8.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 61/1


REGOLAMENT (UE) 2017/371 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-1 ta’ Marzu 2017

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (reviżjoni tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 77(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 (2) jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa.

(2)

Jenħtieġ li l-mekkaniżmu għas-sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz elenkat fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 539/2001, kif stabbilit fl-Artikolu 1a ta’ dak ir-Regolament (“il-mekkaniżmu ta’ sospensjoni”), jissaħħaħ billi jsir aktar faċli għall-Istati Membri li jinnotifikaw iċ-ċirkostanzi li jwasslu għal sospensjoni possibbli u billi l-Kummissjoni jkollha l-possibbiltà li tattiva l-mekkaniżmu ta’ sospensjoni fuq l-inizjattiva tagħha stess.

(3)

B’mod partikolari, jenħtieġ lil-użu tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni jkun iffaċilitat billi jitqassru l-perijodi ta’ referenza u d-dati ta’ skadenza, billi tkun permessa proċedura aktar rapida u billi jiġu estiżi r-raġunijiet possibbli ta’ sospensjoni, biex jinkludu tnaqqis fil-kooperazzjoni fir-riammissjoni kif ukoll żieda sostanzjali fir-riskji għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna tal-Istati Membri fost dawk ir-raġunijiet. Jenħtieġ li dak it-tnaqqis fil-kooperazzjoni jkopri żieda sostanzjali fir-rata ta’ rifjut ta’ applikazzjonijiet għar-riammissjoni, inkluż għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għaddew fi transitu mill-pajjiż terz ikkonċernat, fejn ftehim ta’ riammissjoni konkluż bejn l-Unjoni jew Stat Membru u dak il-pajjiż terz jipprovdi għal tali obbligu ta’ riammissjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha wkoll il-possibbiltà li tattiva l-mekkaniżmu ta’ sospensjoni f’każ li l-pajjiż terz jonqos milli jikkoopera fir-riammissjoni, b’mod partikolari fejn ftehim ta’ riammissjoni jkun ġie konkluż bejn il-pajjiż terz ikkonċernat u l-Unjoni.

(4)

Għall-finijiet tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni, żieda sostanzjali tindika żieda li taqbeż il-limitu ta’ 50 %. Tista’ tindika wkoll żieda iktar baxxa jekk il-Kummissjoni tqis dan applikabbli fil-każ partikolari notifikat mill-Istat Membru kkonċernat.

(5)

Għall-finijiet tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni, rata baxxa ta’ rikonoxximent tindika rata ta’ rikonoxximent ta’ applikazzjonijiet għal asil ta’ madwar 3 jew 4 %. Tista’ tindika wkoll rata ogħla ta’ rikonoxximent jekk il-Kummissjoni jidrillha li dan huwa applikabbli fil-każ partikolari notifikat mill-Istat Membru kkonċernat.

(6)

Jeħtieġ li jiġi evitat u megħlub kwalunkwe abbuż tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża fejn dan iwassal għal żieda fil-pressjoni migratorja, li tirriżulta minn, pereżempju, żieda f’applikazzjonijiet għal asil bla bażi, kif ukoll meta dan iwassal għal applikazzjonijiet bla bażi għal permessi ta’ residenza.

(7)

Bl-għan li jiġi żgurat li l-ħtiġijiet speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu - 1 u li ntużaw biex tiġi vvalutata l-adegwatezza ta’ eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża, mogħtija b’riżultat tal-konklużjoni b’suċċess ta’ djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża, jibqgħu jiġu sodisfatti matul iż-żmien, jenħtieġ lil-Kummissjoni tissorvelja s-sitwazzjoni fil-pajjiżi terzi kkonċernati. Jenħtieġ lil-Kummissjoni tiddedika aktar attenzjoni lejn is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi terzi kkonċernati.

