19.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 129/17


REGOLAMENT (UE) 2017/826 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-17 ta' Mejju 2017

dwar l-istabbiliment ta' programm tal-Unjoni biex jappoġġa attivitajiet speċifiċi li jsaħħu l-involviment tal-konsumaturi u utenti aħħarin oħrajn tas-servizzi finanzjarji fit-tfassil tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tas-servizzi finanzjarji għall-perjodu 2017-2020

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-punt (b) tal-Artikolu 169(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz ta' att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-Unjoni tikkontribwixxi biex jiġi żgurat livell għoli ta' ħarsien tal-konsumatur, u biex il-konsumaturi jitqiegħdu fil-qalba tas-suq intern, billi tappoġġa u tikkomplementa l-politiki tal-Istati Membri bil-ħsieb li tfittex li tiżgura li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jgawdu b'mod sħiħ il-benefiċċji tas-suq intern u li, b'hekk, l-interessi legali u ekonomiċi tagħhom jiġu indirizzati u difiżi kif xieraq. Settur tas-servizzi finanzjarji affidabbli u li jaħdem tajjeb huwa komponent ewlieni tas-suq intern u tal-kapaċitajiet transfruntiera tiegħu. Dan jeħtieġ qafas solidu għar-regolamentazzjoni u s-superviżjoni, li jiżgura l-istabbiltà finanzjarja filwaqt li jappoġġa ekonomija sostenibbli. Fl-istess waqt, jenħtieġ li settur tas-servizzi finanzjarji affidabbli u li jaħdem tajjeb jagħti livell għoli ta' ħarsien lill-konsumaturi u lil utenti aħħarin oħrajn tas-servizzi finanzjarji, inklużi investituri individwali, dawk li jfaddlu, detenturi tal-poloz ta' assigurazzjoni, membri u benefiċjarji ta' fondi ta' pensjoni, azzjonisti individwali, mutwatarji, u SMEs.

(2)

Mill-2007 'l hawn, il-fiduċja ta' utenti aħħarin tas-servizzi finanzjarji, b'mod partikolari tal-konsumaturi, ġiet mheżża mill-kriżi ekonomika u finanzjarja. Biex titreġġa' lura l-fiduċja tagħhom fis-sodezza tas-settur finanzjarju u biex isir kontribut lejn l-aħjar prattiki tiegħu, huwa għalhekk importanti li jiżdied il-livell tal-parteċipazzjoni u l-involviment attivi tal-konsumaturi u ta' utenti aħħarin oħrajn tas-servizzi finanzjarji, inklużi investituri individwali, dawk li jfaddlu, detenturi tal-poloz ta' assigurazzjoni, membri u benefiċjarji ta' fondi ta' pensjoni, azzjonisti individwali, mutwatarji u SMEs, kif ukoll ta' partijiet ikkonċernati li jirrappreżentaw l-interessi tagħhom, fit-tfassil tal-politika tal-Unjoni u multilaterali rilevanti oħra fis-settur finanzjarju.

(3)

Sabiex tilħaq dawk l-objettivi, fuq inizjattiva transpartitarja tal-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni tat bidu fi tmiem l-2011 għal proġett pilota li kellu l-għan li jipprovdi għotjiet biex jappoġġa l-iżvilupp ta' ċentru ta' għarfien espert finanzjarju għall-benefiċċju tal-konsumaturi, utenti aħħarin oħrajn u partijiet ikkonċernati li jirrappreżentaw l-interessi tagħhom, biex tissaħħaħ il-kapaċità tagħhom li jipparteċipaw fit-tfassil tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tas-servizzi finanzjarji u tistimola l-iżvilupp ta' sistema bankarja reżiljenti. L-objettivi ta' politika ewlenin kellhom jiżguraw li dawk li jfasslu l-politika tal-Unjoni, meta jibdew ifasslu liġi ġdida tal-Unjoni, jingħataw fehmiet oħrajn apparti dawk espressi mill-professjonisti tas-settur finanzjarju, biex jiżguraw li l-interessi tal-konsumaturi u ta' utenti aħħarin oħrajn tas-servizzi finanzjarji jiġu riflessi f'tali liġi ġdida tal-Unjoni, biex jiżguraw li l-pubbliku ġenerali jkun infurmat aħjar dwar il-kwistjonijiet involuti fir-regolamentazzjoni finanzjarja, biex b'hekk jissaħħaħ il-litteriżmu finanzjarju, u biex jiżguraw li l-parteċipazzjoni attiva tal-konsumaturi u ta' utenti aħħarin oħrajn tas-servizzi finanzjarji jkunu msaħħa fit-tfassil tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, bir-riżultat li jkun hemm liġi tal-Unjoni bbilanċjata tajjeb.

