|
30.6.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 167/22 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1158
tad-29 ta' Ġunju 2017
li jistipula standards tekniċi ta' implimentazzjoni dwar il-proċeduri u l-formoli biex l-awtoritajiet kompetenti jiskambjaw informazzjoni mal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq kif imsemmi fl-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (1). u b'mod partikolari l-Artikolu 33(5) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Huwa xieraq li jiġu stabbiliti proċeduri komuni u formoli għas-sottomissjoni ta' informazzjoni lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) mill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward ta' investigazzjonijiet, penali u miżuri, kif imsemmi fl-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014. |
|
(2) |
Sabiex tiġi ffaċilitata l-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-ESMA u biex jiġu evitati dewmien bla bżonn jew sottomissjonijiet li ma jirnexxux, jenħtieġ li kull awtorità kompetenti taħtar punt ta' kuntatt speċifikament għall-fini tal-preżentazzjoni tal-informazzjoni meħtieġa. |
|
(3) |
Sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni meħtieġa kollha dwar is-sanzjonijiet u l-miżuri imposti mill-awtoritajiet kompetenti huma identifikata b'mod korrett u rreġistrati mill-ESMA, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jipprovdu informazzjoni dettaljata u armonizzata bl-użu ta' formoli speċifiċi għal dak il-għan. |
|
(4) |
Jenħtieġ li informazzjoni dwar investigazzjonijiet li trid tiġi pprovduta lill-ESMA tkun konsistenti u komparabbli sabiex tirrifletti l-attività investigatorja reali mwettqa skont ir-Regolament dwar l-Abbuż tas-Suq f'sena partikolari. Għalhekk, jenħtieġ li l-informazzjoni tinkludi biss informazzjonijiet li dwarhom l-awtoritajiet rilevanti jkunu ħadmu matul il-perjodu ta' referenza. |
|
(5) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni ppreżentati mill-ESMA lill-Kummissjoni. |
|
(6) |
L-ESMA ma wettqitx konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implementazzjoni li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, u lanqas ma analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati tal-introduzzjoni ta' formoli u proċeduri standard għall-awtoritajiet kompetenti rilevanti, peress li dan kien ikun sproporzjonat fir-rigward tal-ambitu u l-impatt tagħhom, filwaqt li jitqies li d-destinatarji ta' dawk l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni se jkunu biss l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri u mhux il-parteċipanti fis-suq. |
|
(7) |
L-ESMA talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Definizzjoni
Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament, “mezzi elettroniċi” huma mezzi ta' tagħmir elettroniku għall-ipproċessar (inkluża l-kompressjoni diġitali), il-ħażna u t-trasmissjoni ta' data, li jkunu jużaw wajers, radju, teknoloġiji ottiċi, jew kull mezz elettromanjetiku ieħor.
Artikolu 2
Punti ta' kuntatt
1. Kull awtorità kompetenti għandha taħtar punt ta' kuntatt uniku biex tintbagħat l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 u għall-komunikazzjoni dwar kwalunkwe kwistjoni li tirrigwarda l-preżentazzjoni ta' din l-informazzjoni.
2. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) dwar il-punti ta' kuntatt imsemmija fil-paragrafu 1.
3. L-ESMA għandha taħtar punt ta' kuntatt biex jirċievi l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 3 u 4 u għall-komunikazzjonijiet dwar kwalunkwe kwistjoni relatata mar-riċeviment ta' din l-informazzjoni.
4. L-ESMA għandha tippubblika l-punt ta' kuntatt imsemmi fil-paragrafu 2 fuq is-sit elettroniku tagħha.
Artikolu 3
Is-sottomissjoni annwali ta' informazzjoni aggregata
1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu l-ESMA bl-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 billi jimlew, kif xieraq, il-formola stabbilita fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.
2. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi pprovduta lill-ESMA mhux iktar tard mill-31 ta' Marzu ta' kull sena u għandha tirrigwarda l-investigazzjonijiet kollha meħuda u s-sanzjonijiet u l-miżuri kollha imposti matul is-sena kalendarja preċedenti.
3. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu lill-ESMA bl-informazzjoni imsemmija fil-paragrafu 1 b'mezzi elettroniċi siguri ta' trasmissjoni.
4. Għall-għanijiet tal-paragrafu 1, l-ESMA għandha tispeċifika u tidentifika l-mezzi elettroniċi siguri li għandhom jintużaw. Dawk il-mezzi elettroniċi jiżguraw li l-kumpletezza, l-integrità u l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni jinżammu matul il-trażmissjoni.
Artikolu 4
Proċeduri u formoli ta' rappurtar
1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jirrapportaw lill-ESMA s-sanzjonijiet u l-miżuri msemmija fl-Artikolu 33(3) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 billi jużaw interfaċji pprovduti permezz tas-sistema tat-teknoloġija tal-informatika, u l-bażi ta' data relatata, stabbilita mill-ESMA għall-immaniġġjar tal-wasla, il-ħażna u l-pubblikazzjoni ta' informazzjoni dwar dawk is-sanzjonijiet u l-miżuri amministrattivi.
