31.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 87/224


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/582

tad-29 ta' Ġunju 2016

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-obbligu ta' kklerjar għad-derivati negozjati fi swieq regolati u ż-żmien ta' aċċettazzjoni għall-ikklerjar

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1) u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 29(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex jiġu ġestiti r-riskji operazzjonali u riskji oħrajn meta jiġu ppreżentati u aċċettati għall-ikklerjar tranżazzjonijiet f'derivati kklerjati u sabiex tingħata ċertezza lill-kontropartijiet malajr kemm jista' jkun, huwa importanti li jiġi ddeterminat jekk tranżazzjoni ta' derivati kklerjati hijiex se tiġi aċċettata għall-ikklerjar minn CCP fi stadju bikri, u sa fejn hu possibbli qabel issir it-tranżazzjoni, kif ukoll il-konsegwenzi jekk CCP ma taċċettax għall-ikklerjar it-tranżazzjoni derivata ppreżentata.

(2)

Sabiex jiġu applikati soluzzjonijiet tekniċi li jistgħu jiġu adattati biex jiġi żgurat li tranżazzjonijiet f'derivati kklerjati jistgħu jiġu ppreżentati u aċċettati għall-ikklerjar kemm jista' jkun malajr u sa fejn hu teknoloġikament prattikabbli, l-informazzjoni meħtieġa minn ċentru tan-negozjar u CCP biex iwettqu l-kompiti tagħhom għandha tiġi determinata minn qabel u stabbilita b'mod ċar fid-dokumentazzjoni taċ-ċentru tan-negozjar u tas-CCP.

(3)

Sabiex jiġu stabbiliti prezzijiet adegwati għat-tranżazzjonijiet f'derivati, il-kontropartijiet iqisu li tranżazzjonijiet ikklerjati f'livell ċentrali huma suġġetti għal reġim kollaterali differenti minn tranżazzjonijiet ikklerjati mhux f'livell ċentrali, irrispettivament minn jekk it-tranżazzjoni tkunx ikklerjata peress li hija awtorizzat li tiġi kklerjata jew jekk it-tranżazzjoni tkunx ikklerjata peress li l-partijiet ikunu altrimenti qablu li tiġi kklerjata. Għalhekk, il-kontropartijiet għandhom jibbenefikaw mill-fatt li jkollhom l-istess proċess u l-istess rekwiżiti kemm għal tranżazzjonijiet derivati kklerjati b'mod obbligatorju kif ukoll għal dawk b'mod volontarju biex jiġi żgurat li tranżazzjonijiet derivati kklerjati jiġu ppreżentati u aċċettati għall-ikklerjar kemm teknoloġikament prattikabbli.

(4)

Fejn tranżazzjonijiet derivati kklerjati jiġu konklużi f'ċentru tan-negozjar, sabiex qabel ma ssir tranżazzjoni jiġi identifikat jekk it-tranżazzjoni tkunx se tiġi ikklerjat minn CCP, iċ-ċentru tan-negozjar u s-CCP għandu jkollhom regoli li jiżguraw li din it-tranżazzjoni tista' tiġi awtomatikament ikklerjata. Inkella, iċ-ċentru tan-negozjar għandu jippermetti li l-membri tal-ikklerjar tas-CCP jiċċekkjaw ordnijiet fir-rigward tal-limiti stabbiliti għall-klijenti tagħhom.

(5)

Iż-żmien mogħti lil ċentru tan-negozjar biex jipproċessa tranżazzjonijiet derivati kklerjati għandu jkun iqsar għal tranżazzjonijiet ta' derivati kklerjati nnegozjati elettronikament milli għal tranżazzjonijiet derivati kklerjati nnegozjati mhux elettronikament minħabba li l-livell ta' pproċessar awtomatizzat għandu jkun ogħla fl-ewwel każ.

(6)

Ċentru tan-negozjar għandu jibgħat l-informazzjoni relatata ma' tranżazzjonijiet ta' derivati kklerjati lil CCP f'format elettroniku maqbul minn qabel għal tranżazzjonijiet derivati kklerjati kemm negozjati elettronikament kif ukoll negozjati mhux elettronikament. Għalhekk, iż-żmien mogħti lil CCP biex tiddeċiedi jekk tranżazzjoni derivata kklerjata tistax tiġi aċċettata għall-ikklerjar għandu jkun l-istess għal tranżazzjonijiet derivati kklerjati negozjati elettronikament kif ukoll mhux elettronikament.

