4.1.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 1/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1

tat-3 ta' Jannar 2017

dwar il-proċeduri ta' identifikazzjoni tal-inġenji tal-ilma skont id-Direttiva 2013/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dgħajjes li jintużaw għar-rikreazzjoni u l-inġenji tal-ilma personali

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2013/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar id-dgħajjes li jintużaw għar-rikreazzjoni u l-inġenji tal-ilma personali u li tħassar id-Direttiva 94/25/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 49(1)(c) tagħha,

Billi:

(1)

Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni aħjar tas-sistema ta' kodifikazzjoni meħtieġa għall-identifikazzjoni tal-inġenji tal-ilma skont id-Direttiva 2013/53/UE, tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u tiżdied it-trasparenza, jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli minimi dwar il-proċedura tal-assenjar u l-amministrazzjoni tal-kodiċi uniku tal-manifattur.

(2)

Huwa xieraq li jiġi stabbilit li kull Stat Membru jkun responsabbli mill-ħatra ta' awtorità nazzjonali jew korp nazzjonali għall-assenjar tal-kodiċi uniku tal-manifattur li ser ikun il-punt ta' kuntatt ewlieni għall-assenjar u l-amministrazzjoni tal-kodiċijiet tal-manifattur.

(3)

Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar id-Dgħajjes li jintużaw għar-Rikreazzjoni stabbilit skont l-Artikolu 50(1) tad-Direttiva 2013/53/UE,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU 1

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistipula regoli għall-identifikazzjoni tal-inġenji tal-ilma, b'mod partikolari regoli dwar l-assenjar u l-amministrazzjoni tal-kodiċijiet tal-manifattur.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

(a)

“korp nazzjonali” tfisser korp maħtur mill-awtorità nazzjonali ta' kull Stat Membru biex jassenja kodiċi uniku tal-manifattur;

(b)

“pajjiż fejn il-fabbrikant huwa stabbilit” tfisser il-pajjiż fejn il-manifattur ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu fil-każ ta' persuna ġuridika, jew l-indirizz permanenti fil-każ ta' persuna fiżika;

(c)

“reġistru nazzjonali” tfisser ir-reġistru ta' kull Stat Membru fejn il-kodiċi uniku tal-manifattur għall-manifatturi stabbiliti fit-territorju tagħhom jiġi rreġistrat;

(d)

“reġistru ta' pajjiż terz” tfisser ir-reġistru tal-pjattaforma kollaborattiva tal-Kummissjoni fejn il-kodiċi uniku tal-manifattur għall-manifatturi stabbiliti f'pajjiżi terzi jiġi rreġistrat;

(e)

“reġistru ta' Stat Membru” tfisser id-damma ta' reġistri nazzjonali fil-pjattaforma kollaborattiva tal-Kummissjoni;

(f)

“reġistru ta' korpi notifikati” tfisser ir-reġistru tal-pjattaforma kollaborattiva tal-Kummissjoni fejn il-kodiċi ta' identifikazzjoni tal-valutazzjoni ta' wara l-bini jiġi rreġistrat.

KAPITOLU 2

KOMPOŻIZZJONI TAN-NUMRU TA' IDENTIFIKAZZJONI TAL-INĠENJI TAL-ILMA

Artikolu 3

Numru ta' identifikazzjoni tal-inġenji tal-ilma

1.   In-numru ta' identifikazzjoni tal-inġenji tal-ilma (WIN) jikkonsisti minn dawn l-elementi li ġejjin, fl-ordni li ġejja:

(a)

il-kodiċi tal-pajjiż tal-manifattur li jindika fejn l-manifattur ġie stabbilit;

