10.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 65/48


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/392

tal-11 ta' Novembru 2016

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji dwar ir-rekwiżiti ta' awtorizzazzjoni, superviżorji u operazzjonali għal depożitarji ċentrali tat-titoli

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 12(3), l-Artikolu 17(9), l-Artikolu 22(10), l-Artikolu 25(12), l-Artikolu 55(7), l-Artikolu 18(4), l-Artikolu 26(8), l-Artikolu 29(3), l-Artikolu 37(4), l-Artikolu 45(7), l-Artikolu 46(6), l-Artikolu 33(5), l-Artikolu 48(10), l-Artikolu 49(5), l-Artikolu 52(3), u l-Artikolu 53(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-dispożizzjonijiet f'dan ir-Regolament huma konnessi mill-qrib, peress li dawn kollha jindirizzaw ir-rekwiżiti superviżorji applikabbli għad-depożitorji ċentrali tat-titoli (CSDs). Sabiex tiġi żgurata koerenza bejn dawn id-dispożizzjonijiet, li jenħtieġ li jidħlu fis-seħħ fl-istess ħin, u biex tiġi ffaċilitata perspettiva komprensiva u aċċess faċli għalihom minn persuni li huma soġġetti għal dawn id-dispożizzjonijiet, ikun tajjeb li l-istandards tekniċi regolatorji kollha dwar ir-rekwiżiti superviżorji skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 jinġabru f'Regolament wieħed.

(2)

Fid-dawl tan-natura globali tas-swieq finanzjarji u l-impenji meħuda mill-Unjoni f'dan il-qasam partikolari, jenħtieġ li tingħata attenzjoni dovuta lill-Prinċipji għall-Infrastrutturi tas-Swieq Finanzjarji maħruġa mill-Kumitat dwar is-Sistemi ta' Pagament u Saldu u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (il-Prinċipji CPSS-IOSCO) f'April 2012.

(3)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti tar-regoli dwar it-titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni, ċerti termini tekniċi jenħtieġ li jiġu definiti b'mod ċar.

(4)

Huwa importanti li jiġu żgurati awtorizzazzjoni u superviżjoni xierqa ta' CSD. Bħala tali, jenħtieġ li tiġi definita lista tal-awtoritajiet rilevanti li joħorġu l-muniti l-aktar rilevanti tal-Unjoni li fihom jitwettaq is-saldu biex ikunu involuti fil-proċess ta' awtorizzazzjoni u superviżjoni ta' CSD. Dan għandu jkun ibbażat fuq is-sehem tal-muniti li dawk l-awtoritajiet joħorġu fil-valur totali tal-istruzzjonijiet ta' saldu bi ħlas saldati kull sena minn CSD u fuq is-sehem tal-istruzzjonijiet ta' saldu bi ħlas saldati minn CSD f'munita tal-Unjoni meta mqabbla mal-valur totali tal-istruzzjonijiet ta' saldu bi ħlas saldati f'dik il-munita fis-CSDs kollha fl-Unjoni.

(5)

Sabiex jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jwettqu valutazzjoni bir-reqqa, CSD li japplika għall-awtorizzazzjoni jenħtieġ li jipprovdi informazzjoni dwar l-istruttura tal-kontrolli interni tiegħu u l-indipendenza tal-korpi governattivi tiegħu sabiex l-awtorità kompetenti tkun tista' tivvaluta jekk l-istruttura ta' governanza korporattiva tiżgurax l-indipendenza tas-CSD u jekk din l-istruttura u l-linji ta' rapportar tagħha, kif ukoll il-mekkaniżmi adottati għall-immaniġġjar tal-kunflitti ta' interess possibbli humiex adegwati.

(6)

Sabiex jippermetti lill-awtorità kompetenti tivvaluta r-reputazzjoni tajba u l-esperjenza u l-ħiliet tal-maniġment superjuri u tal-membri tal-korp maniġerjali tas-CSD, CSD applikant jenħtieġ li jipprovdi l-informazzjoni rilevanti kollha biex titwettaq din il-valutazzjoni.

(7)

L-informazzjoni dwar il-fergħat u s-sussidjarji ta' CSD hija neċessarja biex l-awtorità kompetenti tkun tista' tifhem b'mod ċar l-istruttura organizzazzjonali tas-CSD u tevalwa kwalunkwe riskju potenzjali għas-CSD minħabba l-attività ta' dawn il-fergħat u s-sussidjarji.

(8)

CSD li japplika għal awtorizzazzjoni jenħtieġ li jipprovdi lill-awtorità kompetenti bl-informazzjoni rilevanti biex juri li għandu r-riżorsi finanzjarji meħtieġa għad-dispożizzjoni tiegħu u l-arranġamenti ta' kontinwità ta' negozju adegwati għat-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu fuq bażi kontinwa.

(9)

Minbarra li tirċievi l-informazzjoni dwar l-attivitajiet ewlenin, huwa importanti li l-awtorità kompetenti tirċievi informazzjoni dwar is-servizzi anċillari li s-CSD li jkun qed japplika għal awtorizzazzjoni jkun biħsiebu joffri biex ikun possibbli li l-awtorità kompetenti jkollha stampa kompleta tas-servizzi tas-CSD applikant.

(10)

Sabiex l-awtorità kompetenti tivvaluta l-kontinwità u l-funzjonament ordnat tas-sistemi teknoloġiċi ta' CSD applikant, dak is-CSD jenħtieġ li jipprovdi lill-awtorità kompetenti bid-deskrizzjonijiet tas-sistemi teknoloġiċi rilevanti u kif dawn jiġu mmaniġġjati, inkluż jekk humiex esternalizzati.

(11)

L-informazzjoni dwar it-tariffi assoċjati mas-servizzi ewlenin pprovduti mis-CSDs hija importanti u jenħtieġ li tifforma parti mill-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta' CSD sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jivverifikaw jekk dawk it-tariffi humiex proporzjonali, mhux diskriminatorji u mhux marbuta mal-ispejjeż ta' servizzi oħra.

(12)

Sabiex ikun żgurat li d-drittijiet tal-investituri jiġu protetti, u li kwistjonijiet ta' kunflitt bejn il-liġijiet jiġu mmaniġġjati b'mod adegwat, meta jevalwa l-miżuri li CSD biħsiebu jieħu sabiex l-utenti tiegħu jkunu jistgħu jikkonformaw mal-liġijiet nazzjonali msemmija fl-Artikolu 49(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, is-CSD jenħtieġ li jqis kemm l-emittenti kif ukoll l-parteċipanti, kif xieraq, skont il-liġijiet nazzjonali rispettivi.

(13)

Sabiex jiġi żgurat aċċess ġust u mhux diskriminatorju għas-servizzi ta' nutar, ta' manutenzjoni ċentrali u ta' saldu tat-titoli fis-suq finanzjarju, l-emittenti, CSDs oħra u infrastrutturi oħra tas-suq ingħataw aċċess għal CSD skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014. CSD applikant jenħtieġ għalhekk li jipprovdi lill-awtorità kompetenti bl-informazzjoni dwar il-politiki u l-proċeduri ta' aċċess tiegħu.

(14)

Sabiex twettaq id-dmirijiet ta' awtorizzazzjoni tagħha b'mod effikaċi, l-awtorità kompetenti jenħtieġ li tirċievi l-informazzjoni kollha mis-CSDs li japplikaw għal awtorizzazzjoni u l-partijiet terzi relatati, inklużi partijiet terzi li lilhom is-CSDs applikanti jkunu esternalizzaw funzjonijiet u attivitajiet operazzjonali.

(15)

Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza ġenerali tar-regoli ta' governanza ta' CSD li japplika għal awtorizzazzjoni, l-awtorità kompetenti jenħtieġ li tingħata d-dokumenti li jikkonfermaw li s-CSD applikant ikun adotta l-arranġamenti meħtieġa għal stabbiliment mhux diskriminatorju ta' kumitat tal-utenti indipendenti għal kull sistema ta' saldu tat-titoli li jopera.

(16)

Sabiex jiġi żgurat funzjonament ordnat tas-servizzi ewlenin ta' infrastruttura fis-suq finanzjarju, CSD li japplika għal awtorizzazzjoni jenħtieġ li jipprovdi lill-awtorità kompetenti bl-informazzjoni kollha neċessarja biex juri li għandu politiki u proċeduri adegwati għall-iżgurar ta' sistemi affidabbli għaż-żamma tar-rekords kif ukoll mekkaniżmi effikaċi għas-servizzi ta' CSD, inklużi b'mod partikolari l-miżuri għall-prevenzjoni u l-indirizzar ta' falliment ta' saldu, u r-regoli dwar l-integrità tal-ħruġ, il-protezzjoni tat-titoli tal-parteċipanti u dawk tal-klijenti tagħhom, il-finalità tas-saldu, l-inadempjenza tal-parteċipant u t-trasferiment ta' parteċipanti u l-assi tal-klijenti fil-każ tal-irtirar ta' awtorizzazzjoni.

(17)

Il-mudelli tal-immaniġġjar tar-riskju assoċjati mas-servizzi pprovduti minn CSD applikant huma punt neċessarju fl-applikazzjoni tiegħu għal awtorizzazzjoni sabiex l-awtorità kompetenti tkun tista' tevalwa l-affidabbiltà u l-integrità tal-proċeduri adottati u tgħin lill-parteċipanti fis-suq biex jagħmlu għażla infurmata.

(18)

Sabiex tiġi vverifikata s-sikurezza tal-arranġamenti tal-konnessjoni ta' CSD li japplika għal awtorizzazzjoni, jiġu vvalutati r-regoli applikati fis-sistemi konnessi u jiġu evalwati r-riskji li jirriżultaw minn dawn il-konnessjonijiet, l-awtorità kompetenti jenħtieġ li tirċievi mingħand CSD applikant kwalunkwe informazzjoni rilevanti għall-analiżi, flimkien mal-valutazzjoni tas-CSD tal-arranġamenti tal-konnessjoni.

(19)

Meta tagħti l-approvazzjoni tal-parteċipazzjoni ta' CSD fil-kapital ta' entità oħra, l-awtorità kompetenti tas-CSD jenħtieġ li tikkunsidra l-kriterji li jiżguraw li l-parteċipazzjoni ma żżidx b'mod sinifikanti l-profil tar-riskju tas-CSD. Sabiex tiġi żgurata s-sikurezza u l-kontinwità tas-servizzi tiegħu, CSD ma għandux jassumi obbligazzjonijiet finanzjarji bla limitu bħala riżultat tal-parteċipazzjoni tiegħu fil-kapital ta' persuni ġuridiċi oħra minbarra dawk li jipprovdu s-servizzi stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 909/2014. CSD jenħtieġ li jikkapitalizza bis-sħiħ ir-riskji li jirriżultaw minn kwalunkwe parteċipazzjoni fil-kapital ta' entità oħra.

(20)

Sabiex CSD ma jkunx dipendenti fuq l-azzjonisti l-oħra tal-entitajiet li fihom ikollu parteċipazzjoni, inkluż fir-rigward tal-politiki tal-immaniġġjar tar-riskju, għandu li jkollu kontroll sħiħ ta' dawk l-entitajiet. Dan ir-rekwiżit jenħtieġ li jiffaċilita wkoll l-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta' superviżjoni u ta' sorveljanza mill-awtoritajiet kompetenti u mill-awtoritajiet rilevanti billi jippermetti aċċess faċli għall-informazzjoni rilevanti.

(21)

CSD jenħtieġ li jkollu razzjonal strateġiku ċar għall-parteċipazzjoni lil hinn minn sempliċi skop ta' profitt, filwaqt li jitqiesu l-interessi tal-emittenti tat-titoli maħruġa bis-CSD; il-parteċipanti tiegħu u l-klijenti tiegħu.

(22)

Sabiex jiġu kkwantifikati u deskritti kif suppost ir-riskji li jirriżultaw mill-parteċipazzjoni tiegħu fil-kapital ta' persuna ġuridika oħra, CSD jenħtieġ li jipprovdi analiżi tar-riskju indipendenti, approvata minn awditur intern jew estern, għar-riskji u obbligazzjonijiet finanzjarji tas-CSD li jirriżultaw minn dik il-parteċipazzjoni.

(23)

Wara l-esperjenza tal-kriżi finanzjarja, l-awtoritajiet jenħtieġ li jiffukaw fuq superviżjoni kontinwa aktar milli ex post. Huwa għalhekk neċessarju li jiġi żgurat li għal kull rieżami u evalwazzjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014, l-awtorità kompetenti jkollha aċċess suffiċjenti għall-informazzjoni fuq bażi kontinwa. Sabiex jiġi ddeterminat l-ambitu tal-informazzjoni li għandha titwassal għal kull rieżami u evalwazzjoni, id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament jenħtieġ li jsegwu r-rekwiżiti għall-awtorizzazzjoni li CSD irid jikkonforma magħhom skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014. Dan jinkludi tibdil sostantiv fl-elementi diġà ppreżentati waqt il-proċess ta' awtorizzazzjoni, informazzjoni relatata mal-eventi perjodiċi u dejta statistika.

(24)

Sabiex jiġi promoss skambju ta' informazzjoni bilaterali u multilaterali effikaċi bejn l-awtoritajiet kompetenti, ir-riżultati tar-rieżami u l-evalwazzjoni minn awtorità waħda tal-attivitajiet ta' CSD jenħtieġ li jiġu kondiviżi ma' awtoritajiet kompetenti oħra fejn din l-informazzjoni x'aktarx tiffaċilita l-kompiti tagħhom, mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta' kunfidenzjalità u tal-protezzjoni tad-dejta u flimkien ma' kwalunkwe arranġamenti ta' kooperazzjoni previsti fir-Regolament (UE) Nru 909/2014. Jenħtieġ li jiġi organizzat skambju addizzjonali ta' informazzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet rilevanti jew l-awtoritajiet inkarigati mis-swieq fl-istrumenti finanzjarji li jippermetti l-kondiviżjoni tas-sejbiet tal-awtorità kompetenti matul il-proċess tar-rieżami u l-evalwazzjoni.

(25)

Filwaqt li jitqies il-piż possibbli tal-ġbir u l-ipproċessar ta' ammont kbir ħafna ta' informazzjoni relatata mal-operat ta' CSD, u sabiex jiġu evitati d-duplikazzjonijiet, jenħtieġ li jiġu pprovduti dokumenti modifikati rilevanti biss fil-kuntest tar-rieżami u l-evalwazzjoni. Dawk id-dokumenti jenħtieġ li jitwasslu b'mod li jippermetti lill-awtorità kompetenti tidentifika t-tibdil rilevanti kollu li jkun sar fl-arranġamenti, l-istrateġiji, il-proċessi u l-mekkaniżmi implimentati mis-CSD mill-awtorizzazzjoni jew mit-tmiem tal-aħħar rieżami u evalwazzjoni.

(26)

Kategorija oħra ta' informazzjoni li hija utli li l-awtorità kompetenti jkollha sabiex tkun tista' twettaq ir-rieżami u l-evalwazzjoni tirreferi għal eventi li min-natura tagħhom iseħħu fuq bażi perjodika u li huma relatati mat-tħaddim tas-CSD u l-għoti tas-servizzi tiegħu.

(27)

Sabiex twettaq valutazzjoni komprensiva tar-riskju ta' CSD, l-awtorità kompetenti se jkollha bżonn titlob dejta statistika dwar l-ambitu tal-attivitajiet kummerċjali tas-CSD sabiex tevalwa r-riskji relatati mat-tħaddim tas-CSDs u mat-tħaddim bla xkiel tas-swieq tat-titoli. Barra minn hekk, dejta statistika tippermetti lill-awtorità kompetenti timmonitorja d-daqs u l-importanza tat-tranżazzjonijiet tat-titoli u s-saldi fis-swieq finanzjarji kif ukoll tivvaluta l-impatt kontinwu u potenzjali ta' CSD partikolari fuq is-suq tat-titoli kollu kemm hu.

(28)

Sabiex l-awtorità kompetenti timmonitorja u tevalwa r-riskji li s-CSD huwa jew jista' jkun skopert għalihom u li jistgħu jinħolqu għall-funzjonament bla xkiel tas-swieq tat-titoli, jenħtieġ li tkun tista' titlob informazzjoni addizzjonali dwar ir-riskji u l-attivitajiet ta' CSD. L-awtorità kompetenti jenħtieġ għalhekk li tkun tista' tiddefinixxi u titlob fuq l-inizjattiva tagħha stess, jew wara talba mressqa lilha minn awtorità oħra, kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li hija tqis meħtieġa għal kull rieżami u evalwazzjoni tal-attivitajiet ta' CSD.

(29)

Huwa importanti li jiġi żgurat li CSDs ta' pajjiżi terzi li biħsiebhom jipprovdu s-servizzi skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 ma jfixklux il-funzjonament ordnat tas-swieq tal-Unjoni.

(30)

Il-valutazzjoni kontinwa tal-konformità sħiħa tas-CSD ta' pajjiż terz mar-rekwiżiti prudenzjali ta' pajjiż terz hija d-dmir tal-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz. L-informazzjoni li trid tiġi pprovduta lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) minn CSD applikanti jenħtieġ li ma jkollhiex l-objettiv li tirrepeti l-valutazzjoni tal-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz, iżda li tiżgura li l-applikant ikun soġġett għal superviżjoni u infurzar effettivi fil-pajjiż terz, u b'hekk jiġi ggarantit grad għoli ta' protezzjoni għall-investitur.

(31)

Biex ikun possibbli għall-ESMA li twettaq valutazzjoni kompleta tal-applikazzjoni għar-rikonoxximent, l-informazzjoni pprovduta mill-applikant jenħtieġ li tiġi kkumplimentata mill-informazzjoni neċessarja biex tivvaluta l-effikaċja tas-superviżjoni kontinwa, tas-setgħat ta' infurzar, u tal-azzjonijiet meħuda mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz. Dik l-informazzjoni jenħtieġ li tiġi pprovduta taħt arranġament ta' kooperazzjoni stabbilit skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014. L-arranġament ta' kooperazzjoni għandu jiżgura li l-ESMA tkun infurmata fil-waqt b'kull azzjoni ta' superviżjoni jew infurzar fil-konfront ta' CSD ta' pajjiż terz li japplika għar-rikonoxximent u kwalunkwe bidla fil-kundizzjonijiet li taħthom ingħatat l-awtorizzazzjoni lis-CSD rilevanti u dwar kwalunkwe aġġornament rilevanti tal-informazzjoni oriġinarjament ipprovduta mis-CSD waqt il-proċess ta' rikonoxximent.

(32)

Sabiex ikun żgurat li d-drittijiet tal-investituri jiġu protetti, u li l-kwistjonijiet tal-kunflitt bejn il-liġijiet jiġu mmaniġġjati b'mod adegwat, meta jivvaluta l-miżuri li CSD ta' pajjiż terz biħsiebu jieħu sabiex l-utenti tiegħu jkunu jistgħu jikkonformaw mal-liġijiet nazzjonali msemmija fl-Artikolu 49(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, dak is-CSD ta' pajjiż terz jenħtieġ li jqis kemm l-emittenti kif ukoll l-parteċipanti, kif xieraq, skont il-liġijiet nazzjonali rispettivi msemmija fl-Artikolu 49(1) ta' dak ir-Regolament.

(33)

Sabiex jistabbilixxi qafas għall-immaniġġjar tar-riskju sod, CSD jenħtieġ li jieħu perspettiva integrata u komprensiva tar-riskji rilevanti kollha. Dan jenħtieġ li jinkludi r-riskji mġarrba mis-CSD minn kwalunkwe entità oħra u r-riskji li joħloq lil partijiet terzi, inklużi l-utenti tiegħu u sal-limitu prattikabbli għall-klijenti tagħhom, kif ukoll CSDs konnessi, kontropartijiet ċentrali, ċentri tan-negozjar, sistemi ta' pagament, banek tas-saldu, fornituri ta' likwidità u investituri.

(34)

Sabiex jiġi żgurat li s-CSDs joperaw bil-livell neċessarju ta' riżorsi umani biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom u biex jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom il-punti ta' kuntatt rilevanti fi ħdan is-CSDs li jissorveljaw, is-CSDs jenħtieġ li jkollhom persunal iddedikat ewlieni li jenħtieġ li jkun responsabbli għas-CSD u l-prestazzjoni individwali tagħhom stess, b'mod partikolari fil-livell tal-maniġment superjuri u l-korp maniġerjali.

(35)

Sabiex jiġi żgurat kontroll adegwat tal-attivitajiet imwettqa mis-CSDs, jenħtieġ li jiġu stabbiliti u mwettqa regolarment awditi indipendenti li jkopru l-operazzjonijiet tas-CSD, il-proċessi tal-immaniġġjar tar-riskju, u l-mekkaniżmi tal-konformità u tal-kontroll intern. L-indipendenza tal-awditjar ma għandhiex neċessarjament teħtieġ l-involviment ta' awditur estern, bil-kundizzjoni li s-CSD juri lill-awtorità kompetenti li l-indipendenza tal-awditur intern tiegħu hija żgurat b'mod xieraq. Sabiex tiġi żgurata l-indipendenza tal-funzjoni tal-awditjar interna tiegħu, is-CSD jenħtieġ li jistabbilixxi wkoll kumitat tal-awditjar.

(36)

CSD jenħtieġ li jwaqqaf kumitat tar-riskju sabiex jiżgura li l-korp maniġerjali tas-CSD jingħata pariri fl-ogħla livell tekniku dwar it-tolleranza u l-istrateġija tar-riskju ġenerali attwali u futura tiegħu. Sabiex tiġi żgurata l-indipendenza tiegħu mill-maniġment eżekuttiv tas-CSD u grad għoli ta' kompetenza, il-kumitat tar-riskju jenħtieġ li jkun kompost minn maġġoranza ta' membri mhux eżekuttivi u jenħtieġ li jkun ippresedut minn persuna b'esperjenza xierqa fir-rigward tal-immaniġġjar tar-riskju.

(37)

Meta jivvaluta l-kunflitti ta' interess potenzjali, CSD jenħtieġ li ma jeżaminax biss il-membri tal-korp maniġerjali, il-maniġment superjuri jew il-persunal tas-CSD, iżda wkoll kwalunkwe persuna konnessa direttament jew indirettament ma' dawk l-individwi jew mas-CSD, kemm jekk tkun persuna fiżika jew ġuridika.

(38)

CSD jenħtieġ li jkollu uffiċjal kap tar-riskji, uffiċjal kap tal-konformità, uffiċjal kap tat-teknoloġija, kif ukoll funzjoni tal-immaniġġjar tar-riskju, funzjoni tat-teknoloġija, funzjoni tal-konformità u tal-kontroll intern, u funzjoni tal-awditjar intern. CSD jenħtieġ li fi kwalunkwe każ ikun kapaċi jorganizza l-istruttura interna ta' dawk il-funzjonijiet skont il-bżonnijiet tiegħu. Ir-rwoli ta' uffiċjali kap tar-riskji, uffiċjal kap tal-konformità u uffiċjal kap tat-teknoloġija jeħtieġ li jkunu moqdija minn persuni differenti peress li dawn il-funzjonijiet normalment jiġu ssodisfati minn persuni bi profili akkademiċi u professjonali differenti. F'dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament isegwu mill-qrib is-sistema stabbilita mir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) għal infrastrutturi oħra tas-suq.

(39)

Ir-rekords miżmuma minn CSD jenħtieġ li jkunu strutturati u jippermettu aċċess faċli għad-dejta maħżuna mill-awtoritajiet kompetenti involuti fis-superviżjoni tas-CSDs. CSD jenħtieġ li jiżgura li r-rekords tad-dejta li jżomm, inkluża l-kontabilità sħiħa tat-titoli li jżomm, ikunu preċiżi u aġġornati sabiex iservu bħala sors ta' dejta affidabbli għall-finijiet tas-superviżjoni.

(40)

Sabiex jiġi ffaċilitat r-rapportar u r-reġistrazzjoni ta' sett konsistenti ta' informazzjoni skont ir-rekwiżiti differenti, ir-rekords miżmuma mis-CSDs jenħtieġ li jkopru kull servizz individwali pprovdut mis-CSD skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014, u jenħtieġ li jinkludu tal-anqas id-dettalji kollha li għandhom jiġu rrapportati skont ir-regoli dwar dixxiplina fir-rigward tas-saldu previsti f'dak ir-Regolament.

(41)

Il-preservazzjoni tad-drittijiet tal-emittenti u l-investituri hija essenzjali għall-funzjonament ordinat ta' suq tat-titoli. CSD jenħtieġ għalhekk li juża regoli, proċeduri u kontrolli xierqa biex jipprevjeni l-ħolqien jew t-tħassir mhux awtorizzat ta' titoli. Huwa jenħtieġ li jwettaq ukoll tal-anqas rikonċiljazzjoni ta' kuljum tal-kontijiet tat-titoli li jżomm.

(42)

CSD jenħtieġ li jżomm prattiki robusti tal-kontabilità u jwettaq awditi sabiex jivverifika li r-rekords tat-titoli tiegħu jkunu preċiżi u li l-miżuri tiegħu li jiżguraw l-integrità tal-ħruġ tat-titoli jkunu adegwati.

(43)

Sabiex tiġi żgurata b'mod effikaċi l-integrità tal-ħruġ, il-miżuri ta' rikonċiljazzjoni pprovduti fir-Regolament (UE) Nru 909/2014 jenħtieġ li japplikaw għas-CSDs kollha indipendentement minn jekk jipprovdux is-servizz ta' nutar jew servizz ta' manutenzjoni ċentrali msemmi f'dan ir-Regolament fir-rigward tal-ħruġ ta' titoli.

(44)

Fir-rigward ta' entitajiet oħra involuti fil-proċess ta' rikonċiljazzjoni, jenħtieġ li ssir distinzjoni bejn diversi xenarji skont ir-rwol ta' dawn l-entitajiet. Il-miżuri ta' rikonċiljazzjoni jenħtieġ li jirriflettu r-rwoli speċifiċi ta' dawk l-entitajiet. Skont il-mudell tar-reġistratur, ir-reġistratur iżomm rekords ta' titoli li huma rreġistrati wkoll f'CSD. Skont il-mudell tal-aġent tat-trasferiment, il-maniġer tal-fond jew l-aġent tat-trasferiment huwa responsabbli għal kont li jżomm parti mill-ħruġ ta' titoli rreġistrati f'CSD. Skont il-mudell tad-depożitorju komuni, id-depożitorju komuni jintuża minn CSDs li jistabbilixxu konnessjoni interoperabbli, u d-depożitorju komuni jenħtieġ li jkun responsabbli għall-integrità ġenerali tal-ħruġ ta' titoli inizjalment irreġistrati jew miżmuma b'mod ċentrali mis-CSDs li jkunu stabbilixxew konnessjoni interoperabbli.

(45)

Sabiex jiġu mitigati r-riskji operazzjonali, li jinkludu r-riskji kkawżati minn nuqqasijiet fis-sistemi ta' informazzjoni, proċessi interni, u l-prestazzjoni tal-persunal jew tfixkil ikkawżat minn avvenimenti esterni li jirriżultaw fit-tnaqqis, id-deterjorazzjoni jew il-ħsara ta' servizzi pprovduti minn CSD, CSDs jenħtieġ li jidentifikaw ir-riskji kollha u jimmonitorjaw l-evoluzzjoni tagħhom, irrispettivament mill-oriġini tagħhom li jistgħu jinkludu, pereżempju, l-utenti tagħhom, il-fornituri ta' servizzi lil CSDs u infrastrutturi oħra tas-suq, inklużi CSDs oħra. Ir-riskji operazzjonali jenħtieġ li jiġu mmaniġġjati skont qafas dokumentat sew u robust bi rwoli u responsabbiltajiet assenjati b'mod ċar. Dak il-qafas jenħtieġ li jinkludi miri operazzjonali, fatturi ta' traċċar, mekkaniżmi ta' valutazzjoni u jenħtieġ li jkun integrat fis-sistema tal-mmaniġġjar tar-riskju tas-CSD. F'dan il-kuntest, uffiċjal kap tar-riskji ta' CSD jenħtieġ li jkun responsabbli għall-qafas operazzjonali tal-immaniġġjar tar-riskju. Is-CSDs jenħtieġ li jimmaniġġjaw ir-riskju tagħhom internament. Fejn il-kontrolli interni jkunu insuffiċjenti jew fejn l-eliminazzjoni ta' ċerti riskji ma tkunx għażla raġonevolment fattibbli, CSD jenħtieġ li jkun jista' jieħu kopertura finanzjarja ta' dawk ir-riskji permezz ta' assigurazzjoni.

(46)

Is-CSDs jenħtieġ li ma jidħlux f'investimenti li jistgħu jaffettwaw il-profil tar-riskju tagħhom. Is-CSDs jenħtieġ li jidħlu biss f'kuntratti tad-derivattivi, jekk ikunu meħtieġa li jiħħeġġjaw riskju li ma jkunux jistgħu jnaqqsu mod ieħor. L-iħħeġġjar jenħtieġ li jkun soġġett għal ċerti kundizzjonijiet stretti li jiżguraw li l-derivattivi ma jintużawx għal finijiet oħra minbarra biex jiġu koperti r-riskji u ma jintużawx biex jinkiseb effettivament profitt.

(47)

L-assi ta' CSDs jenħtieġ li jinżammu b'mod sigur, ikunu faċilment aċċessibbli u jkunu jistgħu jiġu likwidati minnufih. CSD jenħtieġ għalhekk li jiżgura li l-politiki u l-proċeduri tiegħu dwar l-aċċess f'waqtu għall-assi tiegħu stess ikunu bbażati tal-anqas fuq in-natura, id-daqs, il-kwalità, il-maturità u l-post tal-assi. CSD jenħtieġ li jiżgura wkoll li l-aċċess f'waqtu għall-assi tiegħu ma jkunx affettwat b'mod negattiv mill-esternalizzazzjoni lil entità terza ta' funzjonijiet ta' kustodja jew ta' investiment.

(48)

Sabiex jimmaniġġja l-ħtiġijiet ta' likwidità tiegħu, CSD jenħtieġ li jkun jista' jaċċessal-assi fi flus tiegħu minnufih u jkun jista' wkoll jaċċessa kwalunkwe titolu li għandu taħt ismu stess fl-istess jum ta' negozju meta tittieħed deċiżjoni li jiġu likwidati l-assi.

(49)

Sabiex jiġi żgurat grad ogħla ta' protezzjoni tal-assi ta' CSD mill-inadempjenza tal-intermedjarju, CSD li jaċċessa CSD ieħor permezz ta' konnessjoni ta' CSD jenħtieġ li jżomm dawk l-assi f'kont segregat fis-CSD konness. Dan il-livell ta' segregazzjoni jenħtieġ li jiżgura li l-assi ta' CSD jkunu segregati minn dawk ta' entitajiet oħra u protetti b'mod xieraq. Madankollu huwa meħtieġ li jiġi permess l-istabbiliment ta' konnessjonijiet ma' CSDs ta' pajjiż terz anki fejn kontijiet segregati individwalment ma jkunux disponibbli fis-CSD tal-pajjiż terz sakemm l-assi tal-CSD li jagħmel it-talba jkunu, fi kwalunkwe każ, protetti adegwatament u l-awtoritajiet kompetenti jkunu infurmati bir-riskji li jirriżultaw min-nuqqas ta' disponibbiltà ta' kontijiet segregati individwalment u l-mitigazzjoni adegwata ta' dawn ir-riskji.

(50)

Sabiex jiġi żgurat li CSD jinvesti r-riżorsi finanzjarji tiegħu fi strumenti likwidi ħafna b'riskji minimi tas-suq u tal-kreditu u biex dawn l-investimenti jkunu likwidati b'mod rapidu b'effett minimu fuq il-prezz, jenħtieġ li jiddiversifika l-portafoll tiegħu u jistabbilixxi limiti ta' konċentrazzjoni xierqa fir-rigward tal-emittenti tal-istrumenti li fihom jinvesti r-riżorsi tiegħu.

(51)

Sabiex jiżgura s-sikurezza u l-effiċjenza tal-arranġament tal-konnessjoni ta' CSD ma' CSD ieħor, CSD jenħtieġ li jidentifika, jimmonitorja, u jimmaniġġja s-sorsi potenzjali kollha ta' riskju li jirriżultaw mill-arranġament tal-konnessjoni. Konnessjoni ta' CSD jenħtieġ li jkollha bażi legali ġustifikata, fil-ġuriżdizzjonijiet rilevanti kollha, li tappoġġja d-disinn tagħha u tipprovdi protezzjoni adegwata għas-CSDs involuti fil-konnessjoni. CSDs konnessi jenħtieġ li jkejlu, jimmonitorjaw, u jimmaniġġjaw ir-riskji tal-kreditu u tal-likwidità li jirriżultaw minn xulxin.

(52)

CSD li jagħmel it-talba li juża konnessjoni indiretta ta' CSD jew intermedjarju biex iħaddem konnessjoni ta' CSD ma' CSD li jirċievi t-talba jenħtieġ li jkejjel, jimmonitorja, u jimmaniġġja r-riskji addizzjonali, inklużi r-riskji ta' kustodja, ta' kreditu, ġuridiċi u operazzjonali, li jirriżultaw mill-użu tal-intermedjarju sabiex tiġi żgurata s-sikurezza u l-effiċjenza tal-arranġament tal-konnessjoni.