(7)

L-ipproċessar ta' tranżazzjonijiet derivati kklerjati li jsir fuq bażi bilaterali huwa normalment inqas awtomatizzat mill-ipproċessar ta' tranżazzjonijiet derivati kklerjati konklużi f'ċentru tan-negozjar. Għalhekk, iż-żmien mogħti lill-kontropartijiet biex jippreżentaw lil CCP tranżazzjoni derivata kklerjata li ssir fuq bażi bilaterali għandu jkun itwal miż-żmien mogħti għal tranżazzjoni derivata kklerjata konkluża f'ċentru tan-negozjar.

(8)

Sabiex timmaniġġja r-riskji tal-kreditu relatati ma' tranżazzjonijiet derivati kklerjati li jsiru fuq bażi bilaterali, CCP għandha tippermetti li l-membri tal-ikklerjar jagħmlui rieżami tad-dettalji tat-tranżazzjoni tal-klijenti tagħhom u li tiddeċiedi jekk għandhiex taċċettahom. Billi l-proċess bejn CCP u membru tal-ikklerjar huwa normalment awtomatizzat, dan il-proċess għandu jirrikjedi żmien limitat.

(9)

Is-CCPs kif ukoll il-membri tal-ikklerjar jimmaniġġjaw ir-riskju tal-kreditu assoċjat mal-akkumulu tal-iskoperturi kurrenti li jirriżultaw mill-ikklerjar ta' derivati kklerjati. Tipikament, dan jinkludi l-iffissar ta' limiti mis-CCP jew mill-membru tal-ikklerjar għal kull kontroparti sabiex jimmitigaw l-esponiment għar-riskju assoċjat, li jista' jirriżulta f'talbiet ġodda għal ċerti tranżazzjonijiet derivati kklerjati mhux aċċettati mill-membru tal-ikklerjar jew mis-CCP. L-iżgurar li tranżazzjonijiet derivati kklerjati jiġu ppreżentati għall-ikklerjar kemm jista' jkun malajr sa fejn hu teknoloġikament prattikabbli ma jimplikax għaldaqstant li t-tranżazzjonijiet derivati kklerjati kollha se jkunu aċċettati għall-ikklerjar fiċ-ċirkostanzi kollha. Fejn tranżazzjonijiet derivati kklerjati ma jiġux aċċettati għall-ikklerjar, il-kontropartijiet għandu jkollhom iċ-ċarezza dwar it-trattament ta' dawn it-tranżazzjonijiet biex jiħħeġġjaw ir-riskju tagħhom.

(10)

Peress li l-ipproċessar ta' tranżazzjoni ta' derivati kklerjata konkluża elettronikament f'ċentru tan-negozjar u mibgħuta lil CCP għall-ikklerjar jeħtieġ żmien limitat, iż-żmien biex jiċċaqlaq is-suq, u biex jinbidel il-valur u r-riskju tat-tranżazzjoni derivata kklerjata, bejn l-ordni u r-rifjut huwa wkoll limitat ħafna. Billi d-dannu li potenzjalment iġarrbu l-kontropartijiet li t-tranżazzjonijiet tagħhom ma jiġux aċċettati għall-ikklerjar mis-CCP huwa negliġibbli, u sabiex tingħata ċertezza lill-kontropartijiet, tranżazzjonijiet derivati kklerjati konklużi elettronikament f'ċentru tan-negozjar u mhux aċċettati għall-ikklerjar minn CCP għandhom jiġu kkunsidrati nulli.

(11)

Peress li l-ipproċessar ta' tranżazzjonijiet derivati kklerjati għajr tranżazzjonijiet derivati kklerjati konklużi elettronikament f'ċentru tan-negozjar normalment jieħu żmien itwal, dan il-perjodu ta' żmien jista' jkun twil biżżejjed biex sadanittant is-suq ikun iċċaqlaq, u l-valur u r-riskju ta' tranżazzjoni derivata kklerjat jkunu nbidlu b'mod sinifikanti. Għalhekk, kanċellazzjoni ta' tranżazzjoni tista' ma tkunx t-trattament xieraq għat-tranżazzjonijiet kollha mhux aċċettati mis-CCP. Sabiex tingħata ċertezza dwar it-trattament ta' tranżazzjonijiet derivati kklerjati għajr tranżazzjonijiet derivati kklerjati konklużi elettronikament f'ċentru tan-negozjar u li ma ġewx aċċettati minn CCP għall-ikklerjar, ir-regoli tal-post tan-negozjar, u l-arranġamenti kuntrattwali bejn il-kontropartijiet fejn xieraq, għandhom jiċċaraw bil-quddiem kif dawn l-operazzjonijiet għandhom jiġu ttrattati.

