|
1.6.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 141/3 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/929
tal-31 ta' Mejju 2017
li jistabbilixxi deroga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 dwar id-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għat-tartaruni li jistadu fl-ibħra territorjali tal-Greċja
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta' Diċembru 2006 dwar miżuri ta' ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 13(5) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 jipprojbixxi l-użu ta' tagħmir irmunkat sa tliet mili nawtiċi mill-kosta jew sa livell ta' fond ta' 50 m meta dak il-fond jintlaħaq 'il ġewwa minn dik id-distanza mill-kosta. |
|
(2) |
Meta xi Stat Membru jitlobha, il-Kummissjoni tista' tippermetti deroga mill-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, diment li jintlaħqu għadd ta' kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(5) u (9). |
|
(3) |
Fit-2 ta' Ġunju 2016,il-Kummissjoni rċeviet talba mill-Greċja għal deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 rigward l-użu tat-tartarun tradizzjonali għas-sajd tal-karamella (Spicara smaris) u l-vopa (Boops boops) fl-ibħra territorjali tal-Greċja. |
|
(4) |
It-talba għandha x'taqsam mal-attivitajiet tas-sajd diġà awtorizzati mill-Greċja u tkopri bastimenti li għandhom esperjenza vasta fis-sajd ta' aktar minn ħames snin u joperaw skont pjan ta' ġestjoni adottat mill-Greċja. |
|
(5) |
F'Settembru 2016, il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) ivvaluta d-deroga li talbet il-Greċja u l-abbozz relatat tal-pjan ta' ġestjoni. |
|
(6) |
Fid-29 ta' Diċembru 2016, il-Greċja adottat il-pjan ta' ġestjoni permezz ta' Deċiżjoni Ministerjali (6719/146097/29-12-2016) skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-pjan ta' ġestjoni Grieg”). |
|
(7) |
Id-deroga li talbet il-Greċja hi konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(5) u (9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006. |
|
(8) |
B'mod partikolari, hemm limitazzjonijiet ġeografiċi speċifiċi meta wieħed iqis l-istruttura morfoloġika distinta tal-Greċja, magħmula minn diversi gżejjer mifruxa fuq diversi Ibħra, u d-distribuzzjoni spazjali tal-ispeċijiet fil-mira, li hija limitata esklussivament f'ċerti siti speċifiċi u f'żoni kostali f'fond ta' anqas minn 50 metru. Għalhekk, il-postijiet għas-sajd huma limitati. |
|
(9) |
Is-sajd ma jistax isir b'tagħmir ieħor, peress li t-tartaruni biss għandhom il-karatteristika teknika meħtieġa biex jiwettaq dan it-tip ta' sajd. |
|
(10) |
Barra minn hekk, is-sajd ma jħalli ebda impatt sinifikanti fuq l-ambjent tal-baħar, minħabba li t-tartaruni huma tagħmir selettivi ferm li ma jmissux ma qiegħ il-baħar u ma jistgħux joperaw fuq il-Posidonia oceanica f'qiegħ il-baħar. |
|
(11) |
It-talba tkopri lista ta' 244 bastiment elenkati fl-Anness 5 tal-pjan ta' ġestjoni li jirregola l-operat tat-tartaruni tradizzjonali fl-ibħra tal-Greċja. Għalhekk, id-deroga mitluba mill-Greċja taffettwa għadd limitat ta' bastimenti, meta mqabbel maż-żona tad-distribuzzjoni kbira tal-flotta tat-tartaruni, li tirrappreżenta madwar 1,5 fil-mija tal-flotta tas-sajd Griega kollha u 1 697,72 tunnellaġġ gross (GT). |
|
(12) |
Dawk il-bastimenti jinsabu f'lista li ntbagħtet lill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006. |
|
(13) |
Id-Deċiżjoni Ministerjali tal-Greċja u l-pjan ta' ġestjoni jiggarantixxu li ma jkun hemm ebda żieda oħra tal-isforz tas-sajd f'konformità mal-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006. |
|
(14) |