(53)

Sabiex jiżguraw l-integrità tal-ħruġ, fejn it-titoli jinżammu f'diversi CSDs permezz ta' konnessjonijiet ta' CSD, is-CSDs jenħtieġ li japplikaw miżuri speċifiċi ta' rikonċiljazzjoni u jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom.

(54)

Is-CSDs jenħtieġ li jipprovdu aċċess ġust u miftuħ għas-servizzi tagħhom b'attenzjoni dovuta għar-riskji għall-istabbiltà finanzjarja u r-regolarità tas-suq. Huma jenħtieġ li jikkontrollaw ir-riskji li jirriżultaw mill-parteċipanti tagħhom u utenti oħra billi jistabbilixxu kriterji relatati mar-riskju għall-provvista tas-servizzi tagħhom. Is-CSDs jenħtieġ li jiżguraw li l-utenti tagħhom, bħall-parteċipanti, kwalunkwe CSDs oħra, kontropartijiet ċentrali (CCPs), postijiet tan-negozjar jew emittenti li jingħataw aċċess għas-servizzi tagħhom jissodisfaw il-kriterji u jkollhom il-kapaċità operazzjonali meħtieġa, ir-riżorsi finanzjarji, is-setgħat legali, u r-riskju tas-setgħa, u l-kompetenzi tal-immaniġġjar tar-riskji sabiex tiġi prevenuta l-okkorrenza ta' riskji għas-CSDs u utenti oħra.

(55)

Sabiex jiżgura s-sikurezza u l-effiċjenza tas-sistema ta' saldu tat-titoli tiegħu, CSD jenħtieġ li jimmonitorja l-konformità mar-rekwiżiti ta' aċċess tiegħu fuq bażi kontinwa u jkollu proċeduri definiti b'mod ċar u żvelati pubblikament għall-iffaċilitar tas-sospensjoni u l-ħruġ ordnat ta' parti li tagħmel it-talba li tikser, jew ma tkunx għadha tissodisfa, ir-rekwiżiti għall-aċċess.

(56)

Għall-fini tal-awtorizzazzjoni biex jipprovdi servizzi anċillari tat-tip bankarju, CSD jenħtieġ li jippreżenta applikazzjoni lill-awtorità kompetenti li tinkludi l-elementi kollha meħtieġa biex jiġi żgurat li l-provvista tas-servizzi anċillari tat-tip bankarju ma taffettwax il-provvista bla xkiel tas-servizzi ċentrali ta' CSD. Mhuwiex meħtieġ li entitajiet diġà awtorizzati bħala CSDs jippreżentaw mill-ġdid kwalunkwe elementi li diġà ġew ippreżentati matul il-proċess ta' applikazzjoni biex jiġu awtorizzati bħala CSD skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014.

(57)

Bil-għan li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u l-applikazzjoni konsistenti tal-liġi, ċerti rekwiżiti previsti f'dan ir-Regolament dwar il-miżuri ta' dixxiplina tas-saldu jenħtieġ li jibdew japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dawk il-miżuri.

(58)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat mill-ESMA lill-Kummissjoni.

(59)

Fit-tfassil tal-istandards tekniċi li jinsabu f'dan ir-Regolament, l-ESMA ħadmet f'kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u l-Awtorità Bankarja Ewropea.

(60)

L-ESMA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li dan ir-Regolament huwa bbażat fuqhom, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“perjodu ta' rieżami” tfisser il-perjodu taħt rieżami li jibda mill-jum ta' wara t-tmiem tal-perjodu ta' rieżami u evalwazzjoni preċedenti

(b)

“struzzjoni ta' saldu” tfisser ordni ta' trasferiment kif definit fil-punt (i) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4);

(c)

“restrizzjoni fuq is-saldu” tfisser l-imblukkar, ir-riżerva jew l-allokazzjoni ta' titoli li jagħmluhom mhux disponibbli għas-saldu, jew l-imblukkar jew ir-riżerva ta' flus li jagħmluhom mhux disponibbli għas-saldu;

(d)

“fond negozjat fil-borża” (ETF) tfisser fond kif definit fil-punt (46) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5);

(e)

“CSD emittent” tfisser CSD li jipprovdi s-servizz ewlieni msemmi fil-punt 1 jew 2 tat-Taqsima A tal-Anness għar-Regolament (UE) Nru 909/2014 fir-rigward tal-ħruġ tat-titoli;

(f)

“CSD investitur” tfisser CSD li jew huwa parteċipant fis-sistema ta' saldu tat-titoli mħaddma minn CSD ieħor jew li juża' terza persuna jew intermedjarju li huwa parteċipant fis-sistema ta' saldu tat-titoli mħaddma minn CSD ieħor f'relazzjoni ma' ħruġ tat-titoli;

(g)

“mezz li jservi għal żmien twil” tfisser kwalunkwe strument li jippermetti l-ħażna ta' informazzjoni b'mod li tkun aċċessibbli għal referenza futura għal perjodu ta' żmien adegwat għall-finijiet tal-informazzjoni, u li jippermetti r-riproduzzjoni mhux mibdula tal-informazzjoni maħżuna.

KAPITOLU II

DETERMINAZZJONI TAL-MUNITI L-AKTAR RILEVANTI U ARRANĠAMENTI PRATTIĊI GĦALL-KONSULTAZZJONI TAL-AWTORITAJIET KOMPETENTI RILEVANTI

(L-Artikolu 12(1)(b) u (c) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014)

Artikolu 2

Determinazzjoni tal-muniti l-aktar rilevanti

1.   Il-muniti l-aktar rilevanti msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 għandhom jiġu identifikati skont wieħed mill-kalkoli li ġejjin:

(a)

is-sehem relattiv ta' kull munita tal-Unjoni fil-valur totali tas-saldu permezz ta' CSD tal-istruzzjonijiet ta' saldu bi ħlas, ikkalkulat fuq perjodu ta' sena, sakemm kull sehem individwali jeċċedi 1 %;

(b)

is-sehem relattiv tal-istruzzjonijiet ta' saldu bi ħlas imħallas minn CSD f'munita tal-Unjoni mqabbel mal-valur totali tal-istruzzjonijiet ta' saldu bi ħlas imħallas b'dik il-munita madwar is-CSDs kollha fl-Unjoni, ikkalkulat fuq perjodu ta' sena, sakemm kull sehem individwali jeċċedi 10 %.

2.   Il-kalkoli msemmija fil-paragrafu 1 għandhom isiru fuq bażi annwali mill-awtorità kompetenti ta' kull CSD.

Artikolu 3

Arranġamenti prattiċi għall-konsultazzjoni tal-awtoritajiet rilevanti msemmija fl-Artikolu 12(1)(b) u (c) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014

1.   Fejn waħda mill-muniti l-aktar rilevanti stabbiliti skont l-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament tinħareġ minn aktar minn bank ċentrali wieħed, dawk il-banek ċentrali għandhom jiddeterminaw rappreżentant wieħed bħala l-awtorità rilevanti għal dik il-munita msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014.

2.   Fejn il-parti ta' flus tat-tranżazzjonijiet tat-titoli tiġi saldata skont l-Artikolu 40(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 permezz ta' kontijiet miftuħa ma' diversi banek ċentrali li joħorġu l-istess munita, dawk il-banek ċentrali għandhom jiddeterminaw rappreżentant wieħed bħala l-awtorità rilevanti msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 12(1) ta' dak ir-Regolament.

KAPITOLU III

AWTORIZZAZZJONI TAS-CSDs

(L-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014)

TAQSIMA 1

Informazzjoni ġenerali dwar is-CSDs applikanti

Artikolu 4

Identifikazzjoni u status legali tas-CSDs applikanti

1.   Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tidentifika b'mod ċar is-CSD applikant u l-attivitajiet u s-servizzi li jkun biħsiebu jwettaq.

2.   L-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

dettalji ta' kuntatt tal-persuna responsabbli mill-applikazzjoni;

(b)

dettalji ta' kuntatt tal-persuna jew persuni responsabbli għall-konformità u l-funzjoni ta' kontroll intern tas-CSD applikant;

(c)

l-isem korporattiv tas-CSD applikant, l-Identifikatur ta' Entità Ġuridika tiegħu (LEI) u l-indirizz irreġistrat fl-Unjoni;

(d)

il-memorandum u l-artikoli ta' assoċjazzjoni jew dokumentazzjoni kostituzzjonali u statutarja oħra tas-CSD applikant;

(e)

silta mir-reġistru kummerċjali jew tal-qorti rilevanti, jew forom oħra ta' xiehda ċertifikata tal-indirizz irreġistrat u l-attività ta' negozju tas-CSD applikant li jkunu validi fid-data tal-applikazzjoni;

(f)

l-identifikazzjoni tas-sistemi ta' saldu tat-titoli li s-CSD applikant iħaddem jew biħsiebu jħaddem;

(g)

kopja tad-deċiżjoni tal-korp maniġerjali dwar l-applikazzjoni u l-minuti tal-laqgħa li fiha l-korp maniġerjali approva l-fajl tal-applikazzjoni u l-preżentazzjoni tiegħu;

(h)

ċart li turi l-konnessjonijiet ta' sjieda bejn l-impriża prinċipali, is-sussidjarji u kwalunkwe entitajiet jew fergħat assoċjati oħra, fejn l-entitajiet li jidhru fiċ-ċart ikunu identifikati mill-isem korporattiv sħiħ tagħhom, l-istatus legali, l-indirizz irreġistrat, u n-numri tat-taxxa jew numri ta' reġistrazzjoni tal-kumpanija;

(i)

deskrizzjoni tal-attivitajiet ta' negozju tas-sussidjarji u persuni ġuridiċi oħra tas-CSD applikant li fihom is-CSD applikant jikkontrollla parteċipazzjoni, inkluża informazzjoni dwar il-livell ta' parteċipazzjoni;

(j)

lista li tinkludi:

(i)

l-isem ta' kull persuna jew entità li, direttament jew indirettament, ikollha 5 % jew aktar tal-kapital jew drittijiet tal-vot tas-CSD applikant;

(ii)

l-isem ta' kull persuna jew entità li tista' teżerċita influwenza sinifikanti fuq l-immaniġġjar tas-CSD applikant minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fil-kapital tas-CSD applikant;

(k)

lista li tinkludi:

(i)

l-isem ta' kull entità li fiha s-CSD applikant jikkontrolla 5 % jew aktar tal-kapital u drittijiet tal-vot tal-entità;

(ii)

l-isem ta' kull entità li s-CSD applikant jeżerċita influwenza sinifikanti fuq il-maniġment tagħha;

(l)

lista ta' servizzi ewlenin elenkati fit-Taqsima A tal-Anness għar-Regolament (UE) Nru 909/2014 li s-CSD applikant ikun qed jipprovdi jew ikun biħsiebu jipprovdi;

(m)

lista ta' servizzi anċillari speċifikati b'mod espliċitu fit-Taqsima B tal-Anness għar-Regolament (UE) Nru 909/2014 li s-CSD applikant ikun qed jipprovdi jew ikun biħsiebu jipprovdi;

(n)

lista ta' kwalunkwe servizzi anċillari oħra permessi, iżda mhux speċifikati b'mod espliċitu, skont it-Taqsima B tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 li s-CSD applikant ikun qed jipprovdi jew ikun biħsiebu jipprovdi;

(o)

lista tas-servizzi ta' investiment soġġetti għad-Direttiva 2014/65/UE msemmija fil-punt (n);

(p)

lista ta' servizzi u attivitajiet li s-CSD applikant jesternalizza jew li jkun biħsiebu jesternalizza lil parti terza skont l-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(q)

il-munita jew il-muniti li s-CSD applikant jipproċessa, jew ikun biħsiebu jipproċessa f'konnessjoni mas-servizzi li jipprovdi s-CSD applikant, irrispettivament minn jekk il-flus ikunux saldati f'kont bankarju ċentrali, kont tas-CSD, jew kont f'istituzzjoni ta' kreditu nnominata;

(r)

informazzjoni dwar kwalunkwe arbitraġġ ġudizzjarju, amministrattiv pendenti u finali, jew kwalunkwe proċediment legali ieħor li għalih is-CSD applikant ikun parti u li jista' jikkawżalu spejjeż finanzjarji jew oħrajn.

3.   Fejn is-CSD applikant ikun biħsiebu jipprovdi servizzi ewlenin jew jistabbilixxu fergħa skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tinkludi wkoll l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-Istat Membru jew l-Istati Membri li fihom is-CSD applikant ikun biħsiebu jaħdem;

(b)

programm ta' operazzjonijiet li jiddikjara partikolarment is-servizzi li s-CSD applikant jipprovdi jew biħsiebu jipprovdi fl-Istat Membru ospitanti;

(c)

il-munita jew il-muniti li s-CSD applikant jipproċessa jew biħsiebu jipproċessa fl-Istat Membru ospitanti;

(d)

meta s-servizzi jiġu pprovduti jew ikun maħsub li jiġu pprovduti permezz ta' fergħa, l-istruttura organizzazzjonali tal-fergħa u l-ismijiet tal-persuni responsabbli għall-immaniġġjar tagħha;

(e)

fejn rilevanti, valutazzjoni tal-miżuri li s-CSD applikant ikun biħsiebu jieħu sabiex l-utenti tiegħu jkunu jistgħu jikkonformaw mal-liġijiet nazzjonali msemmija fl-Artikolu 49(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014.

Artikolu 5

Informazzjoni ġenerali dwar il-politiki u l-proċeduri

1.   Applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għandha tispeċifika l-informazzjoni li ġejja dwar il-politiki u l-proċeduri tas-CSD applikant imsemmija f'dan il-Kapitolu:

(a)

it-titoli tal-impjieg tal-persuni responsabbli għall-approvazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-proċeduri;

(b)

deskrizzjoni tal-miżuri ta' implimentazzjoni u ta' monitoraġġ tal-konformità mal-politiki u l-proċeduri.

2.   Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tinkludi deskrizzjoni tal-proċeduri stabbiliti mis-CSD applikant skont l-Artikolu 65(3) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014.

Artikolu 6

Informazzjoni dwar is-servizzi u l-attivitajiet tas-CSD

Is-CSD applikant għandu jinkludi dan li ġej fl-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni:

(a)

deskrizzjoni dettaljata tas-servizzi msemmija fil-punti (l) sa (p) tal-Artikolu 4(2);

(b)

il-proċeduri li għandhom jiġu applikati fil-provvista tas-servizzi msemmija fil-punt (a).

Artikolu 7

Informazzjoni dwar il-gruppi

1.   Fejn is-CSD applikant ikun parti minn grupp ta' impriżi li jinkludi CSDs oħra jew istituzzjonijiet ta' kreditu msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tinkludi dan li ġej:

(a)

il-politiki u l-proċeduri msemmija fl-Artikolu 26(7) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(b)

informazzjoni dwar il-kompożizzjoni tal-maniġment superjuri, il-korp maniġerjali, u l-istruttura azzjonisti tal-impriża prinċipali u tal-impriżi l-oħra fil-grupp;

(c)

is-servizzi u l-individwi ewlenin minbarra l-maniġment superjuri li s-CSD applikant jikkondividi ma' impriżi oħra tal-grupp.

2.   Fejn is-CSD applikant ikollu impriża prinċipali, l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tipprovdu l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-indirizz irreġistrat tal-impriża prinċipali tas-CSD applikant;

(b)

meta l-impriża prinċipali tkun entità awtorizzata jew irreġistrata u soġġetta għal superviżjoni skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew ta' pajjiż terz, kwalunkwe awtorizzazzjoni jew numru ta' reġistrazzjoni rilevanti u l-isem tal-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti għas-superviżjoni tal-impriża prinċipali.

3.   Fejn is-CSD applikant ikun esternalizza s-servizzi jew l-attivitajiet lil impriża fil-grupp skont l-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, l-applikazzjoni għandha tinkludi sommarju u kopja tal-ftehim ta' esternalizzazzjoni.

TAQSIMA 2

Riżorsi finanzjarji għall-provvista ta' servizzi mis-CSD applikant

Artikolu 8

Rapporti finanzjarji, pjan ta' negozju, u pjan ta' rkupru

1.   Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tinkludi l-informazzjoni finanzjarja u ta' negozju li ġejja biex l-awtorità kompetenti tkun tista' tivvaluta l-konformità tas-CSD applikant mal-Artikoli 44, 46 u 47 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014:

(a)

rapporti finanzjarji li jinkludu sett komplet ta' dikjarazzjonijiet finanzjarji għat-tliet snin preċedenti, u r-rapport statutorja tal-awditjar dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali u konsolidati fis-sens tad-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), għall-perjodu preċedenti ta' tliet snin;

(b)

fejn is-CSD applikant jiġi awditjat minn awditur estern, l-isem u n-numru tar-reġistrazzjoni nazzjonali tal-awditur estern;

(c)

pjan ta' negozju, inkluż pjan finanzjarju u ta' baġit stmat li jipprevedi xenarji ta' negozju differenti għas-servizzi pprovduti mis-CSD applikant, fuq perjodu ta' referenza ta' tal-anqas tliet snin;

(d)

kwalunkwe pjan għall-istabbiliment ta' sussidjarji u fergħat u fejn jinsabu;

(e)

deskrizzjoni tal-attivitajiet ta' negozju li s-CSD applikant jippjana li jwettaq, inklużi l-attivitajiet ta' negozju ta' kwalunkwe sussidjarji jew fergħat tas-CSD applikant.

2.   Fejn informazzjoni finanzjarja storika msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 ma tkunx disponibbli, applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja dwar is-CSD applikant:

(a)

evidenza li turi r-riżorsi finanzjarji suffiċjenti matul is-sitt xhur ta' wara l-għoti ta' awtorizzazzjoni;

(b)

rapport finanzjarju interim;

(c)

dikjarazzjonijiet dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tas-CSD applikant, inklużi karta tal-bilanċ, rapport tal-introjtu, tibdil fl-ekwità u fil-flussi ta' flus u sommarju ta' politiki tal-kontabilità u noti ta' spjegazzjoni rilevanti oħra;

(d)

dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali awditjati ta' kwalunkwe impriża prinċipali għat-tliet snin finanzjarji ta' qabel id-data tal-applikazzjoni.

3.   L-applikazzjoni għandha tinkludi deskrizzjoni ta' pjan ta' rkupru adegwat biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-operazzjonijiet kritiċi tas-CSD applikant imsemmija fl-Artikolu 22(2) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 inkluż:

(a)

sommarju li jipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-pjan u l-implimentazzjoni tiegħu;

(b)

l-identifikazzjoni tal-operazzjonijiet kritiċi tas-CSD applikant, xenarji ta' stress u avvenimenti li jiskattaw l-irkupru, u deskrizzjoni ta' għodod ta' rkupru li għandhom jintużaw mis-CSD applikant;

(c)

valutazzjoni ta' kwalunkwe impatt tal-pjan ta' rkupru fuq il-partijiet interessati li x'aktarx jiġu affettwati mill-implimentazzjoni tiegħu;

(d)

valutazzjoni tal-infurzabbiltà legali tal-pjan ta' rkupru li tqis kwalunkwe restrizzjonijiet legali imposti minn leġiżlazzjoni tal-Unjoni, nazzjonali jew ta' pajjiż terz.

TAQSIMA 3

Rekwiżiti organizzazzjonali

Artikolu 9

Ċart organizzazzjonali

Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tinkludi ċart organizzazzjonali li tiddeskrivi l-istruttura organizzazzjonali tas-CSD applikant. Iċ-ċart għandha tinkludi dan li ġej:

(a)

l-identità u l-kompiti tal-persuni responsabbli għall-pożizzjonijiet li ġejjin:

(i)

maniġment superjuri;

(ii)

maniġers responsabbli għall-funzjonijiet operazzjonali msemmija fl-Artikolu 47(3);

(iii)

maniġers responsabbli għall-attivitajiet ta' kwalunkwe fergħat tas-CSD applikant;

(iv)

rwoli sinifikanti oħra fl-operazzjonijiet tas-CSD applikant;

(b)

in-numru tal-membri tal-persunal f'kull diviżjoni u unità operazzjonali.

Artikolu 10

Politiki u proċeduri tal-persunal

Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja dwar il-politiki u l-proċeduri tas-CSD applikant li għandhom x'jaqsmu mal-persunal:

(a)

deskrizzjoni tal-politika ta' rimunerazzjoni inkluża informazzjoni dwar l-elementi fissi u varjabbli tar-rimunerazzjoni tal-maniġment superjuri, il-membri tal-korp maniġerjali u l-persunal impjegat fl-immaniġġjar tar-riskju, il-konformità u l-kontroll intern, l-awditjar intern u funzjonijiet ta' teknoloġija tas-CSD applikant;

(b)

il-miżuri implimentati mis-CSD applikant biex jiġi mitigat ir-riskju ta' sovradipendenza fuq ir-responsabbiltajiet fdati lil kwalunkwe persuna individwali.

Artikolu 11

Għodod ta' monitoraġġ tar-riskju u arranġamenti ta' governanza

1.   Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja dwar l-arranġamenti ta' governanza u l-għodod ta' monitoraġġ tar-riskju tas-CSD applikant:

(a)

deskrizzjoni tal-arranġamenti ta' governanza tas-CSD applikant stabbiliti skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu 47;

(b)

il-politiki, il-proċeduri u s-sistemi stabbiliti skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 47;

(c)

deskrizzjoni tal-kompożizzjoni, ir-rwol u r-responsabbiltajiet tal-membri tal-korp maniġerjali u l-maniġment superjuri u l-kumitati stabbiliti skont l-Artikolu 48.

2.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi deskrizzjoni tal-proċessi li jikkonċernaw l-għażla, il-ħatra, l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni u t-tneħħija tal-maniġment superjuri u l-membri tal-korp maniġerjali.

3.   Is-CSD applikant għandu jiddeskrivi l-proċedura tiegħu biex jagħmel l-arranġamenti ta' governanza tiegħu u r-regoli li jirregolaw l-attività tiegħu disponibbli għall-pubbliku.

4.   Meta s-CSD applikant jaderixxi għal kodiċi ta' kondotta rikonoxxuta ta' governanza korporattiva, l-applikazzjoni għandha tidentifika kwalunkwe kodiċi, tinkludi kopja tal-kodiċi msemmi u tiġġustifika kwalunkwe sitwazzjonijiet fejn is-CSD applikant jiddevja mill-kodiċi.

Artikolu 12

Konformità, kontroll intern u funzjonijiet ta' awditjar intern

1.   Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tinkludi deskrizzjoni tal-proċeduri għar-rapportar intern tas-CSD applikant ta' ksur imsemmi fl-Artikolu 26(5) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014.

2.   Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar il-politiki u l-proċeduri tal-awditjar intern ta' CSD applikant imsemmija fl-Artikolu 51, inkluż:

(a)

deskrizzjoni tal-għodod ta' monitoraġġ u ta' evalwazzjoni għall-adegwatezza u l-effikaċja tas-sistemi tal-awditjar intern tas-CSD applikant;

(b)

deskrizzjoni tal-kontroll u l-għodod ta' salvalgwardja għas-sistemi ta' pproċessar ta' informazzjoni tas-CSD applakant;

(c)

deskrizzjoni tal-iżvilupp u l-applikazzjoni tal-metodoloġija tal-awditjar intern tas-CSD applikant;

(d)

pjan ta' ħidma tal-funzjoni tal-awditjar intern għal tliet snin wara d-data tal-applikazzjoni;

(e)

deskrizzjoni tar-rwoli u l-kwalifiki ta' kull individwu li huwa responsabbli għall-awditjar intern imsemmi fl-Artikolu 47(3)(d) taħt is-sorveljanza tal-kumitat tal-awditjar imsemmi fl-Artikolu 48(1)(b).

3.   Applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja dwar il-konformità u l-funzjoni ta' kontroll intern tas-CSD applikant imsemmi fl-Artikolu 47(3)(c):

(a)

deskrizzjoni tar-rwoli u l-kwalifiki ta' individwi li huma responsabbli għall-konformità u l-funzjoni ta' kontroll intern u ta' kwalunkwe persunal ieħor involut fil-valutazzjonijiet ta' konformità, inkluża deskrizzjoni tal-mezzi biex tiġi żgurata l-indipendenza tal-konformità u l-funzjoni ta' kontroll intern mill-bqija tal-unitajiet ta' negozju;

(b)

il-politiki u l-proċeduri tal-konformità u l-funzjoni ta' kontroll intern, inkluża deskrizzjoni tar-rwol ta' konformità tal-korp maniġerjali u l-maniġment superjuri;

(c)

fejn disponibbli, l-aktar rapport intern riċenti mħejji mill-persuni responsabbli għall-konformità u l-funzjoni ta' kontroll intern jew minn kwalunkwe persunal ieħor involut fil-valutazzjonijiet ta' konformità fi ħdan is-CSD applikant.

Artikolu 13

Maniġment superjuri, korp maniġerjali u azzjonisti

1.   Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tinkludi, għal kull membru tal-maniġment superjuri u kull membri tal-korp maniġerjali tas-CSD applikant, l-informazzjoni li ġejja biex l-awtorità kompetenti tkun tista' tivvaluta l-konformità tas-CSD applikant mal-Artikolu 27(1) u (4) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014:

(a)

kopja ta' curriculum vitae li tistabbilixxi l-esperjenza u l-għarfien ta' kull membru;

(b)

dettalji dwar kwalunkwe sanzjonijiet kriminali u amministrattivi imposti fuq membru f'konnessjoni mal-provvista ta' servizzi finanzjarji jew ta' dejta jew fir-rigward ta' atti ta' frodi jew misapproprjazzjoni ta' fondi, fil-forma ta' ċertifikat uffiċjali xieraq fejn disponibbli fl-Istat Membru rilevanti;

(c)

awtodikjarazzjoni ta' reputazzjoni tajba fir-rigward tal-provvista ta' servizzi finanzjarji jew ta' dejta, fejn il-membri kollha tal-maniġment superjuri u l-korp maniġerjali għandhom jiddikjaraw jekk ikunux ġew soġġetti għal xi waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

instabu ħatja ta' reat kriminali jew amministrattiv f'konnessjoni mal-provvista ta' servizzi finanzjarji jew ta' dejta jew fir-rigward ta' atti ta' frodi jew misapproprjazzjoni ta' fondi;

(ii)

kienu soġġetti għal deċiżjoni negattiva fi kwalunkwe proċediment ta' natura dixxiplinarja mibdi minn awtorità regolatorja, korp jew aġenzija governattiva jew huma soġġetti għal kwalunkwe proċediment li għadu għaddej;

(iii)

kienu soġġett għal sejba ġudizzjarja negattiva fi proċedimenti ċivili quddiem qorti f'konnessjoni mal-provvista ta' servizzi finanzjarji jew ta' dejta, jew frodi fl-immaniġġjar ta' negozju;

(iv)

kien ilhom membri tal-korp maniġerjali jew tal-maniġment superjuri ta' impriża li r-reġistrazzjoni jew l-awtorizzazzjoni tagħha ġiet irtirata minn korp regolatorju waqt li kienu konnessi mal-impriża tal-anqas sena qabel id-data tal-irtirar tal-awtorizzazzjoni jew ir-reġistrazzjoni;

(v)

kienu rrifjutati d-dritt li jwettqu kwalunkwe tip ta' attività li tirrikjedi reġistrazzjoni jew awtorizzazzjoni minn korp regolatorju;

(vi)

ilhom membri tal-korp maniġerjali jew tal-maniġment superjuri ta' impriża li kontriha nfetħu proċeduri ta' falliment tal-anqas sena qabel ma nbdew il-proċedimenti;

(vii)

ilhom membri tal-korp maniġerjali jew tal-maniġment superjuri ta' impriża li kienet soġġetta għal sanzjoni minn korp regolatorju waqt li kienu konnessi mal-impriża tal-anqas sena qabel id-data ma ġiet imposta dik is-sanzjoni;

(viii)

inkella ġew immultati, sospiżi, skwalifikati jew soġġetti għal kwalunkwe sanzjoni oħra f'konnessjoni mal-provvista ta' servizzi finanzjarji jew ta' dejta minn korp governattiv, regolatorju jew professjonali;

(ix)

kienu skwalifikati milli jaġixxu bħala direttur jew fi kwalunkwe kapaċità maniġerjali oħra, tkeċċew mill-impjieg jew kariga oħra f'impriża bħala riżultat ta' imġiba ħażina jew prattika ħażina.

Għall-finijiet tal-punt (c)(i) ta' dan il-paragrafu, l-awtodikjarazzjoni ma għandhiex tkun meħtieġa fejn ċertifikat uffiċjali jiġi ppreżentat skont il-punt (b) ta' dan il-paragrafu.

2.   L-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja dwar il-korp maniġjerali tas-CSD applikant:

(a)

evidenza ta' konformità mal-Artikolu 27(2) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(b)

deskrizzjoni tar-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-membri tal-korp maniġerjali;

(c)

il-mira għar-rappreżentazzjoni tal-ġeneru sottorappreżentat fil-korp maniġerjali, il-politika rilevanti dwar kif għandhom jintlaħqu l-mira u l-metodu użati mis-CSD applikant biex jippubblika l-mira, il-politika u l-implimentazzjoni tagħha.

3.   L-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja dwar l-istruttura tas-sjieda u tal-azzjonisti tas-CSD applikant:

(a)

deskrizzjoni tal-istruttura tas-sjieda tas-CSD applikant imsemmija fil-punt (i) tal-Artikolu 4(2), inkluża deskrizzjoni tal-identità u d-daqs tal-interessi fi kwalunkwe entità f'pożizzjoni li teżerċita kontroll fuq it-tħaddim tas-CSD applikant;

(b)

lista tal-azzjonisti u l-persuni li jkunu f'pożizzjoni li jeżerċitaw, direttament jew indirettament, kontroll fuq il-maniġment tas-CSD applikant.

Artikolu 14

Immaniġġjar tal-kunflitti ta' interess

1.   Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja dwar il-politiki u l-proċeduri stabbiliti biex jiġu identifikati u mmaniġġjati l-kunflitti ta' interess potenzjali mis-CSD applikant skont l-Artikolu 50:

(a)

deskrizzjoni tal-politiki u l-proċeduri li jikkonċernaw l-identifikazzjoni, l-immaniġġjar u d-divulgazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-kunflitti ta' interess potenzjali u tal-proċess użat biex jiżgura li l-persunal tas-CSD applikant jiġi mgħarraf b'dawn il-politiki u l-proċeduri;

(b)

deskrizzjoni tal-kontrolli u l-miżuri stabbiliti sabiex jiġi żgurat li r-rekwiżiti msemmija fil-punt (a) dwar l-immaniġġjar tal-kunflitti ta' interess jiġu ssodisfati;

(c)

deskrizzjoni tal-elementi li ġejjin:

(i)

ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-persunal ewlieni, speċjalment meta jkollhom ukoll responsabbiltajiet f'entitajiet oħra;

(ii)

arranġamenti li jiżguraw li l-individwi li jkollhom kunflitt ta' interess permanenti jiġu esklużi mill-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u mill-irċevuta ta' kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar il-kwistjonijiet milquta mill-kunflitt ta' interess permanenti;

(iii)

reġistru aġġornat tal-kunflitti ta' interess eżistenti meta ssir l-applikazzjoni u deskrizzjoni ta' kif dawn il-kunflitti ta' interess jiġu mmaniġġjati.

2.   Fejn is-CSD applikant ikun parti minn grupp, ir-reġistru msemmi fil-punt (c)(iii) tal-paragrafu 1 għandu jinkludi deskrizzjoni tal-kunflitti ta' interess li jirriżultaw minn impriżi oħra fil-grupp fir-rigward ta' kwalunkwe servizz ipprovdut mis-CSD applikant, u l-arranġamenti stabbiliti biex jiġu mmaniġġjati dawk il-kunflitti ta' interess.

Artikolu 15

Kunfidenzjalità

1.   Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tinkludi l-politiki u l-proċeduri tas-CSD applikant stabbiliti għall-prevenzjoni tal-użu mhux awtorizzat jew id-divulgazzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali. L-informazzjoni kunfidenzjali għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

informazzjoni relatata mal-parteċipanti, il-klijenti, l-emittenti jew utenti oħra tas-servizzi tas-CSD applikant;

(b)

mhuwiex permess li informazzjoni oħra miżmuma mis-CSD applikant bħala riżultat tal-attività ta' negozju tiegħu tintuża għal finijiet kummerċjali.

2.   Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja dwar l-aċċess tal-persunal għal informazzjoni miżmuma mis-CSD applikant:

(a)

il-proċeduri interni dwar il-permessi ta' aċċess għall-informazzjoni li jiżguraw aċċess sigur għad-dejta;

(b)

deskrizzjoni ta' kwalunkwe restrizzjoni fuq l-użu ta' dejta għal raġunijiet ta' kunfidenzjalità.

Artikolu 16

Kumitat tal-utenti

Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja dwar kull kumitat tal-utenti:

(a)

il-mandat tal-kumitat tal-utenti;

(b)

l-arranġamenti ta' governanza tal-kumitat tal-utenti;

(c)

il-proċeduri ta' tħaddim tal-kumitat tal-utenti;

(d)

il-kriterji tal-ammissjoni u l-mekkaniżmu tal-elezzjoni tal-membri tal-kumitat tal-utenti;

(e)

lista tal-membri proposti tal-kumitat tal-utenti u l-indikazzjoni tal-interessi li jirrappreżentaw.

