21.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 190/5


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1353

tad-19 ta' Mejju 2017

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 607/2009 fir-rigward ta' varjetajiet ta' għeneb tal-inbid u s-sinonimi tagħhom li jistgħu jidhru fuq it-tikkettar tal-inbejjed

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u partikolarment l-Artikolu 100(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Kroazja aderixxiet mal-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Lulju 2013.

(2)

Fid-dawl tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Lulju 2013, il-Kroazja talbet li l-lista nazzjonali ta' varjetajiet ta' għeneb tal-inbid rikonoxxuti tiddaħħal fil-lista ta' varjetajiet ta' għeneb tal-inbid li jinkludu indikazzjoni ġeografika u li jistgħu jidhru fuq it-tikkettar tal-inbejjed, li tinsab fl-Anness II tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 753/2002 (2) u li bħalissa qed tidher fl-Anness XV tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 607/2009 (3). Skont ir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), il-Kummissjoni indikat lill-Kroazja li l-lista nazzjonali tal-varjetajiet m'għandhiex tiġi approvata fil-livell tal-Unjoni u li kull Stat Membru jiddeċiedi dwar il-lista tiegħu stess. Il-Kummissjoni indikat ukoll lill-Kroazja li, skont il-prattika segwita f'adeżjonijiet preċedenti u b'mod partikolari r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1429/2004 (5) li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 753/2002, l-inklużjoni ta' ismijiet ta' varjetajiet ta' għeneb tal-inbid Kroati fil-lista tal-Anness XV tar-Regolament (KE) Nru 607/2009 issir wara l-adeżjoni. Abbażi ta' din l-informazzjoni, il-Kroazja rtirat din it-talba mill-pożizzjoni ta' negozjar tagħha.

(3)

L-Anness XV tar-Regolament (KE) Nru 607/2009 ġie emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 753/2013 (6) biex jiddaħħlu b'mod partikolari l-ismijiet tal-varjetajiet ta' għeneb tal-inbid użati tradizzjonalment għall-kummerċjalizzazzjoni tal-inbejjed prodotti fit-territorju Kroat li fihom jew jikkonsistu minn denominazzjoni ta' oriġini protetta jew indikazzjoni ġeografika protetta fl-Unjoni sabiex ikunu jistgħu jkomplu jidhru fuq it-tikketta ta' nbejjed Kroati li jibbenefikaw minn denominazzjoni tal-oriġini protetta jew minn indikazzjoni ġeografika protetta. Minħabba s-sensittività tal-kwistjoni għas-Slovenja, l-isem tal-varjetà ta' għeneb tal-inbid “Teran”, omonimu tad-denominazzjoni tal-oriġini protetta Slovena “Teran” (PDO-SI-A1581), ma ġiex inkluż f'dan ir-Regolament sakemm ikun hemm il-pożizzjoni nnegozjata bejn il-Kroazja u s-Slovenja.

(4)

Il-Kroazja llimitat it-talba tagħha għall-użu tal-isem tal-varjetà ta' għeneb tal-inbid “Teran” għall-inbejjed bid-denominazzjoni tal-oriġini protetta “Hrvatska Istra” (PDO-HR-A1652). Minkejja l-limitazzjoni territorjali tal-awtorizzazzjoni mitluba u l-ħidma kontinwa tal-Kummissjoni, kien impossibbli li tinstab soluzzjoni ta' kompromess bejn il-Kroazja u s-Slovenja.

(5)

Billi, minkejja d-diversi tentattivi min-naħa tal-Kummissjoni, ma kinitx instabet soluzzjoni negozjata, biex jiġu rrikonċiljati l-pożizzjonijiet tal-Krazja u tas-Slovenja, u wara li saret il-verifika tal-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni dwar il-prattika ta' tikkettar eżistenti fir-rigward tal-varjetà ta' għeneb tal-inbid “Teran”, jenħtieġ li jitniżżel l-isem ta' dik il-varjetà fil-Parti A tal-Anness XV tar-Regolament (KE) Nru 607/2009 fir-rigward tad-denominazzjoni tal-oriġini protetta “Hrvatska Istra”.