L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 li jipprojbixxi s-sajd fuq dawk il-ħabitati. Tabilħaqq li t-tartaruni jiġu rmonkati fil-kolonna tal-ilma u ma jmissux qiegħ il-baħar. Barra minn hekk, l-immappjar komplut tal-Posidonia oceanica f'qiegħ il-baħar fl-ibħra territorjali tal-Greċja, jiikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-Posidonia oceanica. |
|
(15) |
Ir-rekwiżiti tal-Artikolu 8(1)(h) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 mhumiex applikabbli għax dawn għandhom x'jaqsmu mal-bastimenti tat-tkarkir. |
|
(16) |
Dwar ir-rekwiżit ta' konformità mal-Artikolu 9(3) li jistabbilixxi d-daqs minimu tal-malja, il-Kummissjoni tinnota li billi l-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati huma selettivi ferm, għandhom effett negliġibbli fuq l-ambjent tal-baħar u mhumiex affettwati mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(5), f'konformità mal-Artikolu 9(7) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, il-Greċja awtorizzat deroga minn dawn id-dispożizzjonijiet fil-pjan ta' ġestjoni tagħha. |
|
(17) |
L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati jitwettqu f'distanza qasira ħafna mill-kosta u għaldaqstant ma jostakolawx l-attivitajiet ta' bastimenti oħra. |
|
(18) |
Il-pjan ta' ġestjoni jiggarantixxi li l-qabdiet tal-ispeċijiet imsemmija fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 ikunu minimi minħabba li l-ispeċijiet fil-mira huma l-karamella (Spicara smaris) u l-vopa (Boops boops), li mhumiex imsemmija fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, u l-attivitajiet tas-sajd huma selettivi ferm. |
|
(19) |
L-attivitajiet tas-sajd huma selettivi ferm u ma jimmirawx iċ-ċefalopodi. |
|
(20) |
Il-pjan ta' ġestjoni fih miżuri għall-monitoraġġ tal-attivitajiet tas-sajd, u b'hekk jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (2). |
|
(21) |
Il-pjan ta' ġestjoni Grieg fih miżuri għall-monitoraġġ tal-attivitajiet tas-sajd, kif previst fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006. |
|
(22) |
B'hekk, fi żmien xieraq għandha tingħata d-deroga mitluba. |
|
(23) |
Il-Greċja għandha tirrapporta lill-Kummissjoni f'intervalli regolari u skont il-pjan ta' monitoraġġ previst fil-pjan ta' ġestjoni Grieg. |
|
(24) |
Jekk it-tul tad-deroga jkun limitat, ikunu jistgħu jiġu żgurati miżuri ta' ġestjoni korrettivi fil-pront, f'każ li r-rapport lill-Kummissjoni juri li l-istatus tal-konservazzjoni tal-istokkijiet sfruttati huwa dgħajjef, filwaqt li jkun hemm l-opportunità biex il-bażi xjentifika tissaħħaħ biex ikun jista' jitfassal pjan ta' ġestjoni aħjar. |
|
(25) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Deroga
1. L-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 ma għandux japplika fl-ilmijiet territorjali tal-Greċja għas-sajd tal-karamella (Spicara smaris) u l-vopa (Boops boops) bit-tartaruni.
2. It-tartaruni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jintużaw minn bastimenti:
|
(a) |
b'numru ta' reġistrazzjoni stabbilit fl-Anness 5 tal-pjan ta' ġestjoni Grieg; |
|
(b) |
li għandhom esperjenza vasta fis-sajd ta' aktar minn ħames snin; u |
|
(c) |
li għandhom awtorizzazzjoni għas-sajd u joperaw skont il-pjan ta' ġestjoni li adottat il-Greċja skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006. |
Artikolu 2
Pjan ta' monitoraġġ u rapportar
Il-Greċja għandha tikkomunika lill-Kummissjoni, rapport imfassal skont il-pjan ta' monitoraġġ stabbilit fil-pjan ta' ġestjoni.
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Din id-deroga għandha tapplika għal perjodu ta' tliet snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Mejju 2017.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 409, 30.12.2006, p. 11.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).