(8)

Jenħtieġ lil-Kummissjoni tirrapporta b’mod regolari lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, tal-inqas darba fis-sena, għal perijodu ta’ seba’ snin wara d-dħul fis-seħħ tal-liberalizzazzjoni tal-viża għal dak il-pajjiż terz, kif ukoll wara dan il-perijodu meta l-Kummissjoni tqis li dan ikun meħtieġ, jew fuq talba mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

(9)

Jenħtieġ lil-Kummissjoni, qabel ma tieħu xi deċiżjoni biex tissospendi temporanjament l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għal ċittadini ta’ pajjiż terz, tieħu in konsiderazzjoni s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f’dak il-pajjiż terz u l-konsegwenzi possibbli ta’ sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għal dik is-sitwazzjoni.

(10)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effiċjenti tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni u b’mod partikolari f’każ fejn ikun hemm bżonn reazzjoni urġenti sabiex jiġu solvuti d-diffikultajiet iffaċċati minn tal-inqas Stat Membru wieħed, u b’kunsiderazzjoni tal-impatt ġenerali tas-sitwazzjoni ta’ emerġenza fuq l-Unjoni kollha, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Jenħtieġ lil-proċedura ta’ eżami tintuża għall-adozzjoni ta’ tali atti ta’ implimentazzjoni.

(11)

Jenħtieġ li s-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni tkopri ċerti kategoriji ta’ ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat, b’referenza mat-tipi rilevanti ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar u, fejn ikun adatt, skont kriterji addizzjonali, bħalma huma persuni li jkunu qed jivvjaġġaw għall-ewwel darba lejn it-territorju tal-Istati Membri. Jenħtieġ lil--att ta’ implimentazzjoni jistabbilixxi l-kategoriji ta’ ċittadini li għalihom jenħtieġ li tapplika s-sospensjoni, b’kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi speċifiċi nnotifikati minn Stat Membru wieħed jew minn diversi Stati Membri jew irrappurtati mill-Kummissjoni, u tal-prinċipju tal-proporzjonalità.

(12)

Sabiex jiġi żgurat l-involviment adegwat tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fl-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni, minħabba n-natura politika sensittiva ta’ sospensjoni ta’ eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini kollha ta’ pajjiż terz elenkat fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 u l-implikazzjonijiet orizzontali tagħha għall-Istati Membri u l-Unjoni nnifisha, b’mod partikolari għar-relazzjonijiet esterni tagħhom u għall-funzjonament ġenerali taż-żona Schengen, jeħtieġ li s-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tas-sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi kkonċernati. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni jkollha konsultazzjonijiet adatti matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet isiru skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (4). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(13)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom ir-Renju Unit ma jiħux sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (5); għalhekk ir-Renju Unit mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhux marbut bih jew suġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

(14)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda ma tiħux sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (6); għalhekk l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhix marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(15)

Fir-rigward tal-Iżlanda u tan-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (7) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt B, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (8).

(16)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (9) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt B, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (10).

(17)

Fir-rigward ta’ Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipalità ta’ Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipalità ta’ Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-adeżjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (11) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt B, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (12),

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-Artikolu 1a huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1a

1.   B’deroga mill-Artikolu 1(2), l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għal ċittadini ta’ pajjiż terz elenkat fl-Anness II għandha tiġi sospiża temporanjament, abbażi ta’ data rilevanti u oġġettiva, f’konformità ma’ dan l-Artikolu.

2.   Stat Membru jista’ jinnotifika lill-Kummissjoni jekk jiġi kkonfrontat, fuq perijodu ta’ xahrejn, meta mqabbel mal-istess perijodu fis-sena preċedenti jew mal-aħħar xahrejn qabel l-implimentazzjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għal ċittadini ta’ pajjiż terz elenkat fl-Anness II, b’waħda jew iżjed miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

żieda sostanzjali fl-għadd ta’ ċittadini ta’ dak il-pajjiż terz li jiġu rrifjutati milli jidħlu jew li jiġu skoperti li jkunu qed joqogħdu fit-territorju tal-Istat Membru mingħajr id-dritt għal dan;

(b)

żieda sostanzjali fl-għadd ta’ applikazzjonijiet għal asil miċ-ċittadini ta’ dak il-pajjiż terz li għalih ir-rata ta’ rikonoxximent hija baxxa;

