilixxi l-aktar mod effettiv li bih jintwerew it-tikketti, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-implikazzjonijiet għall-klijenti, il-fornituri u n-negozjanti, u jistgħu jipprovdu li t-tikketta tiġi stampata fuq l-imballaġġ tal-prodott. Jenħtieġ li n-negozjant juri t-tikketta pprovduta flimkien mal-unità tal-prodott fil-pożizzjoni mitluba mill-att delegat rilevanti. Jenħtieġ li t-tikketta esposta tkun viżibbli identifikabbli b'mod ċar bħala t-tikketta li tappartjeni għall-prodott inkwistjoni, mingħajr il-bżonn li l-konsumatur jaqra l-isem tad-ditta u n-numru tal-mudell fuq it-tikketta, u jenħtieġ li tattira l-attenzjoni tal-kljient li jkun qed jara l-prodott espost.

(13)

Mingħajr ma jiġi affettwat l-obbligu tal-fornitur li jipprovdi tikketta stampata flimkien ma' kull unità ta' prodott, l-avvanzi fit-teknoloġija diġitali jistgħu jippermettu l-użu ta' tikketti elettroniċi flimkien mat-tikketta tal-enerġija stampata. Jenħtieġ ukoll li n-negozjant ikun jista' jniżżel l-iskeda informattiva dwar il-prodott mill-bażi ta' data tal-prodott.

(14)

Fejn ma jkunx fattibbli li t-tikketta tal-enerġija tiġi esposta, bħal f'ċerti forom ta' bejgħ mill-bogħod, u f'reklamar viżiv u materjal promozzjonali tekniku, jenħtieġ li l-klijenti potenzjali tal-inqas jingħataw il-klassi tal-effiċjenza enerġetika tal-prodott u l-firxa tal-klassijiet tal-effiċjenza disponibbli fuq it-tikketta.

(15)

Il-manifatturi jirreaġixxu għat-tikketta tal-enerġija billi jiżviluppaw u jqiegħdu fis-suq prodotti dejjem aktar effiċjenti. Bl-istess mod, hemm tendenza li ma jibqgħux jipproduċu prodotti li huma inqas effiċjenti, u dan jiġi mħeġġeġ mil-liġi tal-Unjoni dwar l-ekodisinn. Dan l-iżvilupp teknoloġiku jwassal biex il-maġġoranza ta' mudelli ta' prodotti jitpoġġew fl-ogħla klassijiet tat-tikketta tal-enerġija. Jista' jkun hemm bżonn li jinsiltu iktar differenzi bejn il-prodotti biex il-klijenti jkunu jistgħu jqabblu l-prodotti kif suppost, u dan iwassal għall-ħtieġa ta' riklassifikazzjoni tat-tikketti. Jenħtieġ għalhekk li dan ir-Regolament jistipula arranġamenti dettaljati għar-riklassifikazzjoni biex ikun hemm kemm jista' jkun ċertezza legali għall-fornituri u n-negozjanti.

(16)

Għal diversi tikketti stabbiliti b'atti delegati adottati skont id-Direttiva 2010/30/UE, il-prodotti huma disponibbli biss, jew kważi biss, fl-ogħla klassijiet. Dan inaqqas l-effettività tat-tikketti. Skont il-grupp ta' prodotti, il-klassijiet fuq it-tikketti eżistenti għandhom skali differenti, fejn l-ogħla klassi tista' tvarja bejn klassijiet A u A+++. B'riżultat ta' dan, meta l-klijenti jqabblu t-tikketti ta' gruppi ta' prodotti differenti, dawn jistgħu jaslu għall-konklużjoni li jeżistu klassijiet ta' effiċjenza enerġetika aħjar għal tabella partikolari minn dawk esposti. Biex tiġi evitata tali konfużjoni potenzjali, jixraq li, bħala l-ewwel pass, titwettaq riklassifikazzjoni inizjali tat-tikketti eżistenti, sabiex tiġi żgurata skala omoġenja minn A sa G għal tliet kategoriji ta' prodotti skont dan ir-Regolament.

(17)

It-tikkettar tal-enerġija ta' prodotti għat-tisħin tal-ispazju u tal-ilma ġie introdott biss reċentement u l-progress teknoloġiku f'dawk il-gruppi ta' prodotti qed isir relattivament bil-mod. L-iskema attwali tat-tikkettar tagħmel distinzjoni ċara bejn it-teknoloġiji li jużaw il-karburanti fossili konvenzjonali li l-iktar li jistgħu jkunu fil-klassi A, u teknoloġiji li jużaw enerġija rinnovabbli li huma ta' spiss sinifikattivament aktar għoljin fil-prezz, li għalihom huma riżervati l-klassijiet A+, A++ u A+++. Diġà jista' jinkiseb iffrankar sostanzjali tal-enerġija permezz tat-teknoloġiji li jużaw karburanti fossili li huma l-aktar effiċjenti, u jkun jixraq li dawn jibqgħu jiġu promossi bħala tal-klassi A. Minħabba li s-suq għat-tisħin tal-ispazju u tal-ilma x'aktarx li ser jimxi b'pass kajman lejn aktar teknoloġiji rinnovabbli, huwa xieraq li t-tikketti tal-enerġija għal dawk il-prodotti jiġu riklassifikati aktar tard.

(18)

Wara r-riklassifikazzjoni inizjali, jenħtieġ li l-frekwenza ta' riklassifikazzjonijiet ulterjuri tiġi ddeterminata b'referenza għall-perċentwali tal-prodotti mibjugħin li jkunu fl-ogħla klassijiet. Jenħtieġ li riklassifikazzjonijiet ulterjuri jqisu l-ħeffa tal-progress teknoloġiku u l-ħtieġa li jiġi evitat piż żejjed fuq il-fornituri u n-negozjanti, u, b'mod partikolari, in-negozji żgħar. Għalhekk, ikun xieraq perijodu ta' madwar 10 snin għall-frekwenza ta' tali riklassifikazzjoni. Jenħtieġ li tikketta li tkun għadha kif ġiet riklassifikata tħalli l-ogħla klassi vojta biex tħeġġeġ il-progress teknoloġiku, tipprevedi stabbiltà regolatorja, tillimita l-frekwenza tar-riklassifikazzjoni u tippermetti li jiġu żviluppati u rikonoxxuti prodotti dejjem aktar effiċjenti. F'każijiet eċċezzjonali, fejn it-teknoloġija tkun mistennija tiżviluppa aktar malajr, jenħtieġ li l-ebda prodott ma jaqa' taħt l-ogħla żewġ klassijiet fil-mument tal-introduzzjoni tat-tikketta li tkun għadha kif ġiet riklassifikata.

(19)

Qabel ir-riklassifikazzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq studju preparatorju xieraq.

(20)

Meta tikketta għal grupp ta' prodotti tiġi riklassifikata, jenħtieġ li tiġi evitata l-konfużjoni min-naħa tal-klijenti billi t-tikketti fuq il-prodotti milquta esposti fil-ħwienet jiġu sostitwiti fuq perijodu ta' żmien qasir, u permezz tal-organizzazzjoni ta' kampanji adegwati ta' informazzjoni għall-konsumaturi li jindikaw b'mod ċar li ġiet introdotta verżjoni ġdida tat-tikketta.

(21)

F'każ ta' tikketta riklassifikata, jenħtieġ li l-fornituri jipprovdu lin-negozjanti kemm it-tikketta attwali kif ukoll dik riklassifikata għal ċertu perijodu. Jenħtieġ li s-sostituzzjoni tat-tikketti eżistenti fuq il-prodotti esposti, inkluż fuq l-Internet, bit-tikketti riklassifikati jsir kemm jista' jkun malajr wara d-data tas-sostituzzjoni speċifikata fl-att delegat dwar it-tikketta riklassifikata. Jenħtieġ li n-negozjanti ma jesponux it-tikketti riklassifikati qabel id-data tas-sostituzzjoni.

(22)

Jeħtieġ li tkun prevista distribuzzjoni ċara u proporzjonata tal-obbligi li jikkorrispondu għar-rwol ta' kull operatur fil-proċess tal-provvista u d-distribuzzjoni. Jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jkunu responsabbli għall-konformità b'rabta mar-rwoli rispettivi tagħhom fil-katina tal-provvista u jenħtieġ li jiżguraw li fis-suq iqiegħdu biss prodotti li jikkonformaw ma' dan ir-Regolament u l-atti delegati adottati f'konformità miegħu.

(23)

Biex il-konsumaturi jibqgħu jafdaw it-tikketta tal-enerġija, jenħtieġ li ma jitħallewx jintużaw tikketti oħrajn li jixbhu t-tikketta tal-enerġija għal prodotti relatati mal-enerġija u prodotti li mhumiex relatati mal-enerġija. Meta l-prodotti relatati mal-enerġija ma jkunux koperti minn atti delegati, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jżommu jew jintroduċu skemi nazzjonali ġodda għat-tikkettar ta' tali prodotti. Jenħtieġ li tikketti, marki, simboli jew skrizzjonijiet oħra li x'aktarx iqarrqu jew iħawdu lill-klijenti fir-rigward tal-konsum tal-enerġija għall-prodott ikkonċernat, ma jkunux permessi għall-istess raġuni. It-tikketti previsti f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, bħat-tikkettar tat-tajers fir-rigward tal-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil u parametri ambjentali oħrajn, u tikketti addizzjonali bħall-Energy Star tal-UE u l-Ekotikketta tal-UE ma għandhomx jitqiesu bħala qarrieqa jew li joħolqu konfużjoni.

(24)

Qed jiġri dejjem aktar spiss li l-klijenti jiġu offerti aġġornamenti ta' software jew firmware tal-prodotti tagħhom wara li l-prodotti jkunu tqiegħdu fis-suq u bdew jintużaw. Filwaqt li dawn l-aġġornamenti normalment huma maħsuba biex itejbu l-prestazzjoni tal-prodott, jistgħu wkoll ikollhom impatt fuq l-effiċjenza enerġetika u parametri oħra tal-prodott indikati fuq it-tikketta tal-enerġija. Jekk dawk il-bidliet ikunu għad-detriment ta' dak li huwa indikat fuq it-tikketta, jenħtieġ li l-klijenti jiġu infurmati dwar dawk il-bidliet u jenħtieġ li jingħataw l-opzjoni li jaċċettaw jew li jirrifjutaw l-aġġornament.

(25)

Biex tkun żgurata ċ-ċertezza legali, hemm bżonn li jkun iċċarat li r-regoli dwar is-sorveljanza u l-kontroll tas-suq tal-Unjoni tal-prodotti li jidħlu fis-suq tal-Unjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) japplikaw għall-prodotti relatati mal-enerġija. Minħabba l-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija, huwa essenzjali li l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq tal-Istati Membri jikkooperaw flimkien b'mod effettiv. Jenħtieġ li din il-kooperazzjoni b'rabta mat-tikkettar tal-enerġija tissaħħaħ permezz ta' appoġġ mill-Kummissjoni tal-Gruppi dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva (AdCos) dwar l-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija.

(26)

Il-proposta tal-Kummissjoni għal regolament ġdid dwar is-sorveljanza tas-suq tal-prodotti tintegra d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 765/2008, id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u diversi atti speċifiċi għas-settur tal-atti leġislattivi tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni. Dik il-proposta tinkludi dispożizzjonijiet dwar il-klawsoli ta' salvagwardja inklużi fid-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, (7) li japplikaw għall-atti leġislattivi kollha tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni. Dment li r-regolament il-ġdid ikun għadu qed jiġi kkunsidrat mill-koleġislaturi, jixraq li ssir referenza għar-Regolament (KE) Nru 765/2008 u li f'dan ir-Regolament jiġu inklużi klawsoli ta' salvagwardja.