(4)

B'riżultat ta' dan, bejn l-2012 u l-2015, u wara sejħa miftuħa għal proposti, il-Kummissjoni aġġudikat għotjiet operattivi lil żewġ entitajiet mingħajr skop ta' qligħ: Finance Watch u Better Finance. Dawk l-għotjiet ġew aġġudikati fl-2012 u fl-2013 fi proġett pilota ta' sentejn, u mill-2014 fil-forma ta' azzjoni preparatorja. Barra minn hekk, fl-2016, ġie deċiż li jingħataw għotjiet ta' azzjoni minflok għotjiet ta' operazzjoni, peress li l-għotjiet ta' azzjoni jiżguraw kontroll aħjar tal-infiq tal-baġit tal-Unjoni. Peress li azzjoni preparatorja tista' tintuża biss għal massimu ta' tliet snin konsekuttivi skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), huwa meħtieġ att leġiżlattiv biex jagħti bażi ġuridika għall-finanzjament ta' tali azzjonijiet mill-2017 'il quddiem.

(5)

Finance Watch ġiet stabbilita b'għotjiet tal-Unjoni fl-2011 bħala assoċjazzjoni internazzjonali mingħajr skop ta' qligħ skont il-liġi Belġjana. Il-missjoni tagħha hija li tiddefendi l-interessi tas-soċjetà ċivili fis-settur finanzjarju. B'riżultat tal-għotjiet tal-Unjoni, fi żmien qasir Finance Watch irnexxielha tistabbilixxi tim ta' esperti kkwalifikati, li kienu kapaċi jwettqu studji, analiżi ta' politika u attivitajiet ta' komunikazzjoni fil-qasam tas-servizzi finanzjarji.

(6)

Better Finance hija l-prodott ta' riorganizzazzjonijiet u rebranding suċċessivi ta' federazzjonijiet Ewropej preeżistenti ta' investituri u partijiet interessati sa mill-2009. Bis-saħħa tal-għotjiet tal-Unjoni, l-organizzazzjoni ħolqot ċentru ta' ħila esperta finanzjarja, li jiffoka l-aktar fuq l-interessi tal-konsumaturi, investituri individwali, partijiet interessati individwali, persuni li jfaddlu u utenti aħħarin oħrajn tas-servizzi finanzjarji b'koerenza mal-bażi ta' sħubija tagħha u mar-riżorsi tagħha.

(7)

L-evalwazzjoni li twettqet fl-2015 tal-proġett pilota u tal-azzjoni preparatorja sussegwenti mwettqa kkonkludiet li l-objettivi ta' politika kienu ġeneralment milħuqa. Finance Watch u Better Finance ħadmu fuq oqsma ta' politika komplementari u mmiraw lejn udjenzi differenti. Flimkien, l-attivitajiet tagħhom koprew il-biċċa l-kbira tal-aġenda politika finanzjarja tal-Unjoni mill-2012 'l hawn u, sa fejn ippermettew ir-riżorsi tagħhom, Finance Watch u Better Finance għamlu sforzi biex jespandu l-attivitajiet tagħhom bil-għan li jkollhom kopertura ġeografika wiesgħa fl-Unjoni.