Artikolu 17

Żamma tar-rekords

1.   Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tinkludi deskrizzjoni tas-sistemi, il-politiki u l-proċeduri taż-żamma tar-rekords tas-CSD applikant, stabbiliti u miżmuma skont il-Kapitolu VIII ta' dan ir-Regolament.

2.   Fejn CSD applikant japplika għal awtorizzazzjoni qabel id-data tal-applikazzjoni tal-Artikolu 54, l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

analiżi tal-punt sa fejn is-sistemi, il-politiki u l-proċeduri taż-żamma tar-rekords eżistenti tas-CSD applikant huma konformi mar-rekwiżiti skont l-Artikolu 54;

(b)

pjan ta' implimentazzjoni li jiddeskrivi fid-dettall kif is-CSD applikant jikkonforma mar-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 54 sad-data li fiha jsir applikabbli.

TAQSIMA 4

Regoli dwar it-tmexxija tan-negozju

Artikolu 18

Għanijiet u objettivi

Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tinkludi deskrizzjoni tal-għanijiet u l-objettivi tas-CSD applikant imsemmi fl-Artikolu 32(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014.

Artikolu 19

L-indirizzar ta' lmenti

Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tinkludi l-proċeduri li stabbilixxa s-CSD applikant biex jindirizza l-ilmenti.

Artikolu 20

Rekwiżiti għall-parteċipazzjoni

Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tinkludi l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar il-parteċipazzjoni fis-sistemi ta' saldu tat-titoli mħaddma mis-CSD applikant skont l-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 u l-Artikoli 88-90 ta' dan ir-Regolament. Din l-informazzjoni għandha tinkludi dan li ġej:

(a)

il-kriterji għall-parteċipazzjoni li jippermettu aċċess ġust u miftuħ għall-persuni ġuridiċi kollha li biħsiebhom isiru parteċipanti fis-sistemi ta' saldu tat-titoli mħaddma mis-CSD applikant;

(b)

il-proċeduri għall-applikazzjoni ta' miżuri dixxiplinarji kontra parteċipanti eżistenti li ma jikkonformawx mal-kriterji għall-parteċipazzjoni.

Artikolu 21

Trasparenza

1.   Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tinkludi d-dokumenti u l-informazzjoni dwar il-politika tal-ipprezzar tas-CSD applikant dwar is-servizzi msemmija fl-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014. Din l-informazzjoni għandha tinkludi b'mod partikolari l-prezzijiet u t-tariffi għal kull servizz ewlieni pprovdut mis-CSD applikant u kwalunkwe skontijiet u roħs eżistenti, kif ukoll il-kundizzjonijiet għat-tnaqqis.

2.   Is-CSD applikant għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti b'deskrizzjoni tal-metodi użati biex tiġi divulgata l-informazzjoni rilevanti skont il-paragrafi 1, 2, 4 u 5 tal-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014.

3.   Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tinkludi informazzjoni li tippermetti lill-awtorità kompetenti tivvaluta kif is-CSD applikant biħsiebu jikkonforma mar-rekwiżiti li jagħti rendikont separat għall-ispejjeż u d-dħul skont l-Artikolu 34(6) u (7) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014.

Artikolu 22

Proċeduri ta' komunikazzjoni ma' parteċipanti u infrastrutturi oħra tas-suq

Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tinkludi l-informazzjoni rilevanti dwar l-użu mis-CSD applikant ta' proċeduri u standards ta' komunikazzjoni miftuħa u internazzjonali għal messaġġi u dejta ta' referenza fil-proċeduri ta' komunikazzjoni tiegħu mal-parteċipanti u infrastrutturi oħra tas-suq.

TAQSIMA 5

Rekwiżiti għas-servizzi pprovduti mis-CSDs

Artikolu 23

Format ta' entrata fil-kotba

Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar il-proċessi dwar entrati fil-kotba li jiżguraw il-konformità tas-CSD applikant mal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014.

Artikolu 24

Dati previsti tas-saldu u miżuri għall-prevenzjoni u l-indirizzar ta' falliment ta' saldu

1.   Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja fir-rigward tas-CSD applikant:

(a)

il-proċeduri u l-miżuri għall-prevenzjoni ta' falliment ta' saldu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(b)

il-miżuri għall-indirizzar ta' falliment ta' saldu skont l-Artikoli 7 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014.

2.   Fejn CSD applikant japplika għal awtorizzazzjoni qabel mal-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 ikunu applikabbli skont il-paragrafi 4 u 5 tal-Artikolu 76 ta' dak ir-Regolament, l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tinkludi pjan ta' implimentazzjoni li jiddeskrivi fid-dettall kif is-CSD applikant jikkonforma mar-rekwiżiti skont l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014.

Istituzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 69(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 għandhom jinkludu, fil-pjan ta' implimentazzjoni msemmi fl-ewwel subparagrafu, analiżi tal-punt sa fejn ir-regoli, il-proċeduri, il-mekkaniżmi u l-miżuri eżistenti tagħhom jikkonformaw mar-rekwiżiti skont l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014.

Artikolu 25

Integrità tal-ħruġ

Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar ir-regoli u l-proċeduri tas-CSD applikant biex tiġi żgurata l-integrità tal-ħruġ ta' titoli msemmija fl-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 u l-Kapitolu IX ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 26

Protezzjoni tat-titoli tal-parteċipanti u tal-klijenti tagħhom

Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja dwar il-miżuri implimentati biex jipproteġu t-titoli tal-parteċipanti tas-CSD applikant u dawk tal-klijenti tagħhom skont l-Artikolu 38 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014:

(a)

ir-regoli u l-proċeduri għat-tnaqqis u l-immaniġġjar tar-riskji assoċjati mal-kustodja tat-titoli;

(b)

deskrizzjoni dettaljata tal-livelli differenti ta' segregazzjoni offruti mis-CSD applikant, deskrizzjoni tal-ispejjeż assoċjati ma' kull livell, it-termini kummerċjali li fuqhom huma offruti, l-implikazzjonijiet legali prinċipali tagħhom u l-liġi tal-insolvenza applikabbli;

(c)

ir-regoli u l-proċeduri għall-kisba tal-kunsens imsemmi fl-Artikolu 38(7) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

Artikolu 27

Finalità tas-saldu

Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tinkudi informazzjoni dwar ir-regoli dwar il-finalità tas-saldu stabbiliti mis-CSD applikant skont l-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014.

Artikolu 28

Saldu fi flus

1.   Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tinkludi l-proċeduri għas-saldu tal-pagamenti fi flus għal kull sistema ta' saldu tat-titoli li s-CSD applikant iħaddem skont l-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014.

2.   Is-CSD applikant għandu jipprovdi informazzjoni dwar jekk is-saldu tal-pagamenti fi flus huwiex ipprovdut skont l-Artikolu 40(1) jew (2) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014.

Jekk is-saldu tal-pagamenti fi flus huwa maħsuba li jseħħ skont l-Artikolu 40(2) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, is-CSD applikant għandu jispjega għaliex saldu skont l-Artikolu 40(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 mhuwiex prattiku u disponibbli.

Artikolu 29

Proċeduri u regoli dwar l-inadempjenza tal-parteċipanti

Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tinkludi r-regoli u l-proċeduri stabbiliti mis-CSD applikant biex tiġi mmaniġġjata l-inadempjenza ta' parteċipant.

Artikolu 30

Trasferiment tal-assi tal-parteċipanti u tal-klijenti fil-każ ta' rtirar ta' awtorizzazzjoni

Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar il-proċeduri stabbiliti mis-CSD applikant biex jiġi żgurat is-saldu f'waqtu u ordnat u t-trasferiment tal-assi tal-klijenti u l-parteċipanti lil CSD ieħor fil-każ ta' rtirar tal-awtorizzazzjoni tiegħu.

TAQSIMA 6

Rekwiżiti prudenzjali

Artikolu 31

Riskji legali

1.   Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tinkludi l-informazzjoni kollha meħtieġa biex l-awtorità kompetenti tkun tista' tivvaluta li r-regoli, il-proċeduri, u l-kuntratti tas CSD applikant huma ċari, jinftiehmu u huma infurzabbli fil-ġuriżduzzjonijiet rilevanti kollha skont l-Artikolu 43(1) u (2) tar Regolament (UE) Nru 909/2014.

2.   Fejn is-CSD applikant ikun biħsiebu jwettaq negozju f'ġuriżdizzjonijiet differenti, is-CSD applikant għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti b'informazzjoni dwar il-miżuri stabbiliti biex jiġu identifikati u mitigati r-riskji li jirriżultaw minn kunflitti potenzjali ta' liġijiet bejn il-ġuriżdizzjonijiet skont l-Artikolu 43(3) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014. Din l-informazzjoni għandha tinkludi kwalunkwe valutazzjoni legali li fuqha huma bbażati dawn il-miżuri.

Artikolu 32

Riskji ġenerali ta' negozju

1.   Is-CSD applikant għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti b'deskrizzjoni tas-sistemi tal-immaniġġjar tar-riskju u ta' kontroll kif ukoll l-għodod tal-IT stabbiliti mis-CSD applikant biex jimmaniġġjaw ir-riskji ta' negozju skont l-Artikolu 44 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014.

2.   Fejn is-CSD applikant ikun kiseb klassifikazzjoni tar-riskju minn parti terza, huwa għandu jipprovdiha lill-awtorità kompetenti, inkluża kwalunkwe informazzjoni rilevanti li tappoġġja dik il-klassifikazzjoni tar-riskju.

Artikolu 33

Riskji operazzjonali

1.   Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tinkludi informazzjoni li turi li s-CSD applikant huwa konformi mar-rekwiżiti għall-immaniġġjar tar-riskji operazzjonali skont l-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 u l-Kapitolu X ta' dan ir-Regolament.

2.   Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tinkludi wkoll l-informazzjoni li ġejja dwar il-lista ta' servizzi msemmija fil-punt (p) tal-Artikolu 4(2) ta' dan ir-Regolament:

(a)

kopja tal-ftehim ta' esternalizzazzjoni;

(b)

il-metodi użati għall-monitoraġġ tal-livell ta' servizz tas-servizzi u l-attivitajiet esternalizzati.

Artikolu 34

Politika ta' investiment

Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tinkludi evidenza li turi li:

(a)

is-CSD applikant iżomm l-assi finanzjarji proprji tiegħu skont l-Artikolu 46(1), (2) u (5) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 u l-Kapitolu XI ta' dan ir-Regolament.

(b)

l-investimenti tas-CSD applikant huma konformi mal-Artikolu 46(3) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 u l-Kapitolu XI ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 35

Rekwiżiti ta' kapital

Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tinkludi l-informazzjoni dwar ir-rekwiżiti ta' kapital:

(a)

informazzjoni li turi li l-kapital tas-CSD applikant, inkluż il-qligħ miżmum u r-riżervi tas-CSD applikant, jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(b)

il-pjan imsemmi fl-Artikolu 47(2) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 u kwalunkwe aġġornament għal dak il-pjan, u l-evidenza tal-approvazzjoni tiegħu mill-korp maniġerjali jew kumitat xieraq tal-korp maniġerjali tas-CSD applikant.

TAQSIMA 7

Artikolu 36

Konnessjonijiet ta' CSDs

Fejn is-CSD applikant ikun stabbilixxa jew biħsiebu jistabbilixxi konnessjonijiet ta' CSD, l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

deskrizzjoni tal-konnessjonijiet ta' CSD akkumpanjata minn valutazzjonijiet ta' sorsi potenzjali ta' riskji li jirriżultaw minn dawk l-arranġamenti ta' konnessjoni mis-CSD applikant;

(b)

il-volumi mistennija jew attwali tas-saldu u l-valuri tas-saldu mwettqa fi ħdan il-konnessjonijiet ta' CSDs;

(c)

il-proċeduri dwar l-identifikazzjoni, il-valutazzjoni, il-monitoraġġ u l-immaniġġjar tas-sorsi potenzjali kollha ta' riskju għas-CSD applikant u għall-parteċipanti tiegħu li jirriżultaw mill-arranġament ta' konnessjoni u l-miżuri adattati stabbiliti biex jimmitigawhom;

(d)

valutazzjoni tal-applikabbiltà tal-liġijiet tal-insolvenza applikabbli għat-tħaddim ta' konnessjoni ta' CSD u l-implikazzjonijiet tagħhom għas-CSD applikant;

(e)

informazzjoni oħra rilevanti mitluba mill-awtorità kompetenti għall-valutazzjoni tal-konformità tal-konnessjonijiet ta' CSDs mar-rekwiżiti pprovduti fl-Artikolu 48 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 u l-Kapitolu XII ta' dan ir-Regolament.

TAQSIMA 8

Aċċess għas-CSDs

Artikolu 37

Regoli tal-aċċess

Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tinkludi deskrizzjoni tal-proċeduri biex jiġu indirizzati t-talbiet għall-aċċess li ġejjin:

(a)

minn persuni ġuridiċi li biħsiebhom isiru parteċipanti skont l-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 u l-Kapitolu XIII ta' dan ir-Regolament;

(b)

minn emittenti skont l-Artikolu 49 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 u l-Kapitolu XIII ta' dan ir-Regolament;

(c)

minn CSDs oħra skont l-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 u l-Kapitolu XIII ta' dan ir-Regolament;

(d)

minn infrastrutturi tas-swieq oħra skont l-Artikolu 53 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 u l-Kapitolu XIII ta' dan ir-Regolament.

TAQSIMA 9

Informazzjoni addizzjonali

Artikolu 38

Talba għal informazzjoni addizzjonali

L-awtorità kompetenti tista' titlob mingħand is-CSD applikant kwalunkwe informazzjoni addizzjonali meħtieġa għall-valutazzjoni dwar jekk, fil-mument tal-għoti tal-awtorizzazzjoni, is-CSD applikant jikkonformax mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 909/2014.

KAPITOLU IV

PARTEĊIPAZZJONIJIET TA' CSDs F'ĊERTI ENTITAJIET

(L-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014)

Artikolu 39

Kriterji tal-parteċipazzjonijiet ta' CSD

Fl-għoti tal-approvazzjoni għall-parteċipazzjoni ta' CSD f'persuna ġuridika li ma tipprovdix is-servizzi stabbiliti fit-Taqsimiet A u B tal-Anness għar-Regolament (UE) Nru 909/2014, l-awtorità kompetenti għandha tqis il-kriterji li ġejjin:

(a)

il-firxa tal-obbligazzjonijiet finanzjarji assunti mis-CSD bħala riżultat ta' dik il-parteċipazzjoni;

(b)

jekk is-CSD ikollux riżorsi finanzjarji suffiċjenti li jissodisfaw il-kriterji msemmija fl-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 biex ikopri r-riskji li jirriżultaw minn dan li ġej:

(i)

il-garanziji mogħtija mis-CSD lil dik il-persuna ġuridika;

(ii)

kwalunkwe obbligu kontinġenti mwettaq mis-CSD favur dik il-persuna ġuridika;

(iii)

kwalunkwe ftehim ta' kondiviżjoni ta' telf jew mekkaniżmu ta' rkupru ta' dik il-persuna ġuridika;

(c)

jekk il-persuna ġuridika li fiha s-CSD jikkontrolla parteċipazzjoni tipprovdi servizzi li huma kumplementari għas-servizzi ewlenin offruti mis-CSD, kif imsemmi fl-Artikolu 18(4) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, bħal:

(i)

CCP awtorizzata jew rikonoxxuta skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012; jew

(ii)

post tan-negozjar kif definit fil-punt (42) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(d)

jekk il-parteċipazzjoni tas-CSD tirriżultax fil-kontroll mis-CSD fuq il-persuna ġuridika kif definita fil-punt (21) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(e)

l-analiżi tas-CSD tar-riskji li jirriżultaw minn dik il-parteċipazzjoni, inkluża kwalunkwe analiżi approvata minn awditur intern jew estern, li turi li r-riskji kollha li jirriżultaw mill-parteċipazzjoni huma mmaniġġjati b'mod adegwat. L-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu, b'mod partikolari, l-aspetti li ġejjin tal-analiżi tas-CSD:

(i)

il-ġustifikazzjoni strateġika għall-parteċipazzjoni, li tqis l-interessi tal-utenti tas-CSD, inklużi l-emittenti, il-parteċipanti u l-klijenti tagħhom;

(ii)

ir-riskji finanzjarji u l-obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn parteċipazzjoni tas-CSD.

KAPITOLU V

RIEŻAMI U EVALWAZZJONI

(L-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014)

Artikolu 40

Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-awtoritajiet kompetenti

1.   Għall-finijiet ta' dan il-Kapitolu, “perjodu ta' rieżami” kif definit fil-punt (a) tal-Artikolu 1 għandu jinkludi l-perjodu bejn l-ewwel awtorizzazzjoni mogħtija lil CSD skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 u l-ewwel rieżami u evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 22(1) ta' dak ir-Regolament

2.   Għall-finijiet tar-rieżami u l-evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 22(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, CSD għandu jipprovdi l-informazzjoni li ġejja lill-awtorità kompetenti tiegħu:

(a)

l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 41 u 42;

(b)

rapport dwar l-attivitajiet tas-CSD u t-tibdil sostantiv imsemmi fl-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 magħmul matul il-perjodu ta' rieżami u d-dokumenti kollha relatati;

(c)

kwalunkwe informazzjoni addizzjonali mitluba mill-awtorità kompetenti li hija meħtieġa għall-valutazzjoni tal-konformità tas-CSD u l-attivitajiet tiegħu mar-Regolament (UE) Nru 909/2014 matul il-perjodu ta' rieżami.

3.   Ir-rapport imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 2 għandu jinkludi dikjarazzjoni minn CSD ta' konformità globali mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 matul il-perjodu ta' rieżami.

Artikolu 41

Informazzjoni perjodika rilevanti għar-rieżamijiet

Għal kull perjodu ta' rieżami, is-CSD għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti bl-informazzjoni li ġejja:

(a)

sett komplut tal-aħħar dikjarazzjonijiet finanzjarji awditjati tas-CSD, inklużi dawk ikkonsolidati fil-livell tal-grupp;

(b)

verżjoni fil-qosor tal-aktar dikjarazzjonijiet finanzjarji interim riċenti tas-CSD;

(c)

kwalunkwe deċiżjoni tal-korp maniġerjali li ssegwi l-parir tal-kumitat tal-utenti, kif ukoll kwalunkwe deċiżjoni fejn il-korp maniġerjali jkun iddeċieda li ma jsegwix il-parir tal-kumitat tal-utenti;

(d)

informazzjoni dwar kwalunkwe proċedimenti ġudizzjarji jew extraġudizzjarji ċivili, amministrattivi jew kwalunkwe proċedimenti oħra pendenti li jinvolvu s-CSD, b'mod partikolari fir-rigward ta' kwistjonijiet dwar it-taxxa u l-insolvenza, jew kwistjonijiet li jistgħu jikkawżaw spejjeż finanzjarji jew ta' reputazzjoni għas-CSD;

(e)

informazzjoni dwar kwalunkwe proċedimenti ġudizzjarji jew extraġudizzjarji ċivili, amministrattivi jew kwalunkwe proċedimenti oħra pendenti li jinvolvu membru tal-korp maniġerjali jew membru tal-maniġment superjuri li jista' jkollha impatt negattiv fuq is-CSD;

(f)

kwalunkwe deċiżjonijiet finali li jirriżultaw mill-proċeduri msemmija fil-punti (d) u (e);

(g)

kopja tar-riżultati tat-testijiet tal-istress ta' kontinwità tan-negozju jew eżerċizzji simili li jitwettqu matul il-perjodu tar-rieżami;

(h)

rapport dwar l-inċidenti operazzjonali li seħħew matul il-perjodu ta' rieżami u li affettwaw l-għoti bla xkiel ta' kwalunkwe servizzi ewlenin, il-miżuri meħuda biex jindirizzawhom u r-riżultati tagħhom;

(i)

rapport dwar il-prestazzjoni tas-sistema ta' saldu tat-titoli, inkluża valutazzjoni tad-disponibbiltà tas-sistema matul il-perjodu ta' rieżami, imkejla fuq bażi ta' kuljum bħala l-perċentwal ta' ħin fejn is-sistema taħdem u tiffunzjona skont il-parametri maqbula;

(j)

sommarju tat-tipi ta' interventi manwali mwettqa mis-CSD;

(k)

informazzjoni dwar l-identifikazzjoni tal-operazzjonijiet kritiċi tas-CSD, kwalunkwe tibdil sostantiv għall-pjan ta' rkupru tiegħu, ir-riżultati tax-xenarji ta' stress, l-iskattaturi ta' rkupru u l-għodod ta' rkupru tas-CSD;

(l)

informazzjoni dwar kwalunkwe ilment formali li jasal għand is-CSD matul il-perjodu ta' rieżami inkluża informazzjoni dwar l-elementi li ġejjin:

(i)

in-natura tal-ilment;

(ii)

kif l-ilment ġie indirizzat, inkluż l-eżitu tal-ilment;

(iii)

id-data meta ntemm l-indirizzar tal-ilment;

(m)

informazzjoni dwar il-każijiet fejn is-CSD ċaħħad l-aċċess għas-servizzi tiegħu lil kwalunkwe parteċipant eżistenti jew potenzjali, kwalunkwe emittent, CSD ieħor jew infrastruttura oħra tas-suq skont l-Artikoli 33(3), 49(3), 52(2) u 53(3) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(n)

rapport dwar it-tibdil li jaffettwa kwalunkwe konnessjonijiet ta' CSD stabbiliti mis-CSD, inkluż tibdil fil-mekkaniżmi u l-proċeduri użati għas-saldu f'dawk il-konnessjonijiet ta' CSD;

(o)

informazzjoni dwar il-każijiet kollha ta' kunflitti ta' interess identifikati li mmaterjalizzaw matul il-perjodu ta' rieżami, inkluża d-deskrizzjoni ta' kif kienu mmaniġġjati;

(p)

informazzjoni dwar il-kontrolli u l-awditi interni mwettqa mis-CSD matul il-perjodu ta' rieżami;

(q)

informazzjoni dwar kwalunkwe ksur identifikat tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, inklużi dawk identifikati permezz tal-mezz ta' rapportar imsemmi fl-Artikolu 26(5) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(r)

informazzjoni dettaljata dwar kwalunkwe azzjoni dixxiplinari meħuda mis-CSD, inklużi kwalunkwe każijiet ta' sospensjoni ta' parteċipanti skont l-Artikolu 7(9) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 bi speċifikazzjoni tal-perjodu ta' sospensjoni u r-raġuni għas-sospensjoni;

(s)

l-istrateġija ġenerali tan-negozju tas-CSD li tkopri perjodu ta' tal-anqas tliet snin wara l-aħħar rieżami u evalwazzjoni u pjan ta' negozju dettaljat għas-servizzi pprovduti mis-CSD li jkopri tal-anqas perjodu ta' sena wara l-aħħar rieżami u evalwazzjoni.

Artikolu 42

Dejta statistika li għandha titwassal għal kull rieżami u evalwazzjoni

1.   Għal kull perjodu ta' rieżami, is-CSD għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti bid-dejta statistika li ġejja:

(a)

lista tal-parteċipanti ta' kull sistema ta' saldu tat-titoli mħaddma mis-CSD, li tispeċifika l-pajjiż ta' inkorporazzjoni tagħhom;

(b)

lista ta' emittenti u lista ta' ħruġ tat-titoli rreġistrati fil-kontijiet tat-titoli miżmuma b'mod ċentrali u mhux ċentrali f'kull sistema ta' saldu tat-titoli mħaddma mis-CSD, li tispeċifika l-pajjiż ta' inkorporazzjoni tal-emittenti u l-identifikazzjoni tal-emittenti li lilhom is-CSD jipprovdi s-servizzi imsemmija fil-punti (1) u (2) tat-Taqsima A tal-Anness għar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(c)

il-valur totali tas-suq u l-valur nominali tat-titoli rreġistrati fil-kontijiet tat-titoli miżmuma b'mod ċentrali u mhux ċentrali f'kull sistema ta' saldu tat-titoli mħaddma mis-CSD;

(d)

il-valur nominali u tas-suq tat-titoli msemmija fil-punt (c) speċifikati kif ġej:

(i)

minn kull wieħed mit-tipi ta' strumenti finanzjarji li ġejjin:

it-titoli trasferibbli msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 4(1)(44) tad-Direttiva 2014/65/UE;

id-dejn sovran imsemmi fl-Artikolu 4(1)(61) tad-Direttiva 2014/65/UE;

it-titoli trasferibbli msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 4(1)(44) tad-Direttiva 2014/65/UE, minbarra d-dejn sovran imsemmi fl-Artikolu 4(1)(61) tad-Direttiva 2014/65/UE;

it-titoli trasferibbli msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 4(1)(44) tad-Direttiva 2014/65/UE;

fondi negozjati fil-borża kif definiti fil-punt (46) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE (ETF);

unitajiet f'impriżi ta' investiment kollettiv, minbarra ETFs;

strumenti tas-suq monetarju, minbarra d-dejn sovran imsemmi fl-Artikolu 4(1)(61) tad-Direttiva 2014/65/UE;

kwoti ta' emissjonijiet;

strumenti finanzjarji oħra;

(ii)

skont il-pajjiż ta' inkorporazzjoni tal-parteċipant;

(iii)

skont il-pajjiż ta' inkorporazzjoni tal-emittent;

(e)

il-valur nominali u tas-suq tat-titoli rreġistrati inizjalment f'kull sistema ta' saldu tat-titoli mħaddma mis-CSD;

(f)

il-valur nominali u tas-suq tat-titoli msemmija fil-punt (e) speċifikati kif ġej:

(i)

skont it-tipi ta' strumenti finanzjarji msemmija fil-punt (d)(i);

(ii)

skont il-pajjiż ta' inkorporazzjoni tal-parteċipant;

(iii)

skont il-pajjiż ta' inkorporazzjoni tal-emittent.

(g)

in-numru totali u l-valuri tal-istruzzjonijiet ta' saldu bi ħlas u n-numru totali u l-valuri tal-istruzzjonijiet ta' saldu mingħajr ħlas (FOP) saldati f'kull sistema ta' saldu tat-titoli mħaddma mis-CSD;

(h)

in-numru totali u l-valuri tal-istruzzjonijiet ta' saldu kategorizzati kif ġej:

(i)

skont it-tipi ta' strumenti finanzjarji msemmija fil-punt (d)(i);

(ii)

skont il-pajjiż tal-inkorporazzjoni tal-parteċipant;

(iii)

skont il-pajjiż ta' inkorporazzjoni tal-emittent;

(iv)

skont il-munita tas-saldu;

(v)

skont it-tip ta' struzzjonijiet ta' saldu, kif ġej:

struzzjonijiet ta' saldu mingħajr ħlas (FOP) li jikkonsistu minn struzzjonijiet ta' saldu tat-twassil mingħajr ħlas (DFP) u tal-irċevuta mingħajr ħlas (RFP);

struzzjonijiet ta' saldu ta' kunsenja bi ħlas (DVP) u rċevuta bi ħlas (RVP);

struzzjonijiet ta' saldu ta' kunsenja bi ħlas (DWP) u rċevuta bi ħlas (RWP);

struzzjonijiet ta' saldu ta' ħlas mingħajr kunsenja (PFOD)

(vi)

għall-istruzzjonijiet ta' saldu bi ħlas, skont jekk il-parti ta' flus tkunx saldata skont l-Artikolu 40(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 jew skont l-Artikolu 40(2) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(i)

in-numru u l-valur ta' tranżazzjonijiet ta' xiri sfurzat msemmija fl-Artikolu 7(3) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(j)

in-numru u l-ammont ta' penali msemmija fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 għal kull parteċipant;

(k)

il-valur totali ta' operazzjonijiet ta' self tat-titoli pproċessati mis-CSD li jaġixxi bħala aġent jew bħala prinċipal għal kull tip ta' strumenti finanzjarji msemmija fil-punt (d)(i);

(l)

il-valur totali ta' struzzjonijiet ta' saldu kostanti permezz ta' kull konnessjoni ta' CSD, li jispeċifikaw jekk is-CSD huwiex is-CSD li jagħmel it-talba jew is-CSD li jirċievi t-talba;

(m)

il-valur ta' garanziji u impenji riċevuti jew pprovduti mis-CSD relatati ma' operazzjonijiet ta' self tat-titoli;

(n)

il-valur tal-attivitajiet tat-teżor li jinvolvu kambju f'munita barranija u titoli trasferibbli relatati mal-immaniġġjar tal-bilanċi twal tal-parteċipanti inklużi kategoriji ta' istituzzjonijiet li l-bilanċi twal tagħhom huma mmaniġġjati mis-CSD;

(o)

in-numru ta' proċessi ta' rikonċiljazzjoni li jiżvelaw il-ħolqien bla bżonn jew inkella t-tħassir ta' titoli kif imsemmi fl-Artikolu 65(2) fejn dawk il-proċessi jikkonċernaw il-ħruġ tat-titoli rreġistrati fil-kontijiet tat-titoli miżmuma b'mod ċentrali u mhux ċentrali mis-CSD;

(p)

il-medja, il-medjan, u l-modalità għat-tul ta' żmien meħud biex jiġi rrimedjat l-iżball identifikat skont l-Artikolu 65(2).

Il-valuri msemmija fil-punti (g), (h) u (l) tas-subparagrafu 1 għandhom jiġu kkalkolati kif ġej:

(a)

fil-każ ta' struzzjonijiet ta' saldu bi ħlas, l-ammont ta' saldu tal-parti ta' flus;

(b)

fil-każ ta' struzzjonijiet ta' saldu FOP, il-valur tas-suq tal-istrumenti finanzjarji jew, fejn mhux disponibbli, il-valur nominali tal-istrumenti finanzjarji.

2.   Il-valur tas-suq imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun ikkalkulat fuq l-aħħar jum tal-perjodu ta' rieżami kif ġej:

(a)

għal strumenti finanzjarji msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) ammessi għan-negozju f'post tan-negozjar fl-Unjoni, il-valur tas-suq għandu jkun il-prezz tal-għeluq tas-suq l-aktar rilevanti f'termini ta' likwidità msemmija fl-Artikolu 4(6)(b) ta' dak ir-Regolament;

(b)

għal strumenti finanzjarji ammessi għan-negozju f'post tan-negozjar fl-Unjoni minbarra dawk imsemmija fil-punt (a), il-valur tas-suq għandu jkun il-prezz tal-għeluq derivat mill-post tan-negozju fl-Unjoni bl-ogħla fatturat;

(c)

għal strumenti finanzjarji oħra minbarra dawk imsemmija fil-punti (a) u (b) il-valur tas-suq għandu jiġi stabbilit abbażi ta' prezz ikkalkolat bl-użu ta' metodoloġija determinata minn qabel li tirreferi għal kriterji relatati ma' dejta tas-suq, bħalma huma prezzijiet tas-suq disponibbli madwar postijiet tan-negozju jew ditti tal-investiment.

3.   Is-CSD għandu jipprovdi l-valuri msemmija fil-paragrafu 1 fil-munita li fiha t-titoli huma denominati, saldati jew li fihom il-kreditu huwa estiż. L-awtorità kompetenti tista' titlob lis-CSD tipprovdi dawn il-valuri fil-munita tal-Istat Membru tad-domiċilju tas-CSD jew f'Euro.

4.   Għall-finijiet ta' rapportar statistiku minn CSD, l-awtorità kompetenti tista' tistabbilixxi algoritmi jew prinċipji għall-aggregazzjoni tad-dejta.

Artikolu 43

Informazzjoni oħra

Dokumenti pprovduti mis-CSD lill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 41 għandhom jindikaw dan li ġej:

(a)

jekk dokument ikunx ipprovdut għall-ewwel darba jew ikunx dokument li diġà ġie pprovdut u ġie aġġornat matul il-perjodu ta' rieżami;

(b)

in-numru ta' referenza uniku tad-dokument iffirmat mis-CSD;

(c)

it-titolu tad-dokument;

(d)

il-kapitolu, it-taqsima jew il-paġna tad-dokument fejn ġie introdott tibdil matul il-perjodu ta' rieżami u kwalunkwe spjegazzjoni addizzjonali fir-rigward tat-tibdil introdott matul il-perjodu ta' rieżami.

Artikolu 44

Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-awtoritajiet msemmija fl-Artikolu 22(7) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014

Għal kull perjodu ta' rieżami, l-awtorità kompetenti għandha tipprovdi l-informazzjoni li ġejja lill-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 22(7) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014:

(a)

rapport dwar l-evalwazzjoni mill-awtorità kompetenti tar-riskji li għalihom is-CSD huwa jew jista' jkun espost jew li joħloq għall-funzjonament bla xkiel tas-swieq tat-titoli;

(b)

kwalunkwe azzjonijiet ta' rimedju jew penali previsti jew finali kontra s-CSD bħala riżultat tar-rieżami u l-evalwazzjoni.

Fejn applikabbli, ir-rapport imsemmi fil-punt (a) għandu jinkludi r-riżultati tal-analiżi tal-awtorità kompetenti ta' kif is-CSD jikkonforma mar-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 24(2), u d-dokumenti u l-informazzjoni rilevanti msemmija fl-Artikolu 24(2) ippreżentati mis-CSD.