(27)

L-attivitajiet tas-sorveljanza tas-suq koperti bir-Regolament (KE) Nru 765/2008 mhumiex diretti esklużivament lejn il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà, iżda huma applikabbli wkoll għall-infurzar tal-liġi tal-Unjoni li għandha l-għan li tissalvagwardja interessi pubbliċi oħrajn, inkluż l-effiċjenza enerġetika. F'konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “20 azzjoni għal prodotti aktar siguri u konformi għall-Ewropa: pjan ta' azzjoni pluriennali għas-sorveljanza tal-prodotti fl-UE” tat-13 ta' Frar 2013, il-metodoloġija ġenerali tal-Unjoni għall-valutazzjoni tar-riskji ġiet aġġornata biex tkopri r-riskji kollha, inkluż dawk relatati mat-tikkettar tal-enerġija.

(28)

Attività tas-sorveljanza tas-suq koerenti u kosteffettiva madwar l-Unjoni kollha titlob ukoll arkivjar komprensiv u strutturat sew u kondiviżjoni fost l-Istati Membri tal-informazzjoni kollha pertinenti dwar l-attivitajiet nazzjonali f'dan il-kuntest, inkluż referenza għan-notifiki rikjesti minn dan ir-Regolament. Il-bażi tad-data tas-Sistema ta' Informazzjoni u Komunikazzjoni dwar is-Sorveljanza tas-Suq (ICSMS) stabbilita mill-Kummissjoni hija adattata sew għall-iskop ta' ħolqien ta' bażi tad-data kompluta b'informazzjoni dwar is-sorveljanza tas-suq, u jenħtieġ għalhekk li l-użu tagħha jitħeġġeġ bis-sħiħ.

(29)

Sabiex tiġi stabbilita għodda utli għall-konsumaturi, biex ikunu permessi modi alternattivi kif in-negozjanti jirċievu l-iskedi informattivi dwar il-prodotti, biex ikun iffaċilitat il-monitoraġġ tal-konformità u biex tingħata data tas-suq aġġornata għall-proċess regolatorju tar-reviżjonijiet tat-tikketti u l-iskedi informattivi speċifiċi għall-prodott, jenħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi u żżomm bażi tad-data tal-prodotti magħmula minn parti pubblika u parti li tirrigwarda l-konformità, li jenħtieġ li tkun aċċessibbli permezz ta' portal online.

(30)

Mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri marbutin mas-sorveljanza tas-suq u għall-obbligi tal-fornituri li jivverifikaw il-konformità tal-prodott, jenħtieġ li l-fornituri jagħmlu l-informazzjoni rikjesta dwar il-konformità tal-prodott disponibbli elettronikament fil-bażi tad-data tal-prodotti. Jenħtieġ li l-informazzjoni rilevanti għall-konsumaturi u n-negozjanti ssir disponibbli għall-pubbliku fil-parti pubblika tal-bażi tad-data tal-prodotti. Jenħtieġ li dik l-informazzjoni ssir disponibbli bħala data miftuħa sabiex min jiżviluppa l-applikazzjoni mobbli u għodod oħra ta' tqabbil jingħataw l-opportunità li jużawha. Jenħtieġ li jiġi ffaċilitat aċċess dirett u faċli għall-parti pubblika tal-bażi tad-data tal-prodotti permezz ta' għodod orjentati lejn l-utent, bħal kodiċi dinamiku ta' rispons rapidu (kodiċi QR), inkluż fuq it-tikketta stampata.

(31)

Jenħtieġ li l-parti tal-bażi tad-data tal-prodott li tirrigwarda l-konformità tkun soġġetta għal regoli stretti dwar il-protezzjoni tad-data. Jenħtieġ li l-partijiet speċifiċi meħtieġa tad-dokumentazzjoni teknika fil-parti li tirrigwarda l-konformità tkun disponibbli kemm għall-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq kif ukoll għall-Kummissjoni. Fejn xi informazzjoni teknika tkun tant sensittiva li ma jkunx xieraq li tiġi inkluża fil-kategorija ta' dokumentazzjoni teknika kif dettaljat fl-atti delegati adottati skont dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq iżommu s-setgħa li jkollhom aċċess għal dik l-informazzjoni meta jkun meħtieġ f'konformità mad-dmir ta' kooperazzjoni tal-fornituri jew permezz ta' partijiet addizzjonali tad-dokumentazzjoni teknika li l-fornituri jtellgħu fil-bażi tad-data tal-prodott fuq bażi volontarja.

(32)

Sabiex il-bażi tad-data tal-prodotti tkun tista' tintuża malajr kemm jista' jkun, jenħtieġ li r-reġistrazzjoni tkun obbligatorja għall-mudelli kollha li l-unitajiet tagħhom jitqiegħdu fis-suq mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Għall-mudelli li l-unitajiet tagħhom jitqiegħdu fis-suq qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u, li ma għadhomx ikkummerċjalizzati, ir-reġistrazzjoni m'għandhiex tkun obbligatorja. Jenħtieġ li jiġi pprovdut perijodu transitorju għall-iżvilupp tal-bażi tad-data u biex jippermetti lill-fornituri jikkonformaw mal-obbligi tagħhom marbutin mar-reġistrazzjoni. Meta ssir kwalunkwe bidla b'rilevanza għat-tikketta u l-iskeda informattiva dwar il-prodott b'rabta ma' prodott diġà fis-suq, jenħtieġ li l-prodott jitqies bħala mudell ġdid u jenħtieġ li l-fornitur jiġi obbligat jirreġistrah fil-bażi tad-data tal-prodotti. Jenħtieġ li l-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u l-fornituri, tagħti attenzjoni speċjali lill-proċess transitorju sakemm issir l-implimentazzjoni sħiħa tal-parti pubblika u tal-parti li tirrigwarda l-konformità tal-bażi tad-data tal-prodotti.

(33)

Jenħtieġ li l-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u l-atti delegati adottati skont dan ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(34)

Biex jippromwovu l-effiċjenza enerġetika, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-protezzjoni tal-ambjent, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu joħolqu inċentivi għall-użu ta' prodotti effiċjenti fl-użu tal-enerġija. L-Istati Membri huma liberi li jiddeċiedu dwar in-natura ta' dawn l-inċentivi. Jenħtieġ li dawn l-inċentivi jikkonformaw mar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat u jenħtieġ li ma joħolqux ostakli mhux ġustifikati għas-suq. Dan ir-Regolament ma jippreġudikax l-eżitu ta' kwalunkwe proċedura futura marbuta mal-għajnuna mill-Istat li tista' ssir f'konformità mal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) fir-rigward ta' dawn l-inċentivi.

(35)

Jenħtieġ li l-konsum tal-enerġija, il-prestazzjoni u informazzjoni oħra li tikkonċerna l-prodotti koperti bir-rekwiżiti speċifiċi għall-prodott skont dan ir-Regolament jitkejlu b'metodi affidabbli, preċiżi u riproduċibbli li jqisu miżuri u metodi ta' kalkolu l-aktar moderni u rikonoxxuti b'mod ġenerali. Fl-interess tal-funzjonament xieraq tas-suq intern, jenħtieġ li l-istandards ikunu armonizzati fil-livell ta' Unjoni. Jenħtieġ li dawn il-metodi u l-istandards, safejn ikun possibbli, iqisu l-użu reali ta' prodott partikolari, jirriflettu l-imġiba tal-konsumatur medju u jkunu robusti sabiex jiskoraġġixxu l-evitar tagħhom sew jekk intenzjonali kif ukoll mhux intenzjonali. Jenħtieġ li t-tikketti tal-enerġija jirriflettu l-prestazzjoni komparattiva tal-użu attwali tal-prodotti, fi ħdan ir-restrizzjonijiet minħabba l-ħtieġa ta' testijiet tal-laboratorju affidabbli u riproduċibbli. Il-fornituri, għalhekk, jenħtieġ li ma jitħallewx jinkludu software jew hardware li jbiddel awtomatikament il-prestazzjoni tal-prodott f'kundizzjonijiet ta' ttestjar. Fin-nuqqas ta' standards ippubblikati fil-mument meta jiġu applikati r-rekwiżiti speċifiċi għall-prodott, jenħtieġ li l-Kummissjoni tippubblika l-metodi transizzjonali tal-kejl u tal-kalkolu fir-rigward ta' dawk ir-rekwiżiti speċifiċi għall-prodott f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Ladarba tkun ġiet ippubblikata referenza għal tali standard, jenħtieġ li l-konformità magħha tipprovdi preżunzjoni tal-konformità mal-metodi tal-kejl għal dawk ir-rekwiżiti speċifiċi għall-prodott adottati abbażi ta' dan ir-Regolament.

(36)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi pjan ta' ħidma fit-tul għar-reviżjoni tat-tikketti għal prodotti partikolari relatati mal-enerġija, inkluż lista indikattiva ta' prodotti oħrajn relatati mal-enerġija li għalihom tista' tiġi stabbilita tikketta tal-enerġija. Jenħtieġ li l-pjan ta' ħidma jiġi implimentat billi jibda b'analiżi teknika, ambjentali u ekonomika tal-gruppi ta' prodotti kkonċernati. Jenħtieġ li dik l-analiżi tħares ukoll lejn informazzjoni supplimentari, inkluż il-possibbiltà u l-ispiża li l-konsumaturi jingħataw informazzjoni dwar il-prestazzjoni ta' prodott relatat mal-enerġija, bħall-konsum tal-enerġija tiegħu, id-durabbiltà jew il-prestazzjoni ambjentali, f'koerenza mal-objettiv li tiġi promossa ekonomija ċirkulari. Jenħtieġ li tali informazzjoni supplimentari ttejjeb l-intelliġibbiltà u l-effettività tat-tikketta għall-konsumaturi, u ma għandhiex twassal għal xi impatt negattiv fuq il-konsumaturi.

(37)

Jenħtieġ li l-fornituri ta' prodotti kkumerċjalizzati f'konformità mad-Direttiva 2010/30/UE qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament jibqgħu soġġetti għall-obbligu li jagħmlu disponibbli verżjoni elettronika tad-dokumentazzjoni teknika tal-prodotti kkonċernati fuq talba tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq. Jenħtieġ li jkun hemm dispożizzjonijiet transitorji xierqa li jiżguraw iċ-ċertezza legali u l-kontinwità f'dan ir-rigward.

(38)

Barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel għal dan ir-Regolament, ir-rekwiżiti eizstenti stabbiliti f'atti delegati adottati skont l-Artikolu 10 tad-direttiva 2010/30/UE u d-direttiva tal-Kummissjoni 96/60/KE (8) għandhom ikomplu japplikaw għall-gruppi ta' prodotti rilevanti sakemm dawn jitħassru jew jiġu sostitwiti b'atti delegati adottati skont dan ir-Regolament. L-applikazzjoni ta' dawk ir-rekwiżiti eżistenti hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-obbligi taħt dan ir-Regolament.

(39)

Sabiex jiġu stabbiliti gruppi ta' prodotti speċifiċi ta' prodotti relatati mal-enerġija f'konformità ma' sett ta' kriterji speċifiċi u sabiex jiġu stabbiliti tikketti u skedi informattivi speċifiċi għall-prodotti, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti f'konformità mal-Artikolu 290 TFUE. Hu ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet adatti matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (9). B'mod partikolari, biex tkun żgurata parteċipazzjoni ndaqs fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess waqt bħall-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom sistematikament ikollhom aċċess għal-laqgħat tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.

(40)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta' implimentazzjoni biex tiddetermina, skont il-proċedura ta' salvagwardja tal-Unjoni, jekk il-miżura nazzjonali tkunx ġustifikata jew le u biex tistabbilixxi rekwiżiti dettaljati dwar id-dettalji operazzjonali relatati mal-bażi tad-data tal-prodotti. Jenħtieġ li dawn is-setgħat jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

(41)

Minħabba li l-għanijiet ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li l-klijenti jkunu jistgħu jagħżlu prodotti aktar effiċjenti billi tingħata informazzjoni rilevanti, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu, permezz ta' aktar żvilupp tal-qafas regolatorju armonizzat u l-iżgurar ta' kondizzjonijiet ekwi għall-manifatturi, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(42)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri relatati mal-iskadenzi għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u d-data' ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2010/30/UE.