(8)

Iż-żewġ organizzazzjonijiet ikkontribwew valur miżjud għall-attivitajiet tal-membri nazzjonali tagħhom kif ukoll għall-konsumaturi tal-Unjoni. L-organizzazzjonijiet nazzjonali li jittrattaw firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet tal-konsumaturi ħafna drabi ma għandhomx il-ħila esperta teknika f'oqsma ta' politika relatati speċifikament mas-servizzi finanzjarji u l-proċessi ta' tfassil tal-politika tal-Unjoni relatat magħhom. Barra minn hekk, sa issa ma ġewx identifikati organizzazzjonijiet simili fil-livell tal-Unjoni. Għalkemm l-evalwazzjoni tal-proġett pilota wriet li ma kienx hemm applikanti oħrajn li rrispondew għas-sejħiet għall-proposti annwali suċċessivi li saru mill-2012 'il quddiem, jenħtieġ li l-programm previst b'dan ir-Regolament ikun miftuħ għal benefiċjarji potenzjali oħrajn wara tmiem il-perjodu 2017-2020 jekk dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti tiegħu.

(9)

Minkejja sforzi regolari, Finance Watch u Better Finance ma rnexxilhomx jattiraw finanzjament stabbli u sinifikanti minn donaturi oħrajn, li huma indipendenti mill-industrija finanzjarja, u, għalhekk, għadhom jiddependu ħafna mill-finanzjament tal-Unjoni biex ikunu finanzjarjament sostenibbli. Għalhekk, bħalissal-kofinanzjament mill-Unjoni huwa neċessarju sabiex jiġi żgurat li jirċievu r-riżorsi meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi ta' politika mixtieqa fis-snin li ġejjin, u biex tiġi pprovduta l-istabbiltà finanzjarja lil dawk l-organizzazzjonjiiet u lill-esperti u l-persunal amministrattiv tagħhom, li sa issa rnexxielhom iniedu l-attivitajiet rilevanti tagħhom f'perjodu ta' żmien qasir. Għalhekk, huwa neċessarju li jiġi stabbilit programm tal-Unjoni għall-perjodu 2017-2020 biex jappoġġa l-attivitajiet ta' Finance Watch u Better Finance (il-'Programm'), li se jissupplimenta politiki simili mwettqa mill-Istati Membri fil-livell nazzjonali. L-istabbiltà finanzjarja hija ta' importanza ewlenija għall-konservazzjoni tal-ħila esperta, kif ukoll għall-ippjanar ta' proġetti għaż-żewġ organizzazzjonijiet. Madankollu, jenħtieġ li l-organizzazzjonijiet li jirċievu appoġġ mill-Programm jistinkaw biex iżidu l-proporzjon tal-finanzjament minn sorsi oħrajn.

(10)

It-tkomplija tal-finanzjament ta' Finance Watch u Better Finance għall-perjodu 2017-2020 fuq l-istess linji tal-azzjoni preparatorja tiżgura li l-impatti pożittivi tal-attivitajiet ta' dawk l-organizzazzjonijiet ivvalutati sa issa jinżammu. Jenħtieġ li l-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm ikun ibbażat fuq l-ispejjeż reali medji mġarrba minn kull organizzazzjoni bejn l-2012 u l-2015. Jenħtieġ li r-rata massima ta' kofinanzjament ta' 60 % f'finanzjament mill-Unjoni tibqa' l-istess. Fl-eventwalità li l-Programm u l-fondi korrispondenti jiġu estiżi għal perjodu lil hinn mill-2020 u jitfaċċaw benefiċjarji potenzjali oħrajn, jenħtieġ li s-sejħa għall-applikanti tkun miftuħa għal kwalunkwe organizzazzjoni oħra li tissodisfa l-kriterji, u li tikkontribwixxi għall-objettivi tal-Programm.

(11)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju għat-tul kollu tal-Programm, li għandu jikkostitwixxi l-ammont ta' referenza ewlieni, fis-sens tal-punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (4), għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali.

(12)

Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni fir-rigward tal-istabbiliment tal-programmi ta' ħidma annwali.