Artikolu 45

Skambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 22(8) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014

1.   Matul ir-rieżami u l-evalwazzjoni, l-awtorità kompetenti għandha tibgħat lill-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 22(8) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 kwalunkwe informazzjoni rilevanti pprovduta mis-CSD f'konnessjoni mal-persunal, l-individwi ewlenin, il-funzjonijiet, is-servizzi jew sistemi kondiviżi bejn dak is-CSD u CSDs oħra li magħhom hija żżomm it-tipi ta' relazzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 17(6) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 fi żmien għaxart ijiem ta' xogħol mill-wasla ta' dik l-informazzjoni.

2.   Wara t-twettiq tar-rieżami u l-evalwazzjoni, l-awtorità kompetenti għandha tibgħat l-informazzjoni li ġejja lill-awtoritajiet kompetenti imsemmija fl-Artikolu 22(8) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014:

(a)

rapport dwar l-evalwazzjoni mill-awtorità kompetenti tar-riskji li għalihom is-CSD huwa jew jista' jkun espost jew li joħloq għall-funzjonament bla xkiel tas-swieq tat-titoli;

(b)

kwalunkwe azzjonijiet ta' rimedju jew penali previsti jew finali kontra s-CSD bħala riżultat tar-rieżami u l-evalwazzjoni.

KAPITOLU VI

RIKONOXXIMENT TA' CSD TA' PAJJIŻ TERZ

(L-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014)

Artikolu 46

Kontenut tal-applikazzjoni

1.   Applikazzjoni għal rikonoxximent għandha tinkludi l-informazzjoni stabbilita fl-Anness I.

2.   Applikazzjoni għal rikonoxximent għandha:

(a)

tiġi pprovduta f'mezz li jservi għal żmien twil;

(b)

tiġi ppreżentata kemm f'forma stampata kif ukoll f'forma elettronika, din tal-aħħar permezz ta' formata ta' sors miftuħ li jista' jinqra faċilment;

(c)

tiġi ppreżentata f'lingwa li s-soltu tintuża fl-isfera tal-finanzi internazzjonali, inklużi traduzzjonijiet tagħha fejn id-dokumenti oriġinali ma jkunux miktuba f'lingwa li s-soltu tintuża fl-isfera tal-finanzi internazzjonali;

(d)

tiġi pprovduta b'numru ta' referenza uniku għal kull dokument inkluż.

3.   Is-CSD applikant għandu jipprovdi evidenza li tiċċertifika l-informazzjoni inkluża fl-Anness I.

KAPITOLU VII

GĦODOD GĦALL-MONITORAĠĠ TAR-RISKJI

(L-Artikolu 26(1) sa (7) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014)

Artikolu 47

Għodod għall-monitoraġġ tar-riskji ta' CSDs

1.   CSD għandu jistabbilixxi, bħala parti mill-arranġamenti ta' governanza tiegħu, politiki dokumentati, proċeduri u sistemi li jidentifikaw, ikejlu, jimmonitorjaw, jimmaniġġjaw u jippermettu r-rapportar dwar ir-riskji li s-CSD jista' jiġi espost għalihom u r-riskji li s-CSD joħloq għal kwalunkwe entità oħra inklużi l-parteċipanti tiegħu u l-klijenti tagħhom, kif ukoll CSDs konnessi, CCPs, postijiet tan-negozjar, sistemi ta' pagament, banek tas-saldu, fornituri ta' likwidità u investituri.

Is-CSD għandu jistruttura l-politiki, il-proċeduri u s-sistemi msemmija fl-ewwel subparagrafu sabiex jiġi żgurat li l-utenti u, fejn ikun rilevanti, il-klijenti tagħhom jimmaniġġjaw u jindirizzaw b'mod xieraq ir-riskji li jippreżentaw għas-CSD.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-arranġamenti ta' governanza tas-CSD għandhom jinkludu dan li ġej:

(a)

il-kompożizzjoni, ir-rwol, ir-responsabilitajiet, il-proċeduri għall-ħatra, il-valutazzjoni tal-prestazzjoni u r-responsabbiltà tal-korp maniġerjali u tal-kumitati ta' monitoraġġ tar-riskji tiegħu;

(b)

l-istruttura, ir-rwol, ir-responsabbiltajiet, il-proċeduri għall-ħatra u l-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-maniġment superjuri;

(c)

il-linji tar-rapportar bejn il-maniġment superjuri u l-korp maniġerjali;

L-arranġamenti ta' governanza msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu speċifikati b'mod ċar u dokumentati sew.

3.   CSD għandu jistabbilixxi u jispeċifika l-kompiti tal-funzjonijiet li ġejjin:

(a)

funzjoni tal-immaniġġjar tar-riskju;

(b)

funzjoni teknoloġika;

(c)

funzjoni ta' konformità u kontroll intern;

(d)

funzjoni ta' awditjar intern.

Kull funzjoni għandu jkollha deskrizzjoni dokumentata sew tal-kompiti tagħha, l-awtorità, ir-riżorsi, il-kompetenza meħtieġa u aċċess għall-informazzjoni rilevanti kollha biex twettaq dawk il-kompiti.

Kull funzjoni għandha taħdem b'mod indipendenti mill-funzjonijiet l-oħra tas-CSD.

Artikolu 48

Kumitati tal-monitoraġġ tar-riskji

1.   CSD għandu jistabbilixxi l-kumitati li ġejjin:

(a)

kumitat tar-riskju responsabbli biex jagħti pariri lill-korp maniġerjali dwar it-tolleranza tar-riskju attwali u futura ġenerali u l-istrateġija tas-CSD;

(b)

kumitat tal-awditjar responsabbli biex jagħti pariri lill-korp maniġjerali dwar il-prestazzjoni tal-funzjoni tal-awditjar intern tas-CSD, li għandu jissorvelja;

(c)

kumitat ta' rimunerazzjoni responsabbli biex jagħti pariri lill-korp maniġjerali dwar il-politika ta' rimunerazzjoni tas-CSD, li għandu jissorvelja;

2.   Kull kumitat għandu jkun ippresedut minn persuna li jkollha esperjenza xierqa fil-qasam ta' kompetenza ta' dak il-kumitat u hija indipendenti mill-membri eżekuttivi tas-CSD tal-korp maniġerjali.

Il-maġġoranza tal-membri ta' kull kumitat ma għandhomx ikunu membri eżekuttivi tal-bord tat-tmexxija.

Is-CSD għandu jistabbilixxi mandat u proċeduri ċari u pubblikament disponibbli għal kull kumitat, u għandu jiżgura l-aċċess tagħhom għall-parir espert estern fejn meħtieġ.

Artikolu 49

Responsabbiltajiet tal-persunal ewlieni fir-rigward tar-riskji

1.   CSD għandu jkollu persunal adegwat biex jissodisfa l-obbligi tiegħu. CSD ma jikkondividix il-persunal ma' entitajiet oħra tal-grupp, sakemm ma jagħmilx dan taħt it-termini ta' arranġament bil-miktub ta' esternalizzazzjoni skont l-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014.

2.   Il-korp maniġerjali għandu jassumi tal-anqas ir-responsabbilitajiet li ġejjin:

(a)

jistabbilixxi politiki, proċeduri u proċessi dokumentati sew li bihom il-korp maniġerjali, il-maniġment superjuri u l-kumitati għandhom jaħdmu;

(b)

jistabbilixxi objettivi u strateġiji ċari għas-CSD;

(c)

jimmonitorja b'mod effikaċi l-maniġment superjuri;

(d)

jistabbilixxi politiki adegwati ta' rimunerazzjoni;

(e)

jiżgura s-sorveljanza tal-funzjoni tal-immaniġġjar tar-riskju u jieħu d-deċiżjonijiet relatati mal-immaniġġjar tar-riskju;

(f)

jiżgura l-indipendenza u riżorsi adegwati tal-funzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 47(3);

(g)

jimmonitorja arranġamenti ta' esternalizzazzjoni;

(h)

jimmonitorja u jiżgura l-konformità mar-rekwiżiti regolatorji u superviżorji rilevanti kollha;

(i)

iwieġeb għall-azzjonisti jew sidien oħra, l-impjegati, l-utenti u partijiet interessati rilevanti oħra;

(j)

japprova l-ippjanar u r-rieżami ta' awditjar intern;

(k)

jirrieżamina u jaġġorna regolarment l-arranġamenti ta' governanza tas-CSD.

Meta l-korp maniġerjali jew il-membri tiegħu jiddelegaw il-kompiti, huma għandhom iżommu r-responsabbiltà għad-deċiżjonijiet li jistgħu jaffettwaw il-provvista bla tfixkil ta' servizzi mis-CSD.

Il-korp maniġerjali tas-CSD għandu jżomm r-responsabbiltà finali għall-immaniġġjar tar-riskji tas-CSD. Il-korp maniġerjali għandu jiddefinixxi, jiddetermina u jiddokumenta livell xieraq ta' tolleranza tar-riskju u l-kapaċità ta' rfigħ tar-riskji għas-CSR u għas-servizzi kollha li jipprovdi s-CSD. Il-korp maniġerjali u l-maniġment superjuri għandhom jiżguraw li l-politiki, il-proċeduri u l-kontrolli tas-CSD huma konsistenti mat-tolleranza tar-riskju u l-kapaċità ta' rfigħ tar-riskji tas-CSD u li dawn il-politiki, il-proċeduri u l-kontrolli jindirizzaw kif is-CSD jidentifika, jirrapporta, jimmonitorja u jimmaniġġja r-riskji.

3.   Il-maniġment superjuri għandu jkollu tal-anqas ir-responsabbiltajiet li ġejjin:

(a)

jiżgura l-konsistenza tal-attivitajiet tas-CSD mal-objettivi u l-istrateġija tas-CSD kif iddeterminat mill-korp maniġerjali;

(b)

ifassal u jistabbilixxi l-immaniġġjar tar-riskji, it-teknoloġija, il-konformità u l-proċeduri ta' kontroll intern li jippromwovu l-objettivi tas-CSD;

(c)

jagħmlu rieżami u ttestjar regolari tal-immaniġġjar tar-riskju, tat-teknoloġija, tal-konformità u tal-proċeduri tal-kontroll intern;

(d)

jiżgura li jkun hemm riżorsi suffiċjenti ddedikati għall-immaniġġjar tar-riskju, għat-teknoloġija, għall-konformità u għall-kontroll intern, u għall-awditjar intern.

4.   CSD għandu jistabbilixxi linji ta' responsabbiltà li huma ċari, konsistenti u ddokumentati sew. CSD għandu jkollu linji ta' rapportar ċari u diretti bejn il-membri tal-korp maniġerjali tiegħu u l-maniġment superjuri sabiex jiġi żgurat li l-maniġment superjuri jwieġeb għall-prestazzjoni tiegħu. Il-linji ta' rapportar għall-funzjoni tal-immaniġġjar tar-riskju, il-konformità u l-funzjoni ta' kontroll intern u l-funzjoni ta' awditjar intern għandhom ikun ċari u separati minn dawk għall-operazzjonijiet tas-CSD.

5.   CSD għandu jkollu uffiċjal kap tar-riskji li għandu jimplimenta l-qafas tal-immaniġġjar tar-riskju inklużi l-politiki u l-proċeduri stabbiliti mill-korp maniġerjali.

6.   CSD għandu jkollu uffiċjal kap tat-teknoloġija li għandu jimplimenta l-qafas tat-teknoloġija inklużi l-politiki u l-proċeduri stabbiliti mill-korp maniġerjali.

7.   CSD għandu jkollu uffiċjal kap tal-konformità li għandu jimplimenta l-qafas tal-konformità u tal-kontroll intern inklużi l-politiki u l-proċeduri stabbiliti mill-korp maniġerjali.

8.   CSD għandu jiżgura li l-funzjonijiet tal-uffiċjal kap tar-riskji, l-uffiċjal kap tal-konformità u l-uffiċjal kap tat-teknoloġija jitwettqu minn individwi differenti, li għandhom ikunu impjegati tas-CSD jew ta' entità mill-istess grupp bħas-CSD. Individwu wieħed għandu jkollu r-responsabbiltà għal kull waħda minn dawn il-funzjonijiet.

9.   Is-CSD għandu jistabbilixxi proċeduri li jiżguraw li l-uffiċjal kap tar-riskji, l-uffiċjal kap tat-teknoloġija u l-uffiċjal kap tal-konformità jkollhom aċċess dirett għall-korp maniġerjali.

10.   Persuni maħtura bħala l-uffiċjal kap tar-riskji, l-uffiċjal kap tal-konformità jew l-uffiċjal kap tat-teknoloġija jistgħu jwettqu dmirijiet oħra fi ħdan is-CSD sakemm jiġu stabbiliti proċeduri speċifiċi fl-arranġamenti ta' governanza biex jiġi identifikat u mmaniġġjat kwalunkwe kunflitt ta' interess li jista' jinħoloq minn dawn id-dmirijiet.

Artikolu 50

Kunflitti ta' interess

1.   CSD għandu jimplimenta politika fir-rigward tal-kunflitti ta' interess li jinħolqu jew li jaffettwaw is-CSD jew l-attivitajiet tiegħu, inkluż fir-rigward ta' arranġamenti ta' esternalizzazzjoni.

2.   Fejn CSD huwa parti minn grupp ta' impriżi, l-arranġamenti amministrattivi organizzazzjonali tiegħu għandhom iqisu kwalunkwe ċirkostanza, li s-CSD huwa jew għandu jkun konxju minnhom, li jistgħu jwasslu għal kunflitt ta' interess li jinħoloq bħala riżultat tal-istruttura u l-attivitajiet ta' negozju ta' impriżi oħra tal-istess grupp.

3.   Fejn CSD jikkondividi l-funzjonijiet ta' uffiċjal kap tar-riskji, uffiċjal kap tal-konformità, uffiċjal kap tat-teknoloġija, jew awditjar intern ma' entitajiet oħra tal-grupp, l-arranġamenti ta' governanza għandhom jiżguraw li l-kunflitti ta' interess relatati f'livell tal-grupp ikunu mmaniġġjati b'mod xieraq.

4.   L-arranġamenti organizzazzjonali u amministrattivi msemmija fl-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 għandhom jinkludu deskrizzjoni taċ-ċirkostanzi li jistgħu jwasslu għal kunflitt ta' interess li jinvolvi riskju materjali ta' ħsara għall-interessi ta' utent wieħed jew aktar tas-CSD, jew il-klijenti tagħhom, kif ukoll il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti u l-miżuri li għandhom jiġu adottati sabiex jiġu mmaniġġjati dawk il-kunflitti ta' interess.

5.   Id-deskrizzjoni taċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafu 4 għandhom iqisu jekk membru tal-korp maniġerjali, il-maniġment superjuri jew il-persunal tas-CSD, jew kwalunkwe persuna konnessa direttament jew indirettament ma' dawk l-individwi jew mas-CSD:

(a)

għandux interess personali fl-użu tas-servizzi, il-materjal u t-tagħmir tas-CSD għall-finijiet ta' attività kummerċjali oħra;

(b)

għandux interess personali jew finanzjarju f'entità oħra li tidħol f'kuntratti mas-CSD;

(c)

għandux parteċipazzjoni jew interess personali f'entità oħra li tipprovdi s-servizzi użati mis-CSD, inkluża kwalunkwe entità li lilha s-CSD jesternalizza s-servizzi jew l-attivitajiet lilha;

(d)

għandux interess personali f'entità li tuża s-servizz tas-CSD;

(e)

għandux relazzjoni familjari ma' kwalunkwe persuna ġuridika jew fiżika li jkollha influwenza fuq l-operazzjonijiet ta' kwalunkwe entità li tipprovdi s-servizzi użati mis-CSD jew tuża s-servizzi pprovduti mis-CSD;

(f)

huwiex membru tal-korp maniġerjali jew ta' kwalunkwe korp u kumitat ieħor ta' kwalunkwe entità li tipprovdi s-servizzi li jintużaw mis-CSD jew tuża s-servizzi pprovduti għas-CSD.

Għall-finijiet ta' dan il-paragrafu, konnessjoni diretta jew indiretta ma' persuna fiżika għandha tinkludi l-konjuġi jew is-sieħeb legali, membri tal-familja f'linja diretta axxendenti jew dixxendenti sat-tieni grad u l-konjuġi jew sħab legali tagħhom, l-aħwa u l-konjuġi jew is-sħab legali tagħhom, u kwalunkwe persuna li jkollha l-istess domiċilju jew residenza abitwali bħall-impjegati, il-maniġers jew il-membri tal-korp maniġerjali.

6.   CSD għandu jieħu l-passi raġonevoli kollha għall-prevenzjoni ta' kwalunkwe użu ħażin tal-informazzjoni miżmuma fis-sistemi tiegħu u għandu jipprevjeni l-użu ta' dik l-informazzjoni għal attivitajiet ta' negozju oħra. Persuna fiżika li għandha aċċess għall-informazzjoni rreġistrata fis-CSD jew persuna ġuridika li tappartjeni għall-istess grupp bħas-CSD ma għandhiex tuża informazzjoni rreġistrata f'dik is-CSD għal kwalunkwe fini kummerċjali mingħajr il-kunsens minn qabel bil-miktub tal-persuna li għaliha tirreferi l-informazzjoni.

Artikolu 51

Metodi tal-awditjar

1.   Il-funzjoni tal-awditjar intern ta' CSD għandha tiżgura dan li ġej:

(a)

tistabbilixxi, timplimenta u żżomm pjan ta' awditjar komprensiv biex jeżamina u jevalwa l-adegwatezza u l-effikaċja tas-sistemi tas-CSD, il-proċessi tal-immaniġġjar tar-riskju, il-mekkaniżmi ta' kontroll intern, il-politiki ta' rimunerazzjoni, l-arranġamenti ta' governanza, l-attivitajiet u l-operazzjonijiet, inklużi l-attivitajiet esternalizzati;

(b)

tirrieżamina u tirraporta l-pjan ta' awditjar lill-awtorità kompetenti tal-anqas kull sena;

(c)

tistabbilixxi awditjar komprensiv ibbażat fuq ir-riskju;

(d)

toħroġ rakkomandazzjonijiet ibbażati fuq ir-riżultat tal-ħidma mwettqa skont il-punt (a) u tivverifika l-konformità ma' dawk ir-rakkomandazzjonijiet;

(e)

tirrapporta kwistjonijiet tal-awditjar intern lill-korp maniġerjali;

(f)

tkun indipendenti mill-maniġment superjuri u tirrapporta direttament lill-korp maniġerjali;

(g)

tiżgura li l-awditjar speċjali jista' jitwettaq fi żmien qasir fuq bażi mmexxija minn avveniment.

2.   Fejn is-CSD jappartjeni għal grupp, il-funzjoni tal-awditjar intern tista' titwettaq fil-livell tal-grupp sakemm ikun hemm konformità mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

hija separata u indipendenti mill-funzjonijiet u l-attivitajiet oħra tal-grupp;

(b)

għandha linja diretta ta' rapportar mal-korp maniġerjali tas-CSD;

(c)

l-arranġament dwar it-tħaddim tal-funzjoni tal-awditjar intern ma jipprevjenix l-eżerċizzju tal-funzjonijiet superviżorji u ta' sorveljanza, inkluż l-aċċess fuq il-post biex tinkiseb kwalunkwe informazzjoni rilevanti meħtieġa biex jiġu ssodisfatti dawk il-funzjonijiet.

3.   Is-CSD għandu jivvaluta l-funzjoni tal-awditjar intern.

Valutazzjonijiet tal-awditjar intern għandhom jinkludu l-monitoraġġ kontinwu tal-prestazzjoni tal-attività tal-awditjar intern u rieżamijiet perjodiċi mwettqa permezz ta' awtovalutazzjoni mill-kumitat tal-awditjar jew minn persuni oħra fis-CSD jew il-grupp b'għarfien suffiċjenti tal-prattiki tal-awditjar intern.

Valutazzjoni esterna tal-funzjoni tal-awditjar intern għandha titwettaq minn assessur kwalifikat u indipendenti minn barra s-CSD u l-istruttura tal-grupp tiegħu tal-anqas darba kull ħames snin.

4.   L-operazzjonijiet, il-proċessi tal-immaniġġjar tar-riskju, il-mekkaniżmi ta' kontroll intern u r-rekords ta' CSD għandhom ikunu soġġetti għal awditjar intern jew estern regolari.

Il-frekwenza tal-awditjar għandha tkun iddeterminata abbażi ta' valutazzjoni tar-riskju ddokumentata. L-awditjar imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jsir tal-anqas kull sentejn.

5.   Dikjarazzjoni finanzjarja ta' CSD għandha titħejja fuq bażi annwali u tkun awditjata minn awdituri statutorji jew kumpaniji tal-awditjar approvati skont id-Direttiva 2006/43/KE.

Artikolu 52

Kondiviżjoni tas-sejbiet tal-awditjar mal-kumitat tal-utenti

1.   CSD għandu jikkondividi s-sejbiet tal-awditjar mal-kumitat tal-utenti fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

fejn is-sejbiet ikunu relatati mal-kriterji għall-aċċettazzjoni ta' emittenti jew utenti fis-sistemi ta' saldu tat-titoli rispettivi tagħhom imħaddma mis-CSDs;

(b)

fejn is-sejbiet ikunu relatati ma' kwalunkwe aspett ieħor tal-mandat tal-kumitat tal-utenti;

(c)

fejn is-sejbiet jista' jkollhom impatt fuq il-livell tal-provvista ta' servizzi permezz ta' CSD, inkluż l-iżgurar tal-kontinwità tan-negozju.

2.   Il-membri tal-kumitat tal-utenti ma għandhomx jingħataw l-informazzjoni li tista' tqiegħed lil dawk il-membri f'vantaġġ kompetittiv.

KAPITOLU VIII

ŻAMMA TA' REĠISTRI

(L-Artikolu 29(3) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014)

Artikolu 53

Rekwiżiti Ġenerali

1.   CSD għandu jżomm rekords sħaħ u preċiżi tal-attivitajiet kollha tiegħu kif speċifikat f'dan ir-Regolament fil-ħinijiet kollha, inkluż matul l-avvenimenti ta' tfixkil meta l-politika tal-kontinwità tan-negozju u l-pjanijiet tal-irkupru minn diżastri jiġu attivati. Dawk ir-rekords għandhom ikunu aċċessibbli faċilment.

2.   Ir-rekords miżmuma minn CSD għandhom ikopru b'mod separat kull servizz individwali pprovdut mis-CSD skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014.

3.   CSD għandu jżomm rekords f'mezz li jservi għal żmien twil li jippermetti li l-informazzjoni tiġi pprovduta lill-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 29(2) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014. Is-sistema taż-żamma tar-rekords għandha tiżgura li l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin jiġu ssodisfati:

(a)

kull stadju ewlieni tal-ipproċessar tar-rekords mis-CSD jista' jiġi kostitwit mill-ġdid;

(b)

il-kontenut oriġinali ta' rekord qabel kwalunkwe korrezzjoni jew emendi oħra jista' jiġi rreġistrat, traċċat u rkuprat;

(c)

jiddaħħlu fis-seħħ miżuri li jipprevjenu bidla mhux awtorizzata tar-rekords;

(d)

jiddaħħlu fis-seħħ miżuri li jiżguraw is-sigurtà u l-kunfidenzjalità tad-dejta rreġistrata;

(e)

ikun inkorporat mekkaniżmu għall-identifikazzjoni u l-korrezzjoni ta' żbalji fis-sistema taż-żamma tar-rekords;

(f)

ikun żgurat l-irkupru f'waqtu tar-rekords fil-każ ta' falliment tas-sistema fi ħdan is-sistema taż-żamma tar-rekords.

Artikolu 54

Rekords (Flussi) ta' Struzzjonijiet ta' Tranżazzjoni/tas-Saldu

1.   CSD għandu jżomm rekords tat-tranżazzjonijiet kollha, l-istruzzjonijiet ta' saldu u l-ordnijiet li jikkonċernaw ir-restrizzjonijiet fuq is-saldu li jipproċessa u għandu jiżgura li r-rekords tiegħu jinkludu l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex jiġu identifikati b'mod preċiż.

2.   Fir-rigward ta' kull istruzzjoni ta' saldu jew ordni rċevuta dwar ir-restrizzjonijiet fuq is-saldu, CSD għandu, minnufih malli jirċievi l-informazzjoni rilevanti, jagħmel u jżomm aġġornat rekord tad-dettalji li ġejjin, skont jekk l-istruzzjoni ta' saldu jew ir-restrizzjonijiet fuq is-saldu jkoprux titoli jew flus biss, jew kemm titoli kif ukoll flus;

(a)

tip ta' struzzjoni ta' saldu kif imsemmi fil-punt (h)(v) tal-Artikolu 42(1);

(b)

tip ta' tranżazzjoni, kif ġej:

(i)

xiri jew bejgħ ta' titoli;

(ii)

operazzjonijiet tal-immaniġġjar tal-kollateral;

(iii)

operazzjonijiet ta' self ta' titoli;

(iv)

tranżazzjonijiet ta' riakkwist;

(v)

oħrajn;

(c)

referenza ta' struzzjoni unika tal-parteċipant;

(d)

data tan-negozjar,

(e)

data prevista tas-saldu;

(f)

kronogramma tas-saldu;

(g)

kronogramma tal-mument tad-dħul tal-istruzzjoni ta' saldu fis-sistema ta' saldu tat-titoli;

(h)

kronogramma tal-mument tal-irrevokabbiltà tal-istruzzjoni ta' saldu;

(i)

tqabbil tal-kronogramma fil-każ ta' istruzzjonijiet ta' saldu mqabbla;

(j)

identifikatur tal-kont tat-titoli;

(k)

identifikatur tal-kont tal-flus;

(l)

identifikatur tal-bank tas-saldu;

(m)

identifikatur tal-parteċipant tal-istruzzjonijiet;

(n)

identifikatur tal-kontroparti tal-parteċipant tal-istruzzjonijiet;

(o)

identifikatur tal-klijent tal-parteċipant tal-istruzzjonijiet, meta jkun magħruf mis-CSD;

(p)

identifikatur tal-klijent tal-kontroparti tal-parteċipant tal-istruzzjonijiet, meta jkun magħruf mis-CSD;

(q)

identifikatur tat-titoli;

(r)

munita tas-saldu;

(s)

ammont ta' flus tas-saldu;

(t)

kwantità jew ammont nominali tat-titoli;

(u)

status tal-istruzzjoni tas-saldu li jkopri:

(i)

struzzjonijiet pendenti li għadhom jistgħu jiġu saldati fid-data tas-saldu intenzjonata;

(ii)

struzzjonijiet ta' saldu falluti li ma jistgħux jiġu saldati fid-data tas-saldu intenzjonata;

(iii)

struzzjonijiet ta' saldu kompletament saldati;

(iv)

struzzjonijiet ta' saldu parzjalment saldati, inkluża il-parti saldata u l-parti nieqsa ta' jew strumenti finanzjarji jew flus;

(v)

struzzjonijiet ta' saldu annullati, inkluża informazzjoni dwar jekk hijiex annullata mis-sistema jew mill-parteċipant.

Għal kull waħda mill-kategoriji ta' struzzjonijiet ta' saldu msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-informazzjoni li ġejja għandha tkun irreġistrata:

(a)

jekk istruzzjoni tkunx imqabbla jew le;

(b)

jekk struzzjoni tistax tkun parzjalment saldata;

(c)

jekk struzzjoni tkunx sospiża;

(d)

fejn rilevanti, għal liema raġunijiet l-istruzzjoni tkun pendenti jew qed tfalli

(e)

post tan-negozjar;

(f)

jekk applikabbli, il-post tal-ikklerjar;

fejn jinbeda proċess ta' xiri sfurzat skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, dettalji dwar:

(i)

ir-riżultati finali tal-proċess ta' xiri sfurzat mhux aktar tard minn l-aħħar jum ta' negozju tal-perjodu ta' differiment, inkluż in-numru u l-valur tal-istrumenti finanzjarji fejn ix-xiri sfurzat ikun parzjalment jew kompletament ta' suċċess;

(ii)

il-ħlas ta' kumpens fi flus, inkluż l-ammont tal-kumpens fi flus, fejn ix-xiri sfurzat ma jkunx possibbli, ifalli jew ikun parzjalment ta' suċċess;

(iii)

il-kanċellazzjoni tal-istruzzjoni ta' saldu inizjali;

(iv)

għal kull falliment ta' saldu, l-ammont tal-penali msemmija fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014.

Artikolu 55

Rekords ta' Pożizzjoni (Stokk)

1.   CSD għandu jżomm rekords ta' pożizzjonijiet li jikkorrispondu għall-kontijiet kollha tat-titoli li jżomm. Rekords separati għandhom jinżammu għal kull kont miżmum f'konformità mal-Artikolu 38 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014.

2.   CSD għandu jżomm rekords tal-informazzjoni li ġejja:

(a)

identifikatur ta' kull emittent li għalih is-CSD jipprovdi s-servizz ewlenin msemmi fil-punt 1 jew 2 tat-Taqsima A tal-Anness għar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(b)

identifikatur ta' kull ħruġ tat-titoli li għalih is-CSD jipprovdi s-servizzi ewlenin imsemmija fil-punt 1 jew 2 tat-Taqsima A tal-Anness għar-Regolament (UE) Nru 909/2014, il-liġi skont liema t-titoli rreġistrati mis-CSD huma kkostitwiti u l-pajjiż ta' inkorporazzjoni tal-emittenti ta' kull ħruġ tat-titoli;

(c)

identifikatur ta' kull ħruġ tat-titoli rreġistrat fil-kontijiet tat-titoli mhux miżmuma b'mod ċentrali mis-CSD, il-liġi skont liema t-titoli rreġistrati mis-CSD huma kkostitwiti u l-pajjiż ta' inkorporazzjoni tal-emittenti ta' kull ħruġ tat-titoli;

(d)

identifikatur tas-CSD emittent jew tal-entità ta' pajjiż terz rilevanti li jwettaq funzjonijiet simili għal CSD emittent għal kull ħruġ tat-titoli msemmi fil-punt (c);

(e)

identifikaturi tal-kontijiet tat-titoli tal-emittenti, fil-każ tas-CSDs emittenti;

(f)

identifikaturi tal-kontijiet tal-flus tal-emittenti, fil-każ tas-CSDs emittenti;

(g)

identifikaturi tal-banek tas-saldu użati minn kull emittent, fil-każ ta' CSDs emittenti;

(h)

identifikaturi tal-parteċipanti;

(i)

pajjiż ta' inkorporazzjoni tal-parteċipanti;

(j)

identifikaturi tal-kontijiet tat-titoli tal-parteċipanti;

(k)

identifikaturi tal-kontijiet tal-flus tal-parteċipanti;

(l)

identifikaturi tal-banek tas-saldu użati minn kull parteċipant;

(m)

pajjiż ta' inkorporazzjoni tal-banek tas-saldu użati minn kull parteċipant.

3.   Fl-aħħar ta' kull jum ta' negozju, CSD għandu jirreġistra għal kull pożizzjoni d-dettalji li ġejjin sal-punt li dawn ikunu rilevanti għall-pożizzjoni:

(a)

l-identifikaturi tal-parteċipanti u tad-detenturi ta' kontijiet oħra;

(b)

it-tip ta' kontijiet tat-titoli skont jekk kont tat-titoli jappartjenix għal parteċipant (“kont proprju tal-parteċipant”), għal wieħed mill-klijenti tiegħu (“segregazzjoni tal-klijenti individwali”) jew għal diversi klijenti tiegħu (“segregazzjoni tal-klijenti omnibus”);

(c)

għal kull identifikatur tal-ħruġ tat-titoli (ISIN), il-bilanċi ta' tmiem il-jum tal-kontijiet tat-titoli li jkopru n-numru ta' titoli;

(d)

għal kull kont tat-titoli u ISIN taħt il-punt (c), in-numru tat-titoli soġġetti għal restrizzjonijiet fuq is-saldu, it-tip tar-restrizzjonijiet u l-identità tal-benefiċjarju ta' restrizzjonijiet fl-aħħar tal-jum.

4.   CSD għandu jżomm rekords ta' falliment ta' saldu u l-miżuri adottati mis-CSD u l-parteċipanti tiegħu għall-prevenzjoni u l-indirizzar ta' falliment ta' saldu skont l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014.

Artikolu 56

Rekords ta' Servizzi Anċillari

1.   CSD għandu jżomm it-tipi ta' rekords speċifikati fl-Anness II għal dan ir-Regolament għal kull wieħed mis-servizzi anċillari pprovduti minn CSD skont it-Taqsimiet B u C tal-Anness għar-Regolament (UE) Nru 909/2014, inkluż il-bilanċi ta' tmiem il-jum tal-kontijiet tal-flus ipprovduti mis-CSD jew l-istituzzjoni ta' kreditu nnominata għal kull munita.

2.   Fejn CSD jipprovdi servizzi anċillari oħra minbarra dawk imsemmija b'mod espliċitu fit-Taqsimiet B jew C tal-Anness għar-Regolament (UE) Nru 909/2014, huwa għandu jżomm rekords adegwati ta' dawk is-servizzi.