(43)

Jenħtieġ għalhekk li d-Direttiva 2010/30/UE titħassar,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas li japplika għall-prodotti relatati mal-enerġija (“prodotti”) li jitqiegħdu fis-suq jew jitqiegħdu fis-servizz. Dan jipprevedi t-tikkettar ta' dawk il-prodotti u l-provvediment tal-effiċjenza enerġetika tal-prodott, il-konsum tal-enerġija u ta' riżorsi oħrajn minn prodotti waqt l-użu u informazzjoni supplimentari dwar il-prodotti, biex b'hekk il-klijenti jkunu jistgħu jagħżlu prodotti aktar effiċjenti sabiex inaqqsu l-konsum tagħhom tal-enerġija.

2.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

(a)

prodotti użati, sakemm ma jkunux ġew importati minn pajjiż terz;

(b)

mezzi tat-trasport għal persuni jew merkanzija.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“prodott relatat mal-enerġija” jew “prodott” tfisser kwalunkwe oġġett jew sistema b'impatt fuq il-konsum tal-enerġija waqt l-użu, li jitqiegħed fis-suq jew jitqiegħed fis-servizz, li jinkludi parts b'impatt fuq il-konsum tal-enerġija waqt l-użu li jitqiegħdu fis-suq jew jitqiegħdu fis-servizz għall-klijenti u li huma maħsuba li jiġu inkorporati fi prodotti;

(2)

“grupp ta' prodotti” tfisser grupp ta' prodotti li jkollhom l-istess funzjonalità ewlenija;

(3)

“sistema” tfisser taħlita ta' diversi oġġetti li meta jitqiegħdu flimkien iwettqu funzjoni speċifika f'ambjent mistenni u li l-effiċjenza enerġetika tagħhom tista' mbagħad tiġi ddeterminata bħala entità unika;

(4)

“mudell” tfisser verżjoni ta' prodott li l-unitajiet tiegħu kollha jkollhom l-istess karatteristiċi tekniċi rilevanti għat-tikketta u l-istess skeda informattiva dwar il-prodott, u li jkollhom ukoll l-istess identifikatur tal-mudell;

(5)

“identifikatur tal-mudell” tfisser il-kodiċi, ġeneralment alfanumeriku, li jiddistingwi mudell speċifiku ta' prodott minn mudelli oħrajn bl-istess trademark jew l-istess isem tal-fornitur;

(6)

“mudell ekwivalenti” tfisser mudell li jkollu l-istess karatteristiċi tekniċi rilevanti għat-tikketta u l-istess skeda informattiva dwar il-prodott, iżda li jitqiegħed fis-suq jew jitqiegħed fis-servizz mill-istess forniturbħala mudell ieħor b'identifikatur differenti tal-mudell;

(7)

“kummerċjalizzazzjoni” tfisser il-provvista ta' prodott għad-distribuzzjoni jew għall-użu fis-suq tal-Unjoni matul attività kummerċjali, sew jekk bi flus kif ukoll jekk mingħajr ħlas;

(8)

“tqegħid fis-suq” tfisser l-ewwel darba li l-prodott jitqiegħed fis-suq tal-Unjoni;

(9)

“tqegħid fis-servizz” tfisser l-ewwel użu ta' prodott fis-suq tal-Unjoni, għall-fini maħsub għalih;

(10)

“manifattur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li timmanifattura prodott jew li għandha prodott iddisinjat jew manifatturat, u tirreklama dak il-prodott taħt l-isem jew il-marka kummerċjali tagħha;

(11)

“rappreżentat awtorizzat” tfisser persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni li tkun irċeviet mandat bil-miktub mill-manifattur biex taġixxi f'isimha fir-rigward ta' kompiti speċifiċi;

(12)

“importatur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni li tqiegħed prodott minn pajjiż terz fis-suq tal-Unjoni;

(13)

“negozjant” tfisser bejjiegħ bl-imnut jew persuna fiżika jew ġuridika oħra li tbigħ, tikri, toffri għal bejgħ bin-nifs, jew tqiegħed għall-wiri prodotti għal klijenti jew installaturi matul attività kummerċjali, sew jekk bi ħlas u sew jekk le;

(14)

“fornitur” tfisser manifattur stabbilit fl-Unjoni, ir-rappreżentant awtorizzat ta' manifattur li mhuwiex stabbilit fl-Unjoni, jew importatur, li jqiegħed prodott fis-suq tal-Unjoni;

(15)

“bejgħ mill-bogħod” tfisser il-bejgħ, kiri, jew bejgħ bin-nifs bil-posta, minn katalgu, bl-Internet, bit-telebejgħ jew bi kwalunkwe metodu ieħor li permezz tiegħu ma jkunx mistenni li l-klijent potenzjali jkun jista' jara l-prodott espost;

(16)

“klijent” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tixtri, tikri jew tirċievi prodott għall-użu personali tagħha kemm jekk tkun qed taġixxi b'finijiet marbutin mas-sengħa, in-negozju, l-artiġjanat jew il-professjoni tagħha kif ukoll jekk le;

(17)

“effiċjenza enerġetika” tfisser il-proporzjon ta' output tal-prestazzjoni, servizz, prodotti jew enerġija, mal-input ta' enerġija;

(18)

“standard armonizzat” tfisser standard kif definit fil-punt (c) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11);

(19)

“tikketta” tfisser dijagramma grafika, f'forma stampata jew elettronika, li tinkludi skala magħluqa li tuża biss l-ittri minn A sa G, fejn kull ittra tirrappreżenta klassi u kull klassi tikkorrispondi għall-iffrankar tal-enerġija, f'seba' kuluri differenti li jvarjaw bejn aħdar skur u aħmar, sabiex il-klijenti jiġu infurmati dwar l-effiċjenza enerġetika u l-konsum tal-enerġija; din tinkludi t-tikketti riklassifikati u tikketti b'inqas klassijiet u kuluri f'konformità mal-Artikolu 11(10) u (11);

(20)

“riklassifikazzjoni” tfisser eżerċizzju biex isiru aktar stretti r-rekwiżiti għall-kisba tal-klassi tal-effiċjenza enerġetika fuq tikketta għal grupp ta' prodotti partikolari;

(21)

“tikketta riklassifikata” tfisser tikketta għal grupp ta' prodotti partikolari li tkun ġiet soġġetta għal riklassifikazzjoni, u li tkun tingħaraf minn tikketti li jkunu għadhom ma ġewx riklassifikati, filwaqt li tiġi ppreservata l-koerenza viżiva u perċettibbli tat-tikketti kollha;

(22)

“Skeda informattiva dwar il-prodott” tfisser tabella standard b'informazzjoni relatata ma' prodott, f'forma stampata jew elettronika;

(23)

“dokumentazzjoni teknika” tfisser dokumentazzjoni suffiċjenti biex l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq ikunu jistgħu jivvalutaw il-preċiżjoni tat-tikketta u tal-iskeda informattiva dwar il-prodott b'rabta ma' prodott, inkluż ir-rapporti tat-testijiet jew evidenza teknika simili;

(24)

“informazzjoni supplimentari” tfisser informazzjoni, kif speċifikata f'att delegat, dwar il-prestazzjoni funzjonali u ambjentali ta' prodott;

(25)

“bażi tad-data tal-prodotti” tfisser ġabra ta' data li tikkonċerna prodotti, li tkun irranġata b'mod sistematiku u li tikkonsisti minn parti pubblika orjentata lejn il-konsumaturi, fejn l-informazzjoni rigward il-parametri tal-prodotti individwali tkun aċċessibbli b'mezzi elettroniċi, portal online għall-aċċessibbiltà u parti dwar il-konformità, b'rekwiżiti ta' aċċessibbiltà u ta' sigurtà speċifikati b'mod ċar;

(26)

“tolleranza tal-verifika” tfisser id-devjazzjoni massima permissibbli tar-riżultati tal-kejl u l-kalkolu tat-testijiet ta' verifika mwettqa minn, jew f'isem, l-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq, meta mqabbla mal-valuri tal-parametri ddikjarati jew ippubblikati, li tirrifletti d-devjazzjoni li tirriżulta minn varjazzjoni interlaboratorja.

Artikolu 3

Obbligi ġenerali tal-fornituri

1.   Il-fornitur għandu jiżgura li l-prodotti li jitqiegħdu fis-suq jiġu akkumpanjati, għal kull unità individwali, mingħajr ħlas, b'tikketti stampati preċiżi u bi skedi informattivi dwar il-prodott f'konformità ma' dan ir-Regolament u mal-atti delegati rilevanti.

Bħala alternattiva għall-forniment mal-prodott tal-iskeda informattiva dwar il-prodott ikunu ddaħħlu fil-bażi tad-data tal-prodotti, l-atti delegati msemmija fil-punt (h) tal-Artikolu 16(3) jistgħu jipprevedu li jkun biżżejjed li l-fornitur idaħħal il-parametri ta' din l-iskeda informattiva dwar il-prodott fil-bażi tad-data tal-prodotti. F'dan il-każ, il-fornitur għandu jipprovdi l-iskeda informattiva dwar il-prodott f'forma stampata lin-negozjant, fuq talba.

L-atti delegati jistgħu jipprevedu li t-tikketta tiġi stampata fuq l-imballaġġ tal-prodott.

2.   Il-fornitur għandu jqassam it-tikketti stampati, inkluż it-tikketti riklassifikati f'konformità mal-Artikolu 11(13), u l-iskedi informattivi dwar il-prodott, lin-negozjant, mingħajr ħlas, minnufih u f'kwalunkwe każ fi żmien ħamest ijiem ta' ħidma fuq talba min-negozjant.

3.   Il-fornitur għandu jiżgura li t-tikketti u l-iskedi informattivi dwar il-prodott li jipprovdi jkunu preċiżi, u għandu jipproduċi dokumentazzjoni teknika suffiċjenti biex tkun tista' tiġi vvalutata l-preċiżjoni.

4.   Ladarba unità ta' mudell tkun fis-servizz, il-fornitur għandu jitlob il-kunsens espliċitu tal-klijent rigward kwalunkwe bidla maħsuba li tiġi introdotta lill-unità permezz ta' aġġornamenti li jistgħu jkunu ta' detriment għall-parametri tat-tikketta dwar l-effiċjenza enerġetika għal dik l-unità, kif stabbilit ma fl-att delegat rilevanti. Il-fornitur għandu jgħarraf lill-klijent dwar l-objettiv tal-aġġornament u tal-bidliet fil-parametri, inkluż dwar kwalunkwe bidla fil-klassi tat-tikketta. Għal perijodu proporzjonat skont il-medja tat-tul tal-ħajja tal-prodott, il-fornitur għandu jagħti l-għażla lill-klijent li jirrifjuta l-aġġornament mingħajr telf ta' funzjonalità li seta' jiġi evitat.

5.   Il-fornitur ma għandux iqiegħed fis-suq prodotti li ġew iddisinjati b'tali mod li l-prestazzjoni ta' mudell tinbidel awtomatikament f'kondizzjonijiet ta' ttestjar bl-objettiv li jintlaħaq livell aktar favorevoli għal kwalunkwe wieħed mill-parametri speċifikati fl-att delegat rilevanti jew inkluż fi kwalunkwe dokument ipprovdut mal-prodott.

Artikolu 4

Obbligi ta' fornituri fir-rigward tal-bażi tad-data tal-prodotti

1.   Mill-1 ta' Jannar 2019, il-fornitur għandu, qabel ma jqiegħdu fis-suq unità ta' mudell ġdid kopert b'att delegat, idaħħal fil-parti pubblika u fil-parti li tirrigwarda l-konformità tal-bażi tad-data tal-prodotti l-informazzjoni għal dak il-mudell, kif stipulat fl-Anness I.

2.   Meta l-unitajiet ta' mudelli koperti b'att delegat jitqiegħdu fis-suq bejn l-1 ta' Awwissu 2017 u l-1 ta' Jannar 2019, il-fornitur għandu, sat-30 ta' Ġunju 2019, idaħħal fil-bażi tad-data tal-prodotti l-informazzjoni stipulata fl-Anness I fir-rigward ta' dawk il-mudelli.