(13)

Kull sena qabel it-30 ta' Novembru, jenħtieġ li kull benefiċjarju jippreżenta lill-Kummissjoni deskrizzjoni tal-attivitajiet biex jintlaħqu l-objettivi ta' politika tal-Programm li huma ppjanati għas-sena ta' wara. Jenħtieġ li dawk l-attivitajiet jiġu deskritti fid-dettall, inklużi l-objettivi, ir-riżultati u l-impatt mistennija, l-ispejjeż stmati u l-perjodu taż-żmien tagħhom, kif ukoll l-indikaturi rilevanti biex issir valutazzjoni tagħhom.

(14)

Jenħtieġ li l-appoġġ finanzjarju jingħata f'konformità mal-kondizzjonijiet stipulati fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 (5).

(15)

Jenħtieġ li rapport ta' evalwazzjoni dwar ir-riżultati miksuba fil-qafas tal-Programm jitressaq mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mhux aktar tard minn 12-il xahar qabel tmiem il-Programm. Jenħtieġ li r-rapport tal-evalwazzjoni jivvaluta jekk il-Programm għandux jibqa' għaddej wara l-perjodu 2017-2020. Jenħtieġ li kwalunkwe estensjoni, modifika jew tiġdid tal-Programm wara l-perjodu 2017-2020 ikunu soġġetti għal proċedura ta' sejħa miftuħa biex jintgħażlu l-benefiċjarji.

(16)

Jenħtieġ li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jiġu mħarsa permezz ta' miżuri proporzjonali tul iċ-ċiklu kollu tal-infiq, li jinkludi l-prevenzjoni, il-kxif u l-investigazzjoni ta' irregolaritajiet, l-irkupru ta' fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b'mod ħażin u, fejn xieraq, pieni amministrattivi u finanzjarji.

(17)

Jenħtieġ li l-benefiċjarji jagħmlu kull sforz biex l-attivitajiet tagħhom ikunu viżibbli fl-Istati Membri kollha. Sabiex jintlaħaq dak l-objettiv, jenħtieġ li l-benefiċjarji jagħmlu ħilithom biex jistabbilixxu kuntatti ma' organizzazzjonijiet tal-konsumatur mingħajr skop ta' qligħ rilevanti fl-Unjoni, u, fejn possibbli, jittraduċu, informazzjoni relatata mal-organizzazzjoni, is-sħubija u l-attivitajiet tagħhom u jippubblikaw dik l-informazzjoni fuq is-siti web tagħhom.

(18)

Biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-azzjonijiet imwettqa mill-benefiċjarji u mogħtija appoġġ permezz ta' finanzjament mill-Unjoni, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu u jenħtieġ li japplika mill-1 ta' Mejju 2017.

(19)

Minħabba li l-objettiv ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-istabbiliment ta' programm tal-Unjoni li jappoġġa attivitajiet speċifiċi li jsaħħu l-involviment tal-konsumaturi u utenti aħħarin oħrajn tas-servizzi finanzjarji fit-tfassil tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tas-servizzi finanzjarji ma jistax jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda pjuttost jista', minħabba l-iskala jew l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-objettiv,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Programm tal-Unjoni (il-“Programm”) huwa b'dan stabbilit għall-perjodu mill-1 ta' Mejju 2017 sal-31 ta' Diċembru 2020 sabiex jappoġġa l-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 3(1). Dawk l-attivitajiet jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-objettivi ta' politika tal-Unjoni b'rabta mat-tisħiħ tal-involviment tal-konsumaturi u ta' utenti aħħarin oħrajn tas-servizzi finanzjarji, kif ukoll ta' partijiet ikkonċernati li jirrappreżentaw l-interessi tagħhom fit-tfassil tal-politika tal-Unjoni u multilaterali rilevanti oħra fil-qasam tas-servizzi finanzjarji.