(12)

Meta tranżazzjoni derivata kklerjata ma tiġix aċċettata għall-ikklerjar għal raġunijiet għajr raġunijiet relatati mar-riskju tal-kreditu bħal problemi tekniċi jew klerikali li jirriżultaw mit-trażmissjoni ta' informazzjoni inkorretta jew mhux kompleta, il-kontropartijiet jistgħu xorta jkunu jridu li jikklerjaw dik it-tranżazzjoni derivata. Fejn iż-żewġ kontropartijiet jaqblu li jippreżentaw mill-ġdid it-tranżazzjoni, sakemm it-tranżazzjoni tkun ippreżentata mill-ġdid f'perjodu ta' żmien relattivament qasir wara l-ewwel preżentazzjoni u dik il-preżentazzjoni mill-ġdid tippermetti l-investigazzjoni u r-riżoluzzjoni tar-raġuni għaliex it-tranżazzjoni ma tkunx ġiet aċċettata għall-ikklerjar, tista' titħalla li ssir it-tieni preżentazzjoni fil-forma ta' tranżazzjoni derivata kklerjata ġdida bl-istess termini ekonomiċi peress li li tibqa' tiżgura ġestjoni xierqa tar-riskji operazzjonali u oħrajn mhux relatati mal-kreditu.

(13)

Għal raġunijiet ta' konsistenza u sabiex ikun żgurat il-funzjonament tajjeb tas-swieq finanzjarji, huwa meħtieġ li d-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 600/2014 ikunu japplikaw mill-istess data.

(14)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji ppreżentati mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) lill-Kummissjoni.

(15)

L-ESMA mexxiet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit bl-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Arranġamenti biex jiġi ffaċilitat it-trasferiment ta' informazzjoni

1.   Fir-regoli tiegħu ċentru tan-negozjar għandu jispjega fid-dettall l-informazzjoni li jeħtieġ mingħand il-kontropartijiet għal tranżazzjoni derivata kklerjata sabiex jippreżenta din it-tranżazzjoni għall-ikklerjar mis-CCP, u l-format li fih għandha tiġi pprovduta din l-informazzjoni.

2.   Fir-regoli tagħha CCP għandha tispjega fid-dettall l-informazzjoni meħtieġa minnha mingħand il-kontropartijiet għal tranżazzjoni derivata kklerjata u minn ċentri tan-negozjar għall-ikklerjar ta' dik it-tranżazzjoni, u l-format li fih għandha tiġi pprovduta din l-informazzjoni.

Artikolu 2

Kontroll ta' qabel in-negozju għal tranżazzjonijiet derivati kklerjati konklużi f'ċentru tan-negozjar

1.   Iċ-ċentri tan-negozjar u l-membri tal-ikklerjar għandhom jissubordinaw l-ordnijiet għall-konklużjoni ta' tranżazzjonijiet derivati kklerjati f'ċentru tan-negozjar għar-rekwiżiti stipulati fil-paragrafi 2, 3 u 4, ħlief meta l-kundizzjonijiet kollha stipulati fil-punti (a), (b) u (c) ta' dan il-paragrafu jkunu ssodisfati:

(a)

ir-regoli tal-post tan-negozjar jeħtieġu li kull membru jew parteċipant fiċ-ċentru ta' negozjar, li mhuwiex membru tal-ikklerjar ta' CCP li permezz tagħha t-tranżazzjoni derivata tiġi kklerjata, ikollu arranġament kuntrattwali ma' membru tal-ikklerjar tas-CCP li permezz tiegħu membru tal-ikklerjar isir awtomatikament kontroparti għat-tranżazzjoni derivata kklerjata;