Sakemm id-data tiddaħħal fil-bażi tad-data tal-prodotti, il-fornitur għandu jagħmel disponibbli verżjoni elettronika tad-dokumentazzjoni teknika għal spezzjoni, fi żmien 10 ijiem minn meta jirċievi talba mingħand l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq jew il-Kummissjoni.

3.   Il-fornitur jista' idaħħal fil-bażi tad-data tal-prodotti, l-informazzjoni għall-mudelli, kif stipulat fl-Anness I, li l-unitajiet tagħhom kienu tqiegħdu esklużivament fis-suq qabel l-1 ta' Awwissu 2017.

4.   Prodott li ssirlu kwalunkwe bidla li tkun rilevanti għat-tikketta jew l-iskeda informattiva dwar il-prodott għandu jitqies bħala mudell ġdid. Il-fornituri għandhom jindikaw fil-bażi tad-data meta ma jibqgħux iqiegħdu fis-suq l-unitajiet ta' mudell.

5.   L-obbligi msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu ma għandhomx japplikaw għall-imballaġġ tal-ħiters kif imsemmi fir-Regolamenti Delegati tal-Kummissjoni (UE) Nru 811/2013 (12), (UE) Nru 812/2013 (13) u (UE) 2015/1187 (14), fejn il-provvista ta' tikketti għal dak l-imballaġġ taqa' esklużivament taħt ir-responsabbiltà tan-negozjant.

6.   Wara li l-aħħar unità ta' mudell tkun tqiegħdet fis-suq, il-fornitur għandu jżomm l-informazzjoni dwar dak il-mudell fil-bażi tad-data fil-parti dwar il-konformità tal-bażi tad-data tal-prodott għal perijodu ta' 15-il sena. Fejn adatt b'rabta mal-medja tat-tul tal-ħajja tal-prodott, jista' jiġi previst perijodu iqsar ta' żamma tad-data skont il-punt (q) tal-Artikolu 16(3). L-informazzjoni fil-parti pubblika tal-bażi tad-data m'għandhiex titħassar.

Artikolu 5

Obbligi tan-negozjanti

1.   In-negozjant għandu:

(a)

jesponu, b'mod viżibbli, inkluż f'każ ta' bejgħ mill-bogħod online, it-tikketta pprovduta mill-fornitur jew li tkun saret disponibbli f'konformità mal-paragrafu 2 għall-unitajiet ta' mudell kopert bl-att delegat rilevanti; u

(b)

iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-klijenti l-iskeda informattiva dwar il-prodott, fuq talba, inkluż f'forma fiżika fil-post tal-bejgħ;

2.   Meta, minkejja l-Artikolu 3(1), in-negozjant ma jkollux tikketta, huwa għandu jitlobha mingħand il-fornitur f'konformità mal-Artikolu 3(2).

3.   Meta, minkejja l-Artikolu 3(1), in-negozjant ma jkollux skeda informattiva dwar il-prodott, huwa għandujitlobha mingħand il-fornitur f'konformità mal-Artikolu 3(2); jew, jekk jagħżel li jagħmel dan, jistampaha jew iniżżilha biex jesponiha f'forma elettronika mill-bażi tad-data tal-prodotti, jekk dawk il-funzjonijiet ikunu disponibbli għall-prodott rilevanti.

Artikolu 6

Obbligi oħrajn tal-fornituri u n-negozjanti

Il-fornitur u n-negozjant:

(a)

għandhom jagħmlu referenza għall-klassi tal-effiċjenza enerġetika tal-prodott u l-firxa tal-klassijiet tal-effiċjenza enerġetika disponibbli fuq it-tikketta f'reklami viżivi jew materjal promozzjonali tekniku għal mudell speċifiku f'konformità mal-att delegat rilevanti;

(b)

għandhom jikkooperaw mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u jieħdu azzjoni immedjata biex jirrimedjaw kwalunkwe każ ta' nonkonformità mar-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament u l-atti delegati rilevanti, li jaqa' taħt ir-responsabbiltà tagħhom, fuq inizjattiva tagħhom stess jew meta jintalbu biex jagħmlu dan mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq;

(c)

għal prodotti koperti b'atti delegati, m'għandhomx jipprovdu jew jesponu tikketti, marki, simboli jew skrizzjonijiet oħrajn li mhumiex konformi mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament u l-atti delegati rilevanti, jekk meta jagħmlu dan aktarx ikunu qed iqarrqu jew iħawwdu lill-klijenti fir-rigward tal-konsum tal-enerġija jew riżorsi oħrajn użati waqt l-użu;

(d)

għall-prodotti li mhumiex koperti b'atti delegati, m'għandhomx jipprovdu jew juru tikketti li jixbħu t-tikketti previsti f'dan ir-Regolament u l-atti delegati rilevanti;.

(e)

għal prodotti mhux relatati mal-enerġija, m'għandhomx jipprovdu jew juru tikketti li jixbħu t-tikketti previsti f'dan ir-Regolament jew f'atti delegati.

Il-punt (d) fl-ewwel subparagrafu m'għandux jaffettwa t-tikketti previsti fil-liġi nazzjonali, sakemm dawk it-tiketti ma jkunux previsti f'atti delegati adottati.

Artikolu 7

Obbligi tal-Istati Membri

1.   L-Istati Membri m'għandhomx jimpedixxu t-tqegħid fis-suq jew it-tqegħid fis-servizz, fit-territorji tagħhom, ta' prodotti li huma konformi ma' dan ir-Regolament u l-atti delegati rilevanti.

2.   Meta l-Istati Membri jipprovdu inċentivi għal prodott speċifikat f'att delegat, dawk l-inċentivi għandhom iżommu fil-mira l-ogħla żewġ klassijiet ta' effiċjenza enerġetika popolati b'mod sinifikanti, jew klassijiet ogħla kif stabbilit f'dak l-att delegat.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-introduzzjoni tat-tikketti u r-riklassifikazzjoni tat-tikketti ssir flimkien ma' kampanji ta' informazzjoni edukattivi u promozzjonali dwar it-tikkettar tal-enerġija, jekk xieraq f'kooperazzjoni mal-fornituri u n-negozjanti. Il-Kummissjoni għandha tappoġġa l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki fir-rigward ta' dawk il-kampanji, inkluż permezz tar-rakkomandazzjoni tal-messaġġi ewlenin komuni.

4.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni u l-mekkaniżmi ta' infurzar applikabbli għal ksur ta' dan ir-Regolament u l-atti delegati, u għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Ir-regoli li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2010/30/UE għandhom jitqiesu li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' dan il-paragrafu fir-rigward tal-pieni.

L-Istati Membri għandhom sal-1 ta' Awwissu 2017, jinnotifikaw lill-Kummissjoni bir-regoli msemmija fl-ewwel subparagrafu li ma kinux notifikati qabel lill-Kummissjoni, għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, mingħajr dewmien, bi kwalunkwe emenda suċċessiva li taffettwahom.

Artikolu 8

Sorveljanza tas-suq tal-Unjoni u kontroll tal-prodotti li jidħlu fis-suq tal-Unjoni

1.   L-Artikoli 16 sa 29 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 għandhom japplikaw għal prodotti koperti b'dan ir-Regolament u bl-atti delegati rilevanti.

2.   Il-Kummissjoni għandha tinkoraġġixxi u tappoġġa l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni dwar is-sorveljanza tas-suq relatata mat-tikkettar tal-enerġija ta' prodotti bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri li jkunu responsabbli mis-sorveljanza tas-suq jew inkarigati mill-kontroll tal-prodotti li jidħlu fis-suq tal-Unjoni u bejniethom u l-Kummissjoni, fost l-oħrajn b'involviment aktar mill-qrib l-AdCos dwar l-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija.

Tali skambji ta' informazzjoni għandhom isiru wkoll meta r-riżultati tat-testijiet jindikaw li l-prodott huwa konformi ma' dan ir-Regolament u l-atti delegati rilevanti.

3.   Il-programmi ġenerali tas-sorveljanza tas-suq jew il-programmi speċifiċi għas-settur tal-Istati Membri stabbiliti skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 għandhom jinkludu azzjonijiet biex jiġi żgurat l-infurzar effettiv ta' dan ir-Regolament.

4.   Il-Kummissjoni għandha, f'kooperazzjoni mal-AdCos dwar l-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija, tfassal linji gwida għall-infurzar ta' dan ir-Regolament, b'mod partikolari fir-rigward tal-aħjar prattiki għall-ittestjar ta' prodotti u l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tas-sorveljanza tas-suq u l-Kummissjoni.

5.   L-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq għandu jkollhom id-dritt li jirkupraw mill-fornituri l-ispejjeż tal-ispezzjoni tad-dokumenti u l-ittestjar fiżiku fuq il-prodotti fil-każ ta' nonkonformità ma' dan ir-Regolament jew l-atti delegati rilevanti.

Artikolu 9

Proċedura fil-livell nazzjonali għat-trattament ta' prodotti li jippreżentaw riskju

1.   Meta l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq ta' Stat Membru wieħed ikollhom raġuni suffiċjenti biex jemmnu li prodott kopert b' dan ir-Regolament ikun ta' riskju għall-aspetti tal-ħarsien tal-interess pubbliku koperti b'dan ir-Regolament, bħal aspetti tal-protezzjoni ambjentali u tal-konsumatur, huma għandhom jagħmlu evalwazzjoni relatata mal-prodott ikkonċernat li tkun tkopri r-rekwiżiti kollha tat-tikkettar tal-enerġija rilevanti għar-riskju u stipulati f'dan ir-Regolament jew fl-att delegat rilevanti. Il-fornituri u n-negozjanti għandhom jikkooperaw kif meħtieġ mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq għall-fini ta' dik l-evalwazzjoni.

2.   Meta, matul l-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq isibu li l-prodott ma jikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament jew fl-att delegat rilevanti, huma għandhom mingħajr dewmien jitolbu lill-fornitur, jew fejn xieraq, lin-negozjant, biex jieħu l-azzjonijiet korrettivi adatti kollha biex il-prodott isir konformi ma' dawk ir-rekwiżiti, fejn xieraq jirtiraw il-prodott mis-suq, jew, fejn xieraq, jsejħuh lura f'perijodu raġonevoli ta' żmien, li jikkorrispondi man-natura tar-riskju kif jista' jkun preskritt minnhom.

L-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 għandu japplika għall-miżuri msemmija f'dan il-paragrafu.

3.   Meta l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq jikkunsidraw li każ ta' nonkonformità kif imsemmi fil-paragrafu 2 mhux ristrett għat-territorju nazzjonali tagħhom, huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn bir-riżultati tal-evalwazzjoni u bl-azzjoni li huma jkunu talbu lill-fornitur jew lin-negozjant biex jieħu.

4.   Il-fornitur jew, fejn xieraq, in-negozjant għandu jiżgura li tittieħdet kull azzjoni korrettiva jew restrittiva adatta f'konformità mal-paragrafu 2 fir-rigward tal-prodotti kkonċernati kollha li huwa jkun qiegħed għad-dispożizzjoni fis-suq madwar l-Unjoni.

5.   Meta l-fornitur jew, fejn xieraq, in-negozjant ma jiħux l-azzjoni korrettiva adegwata fil-perijodu msemmi fil-paragrafu 2, l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq għandhom jieħdu l-miżuri proviżorji adatti kollha biex jipprojbixxu jew jirrestrinġu d-disponibbiltà tal-prodott fis-suq nazzjonali tagħhom, jirtiraw il-prodott minn dak is-suq jew isejħuh lura.

6.   L-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn mingħajr dewmien b'il-miżuri meħuda skont il-paragrafu 5. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi d-dettalji kollha disponibbli, b' mod partikolari:

(a)

id-data neċessarja għall-identifikazzjoni tal-prodott nonkonformi;

(b)

l-oriġini tal-prodott;

(c)

in-natura tan-nonkonformità allegata u r-riskju involut;

(d)

in-natura u d-durata tal-miżuri nazzjonali li jkunu ttieħdu u l-argumenti mressqa mill-fornitur, jew, fejn xieraq, in-negozjant.