(b)

il-kodiċi uniku tal-manifattur assenjat mill-awtorità nazzjonali ta' Stat Membru, madankollu l-istess kumbinazzjoni ta' karattri f'forma ta' kodiċi uniku għal manifattur, iġġenerat minn awtorità nazzjonali jew korp nazzjonali ta' Stat Membru, jista' jiġi ġġenerat ukoll minn awtorità nazzjonali jew korp nazzjonali ta' Stat Membru ieħor bil-kodiċi tal-pajjiż tal-manifattur bħala element distintiv;

(c)

in-numru tas-serje uniku assenjat mill-manifattur għall-identifikazzjoni tal-inġenju tal-ilma u jkun użat darba biss minn dak il-manifattur; madankollu l-istess kumbinazzjoni ta' karattri tista' tintuża wkoll minn manifattur ieħor fejn l-element distintiv ikun il-kumbinazzjoni tal-kodiċi uniku tal-manifattur u l-kodiċi tal-pajjiż tal-manifattur;

(d)

ix-xahar u sena tal-produzzjoni,

(e)

is-sena tal-mudell li tikkorrispondi mas-sena meta inġenju tal-ilma speċifiku jkun intenzjonat li jitqiegħed fis-suq.

2.   il-kompożizzjoni tan-numru ta' identifikazzjoni tal-inġenji tal-ilma (WIN) għandha tkun konformi mat-tieni paragrafu tal-Punt 2.1 tal-Anness I tad-Direttiva 2013/53/UE.

KAPITOLU 3

ASSENJAR U AMMINISTRAZZJONI TAL-KODIĊI UNIKU TAL-MANIFATTUR

Artikolu 4

Assenjar tal-kodiċi uniku tal-manifattur

1.   Il-kodiċi uniku tal-manifattur jiġi assenjat mill-awtorità nazzjonali jew korp nazzjonali tal-Istat Membru wara talba minn manifattur jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu skont l-Artikolu 6 jew l-Artikolu 7.

2.   Il-kodiċi uniku għal manifattur jiġi ġġenerat u assenjat darba biss mill-awtorità nazzjonali jew korp nazzjonali ta' Stat Membru. Kull manifattur ikollu kodiċi uniku wieħed biss għall-użu fis-suq tal-Unjoni.

Artikolu 5

Awtorità nazzjonali li tassenja kodiċi uniku tal-manifattur

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar l-awtorità jew il-korp nazzjonali responsabbli mill-assenjar tal-kodiċi uniku tal-manifattur.

2.   Kull Stat Membru għandu jikkomunika lill-Kummissjoni l-awtorità jew il-korp nazzjonali responsabbli mill-assenjar tal-kodiċi uniku tal-manifattur.

Artikolu 6

Il-proċedura biex jiġi assenjat kodiċi uniku tal-manifattur lil manifattur stabbilit fi Stat Membru tal-Unjoni

1.   Il-manifattur, qabel ma jqiegħed inġenju tal-ilma fis-suq tal-Unjoni, jissottometti applikazzjoni għall-assenjar tal-kodiċi uniku tal-manifattur lill-awtorità nazzjonali jew korp nazzjonali fl-Istat Membru fejn hija stabbilita, b'lingwa li tinftiehem faċilment mill-awtorità fejn jintroduċi l-applikazzjoni skont kif determinat mill-awtorità.

2.   L-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tkun akkumpanjata minn kopja ta' dokument li jipprova li l-manifattur ikun stabbilit fl-Istat Membru tiegħu, b'lingwa li tinftiehem faċilment mill-awtorità fejn l-applikazzjoni tiġi introdotta kif determinat mill-awtorità.

3.   L-awtorità nazzjonali jew korp nazzjonali, wara li jivverifika/tivverifika l-applikazzjoni, jassenja/tassenja kodiċi uniku tal-manifattur skont l-Artikolu 4.

4.   Kull Stat Membru jiżgura li l-kodiċi uniku tal-manifattur ikun irreġistrat fir-reġistru nazzjonali tiegħu. Din id-dejta se tkun disponibbli għall-Istati Membri kollha fir-reġistru tal-Istati Membri.

