18.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 73/5


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/472

tal-15 ta' Marzu 2017

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2080 fir-rigward tal-perjodi għat-tressiq tal-offerti

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1240 tat-18 ta' Mejju 2016 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' intervent pubbliku u ta' għajnuna għall-ħżin privat (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 28 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2080 (3) fetaħ il-bejgħ tat-trab tal-ħalib xkumat permezz ta' proċedura ta' sejħa għall-offerti Dan jipprevedi żewġ sejħiet parzjali għall-offerti kull xahar, ħlief għal Awwissu u Diċembru.

(2)

L-esperjenza miksuba bis-sejħiet parzjali għall-offerti implimentati s'issa wriet interess limitat għall-offerti taħt il-kundizzjonijiet attwali tas-suq. Għaldaqstant, huwa xieraq li l-għadd ta' perjodi li matulhom l-offerti jistgħu jitressqu jitnaqqas għal wieħed kull xahar. Abbażi ta' analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji, ma għadux ġustifikat li jiġi previst tali perjodu fix-xahar ta' Awwissu.

(3)

Għaldaqstant, ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2080 għandu jiġi emendat skont dan.

(4)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 2(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2080 jinbidel b'dan li ġej:

“2.   Il-perjodi li fihom jistgħu jitressqu l-offerti bi tweġiba għas-sejħiet parzjali sussegwenti għandhom jibdew fl-ewwel jum tax-xogħol wara tmiem il-perjodu preċedenti. Dawn għandhom jintemmu fil-11.00 (ħin ta' Brussell) tat-tielet Tlieta tax-xahar. Madankollu, il-perjodu li jibda f'Lulju għandu jintemm fil-11.00 (ħin ta' Brussell) tat-tielet Tlieta tax-xahar ta' Settembru u l-ebda perjodu ma għandu jibda f'Awwissu. F'Diċembru il-perjodu għandu jintemm fil-11.00 (ħin ta' Brussell) tat-tieni Tlieta. Jekk it-Tlieta tkun festa pubblika l-limitu taż-żmien għandu jkun il-11.00 (ħin ta' Brussell) tal-ġurnata tax-xogħol ta' qabel.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Marzu 2017.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Phil HOGAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU L 206, 30.7.2016, p. 71.

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2080 tal-25 ta' Novembru 2016 dwar il-ftuħ tal-bejgħ tat-trab tal-ħalib xkumat permezz ta' proċedura ta' sejħa għall-offerti (ĠU L 321, 29.11.2016, p. 45).