29.4.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 113/12


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/750

tal-24 ta' Frar 2017

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 673/2005 li jistabbilixxi dazji doganali fuq l-importazzjoni addizzjonali ta' ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 673/2005 tal-25 ta' April 2005 li jistabbilixxi d-dazji doganali ta' importazzjoni addizzjonali ta' ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,

Billi:

(1)

Minħabba n-nuqqas tal-Istati Uniti biex iġibu l-Att dwar il-Kumpens għall-Persistenza tad-Dumping u għaż-Żamma tas-Sussidji (CDSOA) konformi mal-obbligi skont il-ftehimiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), ir-Regolament (KE) Nru 673/2005 impona dazju doganali addizzjonali ad valorem ta' 15 % fuq importazzjonijiet ta' ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika mill-1 ta' Mejju 2005. B'konformità mal-awtorizzazzjoni tad-WTO biex tiġi sospiża l-applikazzjoni tal-konċessjonijiet lill-Istati Uniti, il-Kummissjoni għandha taġġusta l-livell tas-sospensjoni kull sena għal-livell ta' nullifikazzjoni jew indebolment, ikkawżat mis-CDSOA lill-Unjoni Ewropea f'dak iż-żmien.

(2)

L-iżborżi tas-CDSOA għall-aktar sena riċenti li għaliha hemm data disponibbli għandhom x'jaqsmu mad-distribuzzjoni ta' dazji antidumping u kompensatorji miġbura matul is-Sena Fiskali 2016 (mill-1 ta' Ottubru 2015 sat-30 ta' Settembru 2016) kif ukoll mad-distribuzzjoni addizzjonali ta' dazji antidumping u kompensatorji miġbura matul is-Snin Fiskali 2011, 2012, 2013, 2014 u 2015. Abbażi tad-data ppublikata mill-Ħarsien tad-Dwana u tal-Fruntieri tal-Istati Uniti, il-livell ta' nullifikazzjoni jew indebolment kkawżat lill-Unjoni huwa kkalkulat li jammonta għal USD 8 165 179.

(3)

Il-livell ta' nullifikazzjoni jew indebolment, u konsegwentement ta' sospensjoni, naqas. Madankollu, il-livell ta' sospensjoni ma jistax jiġi aġġustat għal-livell ta' nullifikazzjoni jew indebolment billi jiżdiedu jew jitneħħew prodotti mil-lista fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 673/2005. Minħabba f'hekk, skont l-Artikolu 3(1)(e) ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni żżomm il-lista ta' prodotti fl-Anness I bla tibdil u temenda r-rata tad-dazju addizzjonali sabiex taġġusta l-livell ta' sospensjoni għal-livell ta' nullifikazzjoni jew indebolment. Jenħtieġ għalhekk li l-erba' prodotti elenkati fl-Anness I jinżammu fil-lista u jinħtieġ li r-rata tad-dazju tal-importazzjoni addizzjonali tiġi emendata u ffissata għal 4,3 %.

(4)

L-effett ta' dazju tal-importazzjoni addizzjonali ad valorem ta' 4,3 % fuq importazzjonijiet mill-Istati Uniti tal-prodotti fl-Anness I jirrappreżenta, fuq tul ta' sena, valur ta' kummerċ li ma jaqbiżx USD 8 165 179.

(5)

Biex ikun żgurat li ma jkun hemm ebda dewmien fl-applikazzjoni tar-rata emendata tad-dazju ta' importazzjoni addizzjonali, jinħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ dakinhar li jiġi ppubblikat.

(6)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 673/2005 jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 673/2005 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 2

Dazju ad valorem ta' 4,3 % addizzjonali għad-dazju doganali applikabbli skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (*1) għandu jiġi impost fuq il-prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika elenkati fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Mejju 2017.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Frar 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 110, 30.4.2005, p. 1; kif emendat mir-Regolament (UE) Nru 38/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 18, 21.1.2014, p. 52).


ANNESS

ANNESS I

Il-prodotti li fuqhom għandhom japplikaw dazji addizzjonali huma identifikati mill-kodiċijiet NM tagħhom bi tmien ċifri. Id-deskrizzjoni tal-prodotti klassifikati skont dawn il-kodiċijiet tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (1) kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1810/2004 (2).

 

0710 40 00

 

9003 19 30

 

8705 10 00

 

6204 62 31