B'mod partikolari, l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq għandhom jindikaw jekk in-nonkonformità hix ġejja min-nuqqas tal-prodott li jilħaq ir-rekwiżiti relatati mal-aspetti tal-ħarsien tal-interess pubbliku stabbiliti f'dan ir-Regolament jew minħabba nuqqasijiet fl-istandards armonizzati msemmija fl-Artikolu 13 li jagħtu preżunzjoni ta' konformità.

7.   L-Istati Membri għajr l-Istat Membru li jibda l-proċedura għandhom mingħajr dewmien jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn bi kwalunkwe miżura adottata u bi kwalunkwe informazzjoni addizzjonali għad-dispożizzjoni tagħhom relatata man-nonkonformità tal-prodott ikkonċernat, u, f'każ li jkun hemm nuqqas ta' qbil mal-miżura nazzjonali notifikata, tal-oġġezzjonijiet tagħhom.

8.   Meta, fi żmien 60 jum mill-wasla tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 6, ma tkun saret ebda oġġezzjoni minn Stat Membru jew mill-Kummissjoni dwar miżura proviżorja meħuda minn Stat Membru, dik il-miżura għandha titqies bħala ġustifikata.

9.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu miżuri restrittivi xierqa, bħall-irtirar tal-prodott mis-suq tagħhom, fir-rigward tal-prodott ikkonċernat, mingħajr dewmien.

Artikolu 10

Proċedura ta' salvagwardja tal-Unjoni

1.   Meta, kif titlesta l-proċedura stabbilita fl-Artikoli 9(4) u (5), jitqajmu oġġezzjonijiet kontra miżura meħuda minn Stat Membru, jew meta l-Kummissjoni tikkunsidra li miżura nazzjonali tmur kontra l-liġi tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien, tikkonsulta lill-Istati Membri u lill-fornitur jew, fejn xieraq, lin-negozjant, u għandha tevalwa l-miżura nazzjonali.

Abbażi tar-riżultati ta' dik l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi permezz ta' att ta' implimentazzjoni dwar jekk il-miżura nazzjonali hix ġustifikata jew le u tista' tissuġġerixxi miżura alternattiva adatta. Dak l-att ta' implimentazzjoni għandu jiġi adottat skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 18(2).

2.   Il-Kummissjoni għandha tindirizza d-deċiżjoni tagħha lill-Istati Membri kollha u għandha immedjatament tikkomunikaha lilhom u lill-fornitur jew lin-negozjant ikkonċernat.

3.   Jekk il-miżura nazzjonali titqies bħala ġustifikata, l-Istati Membri kollha għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-prodott nonkonformi jiġi irtirat mis-suq tagħhom, u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni kif adatt. Jekk il-miżura nazzjonali titqies bħala mhux ġustifikata, l-Istat Membru kkonċernat għandu jirtira l-miżura.

4.   Meta l-miżura nazzjonali titqies bħala ġustifikata u n-nonkonformità tal-prodott tkun attribwita għan-nuqqasijiet fl-istandards armonizzati msemmija fl-Artikolu 9(6) ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tapplika l-proċedura prevista fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012.

5.   Il-miżuri korrettivi jew restrittivi skont l-Artikolu 9(2), (4), (5) jew (9), jew l-Artikolu 10(3) għandhom jiġu estiżi għall-unitajiet kollha ta' mudell nonkonformi u l-mudelli ekwivalenti tiegħu, ħlief dawk l-unitajiet li għalihom il-fornitur juri li huma konformi.

Artikolu 11

Proċedura għall-introduzzjoni u r-riklassifikazzjoni tat-tikketti

1.   Fir-rigward tal-gruppi ta' prodotti msemmija fil-paragrafi 4 u 5, il-Kummissjoni għandha tirriklassifika t-tikketti li kienu fis-seħħ fl-1 ta' Awwissu 2017 soġġett għall-paragrafi 4 u 5 u l-paragrafi 8 sa 12.

B'deroga mir-rekwiżit li jinkiseb iffrankar sinifikanti tal-enerġija u tal-ispejjeż stabbilit fil-punt (b) tal-Artikolu 16(3), fejn ir-riklassifikazzjoni ma tistax tikseb tali ffrankar, hija għandha tiżgura tal-inqas skala omoġena A sa G.

2.   Fejn ma teżistix tikketta għal grupp ta' prodotti fl-1 ta' Awwissu 2017, il-Kummissjoni tista', soġġett għall-paragrafi 8 sa 12, tintroduċi tikketti.

3.   Il-Kummissjoni tista' terġa' tirriklassifika t-tikketti li ġew riklassifikati f'konformità mal-paragrafu 1 jew introdotti f'konformità mal-paragrafu 2 fejn ikunu ntlaħqu l-kondizzjonijiet taħt il-punti (a) jew (b) tal-paragrafu 6, u soġġett għall-paragrafi 8 sa 12.

4.   Sabiex tiġi żgurata skala omoġena A sa G, il-Kummissjoni għandha tadotta, sat-2 ta' Awwissu 2023, atti delegati skont l-Artikolu 16 ta' dan ir-Regolament sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tintroduċi tikketti riklassifikati A sa G għal gruppi ta' prodotti koperti bl-atti delegati adottati skont id-Direttiva 2010/30/UE, bil-għan li t-tikketta riklassifikata tintwera kemm fil-ħwienet kif ukoll online, 18-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-atti delegati adottati skont dan ir-Regolament.

Meta tiddetermina l-ordni tal-gruppi ta' prodotti li għandhom jiġu riklassifikati, il-Kummissjoni għandha tqis il-proporzjon ta' prodotti fl-ogħla klassijiet.

5.   B'deroga mill-paragrafu 4, il-Kummissjoni għandha:

(a)

tippreżenta analiżi għall-gruppi ta' prodotti koperti mir-Regolamenti ta' Delega (UE) Nru 811/2013, (UE) Nru 812/2013 u (UE) 2015/1187 sat-2 ta' Awwissu 2025 bil-ħsieb li tirriklassifikahom, u, fejn xieraq, għandha, sat-2 ta' Awwissu 2026, tadotta atti delegati skont l-Artikolu 16 ta' dan ir-Regolament sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tintroduċi tikketti riklassifikati A sa G.

Fi kwalunkwe każ, l-atti delegati li jintroduċu tikketti riklassifikati A sa G għandhom jiġu adottati sa mhux aktar tard mit-2 ta' Awwissu 2030.

(b)

tadotta, sat-2 ta' Novembru 2018, atti delegati skont l-Artikolu 16 ta' dan ir-Regolament sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tintroduċi tikketti riklassifikati A sa G għall-gruppi ta' prodotti koperti mir-Regolamenti Delegati tal-Kummissjoni (UE) Nru 1059/2010 (15), (UE) Nru 1060/2010 (16), (UE) Nru 1061/2010 (17), (UE) Nru 1062/2010 (18) u (UE) Nru 874/2012 (19) u d-Direttiva 96/60/KE, bil-għan li t-tikketta riklassifikata tkun esposta kemm fil-ħwienet kif ukoll online, 12-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom.

6.   Fir-rigward tal-prodotti li għalihom il-Kummissjoni tista' terġa' tirriklassifika t-tikketti f'konformità mal-paragrafu 3, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina t-tikketta bil-ħsieb li tirriklassifikaha jekk tqis li:

(a)

30 % tal-unitajiet tal-mudelli li jappartjenu għal grupp ta' prodotti li jinbiegħ fis-suq tal-Unjoni jaqgħu taħt l-ogħla klassi tal-effiċjenza enerġetika A u jista' jkun mistenni aktar żvilupp teknoloġiku; jew

(b)

50 % tal-unitajiet tal-mudelli li jappartjenu għal grupp ta' prodotti li jinbiegħ fis-suq tal-Unjoni jaqgħu taħt l-ogħla żewġ klassijiet tal-effiċjenza enerġetika A u B u jista' jkun mistenni aktar żvilupp teknoloġiku.

7.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel studju analitiku jekk tkun qieset li ntlaħqu l-kondizzjonijiet tal-punt (a) jew (b)tal-paragrafu 6.

Jekk, għal grupp speċifiku ta' prodotti, dawk il-kondizzjonijiet ma jiġux sodisfatti fi żmien tmien snin wara d-dħul fis-seħħ tal-att delegat rilevanti, il-Kummissjoni għandha tidentifika liema ostakli, jekk ikun hemm, żammew it-tikketta lura milli taqdi r-rwol tagħha.

Fil-każ ta' tikketti ġodda hija għandha tagħmel studju preparatorju bbażat fuq il-lista indikattiva ta' gruppi ta' prodotti stabbiliti fil-pjan ta' ħidma.

Il-Kummissjoni għandha tiffinalizza l-istudju analitiku tagħha, tippreżenta r-riżultati u, fejn xieraq, abbozz ta' att delegat lill-Forum Konsultattiv fi żmien 36 xahar minn meta l-Kummissjoni tkun stmat li jkunu ġew sodisfatti l-kondizzjonijiet imsemmija fil-punt (a) jew (b) tal-paragrafu 6. Il-Forum Konsultattiv għandu jiddiskuti l-istima u l-istudju analitiku.

8.   Meta tikketta tiġi introdotta jew riklassifikata, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-ebda prodott ma jkun mistenni li jaqa' fil-klassi tal-effiċjenza enerġetika A fil-mument tal-introduzzjoni tat-tikketta u li ż-żmien meqjus li matulu l-maġġoranza tal-mudelli jaqgħu f'dik il-klassi ikun tal-anqas 10 snin wara.

9.   B'deroga mill-paragrafu 8, fejn it-teknoloġija tkun mistennija tiżviluppa aktar malajr, ir-rekwiżiti għandhom jiġu stabbiliti b'tali mod li l-ebda prodott ma jkun mistenni li jaqa' fil-klassijiet tal-effiċjenza enerġetika A u B fil-mument tal-introduzzjoni tat-tikketta.

10.   Fejn, f'każ ta' grupp ta' prodotti partikolari, ma jibqax permess li jitqiegħdu fis-suq jew li jitqiegħdu fis-servizz mudelli fil-klassi tal-effiċjenza enerġetika E, F jew G minħabba miżura ta' implimentazzjoni tal-Ekodisinn adottata skont id-Direttiva 2009/125/KE, il-klassi jew klassijiet inkwistjoni għandhom jintwerew bil-griż fuq it-tikketta kif speċifikat fl-att delegat rilevanti. It-tikketta bil-klassijiet griżi għandha tapplika biss għall-unitajiet ta' prodotti ġodda li jitqiegħdu fis-suq jew jitqiegħdu fis-servizz.

11.   Fejn, għal raġunijiet tekniċi, ikun impossibbli li jiġu definiti seba' klassijiet tal-effiċjenza enerġetika li jikkorrispondu għal iffrankar sinifikanti ta' enerġija u spejjeż mill-perspettiva tal-klijent, it-tikketta, permezz ta' deroga mill-punt 14 tal-Artikolu 2, jista' jkun fiha inqas klassijiet. F'każijiet bħal dawn, l-ispettru aħdar skur sal-aħmar tat-tikketta għandu jinżamm.

12.   Il-Kummissjoni għandha teżerċita s-setgħat u l-obbligi mogħtija lilha b'dan l-Artikolu f'konformità mal-Artikolu 16.

13.   Meta, skont il-paragrafu 1 jew 3, tiġi riklassifikata tikketta:

(a)

il-fornitur għandu, meta jqiegħed prodott fis-suq, jipprovdi kemm it-tikketti eżistenti kif ukoll dawk riklassifikati u l-iskedi informattivi dwar il-prodott lin-negozjant għal perijodu li jibda erba' xhur qabel id-data speċifikata fl-att delegat rilevanti biex tibda tintwera t-tikketta riklassifikata.

