15.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 184/27


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1277

tal-14 ta' Lulju 2017

li japprova t-2-ottil-isotijażol-3(2H)-on bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta' prodott 8

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 90(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-27 ta' April 2010, ir-Renju Unit irċieva applikazzjoni, skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), għall-inklużjoni tas-sustanza attiva 2-ottil-isotijażol-3(2H)-on fl-Anness I ta' dik id-Direttiva biex tintuża fi prodotti tat-tip ta' prodott 8, preservattivi għall-injam, kif deskritt fl-Anness V ta' dik id-Direttiva, li jikkorrispondu mat-tip ta' prodott 8, kif deskritt fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(2)

Ir-Renju Unit ressaq ir-rapport ta' valutazzjoni flimkien mar-rakkomandazzjonijiet tiegħu fl-4 ta' Frar 2016 f'konformità mal-Artikolu 90(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(3)

L-opinjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi ġiet ifformulata fil-15 ta' Diċembru 2016 mill-Kumitat dwar il-Prodotti Bijoċidali, b'kont meħud tal-konklużjonijiet tal-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni.

(4)

Skont dik l-opinjoni, il-prodotti bijoċidali tat-tip ta' prodott 8 u li fihom it-2-ottil-isotijażol-3(2H)-on jistgħu jitqiesu li jissodisfaw il-kriterji tal-Artikolu 19(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, dment li jiġu ssodisfati ċerti speċifikazzjonijiet u kundizzjonijiet li jikkonċernaw l-użu tagħhom.

(5)

Għaldaqstant, huwa xieraq li t-2-ottil-isotijażol-3(2H)-on tiġi approvata għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta' prodott 8, soġġett għall-konformità ma' ċerti speċifikazzjonijiet u kundizzjonijiet.

(6)

Billi t-2-ottil-isotijażol-3(2H)-on tissodisfa l-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala sensitizzatur tal-ġilda tas-subkategorija 1 A kif speċifikat fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), oġġetti ttrattati bit-t-2-ottil-isotijażol-3(2H)-on jew li jkun fihom it-2-ottil-isotijażol-3(2H)-on jenħtieġ li jkunu tikkettati kif jixraq meta jitqiegħdu fis-suq.

(7)

Jenħtieġ li jitħalla jgħaddi perjodu ta' żmien raġonevoli qabel ma tiġi approvata sustanza attiva, biex il-partijiet interessati jkunu jistgħu jieħdu l-miżuri preparatorji meħtieġa biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda.

(8)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

It-2-ottil-isotijażol-3(2H)-on hija approvata bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta' prodott 8, soġġett għall-ispeċifikazzjonijiet u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Lulju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.

(2)  Id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 1998 dwar it-tqegћid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).


ANNESS

Isem Komuni

Isem tal-IUPAC

Numri ta' Identifikazzjoni

Grad minimu ta' purità tas-sustanza attiva (1)

Data tal-approvazzjoni

Data tal-iskadenza tal-approvazzjoni

Tip ta' prodott

Kundizzjonijiet speċifiċi

2-ottil-isotijażol-3(2H)-on

Isem tal-IUPAC:

2-ottil-isotijażol-3(2H)-on

Nru tal-KE: 247-761-7

Nru tal-CAS: 26530-20-1

960 g/kg w/w

fl-1 ta' Jannar 2018

fil-31 ta' Diċembru 2027

8

L-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti bijoċidali huma soġġetti għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

1.

Fil-valutazzjoni tal-prodott għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-esponimenti, lir-riskji u lill-effikaċja marbuta ma' kull użu kopert minn applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni, iżda li mhuwiex indirizzat fil-valutazzjoni tar-riskju fil-livell tal-Unjoni tas-sustanza attiva.

2.

Fid-dawl tar-riskji identifikati għall-użi vvalutati, il-valutazzjoni tal-prodott għandha tagħti attenzjoni partikolari lill-utenti professjonali u lill-utenti industrijali.

3.

Fid-dawl tar-riskji identifikati għall-ilma tal-wiċċ, is-sediment u l-ħamrija, it-tikketti u, fejn ipprovduti, l-iskedi tad-dejta dwar is-sikurezza tal-prodotti awtorizzati għandhom jindikaw li l-applikazzjoni industrijali jew professjonali għandha ssir f'żona iżolata jew fuq bażi iebsa impermeabbli b'ħitan ta' protezzjoni, u li l-injam li jkun għadu kemm ġie ttrattat għandu jinħażen wara t-trattament taħt għata jew fuq bażi iebsa impermeabbli, jew it-tnejn, biex jiġu evitati r-rilaxxi diretti fil-ħamrija, fis-sistemi tad-drenaġġ jew fl-ilma, u li kwalunkwe rilaxx għandu jinġabar biex jintuża mill-ġdid jew biex jintrema.

It-tqegħid fis-suq ta' oġġetti ttrattati huwa soġġett għall-kundizzjoni li ġejja:

Il-persuna responsabbli għat-tqegħid fis-suq ta' oġġett ittrattat bit-2-ottil-isotijażol-3(2H)-on, jew li jkun fih it-2-ottil-isotijażol-3(2H)-on, għandha tiżgura li t-tikketta ta' dak l-oġġett ittrattat tagħti l-informazzjoni mniżżla fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 58(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.


(1)  Il-purità indikata f'din il-kolonna kienet il-grad minimu ta' purità tas-sustanza attiva evalwata. Is-sustanza attiva fil-prodott imqiegħed fis-suq jista' jkollha l-istess purità jew purità differenti jekk ikun intwera li teknikament din tkun ekwivalenti għas-sustanza attiva evalwata.