2. Is-sanzjonijiet u l-miżuri imsemmijin fil-paragrafu 1 għandhom ikunu sottomessi lill-ESMA fil-fajl tar-rapport fil-format stabbilit fl-Anness II.
Artikolu 5
L-invalidazzjoni u l-aġġornament tar-rapporti
1. Fejn awtorità kompetenti tixtieq li tinvalida fajl ta' rapport eżistenti li qabel ikun sottomess lill-ESMA f'konformità mal-Artikolu 4, hija għandha tħassar il-fajl ta' rapport eżistenti u tibgħat fajl ta' rapport ġdid.
2. Fejn awtorità kompetenti tixtieq taġġorna fajl ta' rapport eżistenti li sottomettiet qabel lill-ESMA f'konformità mal-Artikolu 4, hija għandha tissottometti mill-ġdid il-fajl ta' rapport bl-informazzjoni aġġornata.
Artikolu 6
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Ġunju 2017.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 173, 12.6.2014, p. 1.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).
ANNESS I
Formola ta' sottomissjoni annwali ta' informazzjoni aggregata u anonima dwar il-penali u l-miżuri kollha imposti u l-investigazzjonijiet imwettqa
ANNESS II
Format għan-notifika ta' sanzjonijiet amministrattivi jew kriminali jew miżuri amministrattivi oħra żvelati lill-pubbliku
|
Qasam |
Deskrizzjoni |
Tip |
|
Qafas Legali |
L-akronimu tal-att leġiżlattiv tal-Unjoni taħt liema s-sanzjonijiet amministrattivi jew kriminali jew miżuri amministrattivi oħra jkunu ġew imposti. |
Obbligatorju |
|
Identifikatur ta' sanzjoni |
Il-kodiċi ta' identifikazzjoni attribwit mill-awtorità kompetenti għall-finijiet tan-notifika ta' sanzjonijiet amministrattivi jew kriminali jew miżuri amministrattivi oħra. |
Fakultattiv |
|
Stat Membru |
L-akronimu tal-Istat Membru tal-awtorità kompetenti li tippreżenta s-sanzjoni jew il-miżura |
Obbligatorju |
|
Identifikatur tal-Entità |
L-identifikatur użat biex jidentifika b'mod uniku entità ġuridika li fuqha sanzjoni amministrattiva jew kriminali jew miżuri amministrattivi oħra jkunu ġew imposti, f'każ li l-entità hija entità awtorizzata skont il-qafas legali tal-MiFID (1), l-UCITS (2) jew l-AIFMD (3). |
Faklutattiv (għal persuni legali biss) |
|
Awtorità Ċentrali |
L-identifikatur tal-awtorità li qed tippreżenta s-sanzjoni jew il-miżura |
Obbligatorju |
|
Entità tal-Qafas Legali |
L-akronimu tal-att leġiżlattiv tal-Unjoni li japplika għall-entità li għaliha s-sanzjoni amministrattiva jew kriminali jew miżuri amministrattivi oħra jkunu ġew imposti. |
Fakultattiv (għal persuni legali biss) |
|
Natura tas-sanzjoni |
Informazzjoni dwar jekk is-sanzjoni notifikata hijiex sanzjoni kriminali, sanzjoni amministrattiva jew miżura amministrattiva. |
Obbligatorju (biss għal sanzjonijiet) |
|
L-isem Sħiħ tal-Entità |
L-isem sħiħ tal-entità li fuqha tkun ġiet imposta s-sanzjoni, f'każ li l-entità ma tkunx awtorizzata skont il-qafas legali tal-MiFID, l-UCITS jew l-AIFMD. |
Fakultattiv (għal persuni legali biss) |
|
L-Isem Sħiħ tal-Persuna |
L-isem sħiħ tal-persuni li fuqhom tkun ġiet imposta sanzjoni amministrattiva jew kriminali jew xi miżuri amministrattivi oħra. |
Fakultattiv (għal persuni legali biss) |
|
Sanzjonar NCA |
L-akronimu tal-awtorità kompetenti li imponiet is-sanzjonijiet amministrattivi jew kriminali jew miżuri amministrattivi oħra. |
Obbligatorju |
|
Test liberu |
It-test ta' sanzjonijiet amministrattivi jew kriminali jew ta' miżuri amministrattivi oħra f'lingwa nazzjonali jew bl-Ingliż. |
Obbligatorju |
|
Test liberu |
It-test tas-sanzjoni jew tal-miżura amministrattiva bl-Ingliż. |
Fakultattiv |
|
Data |
Id-data li fiha s-sanzjoni amministrattiva jew kriminali jew miżura amministrattiva oħra ġiet imposta. |
Obbligatorju |
|
Data tal-Iskadenza |
Id-data li fiha jintemmu l-effetti tas-sanzjoni jew miżura amministrattiva. |
Fakultattiv |
(1) Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).
(2) Id-Direttiva 2009/65/KE tat-13 ta' Lulju 2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).
(3) Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar Maniġers ta' Fondi ta' Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).