(c)

tnaqqis fil-kooperazzjoni fir-riammissjoni ma’ dak il-pajjiż terz, issostanzjat minn data adegwata, b’mod partikolari żieda sostanzjali fir-rata ta’ rifjut ta’ applikazzjonijiet għar-riammissjoni ppreżentati mill-Istat Membru lil dak il-pajjiż terz għaċ-ċittadini tiegħu stess jew, fejn ftehim ta’ riammissjoni konkluż bejn l-Unjoni jew dak l-Istat Membru u dak il-pajjiż terz jipprovdi għal dan, għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għaddew bi transitu minn dak il-pajjiż terz;

(d)

żieda fir-riskju jew theddida imminenti għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna tal-Istati Membri, b’mod partikolari żieda sostanzjali ta’ reati kriminali serji, relatati ma’ ċittadini ta’ dak il-pajjiż terz, sostanzjata minn informazzjoni u data oġġettivi, konkreti u rilevanti pprovduti mill-awtoritajiet kompetenti.

In-notifika msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha ssemmi r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata u għandha tinkludi data u statistika rilevanti kif ukoll spjegazzjoni dettaljata tal-miżuri preliminari li jkun ħa l-Istat Membru kkonċernat bil-ħsieb li jirrimedja s-sitwazzjoni. Fin-notifika tiegħu, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jispeċifika liema kategoriji ta’ ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat għandhom ikunu koperti b’att ta’ implimentazzjoni taħt il-punt (a) tal-paragrafu 4, filwaqt li jindika r-raġunijiet dettaljati għal dan. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill minnufih dwar tali notifika.

2a.   Fejn il-Kummissjoni, b’kont meħud tad-data, ir-rapporti u l-istatistika rilevanti, ikollha informazzjoni konkreta u affidabbli dwar ċirkostanzi msemmija fil-punt (a), (b), (c) jew (d) tal-paragrafu 2, li jokkorru fi Stat Membru jew aktar, jew li l-pajjiż terz ma jkunx qed jikkoopera fir-riammissjoni, b’mod partikolari fejn ftehim ta’ riammissjoni jkun ġie konkluż bejn dak il-pajjiż terz u l-Unjoni, pereżempju:

jiġi rifjutat il-proċessar ta’, jew ma’ jiġux ipproċessati, applikazzjonijiet ta’ riammissjoni fiż-żmien dovut,

ma jinħarġux id-dokumenti tal-ivvjaġġar fiż-żmien dovut għall-finijiet tar-ritorn fi żmien l-iskadenzi speċifikati fil-ftehim ta’ riammissjoni jew ma jiġux aċċettati dokumenti tal-ivvjaġġar Ewropej maħruġa wara li jgħaddu l-iskadenzi speċifikati fil-ftehim ta’ riammissjoni, jew

jiġi terminat jew sospiż il-ftehim ta’ riammissjoni,

il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill minnufih bl-analiżi tagħha, u għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4.

2b.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja t-twettiq kontinwu tal-ħtiġijiet speċifiċi, li huma bbażati fuq l-Artikolu - 1 u li ntużaw biex tiġi vvalutata l-adegwatezza tal-għoti tal-liberalizzazzjoni tal-viża, mill-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom saru eżenti mill-ħtieġa tal-viża meta jivvjaġġaw lejn it-territorju tal-Istati Membri bħala riżultat ta’ konklużjoni b’suċċess ta’ djalogu dwar liberalizzazzjoni tal-viża li jkun sar bejn l-Unjoni u dak il-pajjiż terz.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tirrapporta regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, mill-inqas darba kull sena, għal perijodu ta’ seba’ snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-liberalizzazzjoni tal-viża għal dak il-pajjiż terz, kif ukoll wara dan il-perijodu meta l-Kummissjoni tqis li dan ikun meħtieġ, jew fuq talba mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Ir-rapport għandu jiffoka fuq pajjiżi terzi li għalihom il-Kummissjoni tqis li, abbażi ta’ informazzjoni konkreta u affidabbli, ċerti ħtiġijiet ma għadhomx jiġu sodisfatti.

Fejn rapport tal-Kummissjoni juri li wieħed jew aktar mill-ħtiġijiet speċifiċi ma ma għadhomx jiġu sodisfatti fir-rigward ta’ pajjiż terz partikolari, għandu japplika l-paragrafu 4.