(b)

ir-regoli tas-CCP jipprevedu li t-tranżazzjoni derivata kklerjata konkluża f'ċentru tan-negozjar tiġi kklerjata awtomatikament u immedjatament, filwaqt li l-membru tal-ikklerjar imsemmi fil-punt (a) isir kontroparti għas-CCP;

(c)

ir-regoli taċ-ċentru tan-negozjar jipprevedu li l-membru jew il-parteċipant fiċ-ċentru ta' negozjar jew lill-klijent tiegħu jsiru kontroparti għar-tranżazzjoni derivata kklerjata, wara li t-tranżazzjoni derivata kklerjata tiġi kklerjata, skont l-applikazzjoni ta' arranġamenti ta' kklerjar diretti jew indiretti mal-membru tal-ikklerjar.

2.   Ċentru tan-negozju għandu jipprovdi għodda sabiex jiżgura skrinjar qabel il-konklużjoni fuq bażi ta' kull ordni minn kull membru tal-ikklerjar tal-limiti stabbiliti u miżmuma minn dak il-membru tal-ikklerjar għall-klijent tiegħu skont ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/589 (3).

3.   Ċentru tan-negozjar għandu jiżgura, qabel il-konklużjoni tal-imsemmija ordni li l-ordni tal-klijent tkun fil-limiti applikabbli għal dan il-klijent skont il-paragrafu 2:

(a)

fi żmien 60 sekonda minn meta tasal l-ordni meta l-ordni tkun saret b'mod elettroniku;

(b)

fi żmien 10 minuti minn meta tasal l-ordni meta l-ordni ma tkunx saret b'mod elettroniku.

4.   Meta l-ordni ma tkunx fil-limiti applikabbli għall-klijent skont il-paragrafu 2, iċ-ċentru tan-negozjar għandu jinforma lill-klijent u lill-membru tal-ikklerjar li l-ordni ma tistax tiġi konkluża skont l-iskedi ta' żmien li ġejjin:

(a)

meta l-ordni tkun saret b'mod elettroniku, fuq il-bażi ta' ħin reali;

(b)

meta l-ordni ma tkunx saret elettronikament, fi żmien ħames (5) minuti mill-mument meta l-ordni tkun ġiet iċċekkjata fir-rigward tal-limiti applikabbli.

Artikolu 3

Skedi ta' żmien għat-trasferiment ta' informazzjoni għal tranżazzjonijiet derivati kklerjati f'ċentru tan-negozjar

1.   Iċ-ċentru tan-negozjar, is-CCP u l-membru tal-ikklerjar għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi minn 2 sa 5 ta' dan l-Artikolu ħlief meta l-kundizzjonijiet kollha stipulati fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 2(1) ikunu ssodisfati.

2.   Għal tranżazzjonijiet derivati kklerjati li huma konklużi f'ċentru tan-negozjar b'mod elettroniku, iċ-ċentru tan-negozjar għandu jibgħat l-informazzjoni relatata ma' kull tranżazzjoni lis-CCP fi żmien 10 sekondi mill-mument tal-konklużjoni tat-tranżazzjoni.

3.   Għal tranżazzjonijiet derivati kklerjati li huma konklużi f'ċentru tan-negozjar b'mod mhux elettroniku, iċ-ċentru tan-negozjar għandu jibgħat l-informazzjoni relatata ma' kull tranżazzjoni lis-CCP fi żmien 10 minuti mill-mument tal-konklużjoni tat-tranżazzjoni.

4.   CCP għandha taċċetta jew ma taċċettax tranżazzjoni derivata kklerjata konkluża f'ċentru tan-negozjar fi żmien 10 sekondi minn meta tasal l-informazzjoni mingħand iċ-ċentru tan-negozjar u tinforma lill-membru tal-ikklerjar u liċ-ċentri tan-negozjar b'kull rifjut fuq bażi ta' ħin reali.

5.   Il-membru tal-ikklerjar u ċ-ċentru tan-negozjar għandhom jinformaw lill-kontroparti li kkonkludiet it-tranżazzjoni derivata kklerjata fiċ-ċentru tan-negozjar dwar ir-rifjut malli s-CCP tkun infurmathom bir-rifjut.