2.   Sabiex jintlaħqu l-objettivi tiegħu, l-attivitajiet li ġejjin għandhom ikunu kofinanzjati mill-Programm:

(a)

attivitajiet ta' riċerka, inkluża l-produzzjoni ta' riċerka u data proprji, u l-iżvilupp ta' ħila esperta;

(b)

interazzjoni mal-konsumaturi u ma' utenti aħħarin oħrajn tas-servizzi finanzjarji permezz ta' kuntatt man-netwerks u l-helplines tal-konsumaturi eżistenti fl-Istati Membri bil-għan li jiġu identifikati kwistjonijiet rilevanti għat-tfassil tal-politika tal-Unjoni sabiex jitħarsu l-interessi tal-konsumaturi fil-qasam tas-servizzi finanzjarji;

(c)

attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni, ta' disseminazzjoni u l-proviżjoni ta' edukazzjoni u taħriġ fil-qasam finanzjarju, direttament jew permezz tal-membri nazzjonali tagħhom, inkluż għal udjenza wiesgħa ta' konsumaturi, utenti aħħarin oħrajn fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, u persuni mhux esperti;

(d)

attivitajiet li jsaħħu l-interazzjonijiet bejn il-membri tal-organizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1), kif ukoll attivitajiet ta' sosteniment u konsulenza politika li jrawmu l-pożizzjonijiet ta' dawk il-membri fil-livell tal-Unjoni u jippromwovu l-interess ġenerali u tal-pubbliku fir-regolamentazzjoni finanzjarja u tal-Unjoni.

Artikolu 2

Objettivi tal-Programm

1.   Il-Programm għandu jkollu l-objettivi li ġejjin:

(a)

li jsaħħaħ aktar il-parteċipazzjoni u l-involviment attivi tal-konsumaturi u ta' utenti aħħarin oħrajn tas-servizzi finanzjarji, kif ukoll ta' partijiet ikkonċernati li jirrappreżentaw l-interessi tal-konsumaturi u ta' utenti aħħarin oħrajn tas-servizzi finanzjarji, fit-tfassil tal-politika tal-Unjoni u multilaterali rilevanti oħra fil-qasam tas-servizzi finanzjarji;

(b)

li jinforma lill-konsumaturi u utenti aħħarin oħrajn tas-servizzi finanzjarji, kif ukoll partijiet ikkonċernati li jirrappreżentaw l-interessi tagħhom, dwar kwistjonijiet involuti fir-regolamentazzjoni tas-settur finanzjarju.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-Programm ikun ivvalutat b'mod regolari rigward l-objettivi stabbiliti fil-paragrafu 1, b'mod partikolari billi jeħtieġ li kull benefiċjarju jipprovdi dawn li ġejjin:

(a)

deskrizzjoni annwali tal-azzjonijiet imwettqa mill-benefiċjarju fil-qafas tal-Programm;

(b)

rapport annwali tal-attività li għandu jinkludi indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi għal kull attività ppjanata u mwettqa mill-benefiċjarju;

(c)

rapport finanzjarju.

Tali valutazzjoni għandha tinkludi t-tfassil tar-rapport imsemmi fl-Artikolu 9(1).

Artikolu 3

Benefiċjarji tal-Programm

1.   Finance Watch u Better Finance għandhom ikunu benefiċjarji tal-Programm (il-“benefiċjarji”).

2.   Sabiex jibbenefika mill-Programm, benefiċjarju għandu jibqga' entità legali non-governattiva, mingħajr skop ta' qligħ, u indipendenti mill-industrija, il-kummerċ, jew in-negozju. Ma għandux ikollu interessi kunfliġġenti u permezz tal-membri tiegħu għandu jirrappreżenta l-interessi tal-konsumaturi u ta' utenti aħħarin oħrajn tal-Unjoni fil-qasam tas-servizzi finanzjarji.

Sabiex jirrappreżenta l-interessi tal-konsumaturi u ta' utenti aħħarin oħrajn tas-servizzi finanzjarji fl-akbar numru possibbli ta' Stati Membri, benefiċjarju għandu jfittex li jespandi n-netwerk tiegħu ta' membri attivi fl-Istati Membri u biex jiżgura kopertura ġeografika komprensiva.