3.   Il-Kummissjoni għandha teżamina kull notifika magħmula skont il-paragrafu 2, filwaqt li tikkunsidra:

(a)

jekk xi waħda mis-sitwazzjonijiet deskritti fil-paragrafu 2 tkunx preżenti;

(b)

l-għadd ta’ Stati Membri affettwati minn xi waħda mis-sitwazzjonijiet deskritti fil-paragrafu 2;

(c)

l-impatt globali taċ-ċirkostanzi msemmijin fil-paragrafu 2 fir-rigward tas-sitwazzjoni migratorja fl-Unjoni kif tkun tidher mid-data pprovduta mill-Istati Membri jew disponibbli lill-Kummissjoni;

(d)

ir-rapporti mħejjija mill-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil jew l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) jew kwalunkwe istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija oħra tal-Unjoni jew xi organizzazzjoni internazzjonali kompetenti fil-materji koperti minn dan ir-Regolament, jekk iċ-ċirkostanzi jirrikjedu dan fil-każ speċifiku;

(e)

l-indikazzjonijiet li l-Istat Membru kkonċernat jista’ jkun ta fin-notifika tiegħu b’rabta ma’ miżuri possibbli taħt il-punt (a) tal-paragrafu 4;

(f)

il-kwistjoni ġenerali tal-ordni pubblika u s-sigurtà interna, f’konsultazzjonijiet mal-Istat Membru kkonċernat.

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bir-riżultati tal-eżami tagħha.

4.   Fejn, abbażi tal-analiżi msemmija fil-paragrafu 2a, tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 2b, jew tal-eżami msemmi fil-paragrafu 3, u b’kont meħud tal-konsegwenzi ta’ sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha mal-pajjiż terz ikkonċernat, filwaqt li taħdem f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ dak il-pajjiż terz biex jinstabu soluzzjonijiet alternattivi fit-tul, il-Kummissjoni tiddeċiedi li hija meħtieġa azzjoni, jew fejn maġġoranza sempliċi ta’ Stati Membri jkunu nnotifikaw lill-Kummissjoni bl-eżistenza taċ-ċirkostanzi msemmija fil-punt (a), (b), (c) jew (d) tal-paragrafu 2, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a)

Il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jissospendi temporanjament l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għal ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat għal perijodu ta’ disa’ xhur. Is-sospensjoni għandha tapplika għal ċerti kategoriji ta’ ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat, skont it-tipi rilevanti ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar u, fejn ikun xieraq, skont kriterji addizzjonali. Meta tiddetermina għal liema kategoriji s-sospensjoni tapplika, il-Kummissjoni għandha, fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli, tinkludi kategoriji li jkunu kbar biżżejjed sabiex jikkontribwixxu b’mod effiċjenti biex iċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafi 2, 2a u 2b f’kull każ speċifiku jiġu indirizzati, filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju tal-proporzjonalità. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-att ta’ implimentazzjoni fi żmien xahar minn meta:

(i)

tkun irċeviet in-notifika msemmija fil-paragrafu 2;

(ii)

tkun saret konxja tal-informazzjoni imsemmija fil-paragrafu 2a;

(iii)

tkun ippreżentat ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 2b; jew

(iv)

tkun irċeviet in-notifika minn maġġoranza sempliċi ta’ Stati Membri bl-eżistenza taċ-ċirkostanzi msemmija fil-punt (a), (b), (c) jew (d) tal-paragrafu 2.

Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 4a(2). Huwa għandu jiddetermina d-data li fiha għandha ssir effettiva s-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża.

Matul il-perijodu ta’ sospensjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi djalogu msaħħaħ mal-pajjiż terz ikkonċernat bil-għan li jiġu rrimedjati ċ-ċirkostanzi inkwistjoni.

