9.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 34/7


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/217

tal-5 ta' Diċembru 2016

li jemenda l-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li japplika sistema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li japplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 jistabbilixxi l-kriterji għall-għoti tal-preferenzi tariffarji skont l-arranġament ġenerali tal-Iskema ta' Preferenzi Ġeneralizzati (“SĠP”).

(2)

Il-punti (a) u (b) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 jipprovdu li jenħtieġ li, pajjiż li jkun ġie kklassifikat mill-Bank Dinji bħala pajjiż bi dħul għoli jew bi dħul medju għal tliet snin konsekuttivi, jew pajjiż li jibbenefika minn arranġament ta' aċċess preferenzjali għas-suq li jipprovdi l-istess preferenzi tariffarji bħall-SĠP, jew aħjar, sostanzjalment għall-kummerċ kollu, rispettivament, ma jibbenefikax mill-SĠP.

(3)

Il-lista tal-pajjiżi benefiċjarji tal-SĠP ġenerali msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012, hija stabbilita fl-Anness II ta' dak ir-Regolament. L-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 jipprevedi li l-Anness II għandu jiġi rieżaminat sal-1 ta' Jannar ta' kull sena. Ir-rieżami għandu jikkunsidra bidliet ekonomiċi, l-iżvilupp jew il-kundizzjonijiet kummerċjali tal-pajjiżi benefiċjarji f'relazzjoni mal-kriterji mniżżla fl-Artikolu 4.

(4)

Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012, pajjiż benefiċjarju tal-SĠP u l-operaturi ekonomiċi għandhom jingħataw biżżejjed żmien għal adattament ordnat għal reviżjoni tal-istatus tal-SĠP tal-pajjiż. Għalhekk, l-arranġament tal-SĠP ikompli għal sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' bidla fl-istatus ta' pajjiż kif imsemmi fl-Artikolu 4(1)(a) u għal sentejn wara d-data tal-applikazzjoni ta' arranġament għal aċċess preferenzjali għas-suq, kif imsemmi fl-Artikolu 4(1)(b).

(5)

It-Tonga ġiet ikklassifikata mill-Bank Dinji bħala pajjiż bi dħul medju superjuri fl-2013, l-2014 u l-2015. Għalhekk, it-Tonga tneħħiet mil-lista ta' pajjiżi benefiċjarji tal-SĠP fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 mill-1 ta' Jannar 2017 skont ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/1979 (2). Fl-2016, madankollu, it-Tonga ġiet ikklassifikata mill-Bank Dinji bħala pajjiż bi dħul medju inferjuri. Għalhekk, it-Tonga jinħtieġ li titniżżel mill-ġdid fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 978/2012, b'effett mill-1 ta' Jannar 2017.

(6)

L-implimentazzjoni ta' Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA), iffirmata bejn l-Unjoni u l-Ukraina fis-27 ta' Ġunju 2014, bħala parti mill-attivitajiet usa' ta' Ftehim ta' Assoċjazzjoni, ġiet applikata b'mod proviżorju mill-1 ta' Jannar 2016. Billi d-DCFTA tipprovdi aktar preferenzi tariffarji bħall-SĠP sostanzjalment għall-kummerċ kollu, jenħtieġ li l-Ukrajna titneħħa mil-lista ta' pajjiżi benefiċjarji tal-SĠP fl-Anness II b'applikazzjoni mill-1 ta' Jannar 2018,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi fir-Regolament (UE) Nru 978/2012

L-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 huwa emendat kif ġej:

(1)

Il-kodiċi alfabetiku u l-pajjiż korrispondenti jiddaħħlu fil-kolonni A u B, rispettivament:

“GĦAL

It-Tonga”

(2)

Il-kodiċi alfabetiku u l-pajjiż korrispondenti jiġu mħassra mill-kolonni A u B, rispettivament:

“UA

L-Ukraina”

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 1(1) jibda japplika mill-1 ta' Jannar 2017.

L-Artikolu 1(2) jibda japplika mill-1 ta' Jannar 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Diċembru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 303, 31.10.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/1979 tat-28 ta' Awwissu 2015 li jemenda l-Annessi II, III u IV tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li japplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati (ĠU L 289, 5.11.2015, p. 3).