22.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 76/13


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/492

tal-21 ta' Marzu 2017

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE u għall-Iżvizzera)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-koordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 88 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 92 tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex jitqiesu ċerti bidliet fil-leġiżlazzjoni ta' wħud mill-Istati Membri, jew ix-xewqa tagħhom li tiġi ssimplifikata l-applikazzjoni tas-sistema ta' koordinazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009, l-Istati Membri talbu lill-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali biex jiġu emendati ċerti Annessi ta' dawn ir-Regolamenti.

(2)

Il-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali qablet mal-emendi mitlubin u ressqet proposti rilevanti lill-Kummissjoni biex tagħmel adattamenti tekniċi tal-Annessi.

(3)

Il-Kummissjoni tista' taqbel mal-proposti rilevanti.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 għandhom għalhekk jiġu emendati skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Anness VI huwa emendat kif ġej:

(a)

fit-taqsima “L-ESTONJA”, jiżdied punt ġdid (d) wara l-punt (c):

“(d)

Il-benefiċċju għall-kapaċità tax-xogħol mogħti skont l-Att dwar il-Benefiċċju għall-Kapaċità tax-Xogħol”;

(b)

it-taqsima “L-IŻVEZJA” tinbidel b'dan li ġej:

“L-IŻVEZJA

Il-kumpens għall-mard relatat mal-introjtu u l-kumpens għall-attività relatat mal-introjtu (il-Kapitolu 34 tal-Kodiċi tal-Assigurazzjoni Soċjali)”;

(c)

it-taqsima “IR-RENJU UNIT” tinbidel b'dan li ġej:

“IR-RENJU UNIT

Benefiċċju għall-Impjieg u l-Appoġġ (ESA)

(a)

Għall-għotjiet mogħtija qabel l-1 ta' April 2016, l-ESA huwa benefiċċju tal-mard bi flus għall-ewwel 91 jum (Fażi ta' Valutazzjoni). Mit-92 jum, l-ESA (Fażi Ewlenija) isir benefiċċju tal-invalidità;

(b)

Għall-għotjiet mogħtija qabel l-1 ta' April 2016, l-ESA huwa benefiċċju tal-mard bi flus għall-ewwel 365 jum (Fażi ta' Valutazzjoni). Mit-366 jum, l-ESA (Grupp ta' Appoġġ) isir benefiċċju tal-invalidità.

Il-leġiżlazzjoni tal-Gran Brittanja: Il-Parti 1 tal-Att dwar ir-Riforma Soċjali tal-2007.

Il-leġiżlazzjoni tal-Irlanda ta' Fuq: Il-Parti 1 tal-Att dwar ir-Riforma Soċjali (l-Irlanda ta' Fuq) tal-2007.”;

(2)

L-Anness VIII huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-Parti 1, it-taqsima “IL-POLONJA”, tinbidel b'dan li ġej:

“IL-POLONJA

L-applikazzjonijiet kollha għal pensjonijiet tad-diżabbiltà, il-pensjonijiet tal-irtirar skont l-iskema ta' benefiċċji definita u l-pensjonijiet tas-superstiti, minbarra l-każijiet fejn il-perjodi totalizzati ta' assigurazzjoni kkompletati taħt il-leġislazzjoni ta' aktar minn Stat Membru wieħed, huma ugwali jew itwal minn 20 sena għan-nisa u 25 sena għall-irġiel iżda l-perjodi nazzjonali tal-assigurazzjoni huma inferjuri għal dawn il-limiti (u mhux inqas minn 15-il sena għan-nisa u 20 sena għall-irġiel), u l-kalkolu huwa magħmul skont l-Artikoli 27 u 28 tal-Att tas-17 ta' Diċembru 1998 (ĠU 2015, partita 748).”;

(b)

fil-Parti 1, it-taqsima “L-ISVEZJA”, tinbidel b'dan li ġej:

“L-IŻVEZJA

(a)

L-applikazzjonijiet għal pensjoni tal-irtirar f'forma ta' pensjoni garantita (il-Kapitoli 66 u 67 tal-Kodiċi tal-Assigurazzjoni Soċjali);

(b)

L-applikazzjonijiet għal pensjoni tal-irtirar f'forma ta' pensjoni supplimentarja (il-Kapitolu 63 tal-Kodiċi tal-Assigurazzjoni Soċjali).”;

(c)

fil-Parti 1, it-taqsima “IR-RENJU UNIT”, tinbidel b'dan li ġej:

“L-applikazzjonijiet kollha għal pensjoni tal-irtirar, pensjoni tal-istat skont il-Parti 1 tal-Att dwar il-Pensjonijiet tal-2014 u l-benefiċċji tar-romol u tal-mewt, bl-eċċezzjoni ta' dawk li għalihom matul sena tat-taxxa li tibda fis-6 ta' April 1975 jew wara:”;

(d)

fil-Parti 2, it-taqsima “L-ISVEZJA”, tinbidel b'dan li ġej:

“L-IŻVEZJA

Il-pensjoni tal-irtirar fil-forma ta' pensjoni tal-introjtu u pensjoni primjum (il-Kapitoli 62 u 64 tal-Kodiċi tal-Assigurazzjoni Soċjali).”;

(3)

L-Anness IX huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-Parti I, it-taqsima “L-ISVEZJA”, tinbidel b'dan li ġej:

“L-IŻVEZJA

Il-kumpens għall-mard relatat mal-introjtu u l-kumpens għall-attività relatat mal-introjtu (il-Kapitolu 34 tal-Kodiċi tal-Assigurazzjoni Soċjali)

Il-pensjoni garantita u l-kumpens garantit li ssostitwixxew il-pensjonijiet sħaħ tal-istat previsti fil-leġiżlazzjoni dwar il-pensjoni tal-istat li kienet tapplika qabel l-1 ta' Jannar 1993, u l-pensjoni sħiħa tal-istat mogħtija skont ir-regoli tranżitorji tal-leġiżlazzjoni li bdew japplikaw minn dik id-data”;

(b)

fil-Parti II, it-taqsima “L-ISVEZJA”, tinbidel b'dan li ġej:

“L-IŻVEZJA

Il-kumpens għall-mard u l-kumpens għall-attività f'forma ta' kumpens garantit (il-Kapitolu 35 tal-Kodiċi tal-Assigurazzjoni Soċjali)

Il-pensjoni tas-superstiti kkalkolata abbażi ta' perjodi ta' assigurazzjoni kreditati (il-Kapitoli 76 sa 85 tal-Kodiċi tal-Assigurazzjoni Soċjali).”

Artikolu 2

Ir-Regolament (KE) Nru 987/2009 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Anness 1,

(a)

it-taqsima “BELĠJU-IRLANDA” titħassar;

(b)

it-taqsima “DANIMARKA-GREĊJA” titħassar;

(2)

Fl-Anness 3:

(a)

it-taqsima “OLANDA” titħassar;

(b)

it-taqsima “FINLANDJA” titħassar;

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 2(2) għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Marzu 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1.

(2)  ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1.