Artikolu 57

Rekords tan-Negozju

1.   CSD għandu jżomm rekords adegwati u b'mod ordinat tal-attivitajiet relatati mal-operat u l-organizzazzjoni interna tiegħu.

2.   Ir-rekords imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jirriflettu tibdil sostantiv fid-dokumenti miżmuma mis-CSD u għandhom jinkludu dan li ġej:

(a)

iċ-ċarts organizzattivi għall-korp maniġerjali, il-maniġment superjuri, il-kumitati rilevanti, unitajiet operattivi u l-unitajiet jew id-diviżjonijiet l-oħra kollha tas-CSD;

(b)

l-identitajiet tal-azzjonisti kemm jekk persuni fiżiċi kif ukoll ġuridiċi li jeżerċitaw kontroll dirett jew indirett fuq l-immaniġġjar tas-CSD jew li għandhom parteċipazzjonijiet fil-kapital tas-CSD u l-ammont ta' dawk il-parteċipazzjonijiet;

(c)

parteċipazzjonijiet tas-CSD fil-kapital ta' entitajiet ġuridiċi oħra;

(d)

id-dokumenti li jiċċertifikaw il-politiki, il-proċeduri u l-proċessi meħtieġa skont ir-rekwiżiti organizzazzjonali tas-CSD u fir-rigward tal-servizzi pprovduti mis-CSD;

(e)

il-minuti tal-laqgħat tal-korp maniġerjali u tal-laqgħat tal-kumitati tal-maniġment superjuri u kumitati oħra;

(f)

il-minuti tal-laqgħat tal-kumitati tal-utenti;

(g)

il-minuti tal-gruppi ta' konsultazzjoni mal-parteċipanti u l-klijenti, jekk ikun hemm;

(h)

ir-rapporti ta' awditjar intern u estern, rapporti ta' mmaniġġjar tar-riskju, rapporti dwar il-kontroll intern u l-konformità, inklużi reazzjonijiet mill-maniġment superjuri għar-rapporti;

(i)

il-kuntratti ta' esternalizzazzjoni kollha;

(j)

il-politika tal-kontinwità tal-operat u l-pjan ta' rkupru minn diżastru;

(k)

rekords jirriflettu l-assi, l-obbligazzjonijiet u l-kontijiet kapitali kollha tas-CSD;

(l)

ir-rekords li jirriflettu l-ispejjeż u d-dħul kollha, inklużi l-ispejjeż u d-dħul li jingħata rendikont separat għalihom skont l-Artikolu 34(6) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(m)

l-ilmenti formali li jaslu, inkluża informazzjoni dwar l-isem u l-indirizz tal-ilmentatur; id-data meta wasal l-ilment; l-isem tal-persuni kollha identifikati fl-ilment; deskrizzjoni tan-natura u l-kontenut tal-ilment; u d-data meta l-ilment ġie solvut;

(n)

ir-rekords ta' kwalunkwe interruzzjoni jew disfunzjoni tas-servizzi, inkluż rapport dettaljat dwar iż-żmien, l-effetti u l-azzjonijiet ta' rimedju ta' dik l-interruzzjoni jew disfunzjoni;

(o)

ir-rekords tar-riżultati tat-testijiet retrospettivi u tal-istress imwettqa mis-CSDs li jipprovdu servizzi anċillari tat-tip bankarju;

(p)

il-komunikazzjonijiet bil-miktub mal-awtorità kompetenti, l-ESMA u l-awtoritajiet rilevanti;

(q)

l-opinjonijiet legali rċevuti skont id-dispożizzjonijiet rilevanti dwar ir-rekwiżiti organizzazzjonali skont il-Kapitolu VII ta' dan ir-Regolament;

(r)

id-dokumentazzjoni dwar l-arranġamenti ta' konnessjoni skont il-Kapitolu XII ta' dan ir-Regolament;

(s)

it-tariffi u l-miżati applikati għas-servizzi differenti, inkluż kwalunkwe skont jew roħs.

Artikolu 58

Rekords addizzjonali

CSD għandu jżomm ir-rekords addizzjonali mitluba mill-awtorità kompetenti bl-għan li l-awtorità kompetenti tkun tista' timmonitorja l-konformità tas-CSD mar-Regolament (UE) Nru 909/2014

KAPITOLU IX

MIŻURI TA' RIKONĊILJAZZJONI

(L-Artikolu 37(4) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014)

Artikolu 59

Miżuri ġenerali ta' rikonċiljazzjoni

1.   CSD għandu jwettaq il-miżuri ta' rikonċiljazzjoni msemmija fl-Artikolu 37(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 għal kull ħruġ tat-titoli rreġistrat fil-kontijiet tat-titoli miżmuma b'mod ċentrali u mhux ċentrali mis-CSD.

Is-CSD għandu jqabbel il-bilanċ ta' tmiem il-jum ta' qabel mas-saldi kollha pproċessati matul il-jum u l-bilanċ ta' tmiem il-jum attwali għal kull ħruġ tat-titoli u kont tat-titoli miżmum b'mod ċentrali jew mhux ċentrali mis-CSD.

CSD għandu juża kontabilità ta' kontroentrati, skont liema, għal kull entrata ta' kreditu magħmula fil kont tat-titoli miżmum mis-CSD, b'mod ċentrali jew mhux ċentrali, ikun hemm entrata ta' debitu korrispondenti fuq kont tat-titoli ieħor miżmum mill-istess CSD.

2.   L-awditjar imsemmi fl-Artikolu 26(6) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 għandu jiżgura li r-rekords ta' CSD relatati mal-ħruġ tat-titoli huma preċiżi, u li l-miżuri ta' rikonċiljazzjoni tiegħu msemmija fl-Artikolu 37(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 u l-miżuri dwar il-kooperazzjoni u l-iskambji ta' informazzjoni ma' partijiet terzi relatati mar-rikonċiljazzjoni msemmija fl-Artikolu 37(2) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 huma adegwati.

3.   Fejn il-proċess ta' rikonċiljazzjoni jikkonċerna titoli soġġetti għal immobilizzazzjoni, CSD għandu jistabbilixxu miżuri adegwati biex jipproteġi t-titoli fiżiċi minn serq, frodi, u qerda. Dawk il-miżuri għandhom tal-anqas jinkludu l-użu ta' kmamar tas-sigurtà li d-disinn u l-post tagħhom jiżgura livell għoli ta' protezzjoni kontra l-għargħar, it-terremoti, in-nirien u diżastri oħra.

4.   L-awditjar imsemmi fl-Artikolu 26(6) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 fir-rigward tal-kmamar tas-sigurtà, inklużi spezzjonijiet fiżiċi, għandu jsir tal-anqas kull sena. Is-CSD għandu jikkondividi r-riżultati ta' dawk il-kontrolli tal-awditjar mal-awtorità kompetenti.

Artikolu 60

Miżuri ta' rikonċiljazzjoni għal azzjonijiet korporattivi

1.   CSD ma għandux jiddetermina l-intitolamenti għar-rikavat ta' azzjoni korporattiva fuq l-istokk li jbiddlu l-bilanċ tal-kontijiet tat-titoli miżmuma mis-CSD sakemm il-miżuri ta' rikonċiljazzjoni speċifikati fl-Artikolu 59 u fl-Artikoli 61, 62 u 63 ikunu kompletati.

2.   Meta azzjoni korporattiva tkun ġiet ipproċessata, CSD għandu jiżgura li l-kontijiet kollha tat-titoli miżmuma mis-CSD, b'mod ċentrali jew mhux ċentrali, jiġu aġġornati.

Artikolu 61

Miżuri ta' rikonċiljazzjoni għall-mudell tar-reġistratur

Fejn reġistratur, aġent tal-ħruġ, jew entità oħra simili tkun involuta fil-proċess ta' rikonċiljazzjoni għal ċertu ħruġ tat-titoli skont l-Artikolu 37(2) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, u żżomm rekords ta' titoli li huma rreġistrati wkoll fis-CSD, il-miżuri li għandhom jittieħdu mis-CSD u dik l-entità sabiex tiġi żgurata l-integrità ġenerali tal-ħruġ għandhom jinkludu rikonċiljazzjoni ta' kuljum tal-bilanċ totali rreġistrat fuq il-kontijiet tat-titoli miżmuma mis-CSD mar-rekords korrispondenti tat-titoli miżmuma minn dik l-entità. Is-CSD u dik l-entità għandhom iwettqu wkoll:

(a)

fejn it-titoli jkunu ġew trasferiti matul jum ta' negozju partikolari, rikonċiljazzjoni ta' tmiem il-jum tal-bilanċ ta' kull kont ta' titoli miżmuma mis-CSD mal-bilanċ tar-rekord korrispondenti tat-titoli miżmuma minn dik l-entità;

(b)

tal-anqas darba kull ġimagħtejn, rikonċiljazzjoni sħiħa tal-bilanċi kollha fi ħruġ tat-titoli bil-bilanċi kollha fuq ir-rekord korresspondenti tat-titoli miżmuma minn dik l-entità.

Artikolu 62

Miżuri ta' rikonċiljazzjoni għall-mudell tal-aġent ta' trasferiment

Meta maniġer tal-fond, aġent ta' trasferiment jew entità oħra simili tkun responsabbli għall-proċess ta' rikonċiljazzjoni għal kont li jżomm parti mill-ħruġ tat-titoli rreġistrati f'CSD, il-miżuri li għandhom jittieħdu mis-CSD u din l-entità sabiex tiġi żgurata l-integrità ta' din il-parti tal-ħruġ għandhom jinkludu rikonċiljazzjoni ta' kuljum tal-bilanċ totali tal-kontijiet tat-titoli miżmuma mis-CSD mar-rekords ta' dik l-entità tat-titoli miżmuma mis-CSD, inklużi l-bilanċi ta' ftuħ u ta' għeluq aggregati.

Fejn is-CSD iżomm il-kontijiet tiegħu fir-reġistru ta' dik l-entità permezz ta' parti terza li ma tkunx CSD, is-CSD għandu jirrikjedi li l-parti terza tinforma lil dik l-entità li qed taġixxi f'isem is-CSD u twaqqaf kooperazzjoni ekwivalenti u miżuri ta' skambju ta' informazzjoni ma' dik l-entità sabiex jiġi żgurat li jiġu sodisfatti r-rekwiżiti skont dan l-Artikolu.

Artikolu 63

Miżuri ta' rikonċiljazzjoni għall-mudell tal-depożitorju komuni

Fejn CSDs li jkunu stabbilixxew konnessjoni interoperabbli jużaw depożitorju komuni jew kwalunkwe entità oħra simili, kull CSD għandu jirrikonċilja fuq bażi ta' kuljum il-bilanċ totali għal kull ħruġ tat-titoli rreġistrat fuq il-kontijiet tat-titoli li jżomm, minbarra għal CSDs oħra fil-konnessjoni interoperabbli, mar-rekords korrispondenti ta' titoli li d-depożitorju komuni jew l-entità l-oħra simili jżommu għal dak is-CSD.

Fejn depożitarju komuni jew kwalunkwe entità oħra simili tkun responsabbli għall-integrità ġenerali ta' ċertu ħruġ tat-titoli, id-depożitorju komuni jew l-entità l-oħra simili għandha twettaq paragun ta' kuljum tal-bilanċ totali għal kull ħruġ tat-titoli kontra l-bilanċi fil-kontijiet tat-titoli li żżomm għal kull CSD.

Fejn il-proċess ta' rikonċiljazzjoni jikkonċerna titoli soġġetti għal immobilizzazzjoni, is-CSDs għandhom jiżguraw li d-depożitorju komuni jew l-entità l-oħra tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 59(3).

Artikolu 64

Miżuri addizzjonali fejn entitajiet oħra huma involuti fil-proċess ta' rikonċiljazzjoni

1.   CSD għandu jirrieżamina għall-inqas darba f'sena l-miżuri tiegħu ta' kooperazzjoni u skambju ta' informazzjoni ma' entitajiet oħra msemmija fl-Artikoli 61, 62 u 63. Dan ir-rieżami jista' jsir b'mod parallel ma' rieżami tal-arranġamenti ta' konnessjoni ta' CSD. Meta meħtieġ mill-awtorità kompetenti, is-CSD għandu jimplimenta miżuri oħra ta' kooperazzjoni u ta' skambju ta' informazzjoni flimkien ma' dawk speċifikati f'dan ir-Regolament.

2.   Meta CSD jistabbilixxi l-konnessjonijiet, dawn għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti addizzjonali pprovduti fl-Artikolu 86.

3.   CSD għandu jirrikjedi li l-parteċipanti tiegħu jirrikonċiljaw ir-rekords tagħhom bl-informazzjoni rċevuta minn dak is-CSD fuq bażi ta' kuljum.

4.   Għall-finijiet tal-paragrafu 3, is-CSD għandu jipprovdi lill-parteċipanti fuq bażi ta' kuljum l-informazzjoni li ġejja speċifikata għal kull kont tat-titoli u għal kull ħruġ tat-titoli:

(a)

il-bilanċ aggregat ta' kont tat-titoli fil-bidu tal-jum ta' negozju rispettiv;

(b)

it-trasferimenti individwali ta' titoli fi jew minn kont tat-titoli matul il-jum ta' negozju rispettiv;

(c)

il-bilanċ aggregat ta' kont tat-titoli fi tmiem tal-jum ta' negozju rispettiv;

Is-CSD għandu jipprovdi l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu fuq it-talba ta' detenturi oħra ta' kontijiet tat-titoli miżmuma mis-CSD, ċentralment jew mhux ċentralment, fejn dik l-informazzjoni tkun meħtieġa għar-rikonċiljazzjoni tar-rekords ta' dawk id-detenturi mar-rekords tas-CSD.

5.   CSD għandu jiżgura li, fuq talba tiegħu, il-parteċipanti tiegħu, detenturi oħra ta' kontijiet fis-CSD u l-operaturi tal-kontijiet jipprovdu lis-CSD bl-informazzjoni li s-CSD iqis meħtieġa sabiex tiżgura l-integrità tal-kwistjoni, b'mod partikolari biex jiġu solvuti kwalunkwe problemi ta' rikonċiljazzjoni.

Għall-finijiet ta' dan il-paragrafu, “operatur ta' kont” għandha tfisser entità b'kuntratt mas-CSD biex tirreġistra entrati fil-kotba fil-kontijiet tat-titoli tiegħu.

Artikolu 65

Problemi relatati mar-rikonċiljazzjoni

1.   CSD għandu janalizza kwalunkwe diskrepanzi u inkonsistenzi li jirriżultaw mill-proċess ta' rikonċiljazzjoni u jagħmel ħiltu biex isolvihom qabel il-bidu tas-saldu fil-jum ta' negozju li jmiss.

2.   Fejn il-proċess ta' rikonċiljazzjoni jiżvela l-ħolqien jew it-tħassir bla bżonn ta' titoli, u s-CSD jonqos milli jsolvi din il-problema sal-aħħar tal-jum ta' negozju wara, is-CSD għandu jissospendi l-ħruġ tat-titoli għas-saldu sakemm jiġi rimedjat il-ħolqien jew it-tħassir bla bżonn tat-titoli.

3.   Fil-każ ta' sospensjoni tas-saldu, is-CSD għandu jinforma mingħajr dewmien żejjed lill-parteċipanti tiegħu, l-awtorità kompetenti, l-awtoritajiet rilevanti u l-entitajiet l-oħra kollha involuti fil-proċess ta' rikonċiljazzjoni msemmi fl-Artikoli 61, 62 u 63.

4.   Is-CSD għandu jieħu, mingħajr dewmien żejjed, il-miżuri kollha neċessarji biex jiġu rimedjati l-ħolqien jew it-tħassir bla bżonn ta' titoli u għandu jinforma lill-awtorità kompetenti tiegħu u lill-awtoritajiet rilevanti fir-rigward tal-miżuri meħuda.

5.   Is-CSD għandu jinforma mingħajr dewmien żejjed lill-parteċipanti tiegħu, l-awtorità kompetenti, l-awtoritajiet rilevanti u l-entitajiet l-oħra involuti fil-proċess ta' rikonċiljazzjoni li huma msemmija fl-Artikoli 61, 62 u 63, meta jkun ġie rrimedjat il-ħolqien jew it-tħassir bla bżonn tat-titoli.

6.   Meta ħruġ tat-titoli jiġi sospiż mis-saldu, il-miżuri dixxiplinari tas-saldu stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 ma għandhomx japplikaw fir-rigward ta' dan il-ħruġ tat-titoli għall-perjodu ta' sospensjoni.

7.   Is-CSD għandu jkompli bis-saldu malli jkun ġie rrimedjat il-ħolqien jew it-tħassir bla bżonn tat-titoli.

8.   Fejn in-numru ta' każijiet ta' ħolqien jew tħassir bla bżonn tat-titoli msemmija fil-paragrafu 2 ikun ogħla minn ħamsa għal kull xahar, is-CSD għandu jibgħat fi żmien xahar lill-awtorità kompetenti u l-awtoritajiet rilevanti pjan propost ta' miżuri għall-mitigazzjoni tal-okkorrenza ta' każijiet simili. Is-CSD għandu jaġġorna l-pjan u għandu jipprovdi rapport dwar l-implimentazzjoni tiegħu lill-awtorità kompetenti u l-awtoritajiet rilevanti fuq bażi mensili, sakemm in-numru ta' każijiet imsemmija fil-paragrafu 2 jaqa' taħt ħamsa kull xahar.

KAPITOLU X

RISKJI OPERAZZJONALI

(L-Artikolu 45(1) sa (6) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014)

TAQSIMA 1

Identifikazzjoni tar-riskji operazzjonali

Artikolu 66

Riskji operazzjonali ġenerali u l-valutazzjoni tagħhom

1.   Ir-riskji operazzjonali msemmija fl-Artikolu 45(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 jinkludu r-riskji kkawżati minn nuqqasijiet fis-sistemi ta' informazzjoni, proċessi interni, u l-prestazzjoni jew it-tfixkil tal-persunal ikkawżati minn avvenimenti esterni li jirriżultaw fit-tnaqqis, id-deterjorazzjoni jew l-interruzzjoni ta' servizzi pprovduti minn CSD.

2.   CSD għandu jidentifika l-punti uniċi potenzjali kollha ta' falliment fl-operazzjonijiet tiegħu u jivvaluta n-natura li qed tevolvi tar-riskju operazzjonali li jkun qed jiffaċċja, inkluż pandemiji u attakki ċibernetiċi, fuq bażi kontinwa.

Artikolu 67

Riskji operazzjonali li jistgħu jiġu kkawżati mill-parteċipanti ewlenin

1.   CSD għandu, fuq bażi kontinwa, jidentifika l-parteċipanti ewlenin fis-sistema ta' saldu tat-titoli li taħdem abbażi tal-fatturi li ġejjin:

(a)

il-volumi u l-valuri ta' tranżazzjoni tagħhom;

(b)

id-dipendenzi materjali bejn il-parteċipanti u l-klijenti tal-parteċipanti tiegħu, fejn il-klijenti jkunu magħrufa mis-CSD, li jistgħu jaffettwaw lis-CSD;

(c)

l-impatt potenzjali tagħhom fuq il-parteċipanti l-oħra u s-sistema ta' saldu tat-titoli tas-CSD kollha kemm hi fil-każ ta' problema operazzjonali li taffettwa l-provvista bla xkiel tas-servizzi mis-CSD.

Għall-finijiet tal-punt (b) fl-ewwel subparagrafu, is-CSD għandu jidentifika wkoll dan li ġej:

(i)

il-klijenti tal-parteċipanti responsabbli għal proporzjon sinifikanti ta' tranżazzjonijiet ipproċessati mis-CSD;

(ii)

il-klijenti tal-parteċipanti li t-transazzjonijiet tagħhom, ibbażati fuq il-volumi u l-valuri tagħhom, huma sinifikanti fil-konfront tal-kapaċità tal-immaniġġjar tar-riskju tal-parteċipanti rispettivi.

2.   CSD għandu jirrieżamina u jżomm aġġornata l-identifikazzjoni tal-parteċipanti ewlenin fuq bażi kontinwa.

3.   CSD għandu jkollu kriterji, metodoloġiji u standards ċari u trasparenti sabiex ikun żgurat li l-parteċipanti ewlenin jissodisfaw ir-rekwiżiti operazzjonali.

4.   CSD għandu, fuq bażi kontinwa, jidentifika, jimmonitorja, u jimmaniġġja r-riskji operazzjonali li jiffaċċja mill-parteċipanti ewlenin.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, is-sistema operazzjonali ta' mmaniġġjar tar-riskju msemmija fl-Artikolu 70 għandha tipprevedi wkoll regoli u proċeduri biex tinġabar l-informazzjoni rilevanti kollha dwar il-klijenti tal-parteċipanti tagħhom. Is-CSD għandu jinkludi wkoll fil-ftehimiet mal-parteċipanti tiegħu t-termini kollha meħtieġa biex jiġi faċilitat il-ġbir ta' dik l-informazzjoni.

Artikolu 68

Riskji operazzjonali li jistgħu jiġu kkawżati mill-utilitajiet kritiċi u l-fornituri ta' servizzi kritiċi

1.   CSD għandu jidentifika fornituri ta' utilitajiet kritiċi u fornituri ta' servizzi kritiċi li jistgħu joħolqu riskji għall-operazzjonijiet tas-CSD minħabba d-dipendenza tiegħu fuqhom.

2.   CSD għandu jieħu azzjonijiet xierqa biex jimmaniġġja d-dipendenzi msemmija fil-paragrafu 1 permezz ta' arranġamenti kuntrattwali u organizzazzjonali adegwati, kif ukoll permezz ta' dispożizzjonijiet speċifiċi fil-politika ta' kontinwità tan-negozju u l-pjan ta' rkupru minn diżastri tiegħu, qabel ma kwalunkwe relazzjoni ma' dawk il-fornituri ssir operattiva.

3.   CSD għandu jiżgura li l-arranġamenti kuntrattwali tiegħu ma' kwalunkwe fornitur identifikat skont il-paragrafu 1 jirrikjedu approvazzjoni minn qabel tas-CSD għall-fornitur tas-servizz għal sottokuntrattar ulterjuri ta' kwalunkwe elementi tas-servizzi pprovduti lis-CSD.

Fejn il-fornitur tas-servizz jesternalizza s-servizzi tiegħu skont l-ewwel subparagrafu, is-CSD għandu jiżgura li l-livell ta' servizz u r-reżiljenza tiegħu ma jiġux affettwati u li jiġi ppreservat l-aċċess sħiħ mis-CSD għall-informazzjoni meħtieġa għall-provvista tas-servizzi esternalizzati.

4.   CSD għandu jistabbilixxi linji ċari ta' komunikazzjoni mal-fornituri msemmija fil-paragrafu 1 biex jiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni kemm f'ċirkostanzi ordinarji kif ukoll eċċezzjonali.

5.   CSD għandu jinforma lill-awtorità kompetenti tiegħu dwar kwalunkwe dipendenza fuq l-utilitajiet u l-fornituri ta' servizzi identifikati skont il-paragrafu 1 u jieħu miżuri biex jiżgura li l-awtoritajiet ikunu jistgħu jiksbu informazzjoni dwar il-prestazzjoni ta' dawk il-fornituri, jew direttament minn utilitajiet jew fornituri ta' servizzi jew permezz tas-CSD.

Artikolu 69

Riskji operazzjonali li jistgħu jiġu kkawżati minn CSDs oħra jew infrastrutturi tas-suq

1.   CSD għandu jiżgura li s-sistemi u l-arranġamenti ta' komunikazzjoni tiegħu ma' CSDs jew infrastrutturi tas-suq oħra huma affidabbli, siguri u mfassla biex jimminimizzaw ir-riskji operazzjonali.

2.   Kwalunkwe arranġament li CSD jidħol fih ma' CSD ieħor jew infrastrutturi oħra tas-suq għandu jipprevedi li:

(a)

is-CSD l-ieħor jew l-infrastruttura l-oħra tas-suq finanzjarju jiddivulga lis-CSD kwalunkwe fornitur tas-servizz kritiku li jiddependi fuqu s-CSD l-ieħor jew infrastruttura tas-suq;

(b)

l-arranġamenti ta' governanza u l-proċessi ta' mmaniġġjar fis-CSD l-ieħor jew infrastruttura oħra tas-suq ma jaffettwawx il-provvista bla xkiel tas-servizzi mis-CSD, inklużi l-arranġamenti ta' mmaniġġjar tar-riskju u l-kundizzjonijiet ta' aċċess mhux diskriminatorju.

TAQSIMA 2

Metodi biex jiġu ttestjati, indirizzati u minimizzati r-riskji operazzjonali

Artikolu 70

Sistema u qafas ta' mmaniġġjar tar-riskju operazzjonali

1.   Bħala parti mill-politiki, il-proċeduri u s-sistemi msemmija fl-Artikolu 47, CSD għandu jkollu fis-seħħ qafas iddokumentat sew għall-immaniġġjar tar-riskju operazzjonali bi rwoli u responsabbiltajiet assenjati b'mod ċar. CSD għandu jkollu sistemi tal-IT, politiki, proċeduri u kontrolli xierqa li jidentifikaw, ikejlu, jimmonitorjaw, jirrapportaw u jimmitigaw ir-riskju operazzjonali tiegħu.

2.   Il-korp maniġerjali u l-maniġment superjuri ta' CSD għandu jistabbilixxi, jimplimenta u jimmonitorja l-qafas ta' mmaniġġjar tar-riskju għar-riskji operazzjonali msemmija fil-paragrafu 1, jidentifika l-esponimenti kollha tas-CSD għar-riskju operazzjonali u jintraċċa dejta ta' riskju operazzjonali rilevanti, inkluż kwalunkwe każijiet fejn tkun intilefet xi dejta materjali.

3.   CSD għandu jiddefinixxi u jiddokumenta objettivi ċari ta' affidabbiltà operazzjonali, li jinkludu objettivi ta' prestazzjoni operazzjonali u miri impenjati fil-livell tas-servizz għas-servizzi tiegħu u s-sistemi ta' saldu tat-titoli. Għandu jkollu politiki u proċeduri stabbiliti biex jinkisbu dawk l-objettivi.

4.   CSD għandu jiżgura li l-objettivi tiegħu ta' prestazzjoni operazzjonali u l-miri fil-livell tas-servizz imsemmija fil-paragrafu 3 jinkludi kemm miżuri kwalitattivi kif ukoll kwantitattivi ta' prestazzjoni operazzjonali.

5.   CSD għandu jimmonitorja regolarment u jivvaluta jekk l-objettivi stabbiliti tiegħu u l-miri fil-livell tas-servizz humiex issodisfati.

6.   CSD għandu jkollu regoli u proċeduri fis-seħħ li jiżguraw li l-prestazzjoni tas-sistema tat-titoli tiegħu tiġi rrapportata regolarment lill-maniġment superjuri, lill-membri tal-korp maniġerjali, lill-kumitati rilevanti tal-korp maniġerjali, lill-kumitati tal-utenti u lill-awtorità kompetenti.

7.   CSD għandu jirrieżamina perjodikament l-objettivi operazzjonali tiegħu biex jinkorpora żviluppi teknoloġiċi u kummerċjali ġodda.

8.   Qafas ta' mmaniġġjar tar-riskju operazzjonali ta' CSD għandu jinkludi proċessi tal-immaniġġjar tal-bidla u tal-immaniġġjar tal-proġett biex jiġi mitigat ir-riskju operazzjonali li jirriżulta minn modifiki fl-operazzjonijiet, fil-politiki, fil-proċeduri u fil-kontrolli stabbiliti mis-CSD.

9.   Qafas ta' mmaniġġjar tar-riskju operazzjonali ta' CSD għandu jinkludi qafas komprensiv għas-sigurtà fiżika u s-sigurtà tal-informazzjoni għall-immaniġġjar tar-riskju li s-CSD jiffaċċja minn attakki, inkluż attakki ċibernetiċi, intrużjonijiet u diżastri naturali. Dak il-qafas komprensiv għandu jippermetti lis-CSD jipproteġi l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tiegħu mill-aċċess jew mid-divulgazzjoni mhux awtorizzata, jiżgura l-preċiżjoni u l-integrità tad-dejta u jżomm id-disponibbiltà tas-servizzi pprovduti mis-CSD.

10.   CSD għandu jistabbilixxi proċeduri xierqa dwar ir-riżorsi umani biex jimpjega, iħarreġ u jżomm persunal ikkwalifikat, kif ukoll biex jimmitiga l-effetti tad-dawran tal-persunal, jew sovradipendenza fuq persunal ewlieni.

Artikolu 71

Integrazzjoni tas-sistema operazzjonali u tal-intrapriża tal-immaniġġjar tar-riskju u konformità magħha

1.   CSD għandu jiżgura li s-sistema tal-immaniġġjar tar-riskju operazzjonali tiegħu hija parti mill-proċessi tiegħu tal-immaniġġjar tar-riskju ta' kuljum u li r-riżultati tagħhom jiġu meqjusa fil-proċess tad-determinazzjoni, il-monitoraġġ u l-ikkontrollar tal-profil tar-riskju operazzjonali tas-CSD.

2.   CSD għandu jkollu fis-seħħ mekkaniżmi għar-rapportar regolari lill-maniġment superjuri ta' esponimenti għar-riskji operazzjonali u t-telf esperjenzat minn riskji operazzjonali, u l-proċeduri biex tittieħed azzjoni korrettiva xierqa biex jiġu mitigati dawk l-esponimenti u t-telf.

3.   CSD għandu jkollu fis-seħħ proċeduri għall-iżgurar tal-konformità mas-sistema ta' mmaniġġjar tar-riskju operazzjonali, inklużi r-regoli interni dwar it-trattament ta' fallimenti fl-applikazzjoni ta' dik is-sistema.

4.   CSD għandu jkollha proċeduri komprensivi u ddokumentati sew li jirreġistraw, jimmonitorjaw u jsolvu l-inċidenti operazzjonali kollha, inkluż:

(a)

sistema li tikklassifika l-inċidenti filwaqt li jitqies l-impatt tagħhom fuq il-provvista bla xkiel tas-servizzi mis-CSD;

(b)

sistema għar-rapportar ta' inċidenti operazzjonali materjali lill-maniġment superjuri, il-korp maniġerjali u l-awtorità kompetenti;

(c)

rieżami ta' “wara l-inċident” wara kull tfixkil materjali fl-attivitajiet tas-CSD, biex jiġu identifikati l-kawżi u t-titjib meħtieġa għall-operazzjonijiet jew il-politika tal-kontinwità tan-negozju u l-pjan ta' rkupru minn diżastri, inkluż għall-politiki u l-pjanijiet tal-utenti tas-CSD. Ir-riżultat ta' dak ir-rieżami għandu jiġi kkomunikat lill-awtorità kompetenti u l-awtoritajiet rilevanti mingħajr dewmien.

Artikolu 72

Funzjoni tal-immaniġġjar tar-riskju operazzjonali;

Bħala parti mill-funzjoni tal-immaniġġjar tar-riskju, il-funzjoni tal-immaniġġjar tar-riskju operazzjonali ta' CSD għandha timmaniġġja r-riskju operazzjonali tas-CSD. Għandha b'mod partikolari:

(a)

tiżviluppa strateġiji, politiki u proċeduri biex jiġu identifikati, imkejla, immonitorjati u rrapportati r-riskji operazzjonali;

(b)

tiżviluppa proċeduri għall-kontroll u l-immaniġġjar tar-riskji operazzjonali, inkluż billi jiġu introdotti kwalunkwe aġġustamenti meħtieġa fis-sistema ta' mmaniġġjar tar-riskju operazzjonali;

(c)

tiżgura li l-istrateġiji, il-politiki u l-proċeduri msemmija fil-punti (a) u (b) jiġu implimentati kif suppost.

Artikolu 73

Awditjar u ttestjar

1.   Il-qafas u s-sistemi ta' mmaniġġjar tar-riskju operazzjonali ta' CSD għandhom ikunu soġġetti għal awditjar. Il-frekwenza tal-awditjar għandha tkun ibbażata fuq valutazzjoni tar-riskju ddokumentata u għandha titwettaq tal-anqas darba kull sentejn.

2.   L-awditjar imsemmi fil-paragrafu preċedenti għandu jinkludi kemm l-attivitajiet tal-unitajiet ta' negozju interni tas-CSD kif ukoll dawk tal-funzjoni tal-immaniġġjar tar-riskju operazzjonali.

3.   CSD għandu jevalwa b'mod regolari u, fejn ikun meħtieġ, jaġġusta s-sistema għall-immaniġġjar tar-riskju operazzjonali.

4.   CSD għandu jittestja u jirrieżamina perjodikament l-arranġamenti operazzjonali, il-politiki u l-proċeduri mal-utenti. L-ittestjar u r-rieżami għandhom isiru wkoll meta jseħħ tibdil sostantiv fis-sistema ta' saldu tat-titoli mħaddma mis-CSD jew wara inċidenti operazzjonali, li jaffettwaw il-provvista bla xkiel tas-servizzi mis-CSD.

5.   CSD għandu jiżgura li l-flussi u l-proċessi tad-dejta assoċjati mas-sistema ta' mmaniġġjar tar-riskju operazzjonali huma aċċessibbli għall-awdituri mingħajr dewmien.