B'deroga mill-ewwel subparagrafu ta' dan il-punt, jekk it-tikketta eżistenti u dik riklassifikata jeħtieġu ttestjar differenti tal-mudell, il-fornitur jista' jagħżel li ma jfornix it-tikketta eżistenti mal-unitajiet tal-mudelli li tqiegħdu fis-suq jew li tqiegħdu fis-servizz matul il-perijodu ta' erba' xhur qabel id-data speċifikata fl-att delegat rilevanti biex tibda tiġi esposta t-tikketta riklassifikata, jekk l-ebda unità tal-istess mudell jew il-mudelli ekwivalenti ma tqiegħdet fis-suq jew tqiegħdet fis-servizz qabel il-bidu tal-perijodu ta' erba' xhur. F'dak il-każ, in-negozjant m'għandux joffri dawk l-unitajiet għall-bejgħ qabel dik id-data. Il-fornitur għandu jinnotifika lin-negozjant ikkonċernat b'din il-konsegwenza mill-aktar fis possibbli, inkluż meta jinkludi tali unitajiet fl-offerti tiegħu lin-negozjanti.

(b)

il-fornitur għandu, għall-prodotti li jitqiegħdu fis-suq jew li tqiegħdu fis-servizz qabel il-perijodu ta' erba' xhur, iqassam it-tikketta riklassifikata fuq talba min-negozjant f'konformità mal-Artikolu 3(2) mill-bidu ta' dak il-perijodu. Għal tali prodotti, in-negozjant għandu jikseb tikketta riklassifikata f'konformità mal-Artikolu 5(2).

B'deroga mill-ewwel subparagrafu ta' dan il-punt:

(i)

negozjant li ma jistax jikseb tikketta riklassifikata f'konformità mal-ewwel subparagrafu ta' dan il-punt għall-unitajiet li diġà jinsabu fl-istokk tagħhom, għaliex il-fornitur ikun waqqaf l-attivitajiet tiegħu, għandu jkun jista' jbiegħ dawk l-unitajiet esklużivament bit-tikketta mhux riklassifikata sa disa' xhur wara d-data speċifikata fl-att delegat rilevanti biex tibda tintwera t-tikketta riklassifikata; jew

(ii)

jekk it-tikketta mhux riklassifikata u dik riklassifikata jeħtieġu ttestjar differenti tal-mudell, il-fornitur huwa eżentat mill-obbligu li jforni tikketta riklassifikata għall-unitajiet li tqiegħdu fis-suq jew li tqiegħdu fis-servizz qabel il-perijodu ta' erba' xhur, jekk l-ebda unità tal-istess mudell jew mudelli ekwivalenti ma tqiegħdet fis-suq jew tqiegħdet fis-servizz wara l-bidu tal-perijodu ta' erba' xhur. F'dak il-każ, in-negozjant għandu jkun jista' jbiegħ dawk l-unitajiet esklużivament bit-tikketta mhux riklassifikata sa disa' xhur wara d-data speċifikata fl-att delegat rilevanti biex tibda tiġi esposta t-tikketta riklassifikata.

(c)

in-negozjant għandu jissostitwixxi t-tikketti eżistenti fuq il-prodotti esposti, kemm fil-ħwienet kif ukoll online, bit-tikketti riklassifikati fi żmien 14-il jum ta' ħidma wara d-data speċifikata fl-att delegat rilevanti biex tibda tiġi esposta t-tikketta riklassifikata. In-negozjant m'għandux jesponi t-tikketti riklassifikati qabel dik id-data.

B'deroga mill-punti (a), (b) u (c) ta' dan il-paragrafu, l-atti delegati msemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 16(3) jistgħu jipprevedu regoli speċifiċi għat-tikketti tal-enerġija stampati fuq l-imballaġġ.

Artikolu 12

Il-bażi tad-data tal-prodotti

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u żżomm bażi tad-data tal-prodotti li tikkonsisti minn parti pubblika, parti ta' konformità u portal online li jagħti aċċess għal dawk iż-żewġ partijiet.

Il-bażi tad-data tal-prodotti ma għandhiex tissostitwixxi u lanqas tibdel ir-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq.

2.   Il-bażi tad-data tal-prodotti għandu jkollha l-għanijiet li ġejjin:

(a)

li tappoġġa lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq fit-twettiq tal-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament u l-atti delegati rilevanti, inkluż l-infurzar tagħhom;

(b)

li tipprovdi lill-pubbliku b'informazzjoni dwar prodotti mqiegħda fis-suq u t-tikketti tal-enerġija tagħhom, u l-iskedi informattivi dwar il-prodott;

(c)

li tipprovdi informazzjoni aġġornata lill-Kummissjoni dwar l-effiċjenza enerġetika għal prodotti għall-analiżi tat-tikketti tal-effiċjenza enerġetika;

3.   Il-parti pubblika tal-bażi tad-data u l-portal online għandu jkun fihom l-informazzjoni stabbilita fil-punti 1 u 2 tal-Anness I rispettivament, li għandha tkun disponibbli għall-pubbliku. Il-parti pubblika tal-bażi tad-data għandha tissodisfa l-kriterji fil-paragrafu 7 ta' dan l-Artikolu, u l-kriterji funzjonali stabbiliti fil-punt 4 tal-Anness I.

4.   Il-parti tal-konformità tal-bażi tad-data tal-prodotti għandha tkun aċċessibbli biss għall-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq u lill-Kummissjoni u għandu jkun fiha l-informazzjoni stabbilita fil-punt 3 tal-Anness I, inkluż il-partijiet speċifiċi mid-dokumentazzjoni teknika kif imsemmi fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu. Il-parti tal-konformità għandha tissodisfa l-kriterji fil-paragrafi 7 u 8 ta' dan l-Artikolu, u l-kriterji funzjonali stabbiliti fil-punt 4 tal-Anness I.

5.   Il-partijiet speċifiċi obbligatorji tad-dokumentazzjoni teknika li l-fornitur għandu idaħħal fil-bażi tad-data għandhom ikopru biss:

(a)

deskrizzjoni ġenerali tal-mudell, li tkun biżżejjed biex jiġi identifikat b'mod inekwivoku u faċli;

(b)

referenzi għall-istandards armonizzati applikati jew standards ta' kejl oħrajn li jintużaw;

(c)

il-prekawzjonijiet speċifiċi li għandhom jittieħdu meta l-mudell jiġi armat, installat, issirlu manutenzjoni jew jiġi ttestjat;

(d)

il-parametri tekniċi mkejla tal-mudell;

(e)

il-kalkoli li saru bil-parametri mkejla;

(f)

kondizzjonijiet ta' ttestjar jekk ma jkunux deskritti biżżejjed fil-punt (b).

Barra minn hekk, il-fornitur jista' jtella' fil-bażi tad-data partijiet addizzjonali tad-dokumentazzjoni teknika fuq bażi volontarja.

6.   Meta data minbarra dik speċifikata fil-paragrafu 5 jew li ma tkunx disponibbli fil-parti pubblika tal-bażi tad-data ssir neċessarja biex l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u/jew il-Kummissjoni jwettqu l-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament, huma għandhom ikunu jistgħu jiksbuha mill-fornitur fuq talba.

7.   Il-bażi tad-data tal-prodotti għandha tiġi stabbilita f'konformità mal-kriterji li ġejjin:

(a)

it-tnaqqis kemm jista' jkun tal-piż amministrattiv għall-fornitur u utenti l-oħra tal-bażi tad-data;

(b)

il-faċilità tal-użu u l-kosteffettività; u

(c)

l-evitar awtomatiku tar-reġistrazzjoni doppja.

8.   Il-parti tal-konformità tal-bażi tad-data għandha tiġi stabbilita f'konformità mal-kriterji li ġejjin:

(a)

il-protezzjoni mill-użu mhux maħsub u s-salvagwardja tal-informazzjoni kunfidenzjali permezz ta' arranġamenti stretti ta' sigurtà;

(b)

id-drittijiet ta' aċċess abbażi tal-prinċipju tal-ħtieġa ta' tagħrif;

(c)

l-ipproċessar tad-data personali f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Direttiva 95/46/KE, kif applikabbli;

(d)

il-limitazzjoni tal-ambitu tal-aċċess għad-data biex jiġi evitat li jiġu kkupjati settijiet akbar ta' data;

(e)

it-traċċabbiltà tal-aċċess għad-data għall-fornitur fir-rigward tad-dokumentazzjoni teknika tagħha.

9.   Id-data fil-parti tal-konformità tal-bażi tad-data għandha tiġi ttrattata f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 (20). B'mod partikolari, għandhom japplikaw l-arranġamenti speċifiċi tas-sigurtà ċibernetika tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2017/46 (21) u r-regoli ta' implimentazzjoni tagħha. Il-livell ta' kunfidenzjalità għandu jirrifletti d-dannu konsegwenzjali li jirriżulta mill-iżvelar tad-data lil persuni mhux awtorizzati.

10.   Il-fornitur għandu jkollu aċċess u drittijiet ta' editjar għall-informazzjoni li jkun daħħal fil-bażi tad-data tal-prodotti skont l-Artikolu 4(1) u (2). Għandu jinżamm rekord tal-bidliet għall-finijiet tas-sorveljanza tas-suq, u jinżammu d-dati ta' kwalunkwe editjar.

11.   Il-klijenti li jużaw il-parti pubblika tal-bażi tad-data tal-prodotti għandhom ikunu jistgħu jidentifikaw faċilment l-aqwa klassi tal-effiċjenza enerġetika popolata għal kull grupp ta' prodotti, li jippermettilhom iqabblu l-karatteristiċi tal-mudell u jagħżlu l-aktar prodotti effiċjenti fl-użu tal-enerġija.

12.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tispeċifika, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, id-dettalji operazzjonali tal-bażi tad-data tal-prodotti. Wara konsultazzjoni mal-Forum Konsultattiv previst fl-Artikolu 14, dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 18(2).

Artikolu 13

Standards armonizzati

1.   Wara l-adozzjoni ta' att delegat skont l-Artikolu 16 ta' dan ir-Regolament li jistabbilixxi rekwiżiti speċifiċi għat-tikkettar il-Kummissjoni għandha, f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, tippubblika referenzi għall-istandards armonizzati li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' kejl u ta' kalkolu rilevanti tal-att delegat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Meta jiġu applikati dawn l-istandards armonizzati waqt il-valutazzjoni tal-konformità ta' prodott, il-mudell għandu jkun preżunt konformi mar-rekwiżiti ta' kejl u ta' kalkolu rilevanti tal-att delegat.

3.   L-istandards armonizzati għandu jkollhom l-għan li jissimulaw l-użu reali kemm jista' jkun filwaqt li jinżamm metodu standard ta' ttestjar. Il-metodi ta' ttestjar għandhom barra minn hekk jieħdu kont tal-ispejjeż assoċjati għall-industrija u l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs).

4.   Il-metodi ta' kejl u ta' kalkolu inklużi fl-istandards armonizzati għandhom ikunu affidabbli, preċiżi u riproduċibbli, u allinjati mar-rekwiżiti tal-Artikolu 3(4) u (5).

Artikolu 14

Forum ta' Konsultazzjoni

(1)   Fit-twettiq tal-attivitajiet tagħha skont dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tiżgura fir-rigward ta' kull att delegat adottat skont l-Artikolu 16 u kull att ta' implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 12(12) ta' dan ir-Regolament, parteċipazzjoni bbilanċjata tar-rappreżentanti tal-Istati Membri u tal-partijiet interessati ikkonċernati mill-grupp tal-prodotti inkwistjoni, bħall-industrija, inkluż l-SMEs u l-industrija tal-artiġjanat, it-trade unions, in-negozjanti, il-bejjiegħa bl-imnut, l-importaturi, il-gruppi tal-ħarsien ambjentali u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi Forum Konsultattiv li fih għandhom jiltaqgħu dawn il-partijiet. Il-Forum Konsultattiv għandu jkun ikkombinat mal-Forum Konsultattiv imsemmi fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2009/125/KE.