Il-Kummissjoni għandha tassisti lill-benefiċjarji fl-identifikazzjoni ta' membri potenzjali fl-Istati Membri. Il-Kummissjoni għandha tiżgura wkoll li kull benefiċjarju jkompli jikkonforma mal-kriterji stabbiliti fl-ewwel u t-tieni subparagrafi ta' dan il-paragrafu għat-tul il-Programm, billi tinkludihom fil-programmi ta' ħidma annwali msemmija fl-Artikolu 7 u billi tagħmel valutazzjoni annwali dwar jekk il-benefiċjarji jkunux laħqu dawk il-kriterji, qabel ma taġġudika l-għotjiet ta' azzjoni msemmija fl-Artikolu 4.

3.   Fl-eventwalità li l-benefiċjarji jingħaqdu, l-entità legali li tirriżulta għandha ssir il-benefiċjarju uniku tal-Programm.

Artikolu 4

Aġġudikazzjoni ta' għotjiet

Il-finanzjament skont il-Programm għandu jingħata fil-forma ta' għotjiet ta' azzjoni aġġudikati fuq bażi annwali u għandu jkun ibbażat fuq il-Proposta mressqa minn benefiċjarju f'konformità mal-Artikolu 7(2).

Artikolu 5

Trasparenza

1.   Kwalunkwe komunikazzjoni jew pubblikazzjoni relatata ma' azzjoni mwettqa minn benefiċjarju u ffinanzjata bis-saħħa tal-Programm għandha tindika li l-benefiċjarju jkun irċieva finanzjament mill-baġit tal-Unjoni.

2.   Kull benefiċjarju għandu, fi żmien xahrejn mill-adozzjoni tal-programmi ta' ħidma annwali min-naħa tal-Kummissjoni, jipprovdi l-informazzjoni li ġejja fl-istess ħin lill-pubbliku u lill-organizzazzjonijiet tal-konsumatur mingħajr skop ta' qligħ rilevanti:

(a)

l-organizzazzjoni u l-ambitu tal-ħidma;

(b)

il-possibbiltà li wieħed isir membru, il-kondizzjonijiet tas-sħubija u l-istruttura tal-benefiċjarju;

(c)

liema mill-attivitajiet tiegħu huma koperti mill-Artikolu 1(2).

Artikolu 6

Dispożizzjonijiet finanzjarji

1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm għall-perjodu mill-1 ta' Mejju 2017 sal-31 ta' Diċembru 2020 għandu jkun ta' mhux aktar minn EUR 6 000 000 fi prezzijiet attwali.

2.   L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-limiti tal-qafas finanzjarju pluriennali.

Artikolu 7

Implimentazzjoni tal-Programm

1.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-Programm f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

2.   Sabiex jibbenefikaw mill-Programm, kull benefiċjarju għandu jippreżenta kull sena, qabel it-30 ta' Novembru, lill-Kummissjoni deskrizzjoni tal-attivitajiet imsemmijin fl-Artikolu 1(2) ippjanati għas-sena ta' wara li jsegwu l-objettivi ta' politika tal-Programm (il-“Proposta”). Dawk l-attivitajiet għandhom jiġu deskritti fid-dettall, inklużi l-objettivi, ir-riżultati u l-impatt mistennija, l-ispejjeż stmati u l-perjodu taż-żmien tagħhom, kif ukoll l-indikaturi rilevanti li permezz tagħhom jiġu vvalutati.

3.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-Programm permezz tal-programmi ta' ħidma annwali f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

Il-programmi ta' ħidma annwali għandhom jistipulaw l-objettivi li jridu jiġi segwiti, ir-riżultati mistennija tal-azzjonijiet li jridu jitwettqu mill-benefiċjarji, il-metodu tal-implimentazzjoni ta' dawk l-azzjonijiet u l-ammont totali ta' finanzjament meħtieġ biex jitwettqu dawk l-azzjonijiet. Għandhom jinkludu wkoll deskrizzjoni tal-azzjonijiet li jridu jiġu ffinanzjati, indikazzjoni tal-ammont ta' finanzjament allokat għal kull azzjoni u skeda indikattiva tal-implimentazzjoni.