Artikolu 74

Mitigazzjoni ta' riskju operazzjonali permezz ta' assigurazzjoni

CSD jista' jagħmel kuntratt ta' assigurazzjoni biss biex jimmitiga r-riskji operazzjonali msemmija f'dan il-Kapitolu meta l-miżuri msemmija f'dan il-Kapitolu ma jimmitigawx kompletament ir-riskji operazzjonali.

TAQSIMA 3

Sistemi tal-IT

Artikolu 75

Għodod tal-IT

1.   CSD għandu jiżgura li s-sistemi tat-teknoloġija tal-informazzjoni (IT) tiegħu huma ddokumentati sew u li huma mfassla biex ikopru l-ħtiġijiet operazzjonali tas-CSD u r-riskji operazzjonali li s-CSD jiffaċċja.

Is-sistemi tal-IT tas-CSD għandhom ikunu:

(a)

reżiljenti, inkluż f'kundizzjonijiet tas-suq taħt stress;

(b)

ikollhom kapaċità suffiċjenti biex jipproċessaw informazzjoni addizzjonali b'riżultat ta' żieda fil-volumi tas-saldu;

(c)

jilħqu l-objettivi fil-livell tas-servizz tas-CSD.

2.   Is-sistemi ta' CSD għandhom jkollhom kapaċità suffiċjenti biex jipproċessaw it-tranżazzjonijiet kollha qabel tmiem il-jum anki f'ċirkostanzi meta jseħħ tfixkil maġġuri.

CSD għandu jkollu proċeduri biex jiġi żgurata kapaċità suffiċjenti tas-sistemi tal-IT tagħha, inkluż fil-każ tal-introduzzjoni ta' teknoloġija ġdida.

3.   CSD għandu jibbaża s-sistemi tal-IT tiegħu fuq standards tekniċi rikonoxxuti internazzjonalment u l-aħjar prattiki tal-industrija.

4.   Is-sistemi tal-IT ta' CSD għandhom jiżguraw li kwalunkwe dejta għad-dispożizzjoni tas-CSD tkun protetta minn telf, kxif, aċċess mhux awtorizzat, amministrazzjoni ħażina, żamma mhux adegwata tar-rekords, u riskji oħra ta' pproċessar.

5.   Qafas tas-sigurtà ta' informazzjoni ta' CSD għandu jispjega l-mekkaniżmi li s-CSD ikollu fis-seħħ biex jikxfu u jipprevjenu attakki ċibernetiċi. Il-qafas għandu jiddeskrivi wkoll il-pjan tas-CSD b'reazzjoni għal attakki ċibernetiċi.

6.   CSD għandu jissoġġetta s-sistemi tal-IT tiegħu għal ittestjar strett billi jiġu simulati kundizzjonijiet ta' stress qabel ma jintużaw għall-ewwel darba dawk is-sistemi, wara li jsir tibdil sinifikanti fis-sistemi u wara li jkun seħħ tfixkil operazzjonali maġġuri. CSD għandu, kif xieraq, jinvolvi ruħu fit-tfassil u t-tmexxija ta' dawn it-testijiet:

(a)

utenti;

(b)

fornituri ta' utilitajiet kritiċi u servizzi kritiċi;

(c)

CSDs oħra;

(d)

infrastrutturi oħra tas-suq;

(e)

kwalunkwe istituzzjoni oħra li magħhom ġew identifikati interdipendenzi fil-politika ta' kontinwità tan-negozju.

7.   Il-qafas ta' sigurtà ta' informazzjoni għandu jinkludi:

(a)

kontrolli ta' aċċess għas-sistema;

(b)

salvagwardji adegwati kontra l-intrużjonijiet u l-użu ħażin tad-dejta;

(c)

apparat speċifiku biex tiġi ppreservata l-awtentiċità u l-integrità tad-dejta, inklużi tekniki kriptografiċi;

(d)

netwerks u proċeduri affidabbli għat-trażmissjoni tad-dejta preċiża u f'waqtu mingħajr tfixkil maġġuri; u

(e)

rendikonti tal-entrati.

8.   Is-CSD għandu jkollu arranġamenti għall-għażla u s-sostituzzjoni tal-fornituri terzi tas-servizzi tal-IT, l-aċċess f'waqtu tas-CSD għall-informazzjoni kollha neċessarja kif ukoll għodod xieraq ta' kontrolli u ta' monitoraġġ.

9.   Is-CSD għandu jiżgura li s-sistemi tal-IT u l-qafas tas-sigurtà ta' informazzjoni dwar is-servizzi ewlenin tas-CSD jiġu rieżaminati tal-anqas kull sena u jkunu soġġetti għal valutazzjonijiet tal-awditjar. Ir-riżultati tal-valutazzjonijiet għandhom jiġu rrapportati lill-korp maniġerjali tas-CSD u lill-awtorità kompetenti.

TAQSIMA 4

Kontinwità tan-negozju

Artikolu 76

Strateġija u politika

1.   CSD għandu jkollu politika ta' kontinwità tan-negozju u pjan ta' rkupru minn diżastri assoċjat li jkun:

(a)

approvat mill-korp maniġerjali;

(b)

soġġett għar-rieżamijiet tal-awditjar li għandhom jiġu rrapportati lill-korp maniġerjali.

2.   CSD għandu jiżgura li l-politika ta' kontinwità tan-negozju:

(a)

tidentifika l-operazzjonijiet kritiċi u s-sistemi ta' IT kollha tiegħu u tipprevedi livell minimu ta' servizz li għandu jinżamm għal dawk l-operazzjonijiet;

(b)

tinkludi l-istrateġija u l-objettivi tas-CSD biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-operazzjonijiet u s-sistemi msemmija fil-punt (a);

(c)

tqis kwalunkwe konnessjonijiet u interdipendenzi għal tal-anqas:

(i)

utenti;

(ii)

fornituri ta' utilitajiet kritiċi u servizzi kritiċi;

(iii)

CSDs oħra;

(iv)

infrastrutturi oħra tas-suq;

(d)

tiddefinixxi u tiddokumenta l-arranġamenti li għandhom jiġu applikati fil-każ ta' emerġenza ta' kontinwità tan-negozju, jew tfixkil maġġuri tal-operazzjonijiet tas-CSD, sabiex jiġi żgurat livell minimu ta' servizz ta' funzjonijiet kritiċi tas-CSD;

(e)

tidentifika l-perjodu ta' żmien massimu aċċettabbli li fih il-funzjonijiet kritiċi u s-sistemi tal-IT jistgħu ma jintużawx.

3.   CSD għandu jieħu l-passi raġonevoli kollha biex jiżgura li s-saldu jiġi komplut sa tmiem il-jum ta' negozju, anki f'każ ta' tfixkil, u li l-pożizzjonijiet tal-utenti kollha fil-ħin tat-tfixkil jiġu identifikati b'ċertezza b'mod f'waqtu.

Artikolu 77

Analiżi tal-impatt tan-negozju

1.   CSD għandu jwettaq analiżi tal-impatt tan-negozju biex:

(a)

iħejji lista bil-proċessi u l-attivitajiet kollha li jikkontribwixxu għall-forniment tas-servizzi li jipprovdi;

(b)

jidentifika u joħloq inventarju tal-komponenti kollha tas-sistema tal-IT tiegħu li jappoġġjaw il-proċessi u l-attivitajiet identifikati fil-punt (a) kif ukoll l-interdipendenzi rispettivi tagħhom;

(c)

jidentifika u jiddokument l-impatti kwalitattivi u kwantitattivi ta' xenarju ta' rkupru minn diżastru għal kull proċess u attività msemmija fil-punt (a) u kif l-impatti jinbidlu maż-żmien f'każ ta' tfixkil;

(d)

jiddefinixxi u jiddokumenta l-livelli minimi ta' servizz meqjusa bħala aċċettabbli u xierqa mill-perspettiva tal-utenti tas-CSD;

(e)

jidentifika u jiddokumenta r-rekwiżiti minimi tar-riżorsi li jikkonċernaw il-persunal u l-ħiliet, l-ispazju tax-xogħol u l-IT biex titwettaq kull funzjoni kritika fil-livell minimu aċċettabbli.

2.   CSD għandu jwettaq analiżi tar-riskju biex jidentifika kif diversi xenarji jaffettwaw il-kontinwità tal-operazzjonijiet kritiċi tiegħu.

3.   CSD għandu jiżgura li l-analiżi tal-impatt tan-negozju u l-analiżi tar-riskju tiegħu jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(a)

jinżammu aġġornati;

(b)

jiġu rieżaminati wara inċident materjali jew tibdil operazzjonali sinifikanti u, tal-anqas, kull sena;

(c)

iqisu l-iżviluppi rilevanti kollha, inklużi l-iżviluppi tas-suq u tal-IT.

Artikolu 78

Irkupru minn diżastru

1.   CSD għandu jkollu fis-seħħ arranġamenti biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-operazzjonijiet kritiċi tiegħu fix-xenarji ta' diżastri, inkluż diżastri naturali, sitwazzjonijiet pandemiċi, attakki fiżiċi, intrużjonijiet, attakki terroristiċi u attakki ċibernetiċi. Dawk l-arranġamenti għandhom jiżguraw:

(a)

id-disponibbiltà tar-riżorsi umani adegwati;

(b)

id-disponibbiltà tar-riżorsi finanzjarji suffiċjenti;

(c)

is-sostituzzjoni, l-irkupru u t-tkomplija ta' operazzjonijiet f'sit tal-ipproċessar sekondarju.

2.   Il-pjan ta' rkupru minn diżastru ta' CSD għandu jidentifika u jinkludi objettiv ta' ħin ta' rkupru għall-operazzjonijiet kritiċi u jiddetermina għal kull operazzjoni kritika l-istrateġiji ta' rkupru l-aktar xierqa. L-objettiv ta' ħin ta' rkupru għal kull operazzjoni kritika ma għandux ikun itwal minn sagħtejn. Is-CSD għandu jiżgura li s-sistemi ta' backup jibdew l-ipproċessar mingħajr dewmien żejjed sakemm dan ma jipperikolax l-integrità tal-ħruġ tat-titoli jew il-kunfidenzjalità tad-dejta miżmuma mis-CSD. CSD għandu jiżgura li sagħtejn wara li jkun seħħ it-tfixkil, ikun kapaċi jkompli bl-operazzjonijiet kritiċi tiegħu. Sabiex jiddetermina l-ħinijiet ta' rkupru għal kull operazzjoni, is-CSD għandu jqis l-impatt globali potenzjali fuq l-effiċjenza tas-suq. Dawk l-arranġamenti għandhom tal-anqas jiżguraw li, f'xenarji estremi, jiġu ssodisfati livelli ta' servizz mifthiema.

3.   CSD għandu jżomm tal-anqas sit tal-ipproċessar sekondarju b'riżorsi, kapaċitajiet, funzjonalitajiet u arranġamenti tal-persunal suffiċjenti, li huma adegwati għall-ħtiġijiet operazzjonali tas-CSD u r-riskji li s-CSD jiffaċċja sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-operazzjonijiet kritiċi, tal-anqas f'każ li l-post prinċipali tan-negozju ma jkunx disponibbli.

Is-sit tal-ipproċessar sekondarju għandu:

(a)

jipprovdi l-livell tas-servizzi neċessarji biex ikun żgurat li s-CSD iwettaq l-operazzjonijiet kritiċi tiegħu fl-objettiv tal-ħin ta' rkupru;

(b)

ikun f'distanza ġeografika mis-sit tal-ipproċessar primarju li jippermetti lis-sit tal-ipproċessar sekondarju jkollu profil ta' riskju distint u jżommu milli jkun affettwat mill-avveniment li jaffettwa s-sit tal-ipproċessar primarju;

(c)

ikun aċċessibbli immedjatament mill-persunal tas-CSD sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-operazzjonijiet kritiċi tiegħu fejn is-sit tal-ipproċessar primarju ma jkunx disponibbli.

4.   CSD għandu jiżviluppa u jżomm proċeduri dettaljati u pjanijiet dwar:

(a)

l-identifikazzjoni, ir-reġistrazzjoni u r-rapportar tal-avvenimenti ta' tfixkil kollha għall-operazzjonijiet tas-CSD;

(b)

miżuri ta' reazzjoni għall-inċidenti operattivi u sitwazzjonijiet ta' emerġenza;

(c)

il-valutazzjoni tad-danni, u l-pjanijiet xierqa għall-attivazzjoni tal-miżuri ta' reazzjoni msemmija fil-punt (b);

(d)

l-immaniġġjar tal-kriżijiet u l-komunikazzjonijiet, inklużi punti ta' kuntatt xierqa, sabiex tkun żgurata t-trażmissjoni ta' informazzjoni affidabbli u aġġornata lill-partijiet interessati rilevanti u l-awtorità kompetenti;

(e)

l-attivazzjoni u t-tranżizzjoni għal siti operazzjonali u kummerċjali alternattivi;

(f)

l-irkupru tal-IT, inkluża l-attivazzjoni tas-sit tal-ipproċessar tal-IT sekondarju u s-sostituzzjoni.

Artikolu 79

L-ittestjar u l-monitoraġġ

CSD għandu jimmonitorja l-politika tiegħu ta' kontinwità tan-negozju u l-pjan ta' rkupru minn diżastru u jittestjahtom tal-anqas darba fis-sena. Is-CSD għandu jittestja wkoll il-politika ta' kontinwità tan-negozju u l-pjan ta' rkupru minn diżastri wara tibdil sostantiv fis-sistemi jew fl-operazzjonijiet relatati sabiex ikun żgurat li s-sistemi u l-operazzjonijiet jilħqu l-objettivi tas-CSD. Is-CSD għandu jippjana u jiddokumenta dawn it-testijiet, li għandhom jinkludu:

(a)

xenarji ta' diżastri fuq skala kbira;

(b)

kommutazzjonijiet bejn is-sit tal-ipproċessar primarju u s-sit tal-ipproċessar sekondarju;

(c)

il-parteċipazzjoni ta', kif xieraq:

(i)

utenti tas-CSD;

(ii)

fornituri ta' utilitajiet kritiċi u servizzi kritiċi;

(iii)

CSDs oħra;

(iv)

infrastrutturi oħra tas-suq;

(v)

kwalunkwe istituzzjoni oħra li magħha ġew identifikati interdipendenzi fil-politika ta' kontinwità tan-negozju.

Artikolu 80

Manutenzjoni

1.   CSD għandu jirrieżamina u jaġġorna regolarment il-politika ta' kontinwità tan-negozju tiegħu u pjan ta' rkupru minn diżastru. Ir-rieżami għandu jinkludi l-operazzjonijiet kritiċi kollha tas-CSD u jipprevedi l-aktar strateġija ta' rkupru xierqa għal dawn l-operazzjonijiet.

2.   Meta jaġġorna l-politika ta' kontinwità tan-negozju u l-pjan ta' rkupru minn diżastru, CSD għandu jqis l-eżitu tat-testijiet u r-rakkomandazzjonijiet mir-rieżamijiet tal-awditjar u mill-awtorità kompetenti.

3.   CSD għandu jirrieżamina l-politika ta' kontinwità tan-negozju u l-pjan ta' kupru minn diżastru tiegħu wara kull tfixkil sinifikanti tal-operazzjonijiet tiegħu. Dak ir-rieżami għandu jidentifika l-kawżi tat-tfixkil u kwalunkwe titjib meħtieġ għall-operazzjonijiet tas-CSD, il-politika ta' kontinwità tan-negozju u l-pjan ta' rkupru minn diżastru.

KAPITOLU XI

POLITIKA TA' INVESTIMENT

(L-Artikolu 46(2), (3) u (5) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014)

Artikolu 81

Strumenti likwidi ħafna b'riskju minimu tas-suq u tal-kreditu

1.   L-istrumenti finanzjarji għandhom jitqiesu likwidi ħafna b'riskju minimu tal-kreditu u tas-suq fejn ikunu strumenti ta' dejn li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

jinħarġu u jiġu ggarantiti minn:

(i)

gvern;

(ii)

bank ċentrali;

(iii)

bank ta' żvilupp multiliterali kif imniżżel fl-Artikolu 117 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8);

(iv)

il-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja jew il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà;

(b)

is-CSD jista' juri lill-awtorità kompetenti li l-istrumenti finanzjarji għandhom livell baxx ta' riskju tal-kreditu u tas-suq abbażi ta' valutazzjoni interna mis-CSD.

(c)

dawn huma denominati fi kwalunkwe mill-muniti li ġejjin:

(i)

munita li fiha t-transazzjonijiet huma saldati fis-sistema ta' saldu tat-titoli mħaddma mis-CSD;

(ii)

kwalunkwe munita oħra li r-riskji tagħha jistgħu jiġu mmaniġġjati mis-CSD.

(d)

ikunu trasferibbli liberament u mingħajr ebda restrizzjoni regolatorja jew pretensjonijiet ta' parti terza li jxekklu l-likwidazzjoni;

(e)

ikollhom suq attiv ta' bejgħ dirett jew ta' riakkwist, bi grupp divers ta' xerrejja u bejjiegħa, inkluż f'kundizzjonijiet ta' stress u li s-CSD jista' juri aċċess affidabbli għalihom;

(f)

dejta affidabbli dwar il-prezzijiet ta' dawn l-istrumenti tkun disponibbli pubblikament fuq bażi regolari;

Għall-finijiet tal-punt (b), fit-twettiq tal-valutazzjoni, is-CSD għandu japplika metodoloġija definita u oġġettiva li ma għandhiex tiddependi esklussivament fuq l-opinjonijiet esterni u li tqis ir-riskju li jirriżulta mill-istabbiliment tal-emittent f'pajjiż partikolari;

2.   Bħala deroga għall-paragrafu 1, il-kuntratti tad-derivattivi għandhom jitqiesu bħala strumenti finanzjarji likwidi ħafna b'riskju minimu tal-kreditu u tas-suq fejn jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

jiġu konklużi għall-fini tal-iħħeġġjar tar-riskju tal-munita li jirriżulta mill-saldu f'aktar minn munita waħda fis-sistema ta' saldu tat-titoli mħaddma mis-CSD jew ir-riskju tar-rata ta' imgħax li jista' jaffettwa l-assi tas-CSD u, fiż-żewġ każijiet, jikkwalifikaw bħala kuntratt tal-iħħeġġjar skont l-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju (IFRS) adottati skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9);

(b)

dejta affidabbli tal-prezzijiet tiġi ppubblikata fuq bażi regolari għal dawk il-kuntratti tad-derivattivi;

(c)

jiġu konklużi għall-perjodu speċifiku ta' żmien neċessarju biex jitnaqqas ir-riskju tal-munita jew tar-rata tal-imgħax li jkun espost għalih is-CSD.

Artikolu 82

Skeda ta' żmien xierqa għall-aċċess għall-assi

1.   CSD għandu jkollu aċċess immedjat u bla kundizzjonijiet għall-assi fi flus.

2.   CSD għandu jkollu aċċess għall-istrumenti finanzjarji fl-istess jum ta' negozju meta tittieħed deċiżjoni biex jiġu likwidati l-istrumenti finanzjarji.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2, is-CSD għandu jkollu fis-seħħ proċeduri li jiżguraw li s-CSD ikun jista' jaċċessa flus u strumenti finanzjarji fl-oqsfa ta' żmien stipulati fihom. Is-CSD għandu jinforma lill-awtorità kompetenti dwar kwalunkwe bidla f'dawn il-proċeduri skont l-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 u għandu jikseb il-validazzjoni tagħha qabel jimplimenta dik il-bidla.

Artikolu 83

Limiti ta' konċentrazzjoni għall-entitajiet individwali

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 46(5) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, CSD għandu jżomm l-assi finanzjarji tiegħu f'istituzzjonijiet ta' kreditu awtorizzati diversifikati jew CSDs awtorizzati sabiex jibqgħu fi ħdan limiti ta' konċentrazzjoni aċċettabbli.

2.   Għall-finijiet tal-Artikolu 46(5) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, limiti ta' konċentrazzjoni aċċettabbli għandhom jiġu ddeterminati abbażi ta' dan li ġej:

(a)

id-distribuzzjoni ġeografika tal-entitajiet li magħhom is-CSD iżomm l-assi finanzjarji tiegħu;

(b)

ir-relazzjonijiet ta' interdipendenza li l-entità li żżomm l-assi finanzjarji jew l-entitajiet tal-grupp tagħha jista' jkollhom mas-CSD;

(c)

il-livell ta' riskju tal-kreditu tal-entità li żżomm l-assi finanzjarji.

KAPITOLU XII

KONNESSJONIJIET TA' CSDs

(L-Artikolu 48(3), (5), (6) u (7) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014)

Artikolu 84

Kundizzjonijiet għall-protezzjoni adegwata tas-CSDs konnessi u tal-parteċipanti tagħhom

1.   Konnessjoni ta' CSD għandha tkun stabbilita u miżmuma taħt il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

is-CSD li jagħmel it-talba għandu jissodisfa r-rekwiżiti tar-regoli ta' parteċipazzjoni tas-CSD li jirċievi t-talba;

(b)

is-CSD li jagħmel it-talba għandu jwettaq analiżi tas-solidità finanzjarja, l-arranġamenti ta' governanza, il-kapaċità tal-ipproċessar, l-affidabbiltà operazzjonali u kwalunkwe dipendenza fuq fornitur terz ta' servizz kritiku;

(c)

is-CSD li jagħmel it-talba għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jimmonitorja u jimmaniġġja r-riskji li jiġu identifikati wara l-analiżi msemmija fil-punt (b);

(d)

is-CSD li jagħmel it-talba għandu jqiegħed it-termini u l-kundizzjonijiet legali u operazzjonali tal-arranġament ta' konnessjoni għad-dispożizzjoni tal-parteċipanti tiegħu sabiex ikunu jistgħu jivvalutaw u jimmaniġġjaw ir-riskji involuti;

(e)

qabel l-istabbiliment ta' konnessjoni ta' CSD ma' CSD ta' pajjiż terz, is-CSD li jagħmel it-talba għandu jwettaq valutazzjoni tal-leġiżlazzjoni lokali applikabbli għas-CSD li jirċievi t-talba;

(f)

is-CSDs konnessi għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità ta' informazzjoni f'konnezzjoni mat-tħaddim tal-konnessjoni. Il-kapaċità li tiġi żgurata l-kunfidenzjalità għandha tkun ippruvata mill-informazzjoni pprovduta mis-CSDs, inklużi kwalunkwe opinjonijiet jew arranġamenti legali rilevanti;

(g)

is-CSDs konnessi għandhom jiftiehmu dwar standards u proċeduri allinjati li jikkonċernaw il-kwistjonijiet operattivi u l-komunikazzjoni skont l-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(h)

qabel ma ssir operazzjonali l-konnessjoni, is-CSDs li jagħmlu t-talba u li jirċievu t-talba għandhom:

(i)

iwettqu testijiet mill-bidu sal-aħħar;

(ii)

jistabbilixxu pjan ta' emerġenza, bħala parti mill-pjanijiet ta' kontinwità tan-negozju tas-CSDs rispettivi, filwaqt li jidentifikaw is-sitwazzjonijiet fejn is-sistemi ta' saldu tat-titoli taż-żewġ CSDs ikollhom il-ħsara jew jaħdmu ħażin u jipprevedu l-azzjonijiet ta' rimedju ppjanati jekk iseħħu dawn is-sitwazzjonijiet;

(i)

l-arranġamenti kollha ta' konnessjoni għandhom jiġu rieżaminati tal-anqas kull sena mis-CSD li jirċievi t-talba u s-CSD li jagħmel it-talba filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi rilevanti kollha, inklużi l-iżviluppi tas-suq u tal-IT, kif ukoll kwalunkwe żviluppi fil-leġiżlazzjoni lokali msemmija fil-punt (e);

(j)

għal konnessjonijiet ta' CSDs li ma jipprevedux saldu DVP, ir-rieżami annwali msemmi fil-punt (i) għandu jinkludi wkoll valutazzjoni ta' kwalunkwe żvilupp li jista' jippermetti appoġġ għas-saldu DVP.

Għall-finijiet tal-punt (e), fit-twettiq tal-valutazzjoni, is-CSD għandu jiżgura li t-titoli miżmuma fis-sistema ta' saldu tat-titoli mħaddma mis-CSD li jirċievi t-talba jibbenefikaw minn livell ta' protezzjoni tal-assi mqabbel ma' dak żgurat mir-regoli applikabbli għas-sistema ta' saldu tat-titoli mħaddma mis-CSD li jagħmel it-talba. Is-CSD li jagħmel it-talba għandu jirrikjedi mis-CSD ta' pajjiż terz valutazzjoni legali li tindirizza l-kwistjonijiet li ġejjin:

(i)

l-intitolament tas-CSD li jagħmel it-talba għat-titoli, inkluża l-liġi applikabbli għal aspetti proprjetarji, in-natura tad-drittijiet tas-CSD li jagħmel it-talba fuq it-titoli, il-possibbiltà tal-limitazzjoni tat-titoli;

(ii)

l-impatt tal-proċedimenti ta' insolvenza miftuħa kontra s-CSD li jirċievi t-talba ta' pajjiż terz fuq is-CSD li jagħmel it-talha fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta' segregazzjoni, il-finalità tas-saldu, il-proċeduri u l-limiti ta' żmien biex jinġabru t-titoli fil-pajjiż terz rilevanti.

2.   Flimkien mal-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, konnessjoni ta' CSD li tipprevedi saldu DVP għandha tiġi stabbilita u miżmuma taħt il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

is-CSD li jagħmel it-talba għandu jivvaluta u jimmitiga r-riskji addizzjonali li jirriżultaw mis-saldu fi flus;

(b)

CSD li ma jkunx awtorizzat li jipprovdi servizzi anċillari tat-tip bankarju skont l-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, u li jkun involut fl-eżekuzzjoni tas-saldu fi flus f'isem il-parteċipanti tiegħu, ma għandux jirċievi kreditu u għandu juża l-mekkaniżmi ta' prefinanzjament koperti mill-parteċipanti tiegħu fir-rigward tas-saldi DVP li jridu jiġu pproċessati permezz tal-konnessjoni;

(c)

CSD li juża intermedjarju għas-saldu fi flus għandu jiżgura li l-intermedjarju jwettaq dak is-saldu b'mod effiċjenti. Is-CSD għandu jwettaq rieżamijiet annwali tal-arranġamenti ma' dak l-intermedjarju.

3.   Flimkien mal-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, għandha tiġi stabbilita u miżmuma konnessjoni interoperabbli taħt il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

is-CSDs konnessi għandhom jaqblu dwar standards ekwivalenti li jikkonċernaw ir-rikonċiljazzjoni, il-ħinijiet tal-ftuħ għall-ipproċessar tas-saldu u tal-azzjonijiet korporattivi u l-ħinijiet ta' qtugħ;

(b)

is-CSDs konnessi għandhom jistabbilixxu proċeduri u mekkaniżmi ekwivalenti għat-trażmissjoni ta' struzzjonijiet ta' saldu biex jiżguraw ipproċessar xieraq, sigur u dirett tal-istruzzjonijiet ta' saldu;

(c)

fejn ikun hemm konnessjoni interoperabbli li tappoġġja saldu DVP, is-CSDs konnessi għandhom jirriflettu, tal-anqas kuljum u mingħajr dewmien żejjed, ir-riżultati tas-saldu fil-kotba tagħhom;

(d)

is-CSDs konnessi għandhom jaqblu dwar il-mudelli ekwivalenti ta' mmaniġġjar tar-riskju;

(e)

is-CSDs konnessi għandhom jaqblu dwar regoli u proċeduri ekwivalenti ta' kontinġenza u inadempjenza msemmija fl-Artikolu 41 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014.

Artikolu 85

Il-monitoraġġ u l-immaniġġjar tar-riskji addizzjonali li jirriżultaw mill-użu ta' konnessjonijiet indiretti jew intermedjarji li joperaw konnessjonijiet ta' CSDs

1.   Minbarra l-konformità mar-rekwiżiti skont l-Artikolu 84, fejn CSD li jagħmel it-talba juża konnessjoni indiretta jew intermedjarja biex iħaddem konnessjoni ta' CSD, huwa għandu jiżgura li:

(a)

l-intermedjarju huwa wieħed minn dawn li ġejjin:

(i)

istituzzjoni ta' kreditu kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu(4)(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 li tikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin:

tikkonforma mal-Artikolu 38(5) u (6) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 jew mar-rekwiżiti ta' segregazzjoni u divulgazzjoni tal-anqas ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 38(5) u (6) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 fejn il-konnessjoni hija stabbilita ma' CSD ta' pajjiż terz;

tiżgura aċċess f'waqtu mis-CSD li jagħmel it-talba għat-titoli tas-CSD li jagħmel it-talba meta jkun meħtieġ;

għandha riskju ta' kreditu baxx, li għandu jiġi stabbilit f'valutazzjoni interna mis-CSD li jagħmel it-talba billi juża metodoloġija definita u oġġettiva li ma tiddependix esklussivament fuq opinjonijiet esterni;

(ii)

istituzzjoni finanzjarja ta' pajjiż terz li tikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin:

hija soġġetta għal u tikkonforma mar-regoli prudenzjali tal-anqas ekwivalenti għal dawk stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013;

għandha prattiki tal-kontabilità, proċeduri ta' salvagwardja, u kontrolli interni robusti;

tikkonforma mal-Artikolu 38(5) u (6) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 jew mar-rekwiżiti ta' segregazzjoni u divulgazzjoni tal-anqas ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 38(5) u (6) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 fejn il-konnessjoni hija stabbilita ma' CSD ta' pajjiż terz;

tiżgura aċċess f'waqtu mis-CSD li jagħmel it-talba għat-titoli tas-CSD li jagħmel it-talba meta jkun meħtieġ;

għandha riskju ta' kreditu baxx ibbażat fuq valutazzjoni interna mis-CSD li jagħmel it-talba billi juża metodoloġija definita u oġġettiva li ma tiddependix esklussivament fuq opinjonijiet esterni;

(b)

l-intermedjarju huwa konformi mar-regoli u r-rekwiżiti tas-CSD li jagħmel it-talba, kif muri mill-informazzjoni pprovduta minn dak l-intermedjarju, inklużi kwalunkwe opinjonijiet jew arranġamenti legali rilevanti;

(c)

l-intermedjarju jiżgura l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni dwar it-tħaddim tal-konnessjoni ta' CSD, kif muri mill-informazzjoni pprovduta minn dak l-intermedjarju, inklużi kwalunkwe opinjonijiet jew arranġamenti legali rilevanti;

(d)

l-intermedjarju għandu l-kapaċità operazzjonali u s-sistemi għal:

(i)

l-immaniġġjar tas-servizzi pprovduti lis-CSD li jagħmel it-talba;

(ii)

l-għoti lis-CSD ta' kwalunkwe informazzjoni rilevanti għas-servizzi pprovduti fir-rigward tal-konnessjoni ta' CSD b'mod f'waqtu;

(iii)

il-konformità mal-miżuri ta' rikonċiljazzjoni skont l-Artikolu 86 u l-Kapitolu IX;

(e)

l-intermedjarju jaderixxi u jikkonforma mal-politiki u l-proċeduri tal-immaniġġjar tar-riskju tas-CSD li jagħmel it-talba u għandu kompetenza xierqa tal-immaniġġjar tar-riskju;

(f)

l-intermedjarju stabbilixxa miżuri li jinkludu l-politiki ta' kontinwità tan-negozju u pjanijiet assoċjati ta' kontinwità tan-negozju u rkupru minn diżastru, biex jiżgura l-kontinwità tas-servizzi tiegħu, l-irkupru f'waqtu tal-operazzjonijiet u t-twettiq tal-obbligi tiegħu fl-avvenimenti li joħolqu riskju sinifikanti ta' tfixkil tal-operazzjonijiet tiegħu;

(g)

l-intermedjarju għandu riżorsi finanzjarji suffiċjenti biex iwettaq l-obbligi tiegħu lejn is-CSD li jagħmel it-talba u biex ikopri kwalunkwe telf li għalih jista' jinżamm responsabbli;

(h)

jintuża kont segregat individwalment fis-CSD li jagħmel it-talba għall-operazzjonijiet tal-konnessjoni ta' CSD;

(i)

il-kundizzjoni msemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 84(1) tkun ssodisfata;

(j)

is-CSD li jagħmel it-talba jiġi infurmat bl-arranġamenti ta' kontinwità bejn l-intermedjarju u s-CSD li jirċievi t-talba;

(k)

id-dħul mis-saldu jiġi ttrasferit minnufih lis-CSD li jagħmel it-talba.

Għall-finijiet tal-ewwel inċiż fil-punt (a)(i), it-tielet inċiż fil-punt (a)(ii) u l-punt (h), is-CSD li jagħmel it-talba għandu jiżgura li jkun jista' jkollu aċċess għat-titoli miżmuma fil-kont segregat individwalment fi kwalunkwe ħin. Meta kont segregat individwalment fis-CSD li jirċievi t-talba ma jkunx madankollu disponibbli għall-operazzjonijiet ta' konnessjoni ta' CSD stabbilita ma' CSD ta' pajjiż terz, is-CSD li jagħmel it-talba għandu jinforma lill-awtorità kompetenti tiegħu dwar ir-raġunijiet li jiġġustifikaw in-nuqqas ta' disponibbiltà ta' kontijiet segregati individwalment u għandu jipprovdiha bid-dettalji dwar ir-riskji li jirriżultaw min-nuqqas ta' disponibbiltà ta' kontijiet segregati individwalment. Is-CSD li jagħmel it-talba għandu, fi kwalunkwe każ, jiżgura livell adegwat ta' protezzjoni tal-assi tiegħu miżmuma mas-CSD ta' pajjiż terz.