(6)

Madankollu, minħabba t-tħassib imressaq mis-Slovenja dwar ir-riskju allegat li l-konsumatur jiġi mqarraq u bil-għan li tinstab soluzzjoni li tissodisfa l-produtturi kollha kkonċernati u bl-appoġġ tal-Istati Membri kkonċernati, il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq li tispeċifika l-kundizzjonijiet li bihom l-isem tal-varjetà “Teran” jista' jidher fuq it-tikkettar tal-prodotti li jibbenefikaw minn din id-denominazzjoni tal-oriġini, filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet li l-Kroazja biħsiebha timponi hija stess fuq il-produtturi tagħha.

(7)

Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 607/2009 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(8)

Jenħtieġ li l-inklużjoni tal-Kroazja fil-Parti A tal-Anness XV tar-Regolament (KE) Nru 607/2009 rigward l-użu tal-isem tal-varjetà ta' għeneb tal-inbid “Teran” tieħu effett fid-data tal-adeżjoni tagħha, fl-1 ta' Lulju 2013, minħabba li t-talba tal-Kroazja ġiet ippreżentata qabel din id-data, l-użu tradizzjonali tal-isem “Teran” bħala varjetà ta' għeneb tal-inbid għall-kummerċjalizzazzjoni tal-inbejjed prodotti fit-territorju tal-Kroazja kienet il-prattika eżistenti fil-mument tal-adeżjoni u minħabba li l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament ġiet posposta unikament sakemm ikun hemm soluzzjoni nnegozjata. Għall-istess raġunijiet, jenħtieġ li jkun hemm dispożizzjoni tranżitorja li tikkonċerna l-inbejjed prodotti qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fil-Parti A tal-Anness XV tar-Regolament (KE) Nru 607/2009, tiżdied ir-ringiela 55 li ġejja:

“55

Teran (SI)

Teran

Il-Kroazja (3)

Artikolu 2

L-inbejjed bid-denominazzjoni tal-oriġini protetta “Hrvatska Istra”(PDO-HR-A1652), prodotti qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament b'konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli jistgħu jiġu kkummerċjalizzati sakemm jispiċċaw l-istokkijiet, anki jekk huma ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta' tikkettar stabbiliti fir-ringiela 55 tal-Parti A tal-Anness XV tar-Regolament (KE) Nru 607/2009 kif miżjud bl-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Lulju 2013.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Mejju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 753/2002 tad-29 ta' April 2002 li jistipula ċerti regoli sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 rigward id-deskrizzjoni, id-denominazzjoni tal-origini, il-preżentazzjoni u l-protezzjoni ta' ċerti prodotti fis-settur tal-inbid (ĠU L 118, 4.5.2002, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 607/2009 tal-14 ta' Lulju 2009 li jistabbilixxi ċerti regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 fir-rigward tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, termini tradizzjonali, it-tikkettar u l-preżentazzjoni ta' ċerti prodotti fis-settur tal-inbid (ĠU L 193, 24.7.2009, p. 60).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Regolament dwar OKS Unika). (ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1429/2004 tad-9 ta' Awwissu 2004 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 753/2002 li jistabbilixxi ċerti regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 fir-rigward tad-deskrizzjoni, id-denominazzjoni tal-oriġini, il-preżentazzjoni u l-protezzjoni ta' ċerti prodotti fis-settur tal-inbid (ĠU L 263, 10.8.2004, p. 11).

(6)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 753/2013 tat- 2 ta' Awwissu 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 607/2009 li jistabbilixxi ċerti regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 fir-rigward tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, termini tradizzjonali, it-tikkettar u l-preżentazzjoni ta' ċerti prodotti fis-settur tal-inbid (ĠU L 210 du 6.8.2013, p. 21).

(3)  Unikament għad-DOP “Hrvatska Istra” (PDO-HR-A1652), bil-kundizzjoni li “Hrvatska Istra” u “Teran” jidhru fl-istess parti viżiva u li l-isem “Teran” jidher b'tipa iżgħar minn dik użata għal “Hrvatska Istra”.”