Artikolu 7

Proċedura biex jiġi assenjat kodiċi uniku tal-manifattur lil manifattur stabbilit f'pajjiż terz

1.   Manifattur stabbilit f'pajjiż terz, jew rappreżentant awtorizzat tiegħu, qabel ma jqiegħed inġenju tal-ilma fis-suq tal-Unjoni, għandu jissottometti applikazzjoni għall-assenjar tal-kodiċi uniku tal-manifattur lill-awtorità jew korp nazzjonali tal-Istat Membru, b'lingwa li tinftiehem faċilment mill-awtorità fejn jintroduċi l-applikazzjoni skont kif determinat mill-awtorità, fit-territorju fejn il-manifattur għandu l-intenzjoni li jpoġġi l-inġenju tal-ilma tiegħu fis-suq. Dik is-sottomissjoni għandha ssir biss fi Stat Membru wieħed.

2.   L-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1għandha tkun akkumpanjata minn kopja ta' dokument li jipprova li l-manifattur ikun stabbilit f'dak il-pajjiż, b'lingwa li tinftiehem faċilment mill-awtorità fejn l-applikazzjoni tiġi introdotta kif determinat mill-awtorità.

3.   Malli tirċievi applikazzjoni minn manifattur, l-awtorità jew il-korp nazzjonali tal-istat Membru għandu jivverifika/għandha tivverifika d-disponibbiltà tal-kodiċijiet ikkombinati fir-reġistru tal-pajjiż terz sabiex jiġi żgurat li din hija l-ewwel darba li l-manifattur ikun bagħat applikazzjoni lil xi Stat Membru.

4.   Wara l-verifika msemmija fil-paragrafu 3, l-awtorità jew il-korp nazzjonali tal-Istat Membru għandu jdaħħal/għandha ddaħħal l-isem u l-indirizz tal-manifattur fir-reġistru ta' pajjiż terz sabiex jiġi indikat li l-Istat Membru qed jibda l-assenjar tal-kodiċi uniku tal-manifattur.

5.   Wara li l-awtorità jew il-korp nazzjonali, jivverifika/tivverifika l-applikazzjoni, jassenja/tassenja kodiċi uniku tal-manifattur skont l-Artikolu 4. Manifattur stabbilit f'pajjiż terz jiġi assenjat kodiċi uniku ta' manifattur wieħed biss mill-awtorità nazzjonali ta' Stat Membru wieħed biss.

6.   Meta l-awtorità jew il-korp nazzjonali tassenja/jassenja l-kodiċi uniku tal-manifattur f'pajjiż terz, dan se jiġi rreġistrat ukoll fir-reġistru tal-pajjiż terz.

Artikolu 8

Proċedura fil-każ ta' valutazzjoni ta' wara l-bini

1.   Fil-każ ta' valutazzjoni ta' wara l-bini, imsemmija fl-Artikoli 19 u 23 tad-Direttiva 2013/53/UE, fejn il-korp notifikat irid iwaħħal in-numru ta' identifikazzjoni tal-inġenju tal-ilma, li jaqa' taħt ir-responsabbiltà tiegħu, il-kodiċi uniku tal-manifattur jiġi indikat permezz tal-kodiċi ta' identifikazzjoni tal-valutazzjoni ta' wara l-bini u jiġi assenjat mill-awtorità nazzjonali tal-Istat Membru fejn il-korp innotifikat huwa stabbilit.

2.   Meta jiġi assenjat il-kodiċi ta' identifikazzjoni tal-valutazzjoni ta' wara l-bini, il-korpi notifikati għandhom jirreġistrawh fir-reġistru tal-korpi notifikati.

Artikolu 9

Tariffi

L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli dwar it-tariffi li japplikaw għall-assenjar tal-kodiċi uniku tal-manifattur.

KAPITOLU 4

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara d-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta' Jannar 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 354, 28.12.2013, p. 90.