(b)

Fejn iċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafi 2, 2a, u 2b jippersistu, il-Kummissjoni għandha tadotta, sa mhux aktar tard minn xahrejn qabel ma jiskadi l-perijodu ta’ disa’ xhur imsemmi fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu, att delegat skont l-Artikolu 4b, li jissospendi temporanjament l-applikazzjoni tal-Anness II għal perijodu ta’ 18-il xahar għaċ-ċittadini kollha tal-pajjiż terz ikkonċernat. L-att delegat għandu jsir effettiv mid-data ta’ skadenza tal-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu u għandu jemenda l-Anness II kif meħtieġ. Dik l-emenda għandha ssir billi tiddaħħal nota ta’ qiegħ il-paġna ħdejn l-isem tal-pajjiż terz inkwistjoni, li tindika li l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża hija sospiża fir-rigward ta’ dak il-pajjiż terz u li tispeċifika l-perijodu ta’ dik is-sospensjoni.

Fejn il-Kummissjoni tkun ippreżentat proposta leġiżlattiva skont il-paragrafu 5, il-perijodu ta’ sospensjoni previst fl-att delegat għandu jiġi estiż b’sitt xhur. In-nota ta’ qiegħ il-paġna għandha tiġi emendata kif meħtieġ.

Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 4, matul il-perijodu ta’ sospensjoni, iċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernati għandhom ikunu obbligati li jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri.

Stat Membru li, skont l-Artikolu 4, jipprovdi għal eżenzjonijiet ġodda mill-ħtieġa tal-viża għal kategorija ta’ ċittadini tal-pajjiż terz kopert mill-att li jissospendi l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għandu jikkomunika dawk il-miżuri skont l-Artikolu 5.

5.   Qabel tmiem il-perijodu ta’ validità tal-att delegat adottat skont il-punt (b) tal-paragrafu 4, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapport jista’ jiġi akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva għall-emendar ta’ dan ir-Regolament sabiex ir-referenza għall-pajjiż terz ikkonċernat tiġi trasferita mill-Anness II għall-Anness I.

6.   Fejn il-Kummissjoni tkun ippreżentat proposta leġiżlattiva skont il-paragrafu 5, hija tista’ testendi l-validità tal-att ta’ implimetazzjoni adottat skont il-paragrafu 4 b’perijodu li ma jaqbiżx 12-il xahar. Id-deċiżjoni biex tiġi estiża l-validità tal-att ta’ implimetazzjoni għandha tiġi adottata skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 4a(2).”;

(2)

l-Artikolu 1b huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1b

Sal-10 ta’ Jannar 2018, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jivvaluta l-effettività tal-mekkaniżmu ta’ reċiproċità previst fl-Artikolu 1(4) u għandha, jekk meħtieġ, tippreżenta proposta leġiżlattiva għall-emendar ta’ dan ir-Regolament. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jaġixxu fuq tali proposta permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja”;

(3)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 1c

Sad-29 ta' Marzu 2021, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jivvaluta l-effettività tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni previst fl-Artikolu 1a u għandha, jekk meħtieġ, tippreżenta proposta leġiżlattiva għall-emendar ta’ dan ir-Regolament. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jaġixxu fuq tali proposta permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja.”;

(4)

l-Artikolu 4b huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 4b

1.   Is-setgħa li tadotta atti ddelegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa tal-adozzjoni tal-atti ddelegati msemmija fil-punt (f) tal-Artikolu 1(4) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mid-9 ta’ Jannar 2014. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża taċitament għal perijodi ta’ tul ta’ żmien identiku, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel tmiem kull perijodu.

2a.   Is-setgħa tal-adozzjoni tal-atti delegati msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 1a(4) hija konferita lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mit-28 ta' Marzu 2017. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża taċitament għal perijodi ta’ tul ta’ żmien identiku, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel tmiem kull perijodu.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fil-punt (f) tal-Artikolu 1(4) u fil-punt (b) tal-Artikolu 1a(4) tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Din m’għandha taffettwa l-validità ta’ ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

3a.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nominati minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (*1).

4.   Hekk kif tadotta l-att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwaru.

5.   Att delegat adottat skont il-punt (f) tal-Artikolu 1(4) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f’perijodu ta’ erba’ xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont il-punt (b) tal-Artikolu 1a(4) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f’perijodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw.

(*1)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.”."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta' Marzu 2017.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

C. AGIUS


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Diċembru 2016 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Frar 2017.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta’ Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tas-16 ta Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(4)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħu parti f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(7)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

(9)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

(11)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(12)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).