(2)   Fejn xieraq, waqt li qed tħejji atti delegati, il-Kummissjoni għandha tittestja d-disinn u l-kontenut tat-tikketti għal gruppi speċifiċi ta' prodotti ma' gruppi rappreżentattivi tal-konsumaturi tal-Unjoni biex ikun żgurat li t-tikketti jifhmuhom b'mod ċar.

Artikolu 15

Pjan ta' ħidma

Il-Kummissjoni għandha, wara li tkun ikkonsultat mal-Forum Konsultattiv imsemmi fl-Artikolu 14, tistabbilixxi pjan ta' ħidma fit-tul li għandu jsir disponibbli għall-pubbliku. Il-pjan ta' ħidma għandu jistabbilixxi lista indikattiva ta' gruppi ta' prodotti li huma kkunsidrati bħala prijoritajiet għall-adozzjoni tal-atti delegati. Il-pjan ta' ħidma għandu wkoll jistabbilixxi pjanijiet għar-reviżjoni u r-riklassifikazzjoni tat-tikketti għall-gruppi ta' prodotti f'konformità mal-Artikolu 11(4) u (5), bl-eċċezzjoni tar-riklassifikazzjoni tat-tikketti li kienu fis-seħħ fl-1 ta' Awwissu 2017 li għalihom ir-riklassifikazzjoni hija prevista fl-Artikolu 11 ta' dan ir-Regolament.

Il-Kummissjoni għandha taġġorna perijodikament il-pjan ta' ħidma wara konsultazzjoni mal-Forum Konsultattiv. Il-pjan ta' ħidma jista' jiġi kkombinat mal-pjan ta' ħidma meħtieġ mill-Artikolu 16 tad-Direttiva 2009/125/KE u għandu jiġi rieżaminat kull tliet snin.

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill kull sena bil-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-pjan ta' ħidma.

Artikolu 16

Atti Delegati

1.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 17 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi rekwiżiti dettaljati relatati ma' tikketti għal gruppi speċifiċi ta' prodotti.

2.   L-atti delegati msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jispeċifikaw gruppi ta' prodotti li jissodisfaw il-kriterji li ġejjin:

(a)

skont l-aktar ċifri disponibbli reċenti u filwaqt li jiġu kkunsidrati l-kwantitajiet imqiegħda fis-suq tal-Unjoni, il-grupp tal-prodotti għandu jkollu potenzjal sinifikanti għall-iffrankar tal-enerġija u, meta rilevanti, ta' riżorsi oħra;

(b)

fil-grupp ta' prodotti, mudelli b'funzjonalità ekwivalenti għandhom ivarjaw b'mod sinifikanti fil-livelli ta' prestazzjoni rilevanti;

(c)

m'għandux ikun hemm impatt negattiv sinifikanti fir-rigward tal-affordabbiltà u l-ispiża taċ-ċiklu tal-ħajja tal-grupp ta' prodotti;

(d)

l-introduzzjoni ta' rekwiżiti tat-tikkettar tal-enerġija għal grupp ta' prodotti ma għandux ikollha impatt negattiv sinifikanti fuq il-funzjonalità tal-prodott waqt li jkun qed jintuża;

3.   L-atti delegati relatati ma' gruppi speċifiċi ta' prodotti għandhom jispeċifikaw, b'mod partikolari:

(a)

id-definizzjoni tal-grupp speċifiku tal-prodotti li jaqa' fid-definizzjoni ta' “prodott relatat mal-enerġija” stabbilita fil-punt 1 tal-Artikolu 2 li għandu jkun kopert mir-rekwiżiti dettaljati tat-tikkettar;

(b)

id-disinn u l-kontenut tat-tikketta, inkluż skala li turi l-konsum tal-enerġija li tikkonsisti minn A sa G, li kemm jista' jkun għandu jkollha karatteristiċi uniformi fid-disinn għall-gruppi kollha ta' prodotti u fil-każijiet kollha għandha tkun ċara u tinqara. L-istadji minn A sa G tal-klassifikazzjoni għandhom jikkorrispondu mal-iffrankar sinifikanti tal-enerġija u l-ispejjeż u d-differenzazzjoni xierqa tal-prodott mill-perspettiva tal-klijent. Huma għandhom jispeċifikaw ukoll kif l-istadji A-G tal-klassifikazzjoni, u fejn applikabbli l-konsum tal-enerġija, jintwerew f'pożizzjoni prominenti fuq it-tikketta;

(c)

fejn xieraq, l-użu ta' riżorsi oħra u informazzjoni supplimentari li tikkonċerna l-prodott, u f'dak il-każ it-tikketta għandha tenfasizza l-effiċjenza enerġetika tal-prodott. L-informazzjoni supplimentari għandha tkun mingħajr ambigwità u mingħajr impatt negattiv fuq l-intelliġibbiltà ċara u l-effikaċja tat-tikketta b'mod ġenerali għall-klijenti. Hija għandha tkun ibbażata fuq data dwar il-karatteristiċi fiżiċi tal-prodott li jistgħu jitkejlu u jiġu vverifikati mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq;

(d)

fejn xieraq, l-inklużjoni ta' referenza fit-tikketta li tippermetti lill-klijenti jidentifikaw prodotti li huma intelliġenti fl-użu tal-enerġija, jiġifieri, li kapaċi awtomatikament jibdlu u jottimizzaw it-tendenzi tal-konsum tagħhom b'reazzjoni għal stimoli esterni (bħal sinjali minn jew permezz ta' sistema ċentrali ta' ġestjoni tal-enerġija fid-dar, sinjali tal-prezzijiet, sinjali ta' kontroll dirett, kejl lokali) jew kapaċi li joffru servizzi oħra li jżidu l-effiċjenza enerġetika u l-użu ta' enerġija rinnovabbli, bil-għan li jitjieb l-impatt ambjentali tal-użu tal-enerġija fis-sistema tal-enerġija kollha;

(e)

il-postijiet fejn għandha tiġi esposta t-tikketta, bħal meta titwaħħal mal-unità tal-prodott fejn ma ssirilha l-ebda ħsara, stampata fuq l-imballaġġ, ipprovduta f'format elettroniku jew murija online, b'kont meħud tar-rekwiżiti tal-Artikolu 3(1), u tal-implikazzjonijiet għall-klijenti, il-fornituri u n-negozjanti;

(f)

fejn hu xieraq, jintuża mezz elettroniku għat-tikkettar tal-prodotti;

(g)

il-mod li bih it-tikketta u l-iskeda informattiva dwar il-prodott għandhom jiġu pprovduti f'każ ta' bejgħ mill-bogħod;

(h)

il-kontenuti meħtieġa u, fejn xieraq, il-format u dettalji oħra li jikkonċernaw l-iskeda informattiva dwar il-prodott u d-dokumentazzjoni teknika, inkluż il-possibbiltà li jiddaħħlu l-parametri tal-iskeda informattiva dwar il-prodott fil-bażi tad-data skont l-Artikolu 3(1);

(i)

it-tolleranzi tal-verifika li għandhom jintużaw mill-Istati Membri meta jivverifikaw il-konformità mar-rekwiżiti;

(j)

kif il-klassi tal-enerġija u l-firxa tal-klassijiet tal-effiċjenza disponibbli fuq it-tikketta għandhom jiġu nklużi fir-reklami viżivi u l-materjal promozzjonali tekniku, inkluż il-leġibbiltà u l-viżibbiltà;

(k)

il-metodi ta' kejl u ta' kalkolu msemmija fl-Artikolu 13, li għandhom jintużaw biex tiġi determinata l-informazzjoni tat-tikketta u tal-iskeda informattiva dwar il-prodott, inkluż id-definizzjoni tal-indiċi tal-effiċjenza enerġetika (EEI), jew parametru ekwivalenti;

(l)

jekk, għal apparati akbar, ikunx meħtieġ livell ogħla ta' effiċjenza enerġetika biex tintlaħaq klassi ta' effiċjenza enerġetika partikolari;

(m)

il-format ta' kwalunkwe referenza addizzjonali fuq it-tikketta li tippermetti lill-klijenti jaċċessaw b'mezzi elettroniċi informazzjoni aktar dettaljata dwar il-prestazzjoni tal-prodott inkluża fl-iskeda informattiva dwar il-prodott. Il-format ta' dawk ir-referenzi jistgħu jieħdu l-forma ta' indirizz ta' sit elettroniku, kodiċi dinamiku ta' rispons rapidu (kodiċi QR), link fuq tikketti online jew kwalunkwe mezz adatt ieħor orjentat lejn il-konsumatur;

(n)

fejn xieraq, kif għandhom jintwerew fuq l-iskrin interattiv tal-prodott il-klassijiet tal-effiċjenza enerġetika li jiddeskrivu l-konsum tal-enerġija tal-prodott waqt li qed jintuża;

(o)

id-data tal-evalwazzjoni u r-reviżjoni konsegwenti possibbli tal-att delegat;

(p)

fejn xieraq, id-differenzi fir-rendiment tal-enerġija f'diversi reġjuni klimatiċi;

(q)

fir-rigward tar-rekwiżit fl-Artikolu 4(6) li tinżamm informazzjoni fil-parti tal-konformità tal-bażi tad-data, perijodu ta' żamma li jkun inqas minn 15-il sena, fejn xieraq b'rabta mal-ħajja medja tal-prodott.

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat separat għal kull grupp speċifiku ta' prodotti. Meta l-Kummissjoni tiddeċiedi dwar meta għandu jiġi adottat l-att delegat għal grupp speċifiku ta' prodotti, hija m'għandhiex iddewwem l-adozzjoni tiegħu għal raġunijiet marbuta mal-adozzjoni ta' att delegat ieħor li jirrigwarda grupp speċifiku ieħor ta' prodotti, sakemm ċirkostanzi eċċezzjonali ma jitolbux mod ieħor.

5.   Il-Kummissjoni għandha żżomm inventarju aġġornat tal-atti delegati kollha rilevanti, kif ukoll tal-miżuri li jfasslu d-Direttiva 2009/125/KE, inkluż ir-referenzi kompluti għall-istandards armonizzati rilevanti kollha.

Artikolu 17

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 11(4) u (5) u l-Artikolu 16 hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta' sitt snin mill-1 ta' Awwissu 2017. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta' sitt snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu.

3.   Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 11(4) u (5) u l-Artikolu 16 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. M'għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma' tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. Il-konsultazzjoni tal-esperti tal-Istati Membri għandha ssir wara l-konsultazzjoni skont l-Artikolu 14.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 11(4) u (5) u l-Artikolu 16 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dan il-perijodu jista' jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 18

Proċedura tal-kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat stabbilit bl-Artikolu 19 tad-Direttiva 2009/125/KE. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 19

Evalwazzjoni u rapport

Sat-2 ta' Awwissu 2025, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dak ir-rapport għandu jivvaluta kemm dan ir-Regolament u l-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati skont dan ippermettew lill-konsumaturi jagħżlu prodotti aktar effiċjenti b'mod effettiv, b'kont meħud tal-impatti tiegħu fuq in-negozju, il-konsum tal-enerġija, l-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra, l-attivitajiet ta' sorveljanza tas-suq, u l-ispiża biex tiġi stabbilita u miżmuma l-bażi tad-data.

Artikolu 20

Tħassir u miżuri transizzjonali

1.   Id-Direttiva 2010/30/UE hija mħassra b'effett mill-1 ta' Awwissu 2017.

2.   Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni stabbilita fl-Anness II.

3.   Għall-mudelli li unitajiet tagħhom tqiegħdu fis-suq jew tqiegħdu fis-servizz f'konformità mad-Direttiva 2010/30/UE qabel l-1 ta' Awwissu 2017, il-fornitur għandu, għal perijodu li jintemm ħames snin wara li l-aħħar unità tkun ġiet manifatturata, jagħmel verżjoni elettronika tad-dokumentazzjoni teknika disponibbli għal spezzjoni fi żmien 10 ijiem minn meta jirċievi talba mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq jew mill-Kummissjoni.

