8.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 177/4


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1228

tal-20 ta' Marzu 2017

dwar il-kundizzjonijiet għall-klassifikazzjoni, mingħajr ittestjar, ta' kisi fuq barra u għoti ta' ġibs fuq ġewwa bbażati fuq kimiki għal taqgħid organiċi koperti mill-istandard armonizzat EN 15824 u għoti tal-ewwel passata u kisi bit-tajn koperti mill-istandard armonizzat EN 998–1 fir-rigward tar-reazzjoni tagħhom għan-nar

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2011 li jistabbilixxi kundizzjonijiet armonizzati għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 27(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/364 (2) kienet adottata sistema għall-klassifikazzjoni tal-prestazzjoni tal-prodotti għall-bini rigward ir-reazzjoni tagħhom għan-nar. Il-kisi fuq barra u l-għoti ta' ġibs fuq ġewwa bbażati fuq kimiki għal taqgħid organiċi u l-għoti tal-ewwel passata u l-kisi bit-tajn huma fost il-prodotti għall-bini li għalihom japplika dak ir-Regolament Delegat.

(2)

It-testijiet urew li l-kisi fuq barra u l-għoti ta' ġibs fuq ġewwa bbażati fuq kimiki għal taqgħid organiċi koperti mill-istandard armonizzat EN 15824 u l-għoti tal-ewwel passata u l-kisi bit-tajn koperti mill-istandard armonizzat EN 998–1 għandhom prestazzjoni stabbli u prevedibbli rigward ir-reazzjoni għan-nar sakemm jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet dwar il-kontenut organiku massimu tal-prodott, il-massa massima għal kull unità ta' erja applikata fuq is-sottostrat u l-prestazzjoni tan-nar tas-sottostrat.

(3)

Il-kisi fuq barra u l-għoti ta' ġibs fuq ġewwa bbażati fuq kimiki għal taqgħid organiċi koperti mill-istandard armonizzat EN 15824 u l-għoti tal-ewwel passata u l-kisi bit-tajn koperti mill-istandard armonizzat EN 998–1 għandhom għalhekk jitqiesu li jissodisfaw ċerta klassi ta' prestazzjoni tar-reazzjoni għan-nar stabbilita fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/364 dwar dawk il-kundizzjonijiet mingħajr il-ħtieġa ta' testijiet oħra,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-kisi fuq barra u l-għoti ta' ġibs fuq ġewwa bbażati fuq kimiki għal taqgħid organiċi koperti mill-istandard armonizzat EN 15824 u l-għoti tal-ewwel passata u l-kisi bit-tajn koperti mill-istandard armonizzat EN 998–1 li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness għandhom jitqiesu li jissodisfaw il-klassijiet ta' prestazzjoni indikati fl-Anness mingħajr ittestjar.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Marzu 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 88, 4.4.2011, p. 5.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/364 tal-1 ta' Lulju 2015 dwar il-klassifikazzjoni tal-prestazzjoni tar-reazzjoni għan-nar tal-prodotti għall-bini skont ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 68, 15.3.2016, p. 4).


ANNESS

Prodotti (1)

Il-massimu tal-kontenut organiku (2)

(% f'piż)

Il-massa massima għal kull unità ta' erja (3)

(kg/m2)

Klassi (4)

Kisi fuq barra u għoti ta' ġibs fuq ġewwa bbażati fuq kimiki għal taqgħid organiċi koperti mill-istandard armonizzat EN 15824

≤ 9,0

≤ 4,0

B-s2, d0

Kisi fuq barra u għoti ta' ġibs fuq ġewwa bbażati fuq kimiki għal taqgħid organiċi koperti mill-istandard armonizzat EN 15824

u

Għoti tal-ewwel passata u kisi bit-tajn koperti mill-istandard armonizzat EN 998–1

≤ 2,5

≤ 6,0

A2 — s1, d0

≤ 4,0

≤ 4,0

≤ 5,0

≤ 2,0


(1)  Prodotti fornuti f'forma ta' pejst jew ta' trab u użati għall-kisi intern u estern ta' ħitan, kolonni, diviżorji u soqfa. Il-prestazzjoni ta' sottostrati għandha tkun mill-inqas tal-klassi A2 — s1, d0 u d-densità ma għandhiex tkun inqas minn 525 kg/m3.

(2)  B'rabta mal-kontenut ta' solidi (jista' jitqabbel mal-ġibs/kisi imnixxef kompletament kif applikat fuq is-sottostrat).

(3)  B'rabta mal-prodott imxarrab (fl-istat lest biex jintuża).

(4)  Il-klassi kif stipulata fit-Tabella 1 tal-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2016/364.