2.   Minbarra l-konformità mar-rekwiżiti skont il-paragrafu 1, meta CSD li jagħmel it-talba juża intermedjarju biex iħaddem konnessjoni ta' CSD u dak l-intermedjarju jħaddem il-kontijiet tat-titoli tas-CSD li jagħmel it-talba f'ismu fil-kotba tas-CSD li jirċievi t-talba, is-CSD li jagħmel it-talba għandu jiżgura li:

(a)

l-intermedjarju ma jkollu ebda dritt għat-titoli miżmuma;

(b)

il-kont fil-kotba tas-CSD li jirċievi t-talba jinfetaħ f'isem tas-CSD li jagħmel it-talba u l-obbligazzjonijiet fir-rigward tar-reġistrazzjoni, it-trasferiment u l-kustodja tat-titoli jistgħu jiġu infurzati biss bejn iż-żewġ CSDs;

(c)

is-CSD li jagħmel it-talba jkun jista' jaċċessa immedjatament it-titoli miżmuma mas-CSD li jirċievi t-talba, inkluż fil-każ ta' bidla jew insolvenza tal-intermedjarju.

3.   CSDs li jagħmlu t-talba msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom iwettqu diliġenza annwali dovuta sabiex jiżguraw li l-kundizzjonijiet imsemmija fihom jiġu ssodisfati.

Artikolu 86

Proċeduri ta' rikonċiljazzjoni għas-CSDs konnessi

1.   Il-proċeduri ta' rikonċiljazzjoni msemmija fl-Artikolu 48(6) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 għandhom jinkludu l-miżuri li ġejjin;

(a)

is-CSD li jirċievi t-talba għandu jibgħat dikjarazzjonijiet ta' kuljum lis-CSD li jagħmel it-talba b'informazzjoni li tispeċifika dan li ġej, għal kull kont tat-titoli u għal kull ħruġ tat-titoli:

(i)

il-bilanċ tal-ftuħ aggregat;

(ii)

il-movimenti individwali matul il-jum;

(iii)

il-bilanċ tal-għeluq aggregat;

(b)

is-CSD li jagħmel it-talba għandu jwettaq paragun ta' kuljum tal-bilanċ tal-ftuħ u l-bilanċ tal-għeluq ikkomunikati lilu mis-CSD li jirċievi t-talba jew mill-intermedjarju bir-rekords miżmuma mis-CSD li jagħmel it-talba nnifsu.

Fil-każ ta' konnessjoni indiretta, id-dikjarazzjonijiet ta' kuljum imsemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu għandhom jiġu trażmessi permezz tal-intermedjarju msemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 85(1).

2.   Fejn CSD jissospendi ħruġ tat-titoli għas-saldu skont l-Artikolu 65(2), is-CSDs kollha li huma parteċipanti ta' jew ikollhom konnessjoni indiretta ma' dak is-CSD, inkluż fil-każ ta' konnessjonijiet interoperabbli, għandhom sussegwentement jissospendu l-ħruġ tat-titoli għas-saldu.

Fejn l-intermedjarji jkunu involuti fl-operazzjoni ta' konnessjonijiet ta' CSDs, dawk l-intermedjarji għandhom jistabbilixxu arranġamenti kuntrattwali xierqa mas-CSDs ikkonċernati sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-ewwel subparagrafu.

3.   Fil-każ ta' azzjoni korporattiva li tnaqqas il-bilanċi ta' kontijiet tat-titoli miżmuma minn CSD investitur ma' CSD ieħor, l-istruzzjonijiet ta' saldu fil-ħruġ tat-titoli rilevanti ma għandhomx jiġu pproċessati mis-CSD investitur sakemm l-azzjoni korporattiva tkun ġiet ipproċessata kompletament mis-CSD l-ieħor.

Fil-każ ta' azzjoni korporattiva li tnaqqas il-bilanċi ta' kontijiet tat-titoli miżmuma minn CSD investitur ma' CSD ieħor, is-CSD investitur ma għandux jaġġorna l-kontijiet tat-titoli li jżomm biex jirrifletti l-azzjoni korporattiva sakemm l-azzjoni korporattiva tkun ġiet ipproċessata kompletament mis-CSD l-ieħor.

CSD emittent għandu jiżgura t-trażmissjoni f'waqtha lill-parteċipanti kollha tiegħu, inklużi CSDs investituri, ta' informazzjoni dwar l-ipproċessar ta' azzjonijiet korporattivi għal ħruġ speċifiku tat-titoli. Is-CSDs investituri għandhom imbagħad jittrażmettu l-informazzjoni lill-parteċipanti tagħhom. Din it-trażmissjoni għandha tinkludi l-informazzjoni kollha neċessarja għas-CSDs investituri biex jirriflettu b'mod adegwat l-eżitu ta' dawk l-azzjonijiet korporattivi fil-kontijiet tat-titoli li jżommu.

Artikolu 87

Saldu DVP permezz ta' konnessjonijiet ta' CSD

Is-saldu ta' Kunsenja bi ħlas (DVP) għandu jitqies bħala prattiku u fattibbli fejn:

(a)

ikun hemm domanda tas-suq għas-saldu DVP ippruvata permezz ta' talba minn xi wieħed mill-kumitati tal-utenti ta' wieħed mis-CSDs konnessi;

(b)

Is-CSDs konnessi jistgħu jitolbu l-ħlas ta' tariffa kummerċjali raġonevoli għall-għoti tas-saldu DVP, fuq il-bażi ta' kost b'addenda, sakemm ma jsirx qbil ieħor mis-CSDs konnessi;

(c)

hemm aċċess sikur u effiċjenti għall-flus fil-muniti użati mis-CSD li jirċievi t-talba għat-tranżazzjonijiet tas-saldu tat-titoli tas-CSD li jagħmel it-talba u l-parteċipanti tiegħu.

KAPITOLU XIII

AĊĊESS GĦAL CSD

(L-Artikoli 33(5), 49(5), 52(3) u 53(4) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014)

Artikolu 88

Partijiet li jirċievu t-talba u li jagħmlu t-talba

1.   Għall-finijiet ta' dan il-Kapitolu, parti li tirċievi t-talba għandha tinkludi waħda mill-entitajiet li ġejjin:

(a)

CSD li jirċievi t-talba kif definit fil-punt (5) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, fir-rigward tal-paragrafi 1, 4, 9, 13 u 14 tal-Artikolu 89 u l-Artikolu 90 ta' dan ir-Regolament;

(b)

CSD li jirċievi talba minn parteċipant, emittent, kontroparti ċentrali (CCP) jew post tan-negozjar li jkollu aċċess għas-servizzi tiegħu skont l-Artikoli 33(2), 49(2) u 53(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 fir-rigward tal-paragrafi 1 sa 3, 5 sa 8 u 10 sa 14 tal-Artikolu 89 u l-Artikolu 90 ta' dan ir-Regolament.

(c)

CCP li tirċievi talba minn CSD biex ikollu aċċess għall-aġġornamenti dwar it-tranżazzjonijiet tagħha skont l-Artikolu 53(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 fir-rigward tal-Artikolu 90 ta' dan ir-Regolament.

(d)

ċentru tan-negozjar li jirċievi talba minn CSD biex ikollu aċċess għall-aġġornamenti dwar it-tranżazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 53(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 fir-rigward tal-Artikolu 90 ta' dan ir-Regolament.

2.   Għall-finijiet ta' dan il-Kapitolu, parti li tagħmel it-talba għandha tinkludi waħda mill-entitajiet li ġejjin:

(a)

CSD li jagħmel it-talba kif definit fil-punt (6) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, fir-rigward tal-paragrafi 1, 4, 9, u 13 tal-Artikolu 89 u l-Artikolu 90 ta' dan ir-Regolament;

(b)

parteċipant, emittent, CCP jew post tan-negozjar li jitlob aċċess għas-sistema ta' saldu tat-titoli mħaddma minn CSD jew għal servizzi oħra pprovduti mis-CSD skont l-Artikoli 33(2), 49(2) u 53(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 fir-rigward tal-paragrafi 1 sa 3, 5 sa 8 u 10 sa 14 tal-Artikolu 89 u l-Artikolu 90 ta' dan ir-Regolament;

(c)

CSD li jitlob aċċess għall-aġġornamenti dwar it-tranżazzjonijiet ta' CCP skont l-Artikolu 53(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 fir-rigward tal-Artikolu 90 ta' dan ir-Regolament;

(d)

CSD li jitlob aċċess għall-aġġornamenti dwar it-tranżazzjonijiet ta' ċentru tan-negozjar skont l-Artikolu 53(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 fir-rigward tal-Artikolu 90 ta' dan ir-Regolament.

TAQSIMA 1

Kriterji li jiġġustifikaw ir-rifjut ta' aċċess

(L-Artikoli 33(3), 49(3), 52(2) u 53(3) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014)

Artikolu 89

Riskji li għandhom jitqiesu mis-CSDs u l-awtoritajiet kompetenti

1.   Fejn, skont l-Artikoli 33(3), 49(3), 52(2) jew 53(3) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, CSD iwettaq valutazzjoni komprensiva tar-riskju wara talba għal aċċess minn parteċipant li jagħmel it-talba, emittent, CSD li jagħmel it-talba, CCP jew post tan-negozjar, kif ukoll meta awtorità kompetenti tivvaluta r-raġunijiet għar-rifjut mis-CSD li jipprovdi s-servizzi, dawn għandhom iqisu r-riskji li ġejjin li jirriżultaw mill-aċċess għas-servizzi tas-CSD:

(a)

riskji legali;

(b)

riskji finanzjarji;

(c)

riskji operazzjonali.

2.   Fil-valutazzjoni tar-riskji legali wara talba għal aċċess minn parteċipant li jagħmel it-talba, CSD u l-awtorità kompetenti tiegħu għandhom iqisu l-kriterji li ġejjin:

(a)

il-parteċipant li jagħmel it-talba ma jistax jikkonforma mar-rekwiżiti legali għall-parteċipazzjoni fis-sistema ta' saldu tat-titoli mħaddma mis-CSD, jew ma jipprovdix lis-CSD bl-informazzjoni meħtieġa biex is-CSD jivvaluta l-konformità, inklużi kwalunkwe opinjonijiet legali jew arranġamenti legali meħtieġa;

(b)

il-parteċipant li jagħmel it-talba ma jistax jiżgura, skont ir-regoli applikabbli fl-Istat Membru tad-domiċilju tas-CSD, il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni pprovduta permezz tas-sistema ta' saldu tat-titoli, jew ma jipprovdix lis-CSD bl-informazzjoni meħtieġa biex is-CSD jivvaluta l-abilità tiegħu li jikkonforma ma' dawk ir-regoli dwar il-kunfidenzjalità, inklużi kwalunkwe opinjonijiet legali jew arranġamenti legali meħtieġa;

(c)

fejn parteċipant li jagħmel it-talba jkun stabbilita f'pajjiż terz, kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(i)

il-parteċipant li jagħmel it-talba ma jkunx soġġett għal qafas regolatorju u superviżorju komparabbli mal-qafas regolatorju u superviżorju li kien ikun applikabbli għall-parteċipant li jagħmel it-talba li kieku kien stabbilit fl-Unjoni:

(ii)

ir-regoli tas-CSD dwar il-finalità tas-saldu msemmija fl-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 mhumiex infurzabbli fil-ġuriżdizzjoni tal-parteċipant li jagħmel it-talba.

3.   Fil-valutazzjoni tar-riskji legali wara t-talba tal-emittent għar-reġistrazzjoni tat-titoli tiegħu fis-CSD skont l-Artikolu 49(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, is-CSD u l-awtorità kompetenti tiegħu għandhom iqisu l-kriterji li ġejjin:

(a)

l-emittent ma jistax jikkonforma mar-rekwiżiti legali għall-provvista ta' servizzi mis-CSD;

(b)

l-emittent ma jistax jiggarantixxi li t-titoli nħarġu b'mod li jippermetti lis-CSD jiżgura l-integrità tal-kwistjoni skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014.

4.   Fil-valutazzjoni tar-riskji legali wara talba għal aċċess minn CSD li jagħmel it-talba, is-CSD li jirċievi t-talba u l-awtorità kompetenti tiegħu għandhom iqisu l-kriterji stabbiliti fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 2.

5.   Fil-valutazzjoni tar-riskji legali wara talba għal aċċess minn CCP, CSD u l-awtorità kompetenti tiegħu għandhom iqisu l-kriterji stabbiliti fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 2.

6.   Fil-valutazzjoni tar-riskji legali wara talba għal aċċess minn post tan-negozjar, CSD u l-awtorità kompetenti tiegħu għandhom iqisu l-kriterji li ġejjin:

(a)

il-kriterji stabbiliti fil-punt (b) tal-paragrafu 2;

(b)

meta post tan-negozjar ikun stabbilit f'pajjiż terz, il-post tan-negozjar li jagħmel it-talba ma jkunx soġġett għal qafas regolatorju u superviżorju komparabbli mal-qafas regolatorju u superviżorju applikabbli għal post tan-negozjar fl-Unjoni;

7.   Fil-valutazzjoni tar-riskji finanzjarji wara talba għal aċċess minn parteċipant li jagħmel it-talba, CSD u l-awtorità kompetenti tiegħu għandhom iqisu jekk il-parteċipant li jagħmel it-talba għandux riżorsi finanzjarji suffiċjenti biex iwettaq l-obbligi kuntrattwali tiegħu lejn is-CSD.

8.   Fil-valutazzjoni tar-riskji finanzjarji wara t-talba tal-emittent għar-reġistrazzjoni tat-titoli tiegħu f'CSD skont l-Artikolu 49(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, CSD u l-awtorità kompetenti tiegħu għandhom iqisu l-kriterju stabbilit fil-paragrafu 7.

9.   Fil-valutazzjoni tar-riskji finanzjarji wara talba għal aċċess minn CSD li jagħmel it-talba, is-CSD li jirċievi t-talba u l-awtorità kompetenti tiegħu għandhom iqisu l-kriterju stabbilit fil-paragrafu 7.

10.   Fil-valutazzjoni tar-riskji finanzjarji wara talba għal aċċess minn CCP jew post tan-negozjar, CSD u l-awtorità kompetenti tiegħu għandhom iqisu l-kriterju stabbilit fil-paragrafu 7.

11.   Fil-valutazzjoni tar-riskji operazzjonali wara talba għal aċċess minn parteċipant li jagħmel it-talba, CSD u l-awtorità kompetenti tiegħu għandhom iqisu l-kriterji li ġejjin:

(a)

il-parteċipant li jagħmel it-talba ma għandux il-kapaċità operazzjonali biex jipparteċipa fis-CSD;

(b)

il-parteċipant li jagħmel it-talba ma jikkonformax mar-regoli tal-immaniġġjar tar-riskju tas-CSD li jirċievi t-talba, jew ma għandux il-kompetenza meħtieġa f'dan ir-rigward;

(c)

il-parteċipant li jagħmel it-talba ma jkunx stabbilixxa politiki ta' kontinwità tan-negozju jew pjanijiet ta' rkupru minn diżastru;

(d)

l-għoti ta' aċċess jirrikjedi li s-CSD li jirċievi t-talba jwettaq tibdil sinifikanti tal-operazzjonijiet tiegħu li jaffetwaw il-proċeduri tal-immaniġġjar tar-riskju tiegħu u li jipperikolaw l-funzjonament bla xkiel tas-sistema ta' saldu tat-titoli mħaddma mis-CSD li jirċievi t-talba, inkluża l-implimentazzjoni tal-ipproċessar manwali kontinwu mis-CSD.

12.   Fil-valutazzjoni tar-riskji operazzjonali wara t-talba tal-emittent għar-reġistrazzjoni tat-titoli tiegħu fis-CSD skont l-Artikolu 49(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, CSD u l-awtorità kompetenti tiegħu għandhom iqisu l-kriterji li ġejjin:

(a)

il-kriterju stabbilit fil-punt (d) tal-paragrafu 11;

(b)

is-sistema ta' saldu tat-titoli mħaddma mis-CSD ma tistax tipproċessal-muniti mitluba mill-emittent.

13.   Fil-valutazzjoni tar-riskji operazzjonali wara talba għal aċċess minn CSD li jagħmel it-talba, jew CCP, is-CSD li jirċievi t-talba u l-awtorità kompetenti tiegħu għandhom iqisu l-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 11.

14.   Fil-valutazzjoni tar-riskji operazzjonali wara talba għal aċċess minn post tan-negozjar, is-CSD li jirċievi t-talba u l-awtorità kompetenti tiegħu għandhom iqisu tal-anqas il-kriterji stabbiliti fil-punt (d) tal-paragrafu 11.

TAQSIMA 2

Proċedura għar-rifjut ta' aċċess

(L-Artikoli 33(3), 49(4), 52(2) u 53(3) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014)

Artikolu 90

Proċedura

1.   Fil-każ ta' rifjut ta' aċċess, il-parti li tagħmel it-talba għandu jkollha d-dritt li tressaq ilment fi żmien xahar minn meta tirċievi r-rifjut lill-awtorità kompetenti tas-CSD li jirċievi t-talba, CCP jew post tan-negozjar li jkun irrifjuta l-aċċess għalih skont l-Artikoli 33(3), 49(4), 52(2) jew 53(3) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014.

2.   L-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 tista' titlob informazzjoni addizzjonali dwar ir-rifjut ta' aċċess mill-partijiet li jagħmlu t-talba u dawk li jirċievu t-talba.

Ir-reazzjonijiet għat-talba għal informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jintbagħtu lill-awtorità kompetenti fi żmien ġimagħtejn mid-data ta' meta tasal it-talba.

Skont l-Artikolu 53(3) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, fi żmien jumejn ta' negozju mid-data tal-wasla tal-ilment imsemmi fil-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti tal-parti li tirċievi t-talba għandha tittrażmetti l-ilment lill-awtorità rilevanti msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 mill-Istat Membru tal-post ta' stabbiliment tal-parti li tirċievi t-talba.

3.   L-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 għandha tikkonsulta lill-awtoritajiet li ġejjin dwar il-valutazzjoni inizjali tagħha tal-ilment fi żmien xahrejn mid-data ta' meta jasal l-ilment, kif xieraq:

(a)

l-awtorità kompetenti tal-post ta' stabbiliment tal-parteċipant li jagħmel it-talba skont l-Artikolu 33(3) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(b)

l-awtorità kompetenti tal-post ta' stabbiliment tal-emittent li jagħmel it-talba skont l-Artikolu 49(4) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(c)

l-awtorità kompetenti tas-CSD li jagħmel it-talba u l-awtorità rilevanti msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 responsabbli għas-sorveljanza tas-sistema ta' saldu tat-titoli mħaddma mis-CSD li jagħmel it-talba skont l-Artikoli 52(2) u 53(3) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(d)

l-awtorità kompetenti tas-CCP li tagħmel it-talba jew il-post tan-negozjar skont l-Artikolu 53(3) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 u l-awtorità rilevanti msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 responsabbli għas-sorveljanza tas-sistemi ta' saldu tat-titoli fl-Istat Membru fejn is-CCP li tagħmel it-talba u l-postijiet tan-negozjar ikunu stabbiliti skont l-Artikolu 53(3) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

4.   L-awtoritajiet imsemmija fil-punti (a) sa (d) tal-paragrafu 3 għandhom iwieġbu fi żmien xahar mid-data tat-talba għall-konsultazzjoni speċifikata fil-paragrafu 3. Meta awtorità msemmija fil-punti (a) sa (d) tal-paragrafu 3 ma tagħtix l-opinjoni tagħha f'dak il-limitu ta' żmien, għandu jitqies li għandha opinjoni pożittiva dwar il-valutazzjoni pprovduta mill-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 3.

5.   L-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinforma lill-awtoritajiet imsemmija fil-punti (a) sa (d) tal-paragrafu 3 dwar il-valutazzjoni finali tagħha tal-ilment fi żmien ġimagħtejn mil-limitu ta' żmien previst fil-paragrafu 4.

6.   Meta waħda mill-awtoritajiet imsemmija fil-punti (a) sa (d) tal-paragrafu 3 ma taqbilx mal-valutazzjoni pprovduta mill-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 1, kwalunkwe waħda minnhom tista' tirreferi l-kwistjoni lill-ESMA fi żmien ġimagħtejn mid-data meta l-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 tipprovdi l-informazzjoni dwar il-valutazzjoni finali tagħha tal-ilment skont il-paragrafu 5.

7.   Meta l-kwistjoni ma tkunx ġiet irreferita lill-ESMA, l-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 għandha tibgħat tweġiba motivata lill-parti li tagħmel it-talba fi żmien jumejn ta' xogħol mil-limitu taż-żmien previst fil-paragrafu 6.

L-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 għandha wkoll tinforma lill-parti li tirċievi t-talba u l-awtoritajiet imsemmija fil-punti (a) sa (d) tal-paragrafu 3 dwar t-tweġiba motivata msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu fi żmien jumejn ta' xogħol mid-data ta' meta hija tibgħat it-tweġiba motivata lill-parti li tagħmel it-talba.

8.   Fil-każ ta' riferiment lill-ESMA msemmi fil-paragrafu 6, l-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinforma lill-parti li tagħmel it-talba u l-parti li tirċievi t-talba dwar ir-riferiment fi żmien jumejn ta' xogħol mid-data ta' meta jsir ir-riferiment.

9.   Meta r-rifjut mill-parti li tirċievi t-talba li tagħti aċċess lill-parti li tagħmel it-talba jitqies li mhuwiex iġġustifikat skont il-proċedura prevista fil-paragrafi 1 sa 7, l-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 għandha, fi żmien ġimagħtejn mil-limitu ta' żmien speċifikat fil-paragrafu 7, toħroġ ordni li tirrikjedi li l-parti li tirċievi t-talba tagħti aċċess lill-parti li tagħmel it-talba fi żmien tliet xhur mid-data ta' meta l-ordni tidħol fis-seħħ.

Il-limitu ta' żmien imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jiġi estiż għal tmien xhur fil-każ ta' konnessjonijiet personalizzati li jirrikjedu żvilupp sinifikanti ta' għodod tal-IT, sakemm ma jkunx sar qbil mod ieħor mis-CSDs li jagħmlu t-talba u dawk li jirċievu t-talba.

L-ordni għandha tinkludi r-raġunijiet għaliex l-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 ikkonkludiet li r-rifjut ta' aċċess mill-parti li tiċievi t-talba ma kienx iġġustifikat.

L-ordni għandha tintbagħat lill-ESMA, l-awtoritajiet imsemmija fil-punti (a) sa (d) tal-paragrafu 3, il-parti li tagħmel it-talba u l-parti li tirċievi t-talba fi żmien jumejn ta' xogħol wara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

10.   Il-proċedura msemmija fil-paragrafi 1 sa 9 għandha tapplika wkoll meta l-parti li tirċievi t-talba jkollha l-ħsieb li tirtira l-aċċess għall-parti li tagħmel it-talba li lilha tkun diġà tipprovdi s-servizzi tagħha.

KAPITOLU XIV

AWTORIZZAZZJONI GĦALL-PROVVISTA TA' SERVIZZI ANĊILLARI TAT-TIP BANKARJU

(L-Artikolu 55(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014)

Artikolu 91

CSDs li joffru servizzi anċillari tat-tip bankarju huma stess

Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni skont il-punt (a) tal-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja;

(a)

kopja tad-deċiżjoni tal-korp maniġerjali tas-CSD applikant biex japplika għal awtorizzazzjoni u l-minuti mil-laqgħa fejn il-korp maniġerjali approva l-kontenut tal-fajl tal-applikazzjoni u l-preżentazzjoni tagħha;

(b)

id-dettalji ta' kuntatt tal-persuna responsabbli għall-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, meta dik il-persuna ma tkunx dik li qed tippreżenta l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(c)

evidenza li tipprova l-eżistenza ta' awtorizzazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 54(3) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(d)

evidenza li s-CSD applikant jissodisfa r-rekwiżiti prudenzjali msemmija fl-Artikolu 59(1), (3) u (4) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 u r-rekwiżiti superviżorji msemmija fl-Artikolu 60 ta' dak ir-Regolament;

(e)

evidenza, li jkun fiha kwalunkwe dokument rilevanti inklużi artikoli ta' inkorporazzjoni, dikjarazzjonijiet finanzjarji, rapporti ta' awditjar, rapporti mill-kumitati tar-riskju, li tipprova li s-CSD applikant jikkonforma mal-punt (d) tal-Artikolu 54(3) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(f)

dettalji dwar il-pjan ta' rkupru msemmi fil-punt (f) tal-Artikolu 54(3) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(g)

programm ta' operazzjonijiet li jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

jinkludi lista ta' servizzi anċillari tat-tip bankarju msemmija fit-Taqsima C tal-Anness għar-Regolament (UE) Nru 909/2014 li s-CSD applikant ikun biħsiebu jipprovdi;

(ii)

jinkludi spjegazzjoni ta' kif is-servizzi anċillari tat-tip bankarju msemmija fit-Taqsima C tal-Anness għar-Regolament (UE) Nru 909/2014 huma direttament relatati ma' kwalunwke servizz ewlieni jew anċillari msemmi fit-Taqsimiet A u B tal-Anness għar-Regolament (UE) Nru 909/2014 li s-CSD huwa awtorizzat li jipprovdi;

(iii)

huwa strutturat fuq il-lista ta' servizzi anċillari tat-tip bankarju msemmija fit-Taqsima C tal-Anness għar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(h)

evidenza li tappoġġja r-raġunijiet għall-falliment ta' saldu tal-pagamenti fi flus tas-sistema ta' saldu tat-titoli permezz ta' kontijiet miftuħa ma' bank ċentrali tal-ħruġ tal-munita tal-pajjiż fejn iseħħ is-saldu;

(i)

informazzjoni dettaljata dwar l-arranġamenti li jiżguraw li l-provvista ta' servizzi anċillari tat-tip bankarju maħsuba li jiġu pprovduti ma taffettwax il-provvista bla xkiel tas-servizzi tas-CSD ewlenin msemmija fit-Taqsima A tal-Anness għar-Regolament (UE) Nru 909/2014, inkluż:

(i)

il-pjattaforma tal-IT użata għas-saldu tal-parti ta' flus tat-tranżazzjonijiet tat-titoli, inkluża ħarsa ġenerali lejn l-organizzazzjoni tal-IT u analiżi tar-riskji relatati u kif dawn huma mitigati;

(ii)

l-arranġamenti ta' tħaddim u legali tal-proċess DVP u, b'mod partikolari, il-proċeduri użati biex jindirizzaw ir-riskju tal-kreditu li jirriżulta mis-saldu tal-parti ta' flus tat-tranżazzjonijiet tat-titoli;

(iii)

l-għażla, il-monitoraġġ, id-dokumentazzjoni legali u l-immaniġġjar tal-interkonnessjonijiet ma' kwalunkwe partijiet terzi oħra involuti fil-proċess ta' trasferimenti ta' flus, b'mod partikolari l-arranġamenti rilevanti ma' partijiet terzi involuti fil-proċess ta' trasferimenti ta' flus;

(iv)

l-analiżi dettaljata li tinsab fil-pjan ta' rkupru tas-CSD applikant dwar kwalunkwe impatt tal-provvista ta' servizzi anċillari tat-tip bankarju fuq il-provvista ta' servizzi ewlenin tas-CSD;

(v)

id-divulgazzjoni ta' kunflitti ta' interess possibbli fl-arranġamenti ta' governanza li jirriżultaw mill-provvista ta' servizzi anċillari tat-tip bankarju, u l-miżuri meħuda biex jindirizzawhom.

Artikolu 92

CSDs li joffru servizzi anċillari tat-tip bankarju permezz ta' istituzzjoni ta' kreditu nominata

Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni skont il-punt (b) tal-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 għandha tinkudi l-informazzjoni li ġejja;

(a)

kopja tad-deċiżjoni tal-korp maniġerjali tas-CSD applikant biex japplika għal awtorizzazzjoni u l-minuti mil-laqgħa fejn il-korp maniġerjali approva l-kontenut tal-fajl tal-applikazzjoni u l-preżentazzjoni tiegħu;

(b)

id-dettalji ta' kuntatt tal-persuna responsabbli għall-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, meta il-persuna ma tkunx l-istess persuna li qed tippreżenta l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(c)

l-isem korporattiv tal-istituzzjoni ta' kreditu li se tiġi nnominata skont il-punt (b) tal-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, l-istatus ġuridiku u l-indirizz irreġistrat tagħha fl-Unjoni;

(d)

evidenza li l-istituzzjoni ta' kreditu msemmija fil-punt (c) kisbet awtorizzazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 54(4) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(e)

l-artikoli ta' inkorporazzjoni u dokumentazzjoni statutorja rilevanti oħra tal-istituzzjoni ta' kreditu nnominata;

(f)

l-istruttura ta' sjieda tal-istituzzjonijiet ta' kreditu nnominata, inkluża l-identità tal-azzjonisti tagħha;

(g)

l-identifikazzjoni ta' kwalunkwe azzjonist komuni tas-CSD applikant u l-istituzzjonijiet ta' kreditu nnominati u kwalunkwe parteċipazzjoni bejn is-CSD applikant u l-istituzzjoni ta' kreditu nnominata;

(h)

evidenza li l-istituzzjoni ta' kreditu nnominata tissodisfa r-rekwiżiti prudenzjali msemmija fl-Artikolu 59(1), (3) u (4) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 u r-rekwiżiti superviżorji msemmija fl-Artikolu 60 ta' dak ir-Regolament;

(i)

evidenza, inkluż memorandum ta' assoċjazzjoni, dikjarazzjonijiet finanzjarji, rapporti ta' awditjar, rapporti mill-kumitati tar-riskju, jew dokumenti oħra, li tipprova li l-istituzzjoni ta' kreditu nnominata tikkonforma mal-punt (e) tal-Artikolu 54(4) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(j)

id-dettalji tal-pjan ta' rkupru msemmi fil-punt (g) tal-Artikolu 54(4) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(k)

programm ta' operazzjonijiet li jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

jinkludi lista ta' servizzi anċillari tat-tip bankarju msemmija fit-Taqsima C tal-Anness għar-Regolament (UE) Nru 909/2014 li l-istituzzjoni ta' kreditu nnominata biħsiebha tipprovdi;

(ii)

jinkludi spjegazzjoni ta' kif is-servizzi anċillari tat-tip bankarju msemmija fit-Taqsima C tal-Anness għar-Regolament (UE) Nru 909/2014 huma direttament relatati ma' kwalunkwe servizz ewlieni jew anċillari msemmi fit-Taqsimiet A u B tal-Anness għar-Regolament (UE) Nru 909/2014 li s-CSD applikant huwa awtorizzat li jipprovdi;

(iii)

huwa strutturat fuq il-lista ta' servizzi anċillari tat-tip bankarju msemmija fit-Taqsima C tal-Anness għar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(l)

evidenza li tappoġġja r-raġunijiet għall-falliment ta' saldu tal-pagamenti fi flus tas-sistema ta' saldu tat-titoli permezz ta' kontijiet miftuħa ma' bank ċentrali tal-ħruġ tal-munita tal-pajjiż fejn iseħħ is-saldu;

(m)

informazzjoni ddettaljata dwar l-aspetti li ġejjin tar-relazzjoni bejn is-CSD u l-istituzzjoni ta' kreditu nnominata:

(i)

il-pjattaforma tal-IT użata għas-saldu tal-parti ta' flus ta' tranżazzjonijiet tat-titoli, inkluża ħarsa ġenerali lejn l-organizzazzjoni tal-IT u analiżi tar-riskji relatati u kif dawn huma mitigati;

(ii)

ir-regoli u l-proċeduri applikabbli li jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti dwar il-finalità tas-saldu msemmija fl-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(iii)

l-arranġamenti ta' tħaddim u legali tal-proċess DVP inkuż il-proċeduri użati biex jindirizzaw ir-riskju tal-kreditu li jirriżulta mill-parti ta' flus ta' tranżazzjoni tat-titoli;

(iv)

l-għażla, il-monitoraġġ u l-immaniġġjar tal-interkonnessjonijiet ma' kwalunkwe partijiet terzi oħra involuti fil-proċess ta' trasferimenti ta' flus, b'mod partikolari l-arranġamenti rilevanti ma' partijiet terzi involuti fil-proċess ta' trasferimenti ta' flus;

(v)

il-ftehim fil-livell tas-servizz li jistabbilixxi d-dettalji tal-funzjonijiet li għandhom jiġu esternalizzati mis-CSD lill-istituzzjoni ta' kreditu nominata jew mill-istituzzjoni ta' kreditu nominata lis-CSD u kwalunkwe evidenza li turi l-konformità mar-rekwiżiti ta' esternalizzazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(vi)

l-analiżi dettaljata li tinsab fil-pjan ta' rkupru tas-CSD applikant dwar kwalunkwe impatt tal-provvista ta' servizzi anċillari tat-tip bankarju fuq il-provvista ta' servizzi ewlenin tas-CSD;

(vii)

id-divulgazzjoni ta' kunflitti ta' interess possibbli fl-arranġamenti ta' governanza li jirriżultaw mis-servizzi anċillari tat-tip bankarju, u l-miżuri meħuda biex jindirizzawhom.