4.   L-atti delegati adottati skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2010/30/UE u d-Direttiva 96/60/KE għandhom jibqgħu fis-seħħ sakemm jiġu mħassra b'att delegat adottat skont l-Artikolu 16 ta' dan ir-Regolament li jkopri l-grupp ta' prodotti rilvanti.

Obbligi taħt dan ir-Regolament għandhom japplikaw fir-rigward ta' gruppi ta' prodotti koperti b'atti delegati adottati skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2010/30/UE u bid-Direttiva 96/60/KE.

5.   Fir-rigward tal-gruppi ta' prodotti diġà koperti b'atti delegati adottati skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2010/30/UE, jew bid-Direttiva 96/60/KE, meta l-Kummissjoni tadotta atti delegati skont l-Artikolu 16 ta' dan ir-Regolament, il-klassifikazzjoni tal-effiċjenza enerġetika stabbilita bid-Direttiva 2010/30/UE tista', b'deroga mill-punt (b) tal-Artikolu 16(3) ta' dan ir-Regolament, tkompli tapplika sad-data li fiha l-atti delegati li jintroduċu tikketti riklassifikati skont l-Artikolu 11 ta' dan ir-Regolament isiru applikabbli.

Artikolu 21

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fir-raba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Awwissu 2017.

B'deroga mit-tieni paragrafu, l-Artikolu 4 dwar l-obbligi ta' fornituri fir-rigward tal-bażi tad-data tal-prodotti għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, l-4 ta' Lulju 2017.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

M. MAASIKAS


(1)  ĠU C 82, 3.3.2016, p. 6.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2017 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2017.

(3)  Id-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 dwar l-indikazzjoni permezz ta' ttikkettar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija (ĠU L 153, 18.6.2010, p. 1).

(4)  Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta' rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).

(6)  Direttiva Nru 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4).

(7)  Id-Deċiżjoni 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti u li tħassar id-Deċiżjoni 93/465/KEE (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 82).

(8)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 96/60/KE tad-19 ta' Settembru 1996 li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 92/75/KEE rigward it-tikketti li jindikaw il-konsum tal-enerġija ta' magni tad-dar għall-ħasil u għat-tnixxif tal-ħwejjeġ f'daqqa (ĠU L 266, 18.10.1996, p. 1).

(9)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(10)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(11)  Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12).

(12)  Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 811/2013 tat-18 ta' Frar 2013 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mat-tikkettar enerġetiku ta' ħiters tal-post, ħiters ikkombinati, pakketti magħmulin minn ħiter tal-post, regolatur tat-temperatura u apparat solari u pakketti magħmulin minn ħiter ikkombinat, regolatur tat-temperatura u apparat solari (ĠU L 239, 6.9.2013, p. 1).

(13)  Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 812/2013 tat-18 ta' Frar 2013 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mat-tikkettar enerġetiku ta' ħiters tal-ilma, tankijiet tal-misħun u pakketti magħmulin minn ħiter tal-ilma u minn apparat solari (ĠU L 239, 6.9.2013, p. 83).

(14)  Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1187 tas-27 ta' April 2015 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar tal-enerġija tal-bojlers tal-fjuwil solidu u pakketti ta' bojler tal-fjuwil solidu, ħiters supplimentari, regolaturi tat-temperatura u apparat solari (ĠU L 193, 21.7.2015, p. 43).

(15)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1059/2010 tat-28 ta' Settembru 2010 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikketti li jindikaw il-konsum tal-enerġija tal-magni domestiċi tal-ħasil tal-platti (ĠU L 314, 30.11.2010, p. 1).

(16)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1060/2010 tat-28 ta' Settembru 2010 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' tikkettar tal-enerġija tat-tagħmir refriġeranti domestiku (ĠU L 314, 30.11.2010, p. 17).

(17)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1061/2010 tat-28 ta' Settembru 2010 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għal magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi (ĠU L 314, 30.11.2010, p. 47).

(18)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2010 tat-28 ta' Settembru 2010 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar enerġetiku għat-televixins (ĠU L 314, 30.11.2010, p. 64).

(19)  Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 874/2012 tat-12 ta' Lulju 2012 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar enerġetiku tal-bozoz tal-elettriku u l-unitajiet tat-tidwil (ĠU L 258, 26.9.2012, p. 1).

(20)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta' Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41).

(21)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2017/46 tal-10 ta' Jannar 2017 dwar is-sigurtà tas-sistemi ta' komunikazzjoni u informazzjoni fil-Kummissjoni Ewropea (ĠU L 6, 11.1.2017, p. 40).


ANNESS I

INFORMAZZJONI LI GĦANDHA TIDDAĦĦAL FIL-BAŻI TAD-DATA TAL-PRODOTTI U KRITERJI FUNZJONALI GĦALL-PARTI PUBBLIKA TAL-BAŻI TAD-DATA

1.

Informazzjoni li għandha tiddaħħal fil-parti pubblika tal-bażi tad-data mill-fornitur:

(a)

l-isem jew it-trademark, l-indirizz, id-dettalji ta' kuntatt u identifikazzjoni legali oħra tal-fornitur;

(b)

l-identifikatur tal-mudell;

(c)

it-tikketta f'format elettroniku;

(d)

il-klassi(jiet) tal-effiċjenza enerġetika u parametri oħra tat-tikketta;

(e)

il-parametri tal-iskeda informattiva dwar il-prodott f'format elettroniku.

2.

Informazzjoni li għandha tiddaħħal fil-portal online mill-Kummissjoni:

(a)

id-dettalji ta' kuntatt tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq tal-Istati Membri;

(b)

pjan ta' ħidma skont l-Artikolu 15;

(c)

il-minuti tal-Forum Konsultattiv;

(d)

inventarju tal-atti delegati u ta' implimentazzjoni, il-metodi transizzjonali ta' kejl u ta' kalkolu u l-istandards armonizzati applikabbli.

3.

L-informazzjoni li għandha tiddaħħal fil-parti tal-konformità tal-bażi tad-data mill-fornitur:

(a)

l-identifikatur tal-mudell tal-mudelli ekwivalenti kollha li diġà tqiegħdu fis-suq;

(b)

id-dokumentazzjoni teknika kif speċifikat fl-Artikolu 12(5).

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi link għas-Sistema ta' Informazzjoni u Komunikazzjoni għas-Sorveljanza tas-Suq (ICSMS), li tinkludi l-eżitu tal-kontrolli tal-konformità li jsiru mill-Istati Membri u l-miżuri proviżorji adottati.

4.

Kriterji funzjonali tal-parti pubblika tal-bażi tad-data tal-prodott:

(a)

kull mudell ta' prodott għandu jkun jista' jinstab bħala rekord individwali;

(b)

hija għandha tiġġenera bħala fajl uniku li jista' jinfetaħ, jitniżżel u jiġi stampat tat-tikketta tal-enerġija għal kull mudell, kif ukoll il-verżjonijiet lingwistiċi tal-iskeda informattiva sħiħa dwar il-prodott, bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni;

(c)

l-informazzjoni għandha tkun tista' tinqara mill-magni, tista' titqiegħed f'ordni u tista' titfittex, b'rispett tal-istandards miftuħa għal użu minn parti terza, mingħajr ħlas;

(d)

għandu jiġi stabbilit u miżmum punt ta' assistenza online jew punt ta' kuntatt għall-fornituri, indikat b'mod ċar fuq il-portal.


ANNESS II

TABELLA TA' KORRELAZZJONI

Direttiva 2010/30/UE

Dan ir-Regolament

Artikolu 1(1)

Artikolu 1(1)

Artikolu 1(2)

Artikolu 1(3)(a) u (b)

Artikolu 1(2)(a) u (b)

Artikolu 1(3)(c)

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 2(a)

Artikolu 2(1)

Artikolu 2(b)

Artikolu 2(22)

Artikolu 2(c)

Artikolu 2(d)

Artikolu 2(e)

Artikolu 2(f)

Artikolu 2(g)

Artikolu 2(13)

Artikolu 2(h)

Artikolu 2(14)

Artikolu 2(i)

Artikolu 2(8)

Artikolu 2(j)

Artikolu 2(9)

Artikolu 2(k)

Artikolu 3

Artikolu 7

Artikolu 3(1)

Artikolu 7(3)

Artikolu 3(1)(b)

Artikolu 6(c)

Artikolu 3(1)(c)

Artikolu 7(3)

Artikolu 3(1)(d)

Artikolu 8(2)

Artikolu 3(2)

Artikolu 6(b) u Artikolu 9

Artikolu 3(3)

Artikolu 8(1)

Artikolu 3(4)

Artikolu 4(a)

Artikolu 5

Artikolu 4(b)

Artikolu 4(c)

Artikolu 6(a)

Artikolu 4(d)

Artikolu 6(a)

Artikolu 5

Artikolu 3(1) u Artikolu 6

Artikolu 5(a)

Artikolu 3(1)

Artikolu 5(b), punti (i), (ii), (iii) u (iv)

Artikolu 4(6) u Anness I

Artikolu 5(c)

Artikolu 4(6)

Artikolu 5(d)

Artikolu 3(1)

Artikolu 5(d), it-tieni subparagrafu

Artikolu 3(1)

Artikolu 5(e)

Artikolu 3(1)

Artikolu 5(f)

Artikolu 5(g)

Artikolu 3(1)

Artikolu 5(h)

Artikolu 6

Artikolu 5(1) u Artikolu 6

Artikolu 6(a)

Artikolu 5(1)(a)

Artikolu 6(b)

Artikolu 5(1)(a)

Artikolu 7

Artikolu 16(3)(e) u (g)

Artikolu 8(1)

Artikolu 7(1)

Artikolu 8(2)

Artikolu 9(3)

Artikolu 7(2)

Artikolu 9(4)

Artikolu 10(1)

Artikolu 16

Artikolu 10(1), it-tieni paragrafu

Artikolu 16(2)

Artikolu 10(1), it-tielet paragrafu

Artikolu 10(1) ir-raba' paragrafu

Artikolu 16(3)(c)

Artikolu 10(2)(a)

Artikolu 16(2)(a)

Artikolu 10(2)(b)

Artikolu 16(2)(b)

Artikolu 10(2)(c)

Artikolu 10(3)(a)

Artikolu 10(3)(b)

Artikolu 10(3)(c)

Artikolu 14

Artikolu 10(3)(d)

Artikolu 10(4)(a)

Artikolu 16(3)(a)

Artikolu 10(4)(b)

Artikolu 16(3)(k)

Artikolu 10(4)(c)

Artikolu 16(3)(h)

Artikolu 10(4)(d)

Artikolu 16(3)(b)

Artikolu 10(4)(d) it-tieni paragrafu

Artikolu 10(4)(d), it-tielet paragrafu

Artikolu 16(3)(b)

Artikolu 10(4)(d) ir-raba' paragrafu

Artikolu 11(3)

Artikolu 10(4)(d) il-ħames paragrafu

Artikolu 11

Artikolu 10(4)(e)

Artikolu 16(3)(e)

Artikolu 10(4)(f)

Artikolu 16(3)(h)

Artikolu 10(4)(g)

Artikolu 16(3)(j)

Artikolu 10(4)(h)

Artikolu 11(3)

Artikolu 10(4)(i)

Artikolu 16(3)(i)

Artikolu 10(4)(j)

Artikolu 16(3)(o)

Artikolu 11(1)

Artikolu 17(2)

Artikolu 11(2)

Artikolu 17(5)

Artikolu 11(3)

Artikolu 17(1)

Artikolu 12(1)

Artikolu 17(3)

Artikolu 12(2)

Artikolu 12(3)

Artikolu 17(3)

Artikolu 13

Artikolu 17(6)

Artikolu 14

Artikolu 19

Artikolu 15

Artikolu 7(4)

Artikolu 16

Artikolu 17

Artikolu 20

Artikolu 18

Artikolu 21

Artikolu 19

Artikolu 21

Anness I

Anness I

Anness II

Anness II