Artikolu 4

Skedi ta' żmien għat-trasferiment ta' informazzjoni għal tranżazzjonijiet derivati kklerjati fuq bażi bilaterali

1.   Għal tranżazzjonijiet derivati kklerjati konklużi minn kontropartijiet fuq bażi bilaterali, il-membru tal-ikklerjar għandu:

(a)

jikseb evidenza mingħand il-klijent tiegħu dwar il-konklużjoni tal-iskeda ta' żmien tat-tranżazzjoni ppreżentata għall-ikklerjar;

(b)

jiżgura li l-kontropartijiet jibagħtu lis-CCP l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) fi żmien 30 minuta mill-mument tal-konklużjoni tat-tranżazzjoni.

2.   Is-CCP għandha tibgħat lill-membru tal-ikklerjar tagħha l-informazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 rigward it-tranżazzjoni fi żmien 60 sekonda minn meta tirċievi din l-informazzjoni mingħand il-kontropartijiet. Il-membru tal-ikklerjar għandu jaċċetta jew ma jaċċettax it-tranżazzjoni fi żmien 60 sekonda minn meta jirċievi l-informazzjoni mingħand is-CCP.

3.   Is-CCP għandha taċċetta jew ma taċċettax l-ikklerjar ta' tranżazzjoni derivata kklerjata konkluża fuq bażi bilaterali fi żmien 10 sekondi minn meta tirievi l-aċċettazzjoni jew ir-rifjut mingħand il-membru tal-ikklerjar.

4.   Madankollu, il-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu ma għandhomx japplikaw meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

ir-regoli tas-CCP jiżguraw l-istabbiliment u ż-żamma fuq nażi regolari ta' limiti minn membru tal-ikklerjar għall-klijent tiegħu skont ir-Regolament Delegat (UE) 2017/589;

(b)

ir-regoli ta' CCP jipprevedu li tranżazzjoni derivata kklerjata li tkun fil-limiti b'konformità mal-punt (a) ta' dan il-paragrafu tiġi awtomatikament ikklerjata mis-CCP fi żmien 60 sekonda minn meta tirċievi l-informazzjoni dwar it-tranżazzjoni derivata kklerjata mill-kontropartijiet.

5.   Is-CCP li ma taċċettax għall-ikklerjar tranżazzjoni derivata kklerjata konkluża fuq bażi bilaterali għandha tinforma lill-membru tal-ikklerjar bir-rifjut fuq bażi ta' ħin reali. Il-membru tal-ikklerjar għandu jinforma lill-kontroparti li kkonkludiet it-tranżazzjoni bir-rifjut malli jiġi nfurmat mis-CCP.

Artikolu 5

Trattament ta' tranżazzjonijiet derivati kklerjati mhux aċċettati għall-ikklerjar

1.   Meta tranżazzjoni derivata kklerjata li tiġi konkluża elettronikament f'ċentru tan-negozjar tiġi rifjutata mis-CCP, iċ-ċentru tan-negozjar għandu jannulla tali kuntratt.

2.   Meta tranżazzjoni derivata kklerjata, ħlief għal tranżazzjoni derivata kklerjata konkluża elettronikament f'ċentru ta' negozjar, tiġi rifjutata mis-CCP, it-trattament tat-tranżazzjoni għandu jkun irregolat:

(a)

mir-regoli tal-post tan-negozjar, fejn il-kuntratt jiġi ppreżentat għall-ikklerjar skont ir-regoli tal-post tan-negozjar;

(b)

mill-ftehim bejn il-kontropartijiet fis-sitwazzjonijiet l-oħrajn kollha.

3.   Meta r-rifjut ikun minħabba problema teknika jew klerikali, it-tranżazzjoni derivata kklerjata tista' tiġi ppreżentata għall-ikklerjar għal darba oħra fi żmien siegħa minn dik preċedenti fil-forma ta' tranżazzjoni ġdida iżda bl-istess termini ekonomiċi, sakemm iż-żewġ kontropartijiet ikunu qablu dwar it-tieni preżentazzjoni. Il-post tan-negozjar fejn kienet inizjalment konkluża t-tranżazzjoni derivata kklerjata ma għandux ikun soġġett għar-rekwiżiti tal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 għall-preżentazzjoni għall-ikklerjar tat-tieni tranżazzjoni derivata kklerjata.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika mid-data msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 55 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Ġunju 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/589 tad-19 ta' Lulju 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw ir-rekwiżiti organizzazzjonali għad-ditti ta' investiment involuti fil-kummerċ algoritmiku (Ara paġna 417 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).