(viii)

evidenza li turi li l-istituzzjoni ta' kreditu għandha l-abilità kuntrattwali u operazzjonali meħtieġa biex ikollha aċċess f'waqtu għall-kollateral tat-titoli li jinsabu fis-CSD u relatati mal-provvista ta' kreditu intraġurnata u, jekk ikun il-każ, kreditu ta' terminu qasir.

Artikolu 93

Ir-rekwiżiti speċifiċi

1.   Fejn is-CSD japplika għal awtorizzazzjoni biex jinnomina aktar minn istituzzjoni ta' kreditu waħda li tipprovdi servizzi anċillari tat-tip bankarju, l-applikazzjoni tiegħu għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 91 għal kull waħda mill-istituzzjonijiet ta' kreditu nominata;

(b)

deskrizzjoni tar-rwol ta' kull istituzzjoni ta' kreditu nominata u r-relazzjonijiet ta' bejniethom.

2.   Meta l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni skont il-punt (a) jew (b) tal-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 tiġi ppreżentata wara li tkun inkisebet l-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 17 ta' dak ir-Regolament, is-CSD applikant għandu jidentifika u jinforma lill-awtorità kompetenti dwar it-tibdil sostantiv imsemmi fl-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 sakemm ma jkunx diġà pprovda l-informazzjoni fil-proċess ta' rieżami u evalwazzjoni msemmi fl-Artikolu 22 ta' dak ir-Regolament.

Artikolu 94

Forom standard jew mudelli għall-applikazzjoni

1.   CSD applikant għandu jipprovdi applikazzjoni għal awtorizzazzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 fil-format ipprovdut fl-Anness III għal dan ir-Regolament.

2.   CSD applikant għandu jippreżenta l-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 f'mezz li jservi għal żmien twil.

3.   CSD applikant għandu jipprovdi numru ta' referenza uniku għal kull dokument li jippreżenta fl-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1

4.   CSD applikant għandu jiżgura li l-informazzjoni ppreżentata fl-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tidentifika b'mod ċar għal liema rekwiżit speċifika ta' dan il-Kapitolu tirreferi dik l-informazzjon u f'liema dokument hija pprovduta l-informazzjoni.

5.   CSD applikant għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti tiegħu b'lista tad-dokumenti kollha pprovduti fl-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 akkumpanjata min-numru ta' referenza tagħhom.

6.   L-informazzjoni kollha għandha tiġi ppreżentata fil-lingwa indikata mill-awtorità kompetenti. L-awtorità kompetenti tista' titlob lis-CSD jippreżenta l-istess informazzjoni f'lingwa li s-soltu tintuża fl-isfera tal-finanzi internazzjonali.

KAPITOLU XV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 95

Dispożizzjonijiet tranżitorji

1.   L-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 17(2) ta' dan ir-Regolament għandha tiġi pprovduta lill-awtorità kompetenti mhux aktar tard minn sitt xhur qabel id-data msemmija fl-Artikolu 96(2).

2.   L-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 24(2) ta' dan ir-Regolament għandha tiġi pprovduta lill-awtorità kompetenti mhux aktar tard minn sitt xhur qabel id-data msemmija fl-Artikolu 96(2).

3.   L-informazzjoni msemmija fil-punti (j) u (r) tal-Artikolu 41 u fil-punti (d), (f), (h), (i), u (j) tal-Artikolu 42(1) ta' dan ir-Regolament għandha tiġi pprovduta mid-data msemmija fl-Artikolu 96(2).

Artikolu 96

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   L-Artikolu 54 għandu japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-atti delegati adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 6(5) u 7(15) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, skont liema minnhom jkun l-aktar tard.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Novembru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-dejta dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(4)  Id-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 1998 dwar finalità ta' settlement fis-sistemi ta' settlement ta' pagamenti u titoli (ĠU L 166, 11.6.1998, p. 45).

(5)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

(6)  Id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84).

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(9)  Ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità (ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1).


ANNESS I

Id-dettalji li għandhom jiġu inklużi fl-applikazzjoni għar-rikonoxximent ta' CSDs ta' pajjiżi terzi

(L-Artikolu 25(12) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014)

Informazzjoni ġenerali

Kaxxi ta' Informazzjoni

Test liberu

Data ta' applikazzjoni

 

Isem korporattiv tal-entità ġuridika

 

Indirizz reġistrat

 

Isem il-persuna li qed tassumi r-responsabbiltà għall-applikazzjoni

 

Dettalji ta' kuntatt tal-persuna li qed tassumi r-responsabbiltà tal-applikazzjoni

 

Isem il-persuna/i l-oħra responsabbli għall-konformità tas-CSD ta' pajjiż terz mar-Regolament (UE) Nru 909/2014

 

Dettalji ta' kuntatt tal-persuna/i responsabbli għall-konformità tas-CSD ta' pajjiż terz mar-Regolament (UE) Nru 909/2014

 

Identitajiet tal-azzjonisti jew tal-membri li għandhom parteċipazzjonijiet fil-kapital tas-CSD tal-pajjiż terz

 

Identifikazzjoni tal-istruttura tal-grupp, inkluż kwalunkwe sussidjarja u kumpanija prinċipali tas-CSD tal-pajjiż terz

 

Lista tal-Istati Membri li fihom is-CSD ta' pajjiż terz biħsiebu jipprovdi servizzi

 

Informazzjoni dwar servizzi ewlenin elenkati fit-Taqsima A tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 li s-CSD ta' pajjiż terz ikun biħsiebu jipprovdi fl-Unjoni skont l-Istati Membri

 

Informazzjoni dwar servizzi anċillari elenkati fit-Taqsima B tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 li s-CSD ta' pajjiż terz ikun biħsiebu jipprovdi fl-Unjoni skont l-Istati Membri

 

Informazzjoni dwar kwalunkwe servizz ieħor permess iżda mhux espliċitament elenkat fit-Taqsima B tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 li s-CSD ta' pajjiż terz ikun biħsiebu jipprovdi fl-Unjoni skont l-Istati Membri

 

Il-munita jew il-muniti li jipproċessa s-CSD tal-pajjiż terz jew li jkun biħsiebu jipproċessa

 

Dejta statistika dwar is-servizzi li s-CSD tal-pajjiż terz ikun biħsiebu jipprovdi fl-Unjoni skont l-Istati Membri

 

Valutazzjoni tal-miżuri li s-CSD tal-pajjiż terz ikun biħsiebu jieħu biex jippermetti lill-utenti tiegħu jikkonformaw ma' kwalunkwe liġi nazzjonali speċifika tal-Istat(i) Membru/i fejn is-CSD tal-pajjiż terz ikun biħsiebu jipprovdi s-servizzi tiegħu

 

Meta s-CSD tal-pajjiż terz ikun biħsiebu jipprovdi s-servizzi ewlenin imsemmijin fil-punti (1) u (2) tat-Taqsima A tal-Anness għar-Regolament (UE) Nru 909/2014, deskrizzjoni tal-miżuri li s-CSD tal-pajjiż terz ikun biħsiebu jieħu biex jippermetti lill-utenti tiegħu jikkonformaw mal-liġi rilevanti tal-Istat Membru li fih is-CSD ta' pajjiż terz ikun biħsiebu jipprovdi tali servizzi kif imsemmi fil-punt (d) tal-Artikolu 25(4) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014.

 

Regoli u proċeduri li jiffaċilitaw is-saldu tat-tranżazzjonijiet fl-istrumenti finanzjarji fid-data intenzjonata tas-saldu.

 

Ir-riżorsi finanzjarji tas-CSD tal-pajjiż terz, l-għamla u l-metodi li bihom jinżammu u l-arranġamenti biex jiġu salvagwardjati

 

Evidenza li r-regoli u l-proċeduri s-CSD tal-pajjiż terz ikun konformi bis-sħiħ mar-rekwiżiti applikabbli fil-pajjiż terz fejn ikun stabbilit, inklużi r-regoli li jikkonċernaw l-aspetti prudenzjali, organizzazzjonali, tal-kontinwità tan-negozju u tal-irkupru minn diżastri u tal-kondotta tan-negozju

 

Dettalji ta' kwalunkwe arranġament ta' esternalizzazzjoni

 

Regoli li jirregolaw il-finalità tat-trasferimenti ta' titoli u ta' flus

 

Informazzjoni dwar il-parteċipazzjoni fis-sistema tas-saldu tat-titoli mħaddma mis-CSD ta' pajjiż terz, inkluż il-kriterji għall-parteċipazzjoni u l-proċeduri għas-sospensjoni u l-ħruġ ordnat tal-parteċipanti li ma jibqgħux jilħqu l-kriterji tiegħu

 

Regoli u proċeduri sabiex tiġi żgurata l-integrità tal-ħruġ tat-titoli

 

Informazzjoni dwar mekkaniżmi stabbiliti biex jiżguraw il-protezzjoni tal-parteċipanti u t-titoli tal-klijenti tagħhom

 

Informazzjoni dwar rabtiet ma' CSDs ta' pajjiżi terzi u r-rabtiet ma' infrastrutturi oħrajn tas-suq u dwar kif ir-riskji relatati jiġu mmonitorjati u mmaniġġjati

 

Informazzjoni dwar ir-regoli u l-proċeduri fis-seħħ sabiex jimmaniġġjaw l-inadempjenza ta' parteċipant

 

Pjan ta' rkupru

 

Il-politika ta' investiment ta' CSD ta' pajjiż terz

 

Informazzjoni dwar il-proċeduri biex jiżguraw is-saldu f'waqtu u ordnat u t-trasferiment tal-assi tal-klijenti u l-parteċipanti lil CSD ieħor fil-każ ta' inadempjenza tas-CSD

 

Informazzjoni dwar il-proċedimenti ġudizzjarji jew extraġudizzjarji kollha pendenti, inkluż dawk amministrattivi, ċivili jew proċedimenti ta' arbitraġġ, li jistgħu jikkawżaw kostijiet finanzjarji sinifikanti u kostijiet oħrajn lis-CSD ta' pajjiż terz

Informazzjoni dwar kwalunkwe deċiżjoni finali li tirriżulta mill-proċedimenti msemmija hawn fuq

 

Informazzjoni dwar l-immaniġġjar tal-kunflitti ta' interess mis-CSD ta' pajjiż terz

 

Informazzjoni li għandha tiġi ppubblikata fis-sit tal-Internet tal-ESMA skont l-Artikolu 21(3) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, rigward tal-Artikolu 25 ta' dak ir-Regolament

 


ANNESS II

Rekords tas-Servizzi Anċillari tas-CSD

(L-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014)

Nru

Servizzi Anċillari skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014

Tipi ta' rekords

A.   Servizzi anċillari mhux tat-tip bankarju tas-CSDs li ma jinvolvux riskju ta' kreditu jew ta' likwidità

1

L-organizzazzjoni tal-mekkaniżmu tas-self ta' titoli, bħala aġent fost il-parteċipanti f'sistema ta' saldu tat-titoli

(a)

Identifikazzjoni tal-partijiet li jikkunsinjaw/jirċievu;

(b)

Dettalji dwar kull operazzjoni ta' għoti/teħid b'self ta' titoli, inkluż il-volum u l-valur tat-titoli u l-ISIN;

(c)

L-iskop ta' kull self ta' titoli/operazzjoni ta' teħid ta' self;

(d)

Tipi ta' kollateral;

(e)

Valwazzjoni tal-kollateral.

2

Il-forniment ta' servizzi ta' mmaniġġjar tal-kollateral, bħala aġent għall-parteċipanti f'sistema ta' saldu tat-titoli

(a)

Identifikazzjoni tal-partijiet li jikkunsinjaw/jirċievu;

(b)

Id-dettalji dwar kull operazzjoni, inkluż il-volum u l-valur tat-titoli u l-ISIN;

(c)

Tipi ta' kollateral;

(d)

L-għan tal-użu tal-kollateral;

(e)

Valwazzjoni tal-kollateral.

3

Tqabbil tas-saldu, twassil tal-istruzzjonijiet, konferma tan-negozju, verifika tan-negozju.

(a)

L-identifikazzjoni tal-entitajiet li s-CSD jipprovdilhom dawn is-servizzi;

(b)

Tipi ta' operazzjonijiet;

(c)

Id-dettalji dwar kull operazzjoni, inkluż il-volum u l-valur tat-titoli u l-ISIN.

4

Servizzi relatati mar-reġistri tal-azzjonisti

(a)

L-identifikazzjoni tal-entitajiet li s-CSD jipprovdilhom dawn is-servizzi;

(b)

Tipi ta' servizzi;

(c)

Id-dettalji dwar kull operazzjoni, inkluż il-volum u l-valur tat-titoli u l-ISIN.

5

Appoġġ għall-ipproċessar tal-azzjonijiet korporattivi, inklużi t-taxxa, laqgħat ġenerali u servizzi ta' informazzjoni

(a)

L-identifikazzjoni tal-entitajiet li s-CSD jipprovdilhom dawn is-servizzi;

(b)

Tipi ta' servizzi;

(c)

Id-dettalji dwar kull operazzjoni, inkluż il-volum u l-valur tat-titoli/flus, benefiċjarji tal-operazzjoni u l-ISIN.

6

Servizzi ta' ħarġiet ġodda, inklużi l-allokazzjoni u l-immaniġġjar tal-kodiċijiet ISIN u kodiċijiet simili

(a)

L-identifikazzjoni tal-entitajiet li s-CSD jipprovdilhom dawn is-servizzi;

(b)

Tipi ta' servizzi;

(c)

Id-dettalji dwar kull operazzjoni, inkluż l-ISIN.

7

Twassil u l-ipproċessar tal-istruzzjonijiet, il-ġbir tat-tariffi u l-ipproċessar u r-rapportar relatat

(a)

L-identifikazzjoni tal-entitajiet li s-CSD jipprovdilhom dawn is-servizzi;

(b)

Tipi ta' servizzi;

(c)

Id-dettalji dwar kull operazzjoni, inkluż il-volum u l-valur tat-titoli/flus, il-benefiċjarji tal-operazzjoni, l-ISIN u l-għan tal-operazzjoni.

8

L-istabbiliment tal-konnessjonijiet tal-CSD, il-forniment, iż-żamma jew it-tħaddim ta' kontijiet ta' titoli relatati mas-servizz tas-saldu, l-immanġġjar tal-kollateral, servizzi anċillari oħrajn.

(a)

Dettalji dwar il-konnessjonijiet tas-CSD, inkluż l-identifikazzjoni tas-CSDs;

(b)

Tipi ta' servizzi.

9

Il-forniment ta' servizzi ġenerali ta' mmaniġġjar tal-kollateral bħala aġent

(a)

Identifikazzjoni tal-partijiet li jikkunsinjaw/jirċievu;

(b)

Id-dettalji dwar kull operazzjoni, inkluż il-volum u l-valur tat-titoli, l-ISIN;

(c)

Tip ta' kollateral;

(d)

L-għan tal-użu tal-kollateral;

(e)

Valwazzjoni tal-kollateral.

10

Il-forniment tar-rapportar regolatorju

(a)

L-identifikazzjoni tal-entitajiet li s-CSD jipprovdilhom ir-rapportar;

(b)

Tipi ta' servizzi;

(c)

Id-dettalji dwar id-dejta pprovduta, inkluża l-bażi ġuridika u l-iskop.

11

Il-forniment ta' informazzjoni, dejta u statistika lill-uffiċċji tas-suq/taċ-ċensiment jew lill-entitajiet governattivi jew intergovernattivi oħra

(a)

L-identifikazzjoni tal-entitajiet li s-CSD jipprovdilhom dawn is-servizzi;

(b)

Tipi ta' servizzi;

(c)

Id-dettalji dwar id-dejta pprovduta, inkluża l-bażi ġuridika u l-iskop.

12

Il-forniment ta' servizzi tal-IT

(a)

L-identifikazzjoni tal-entitajiet li s-CSD jipprovdilhom is-servizzi;

(b)

Tipi ta' servizzi;

(c)

Id-dettalji dwar servizzi tal-IT.

B.   Is-servizzi ta' tip bankarju tas-CSD direttament relatati ma' servizzi ewlenin jew anċillari elenkati fit-Taqsimiet A u B tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 909/2014

13

Il-forniment ta' kontijiet ta' flus lil, u l-aċċettazzjoni ta' depożiti mingħand, parteċipanti f'sistema tas-saldu tat-titoli u mingħand detenturi ta' kontijiet ta' titoli, skont it-tifsira tal-punt 1 tal-Anness I għad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1)

(a)

L-identifikazzjoni tal-entitajiet li s-CSD jipprovdilhom dawn is-servizzi;

(b)

Dettalji tal-kontijiet tal-flus;

(c)

Munita;

(d)

Depożiti ta' ammonti.

14

Il-forniment ta' kreditu ta' flus għar-rimborż mhux iktar tard mill-jum tax-xogħol segwenti, l-għoti b'self ta' flus għal prefinanzjament ta' azzjonijiet korporattivi u l-għoti b'self ta' titoli lil detenturi ta' kontijiet ta' titoli, skont it-tifsira tal-punt 2 tal-Anness I tad-Direttiva 2013/36/UE

(a)

L-identifikazzjoni tal-entitajiet li s-CSD jipprovdilhom servizzi bħal dawn;

(b)

Tipi ta' servizzi;

(c)

Dettalji dwar kull operazzjoni, inkluż il-volum u l-valur tat-titoli/flus, l-ISIN;

(d)

Tipi ta' kollateral;

(e)

Valwazzjoni tal-kollateral;

(f)

L-iskop tal-operazzjonijiet;

(g)

Informazzjoni dwar kwalunkwe inċident b'rabta ma' dawn is-servizzi u l-azzjonijiet ta' rimedjar, inkluż azzjonijiet ta' segwitu.

15

Servizzi ta' pagament li jinvolvu l-ipproċessar ta' flus u tranżazzjonijiet tal-kambju, skont it-tifsira tal-punt 4 tal-Anness I tad-Direttiva 2013/36/UE

(a)

L-identifikazzjoni tal-entitajiet li s-CSD jipprovdilhom dawn is-servizzi;

(b)

Tipi ta' servizzi;

(c)

Dettalji dwar kull operazzjoni, inkluż il-volum ta' flus, u l-għan tal-operazzjoni.

16

Garanziji u impenji b'rabta ma' għoti u teħid b'self ta' titoli, skont it-tifsira tal-punt 6 tal-Anness I tad-Direttiva 2013/36/UE

(a)

L-identifikazzjoni tal-entitajiet li s-CSD jipprovdilhom dawn is-servizzi;

(b)

Tipi ta' servizzi;

(c)

Dettalji dwar kull operazzjoni, inkluż il-volum u l-valur tat-titoli/flus u l-għan tal-operazzjoni.

17

Attivitajiet tat-teżor li jinvolvu l-kambju u titoli trasferibbli b'rabta mal-immaniġġjar tal-bilanċi twal tal-parteċipanti, skont it-tifsira tal-punti 7(b) u (e) tal-Anness I tad-Direttiva 2013/36/UE

(a)

L-identifikazzjoni tal-entitajiet li s-CSD jipprovdilhom dawn is-servizzi;

(b)

Tipi ta' servizzi;

(c)

Dettalji dwar kull operazzjoni, inkluż il-volum u l-valur tat-titoli/flus u l-għan tal-operazzjoni.


(1)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).


ANNESS III

Formoli ta' applikazzjoni minn CSD biex tinnomina istituzzjoni ta' kreditu jew biex jipprovdi servizzi anċillari tat-tip bankarju

(l-Artikolu 55 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014)

Formola 1

Meta CSD ikun qed applika biex jipprovdi servizzi anċillari ta' tip bankarju skont il-punt (a) tal-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, għandha tiġi pprovduta l-informazzjoni li ġejja:

L-ambitu tal-informazzjoni li għandha tiġi ppreżentata

Numru ta' referenza uniku tad-dokument

Titolu tad-dokument

Kapitolu jew taqsima jew paġna tad-dokument fejn tinsab l-informazzjoni

(1)

l-isem korporattiv tas-CSD applikant, l-istatus ġuridiku tiegħu u l-indirizz ġuridiku fl-Unjoni

 

 

 

(2)

kopja tad-deċiżjoni tal-korp maniġerjali tas-CSD applikant biex japplika għal awtorizzazzjoni u l-minuti mil-laqgħa fejn il-korp maniġerjali approva l-kontenut tal-fajl tal-applikazzjoni u l-preżentazzjoni tagħha

 

 

 

(3)

id-dettalji ta' kuntatt tal-persuna responsabbli għall-applikazzjoni meta ma tkunx l-istess persuna li ssottomettiet l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014

 

 

 

(4)

evidenza li tipprova l-eżistenza ta' awtorizzazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 54(3) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014

 

 

 

(5)

evidenza li s-CSD applikant jissodisfa r-rekwiżiti prudenzjali msemmija fl-Artikolu 59(1), (3) u (4) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 u r-rekwiżiti superviżorji msemmija fl-Artikolu 60 ta' dak ir-Regolament

 

 

 

(6)

evidenza li tipprova s-CSD applikant jikkonforma mal-punt (d) tal-Artikolu 54(3) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014

 

 

 

(7)

dettalji dwar il-pjan ta' rkupru msemmi fil-punt (f) tal-Artikolu 54(3) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014

 

 

 

(8)

programm ta' operazzjonijiet li jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

 

 

 

(a)

jinkludi lista ta' servizzi anċillari tat-tip bankarju msemmija fit-Taqsima C tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 li jkun hemm l-intenzjoni li jiġu jipprovdi

 

 

 

(b)

jinkludi spjegazzjoni ta' kif is-servizzi anċillari tat-tip bankarju msemmija fit-Taqsima C tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 huma direttament relatati ma' kwalunwke servizz ewlieni jew anċillari msemmi fit-Taqsima A u fit-Taqsima B tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 li s-CSD huwa awtorizzat jipprovdi

 

 

 

(c)

huwa strutturat fuq il-lista ta' servizzi anċillari tat-tip bankarju msemmija fit-Taqsima C tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 909/2014

 

 

 

(9)

evidenza li tappoġġja r-raġunijiet għala ma ġewx saldati pagamenti fi flus tas-sistema tas-CSD tas-saldu tat-titoli permezz ta' kontijiet miftuħa ma' bank ċentrali tal-ħruġ tal-munita tal-pajjiż fejn iseħħ is-saldu

 

 

 

(10)

informazzjoni dettaljata dwar l-arranġamenti li jiżguraw li l-provvista ta' servizzi anċillari tat-tip bankarju li saret applikazzjoni għalihom ma jaffettwax il-provvista bla xkiel tas-servizzi ewlenin tas-CSD imsemmija fit-Taqsima A tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, inkluż b'mod partikolari l-informazzjoni li ġejja:

 

 

 

(a)

il-pjattaforma tal-IT użata għas-saldu tal-parti ta' flus tat-tranżazzjonijiet tat-titoli, inkluża ħarsa ġenerali lejn l-organizzazzjoni tal-IT u analiżi tar-riskji relatati u kif dawn huma mitigati

 

 

 

(b)

l-arranġamenti ta' tħaddim u dawk ġuridiċi tal-proċess DVP u, b'mod partikolari, il-proċeduri użati biex jindirizzaw ir-riskju tal-kreditu li jirriżulta mill-parti ta' flus tat-tranżazzjonijiet tat-titoli

 

 

 

(c)

l-għażla, il-monitoraġġ, id-dokumentazzjoni legali u l-immaniġġjar tal-interkonnessjonijiet ma' kwalunkwe parti terza oħra involuta fil-proċess ta' trasferimenti ta' flus, b'mod partikolari l-arranġamenti rilevanti ma' partijiet terzi involuti fil-proċess ta' trasferimenti ta' flus

 

 

 

(d)

l-analiżi dettaljata fil-pjan ta' rkupru tas-CSD applikant dwar kwalunkwe impatt tal-provvista ta' servizzi anċillari tat-tip bankarju fuq il-provvista tas-servizzi ewlenin tas-CSD;

 

 

 

(e)

id-divulgazzjoni ta' kunflitti ta' interess possibbli fl-arranġamenti ta' governanza li jirriżultaw mill-provvista ta' servizzi anċillari tat-tip bankarju, u l-miżuri meħuda biex jindirizzawhom

 

 

 

(11)

meta rilevanti, identifikazzjoni ta' kwalunkwe tibdil sostantiv tad-dokumentazzjoni fornuta biex tinkiseb l-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, skont l-istess tabella, jekk id-dokumentazzjoni aġġornata ma tkunx diġà ġiet ipprovduta matul ir-rieżami u l-evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014

 

 

 

Meta l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 tiġi ppreżentata fl-istess ħin mal-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 17 ta' dak ir-Regolament, l-informazzjoni segwenti għandha tkun provduta mis-CSD li japplika b'żieda mal-informazzjoni rikjesta skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 u skont dan ir-Regolament:

1

Isem il-persuna responsabbli għall-applikazzjoni meta ma tkunx l-istess persuna li sottomettiet din l-applikazzjoni skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014

...

2

Dettalji ta' kuntatt tal-persuna responsabbli għall-applikazzjoni meta ma tkunx l-istess persuna li sottomettiet l-applikazzjoni skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014

...

3

Data tar-reċiviment tal-awtorizzazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 54(3)

...

Formola 2

Meta CSD ikun qed applika biex jagħżel istituzzjoni ta' kreditu separata biex jipprovdi servizzi anċillari ta' tip bankarju skont il-punt (b) tal-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014:

L-ambitu tal-informazzjoni li għandha tiġi ppreżentata

Numru ta' referenza uniku tad-dokument

Titolu tad-dokument

Kapitolu jew taqsima jew paġna tad-dokument fejn tinsab l-informazzjoni

(1)

l-isem korporattiv tas-CSD applikant, l-istatus ġuridiku tiegħu u l-indirizz ġuridiku fl-Unjoni

 

 

 

(2)

kopja tad-deċiżjoni tal-korp maniġerjali tas-CSD applikant biex japplika għal awtorizzazzjoni u l-minuti mil-laqgħa fejn il-korp maniġerjali approva l-kontenut tal-fajl tal-applikazzjoni u l-preżentazzjoni tagħha

 

 

 

(3)

id-dettalji ta' kuntatt tal-persuna responsabbli għall-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, meta il-persuna ma tkunx l-istess persuna li ppreżentat l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014

 

 

 

(4)

l-isem korporattiv tal-istituzzjoni ta' kreditu li se tiġi nnominata skont il-punt (b) tal-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, l-istatus ġuridiku u l-indirizz ġuridiku tagħha fl-Unjoni

 

 

 

(5)

evidenza li l-istituzzjoni ta' kreditu msemmija fil-punt (4) kisbet awtorizzazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 54(4) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014

 

 

 

(6)

l-artikoli ta' inkorporazzjoni u meta rilevanti dokumentazzjoni statutorja oħra tal-istituzzjoni ta' kreditu nnominata

 

 

 

(7)

l-istruttura ta' sjieda tal-istituzzjonijiet ta' kreditu nnominata, inkluża l-identità tal-azzjonisti tagħha

 

 

 

(8)

l-identifikazzjoni ta' kwalunkwe azzjonist komuni bejn is-CSD applikant u l-istituzzjonijiet ta' kreditu nnominati u kwalunkwe parteċipazzjonijiet bejn is-CSD applikant u l-istituzzjoni ta' kreditu nnominata

 

 

 

(9)

evidenza li l-istituzzjoni ta' kreditu nnominata tissodisfa r-rekwiżiti prudenzjali msemmija fl-Artikolu 59(1), (3) u (4) u r-rekwiżiti superviżorji msemmija fl-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014

 

 

 

(10)

evidenza, inkluż memorandum ta' assoċjazzjoni, dikjarazzjonijiet finanzjarji, rapporti ta' awditjar, rapporti mill-kumitati tar-riskju, jew dokumenti oħra, li tipprova li l-istituzzjoni ta' kreditu nnominata tikkonforma mal-punt (e) tal-Artikolu 54(4) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014

 

 

 

(11)

id-dettalji tal-pjan ta' rkupru msemmi fil-punt (g) tal-Artikolu 54(4) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014

 

 

 

(12)

programm ta' operazzjonijiet li jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

 

 

 

(a)

jinkludi lista ta' servizzi anċillari tat-tip bankarju msemmija fit-Taqsima C tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 li jkun hemm l-intenzjoni li jiġu jipprovdi

 

 

 

(b)

jinkludi spjegazzjoni ta' kif is-servizzi anċillari tat-tip bankarju msemmija fit-Taqsima C tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 huma direttament relatati ma' kwalunwke servizz ewlieni jew anċillari msemmi fit-Taqsima A u fit-Taqsima B tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 li s-CSD applikant huwa awtorizzat jipprovdi

 

 

 

(c)

huwa strutturat fuq il-lista ta' servizzi anċillari tat-tip bankarju msemmija fit-Taqsima C tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 909/2014

 

 

 

(13)

dettalji dwar ir-raġunijiet għan-nuqqas ta' saldu tal-pagamenti fi flus tas-sistema tas-CSD ta' saldu tat-titoli permezz ta' kontijiet miftuħa ma' bank ċentrali tal-ħruġ tal-munita tal-pajjiż fejn iseħħ is-saldu

 

 

 

(14)

informazzjoni dettaljata dwar l-organizzazzjoni strutturali tar-relazzjonijiet bejn is-CSD u l-istituzzjoni ta' kreditu nnominata, partikolarment l-informazzjoni li ġejja:

 

 

 

(a)

il-pjattaforma tal-IT użata għas-saldu tal-parti ta' flus tat-tranżazzjonijiet tat-titoli, inkluża ħarsa ġenerali lejn l-organizzazzjoni tal-IT u analiżi tar-riskji relatati u kif dawn huma mitigati

 

 

 

(b)

ir-regoli u l-proċeduri applikabbli li jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti dwar il-finalità tas-saldu msemmija fl-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014

 

 

 

(c)

l-arranġamenti tat-tħaddim u dawk legali tal-proċess DVP u, b'mod partikolari, il-proċeduri użati biex jindirizzaw ir-riskju tal-kreditu li jirriżulta mill-parti ta' flus tat-tranżazzjoni ta' titoli

 

 

 

(d)

l-għażla, il-monitoraġġ u l-immaniġġjar tal-interkonnessjonijiet ma' kwalunkwe parti terza oħra involuta fil-proċess ta' trasferimenti ta' flus, b'mod partikolari l-arranġamenti rilevanti ma' partijiet terzi involuti fil-proċess ta' trasferimenti ta' flus

 

 

 

(e)

il-ftehim fil-livell tas-servizz li jistabbilixxi d-dettalji tal-funzjonijiet li għandhom jiġu esternalizzati mis-CSD lill-istituzzjoni ta' kreditu nominata u kwalunkwe evidenza li turi l-konformità mar-rekwiżiti ta' esternalizzazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014

 

 

 

(f)

l-analiżi dettaljata fil-pjan ta' rkupru tas-CSD applikant dwar kwalunkwe impatt tal-provvista ta' servizzi anċillari tat-tip bankarju fuq il-provvista tas-servizzi ewlenin tas-CSD

 

 

 

(g)

id-divulgazzjoni ta' kunflitti ta' interess possibbli fl-arranġamenti ta' governanza li jirriżultaw mis-servizzi anċillari tat-tip bankarju, u l-miżuri meħuda biex jindirizzahom

 

 

 

(h)

evidenza li turi li l-istituzzjoni ta' kreditu għandha l-abilità kuntrattwali u operazzjonali meħtieġa biex ikollha aċċess fil-pront għall-kollateral tat-titoli li jkun jinsab fis-CSD u relatat mal-provvista ta' kreditu intraġurnata u, jekk ikun il-każ, kreditu fuq terminu qasir

 

 

 

(15)

meta rilevanti, identifikazzjoni ta' kwalunkwe tibdil sostantiv tad-dokumentazzjoni fornuta biex tinkiseb l-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, skont l-istess tabella, meta d-dokumentazzjoni aġġornata ma tkunx diġà ġiet ipprovduta matul ir-rieżami u l-evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014

 

 

 

Meta l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 tiġi ppreżentata fl-istess ħin mal-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 17 ta' dak ir-Regolament, l-informazzjoni segwenti għandha tkun provduta b'żieda mal-informazzjoni rikjesta skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 u skont dan ir-Regolament:

1

Isem korporattiv tal-entità nominata biex tipprovdi servizzi anċillari ta' tip bankarju

...

2

Indirizz ġuridiku

...

3

Isem il-persuna responsabbli mill-applikazzjoni

...

4

Dettalji ta' kuntatt tal-persuna responsabbli mill-applikazzjoni

...

5

L-identifikazzjoni tal-kumpaniji prinċipali tal-istituzzjoni(jiet) ta' kreditu nominata/i, jekk ikun hemm

...

6

L-awtorità kompetenti tal-istituzzjoni(jiet) ta' kreditu nominata/i

...

7

Data tar-reċiviment tal-awtorizzazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 54(4) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014