Għall-għotjiet ta' azzjoni, il-programmi ta' ħidma annwali għandhom jistabbilixxu l-prijoritajiet, il-kriterji essenzjali għall-aġġudikazzjoni u r-rata massima ta' kofinanzjament. Ir-rata massima ta' kofinanzjament dirett għandha tkun ta' 60 % tal-ispejjeż eliġibbli. Fl-eventwalità li benefiċjarju jirċievi finanzjament mingħand membri li huma nfushom jirċievu finanzjament bis-saħħa ta' programmi ta' finanzjament tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tillimita l-kontribuzzjoni annwali tagħha biex ikun żgurat li l-finanzjament dirett u indirett totali mill-Unjoni għal azzjonijiet skont il-Programm lil dak il-benefiċjarju ma jaqbiżx is-70 % tal-ispejjeż totali eliġibbli.

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta l-programmi ta' ħidma annwali permezz ta' deċiżjoni ta' finanzjament.

Artikolu 8

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri xierqa sabiex tiżgura li, meta jiġu implimentati l-azzjonijiet iffinanzjati skont dan ir-Regolament, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu protetti permezz tal-applikazzjoni ta' miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, permezz ta' kontrolli effikaċi u, jekk jiġu identifikati xi irregolaritajiet, permezz tal-irkupru tal-ammonti mħallsa bi żball u, fejn ikun il-każ, permezz ta' pieni amministrattivi u finanzjarji effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha u l-Qorti tal-Awdituri għandu jkollhom is-setgħa li jwettqu awditi, fuq il-bażi ta' dokumenti u spezzjonijiet fuq il-post, tal-benefiċjarji ta' għotjiet, tal-kuntratturi u tas-sottokuntratturi kollha li jkunu rċevew fondi tal-Unjoni bis-saħħa tal-Programm.

3.   L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jista' jwettaq investigazzjonijiet, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post f'konformità mad-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stipulati fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (7), bil-għan li jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b'konnessjoni ma' ftehim ta' għotja jew deċiżjoni ta' għotja jew kuntratt iffinanzjat bis-saħħa tal-Programm.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1, 2 u 3, il-ftehimiet ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, kuntratti, ftehimiet ta' għotja u deċiżjonijiet ta' għotja li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandu jkun fihom dispożizzjonijiet li b'mod espliċitu jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF biex iwettqu tali awditi u investigazzjonijiet, f'konformità mal-kompetenzi rispettivi tagħhom.

Artikolu 9

Evalwazzjoni tal-Programm

1.   Mhux aktar tard minn 12-il xahar qabel tmiem il-Programm, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta' evalwazzjoni dwar l-ilħuq tal-objettivi tal-Programm u għandha, fuq talba, tagħtihom l-informazzjoni li tkun intużat għax-xogħol ta' evalwazzjoni u li tkun għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, filwaqt li tirrispetta r-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data u l-obbligi tal-kunfidenzjalità.

Dak ir-rapport ta' evalwazzjoni għandu jevalwa r-rilevanza u l-valur miżjud tal-Programm b'mod ġenerali, l-effikaċja u l-effiċjenza tal-eżekuzzjoni tiegħu, kif ukoll l-effikaċja ġenerali u individwali tal-prestazzjoni tal-benefiċjarji f'termini tal-objettivi stipulati fl-Artikolu 2(1).

2.   Ir-rapport ta' evalwazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 għandu jintbagħat lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għall-informazzjoni tiegħu.

Artikolu 10

Dispożizzjoni tranżitorja

Il-benefiċjarji għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni l-Proposta għall-ewwel sena tal-Programm fi żmien tat-3 ta' Ġunju 2017.

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Mejju 2017 sal-31 ta' Diċembru 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-17 ta' Mejju 2017

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

C. ABELA


(1)  ĠU C 34, 2.2.2017, p. 117.

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2017 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2017.

(3)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(4)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(5)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fil-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).