29.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 348/7


DIRETTIVA TAL-KUNSILL (UE) 2017/2455

tal-5 ta' Diċembru 2017

li temenda d-Direttiva 2006/112/KE u d-Direttiva 2009/132/KE fir-rigward ta' ċerti obbligi tat-taxxa fuq il-valur miżjud għall-provvisti ta' servizzi u għall-bejgħ mill-bogħod ta' oġġetti

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġislattiva speċjali,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (3) tipprevedi skemi speċjali għall-impożizzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) għal persuni taxxabbli mhux stabbiliti li jipprovdu servizzi ta' telekomunikazzjoni, ta' xandir jew dawk fornuti b'mod elettroniku lil persuni mhux taxxabbli.

(2)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/132/KE (4) tipprevedi eżenzjoni mill-VAT għall-importazzjonijiet ta' kunsinni żgħar b'valur negliġibbli.

(3)

Il-valutazzjoni ta' dawk l-iskemi speċjali kif introdotti fl-1 ta' Jannar 2015 identifikat numru ta' oqsma fejn hemm lok għal titjib. L-ewwel nett, jenħtieġ li jitnaqqas il-piż għan-negozji mikro stabbiliti fi Stat Membru li kultant jipprovdu tali servizzi lil Stati Membri oħrajn sabiex jikkonformaw mal-obbligi tal-VAT fi Stati Membri oħrajn li mhumiex l-Istat Membru ta' stabbiliment tagħhom. Għaldaqstant jenħtieġ li jiġi introdott limitu li japplika madwar il-Komunità kollha li, f'ammonti mhux iżjed minnu, dawk il-provvisti jibqgħu soġġetti għall-VAT fl-Istat Membru ta' stabbiliment tagħhom. It-tieni, ir-rekwiżit ta' konformità mar-rekwiżiti tal-fatturar tal-Istati Membri kollha li lilhom jintbagħtu l-provvisti huwa wieħed li joħloq piżijiet kbar. B'hekk, sabiex jitnaqqsu l-piżijiet fuq in-negozji, jenħtieġ li r-regoli dwar il-fatturazzjoni jkunu dawk applikabbli fl-Istat Membru ta' identifikazzjoni tal-fornitur li juża l-iskemi speċjali. It-tielet, il-persuni taxxabbli mhux stabbiliti fil-Komunità iżda li għandhom reġistrazzjoni tal-VAT fi Stat Membru, per eżempju għaliex iwettqu tranżazzjonijiet okkażjonali soġġetti għall-VAT f'dak l-Istat Membru, la jistgħu jużaw l-iskema speċjali għall-persuni taxxabbli mhux stabbiliti fil-Komunità, u lanqas l-iskema speċjali għall-persuni taxxabbli stabbiliti fil-Komunità. Konsegwentement, jenħtieġ li tali persuni taxxabbli jitħallew jużaw l-iskema speċjali għall-persuni taxxabbli mhux stabbiliti fi ħdan l-Unjoni.

(4)

Barra minn hekk, il-valutazzjoni tal-iskemi speċjali għall-intaxxar tas-servizzi ta' telekomunikazzjoni, ta' xandir jew dawk fornuti b'mod elettroniku introdotti fl-1 ta' Jannar 2015 uriet li r-rekwiżit tal-preżentazzjoni tad-denunzja tal-VAT fi żmien 20 jum wara tmiem il-perijodu tat-taxxa kopert mid-denunzja huwa limitu ta' żmien qasir wisq, speċjalment għall-provvisti permezz ta' netwerk ta' telekomunikazzjoni, interfaċċa jew portal, fejn is-servizzi pprovduti minn fuq dak in-netwerk, dik l-interfaċċa jew dak il-portal ikunu preżunti li ġew ipprovduti mill-operatur tan-netwerk, interfaċċa jew portal, li jrid jiġbor l-informazzjoni sabiex jimla d-denunzja tal-VAT mingħand kull fornitur individwali tas-servizz. Il-valutazzjoni wriet ukoll li r-rekwiżit li jsiru korrezzjonijiet fid-denunzja tal-VAT tal-perijodu tat-taxxa kkonċernat huwa ta' piż kbir għall-persuni taxxabbli, peress li jista' jkollhom bżonn jerġgħu jippreżentaw diversi denunzji tal-VAT kull trimestru. Konsegwentement, jenħtieġ li l-iskadenza għall-preżentazzjoni tad-denunzja tal-VAT tiġi estiża minn 20 jum sal-aħħar tax-xahar wara tmiem il-perijodu tat-taxxa u jenħtieġ li l-persuni taxxabbli jitħallew jikkoreġu d-denunzji preċedenti tal-VAT f'denunzja sussegwenti minflok fid-denunzji tal-perijodi tat-taxxa li magħhom huma relatati l-korrezzjonijiet.

(5)

Sabiex jiġi evitat li l-persuni taxxabbli li jipprovdu servizzi, li mhumiex is-servizzi ta' telekomunikazzjoni, ta' xandir jew dawk fornuti b'mod elettroniku, lil persuni mhux taxxabbli jkollhom jiġu identifikati, għal finijiet tal-VAT, f'kull Stat Membru individwali fejn dawk is-servizzi huma soġġetti għall-VAT, jenħtieġ li l-Istati Membri jippermettu lill-persuni taxxabbli li jipprovdu tali servizzi sabiex jużaw is-sistema informatika għar-reġistrazzjoni u għad-denunzja u l-ħlas tal-VAT li tippermettilhom jiddikjaraw u jħallsu l-VAT fuq dawk is-servizzi fi Stat Membru wieħed.

(6)

Ir-realizzazzjoni tas-suq intern, il-globalizzazzjoni u t-tibdil teknoloġiku wasslu għat-tkabbir enormi tal-kummerċ elettroniku, u miegħu l-bejgħ mill-bogħod ta' oġġetti, kemm dak provdut minn Stat Membru għal ieħor, kif ukoll dak minn territorji terzi jew minn pajjiżi terzi lejn l-Unjoni. Id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttivi 2006/112/KE u 2009/132/KE jenħtieġ li jiġu adattati għal din l-evoluzzjoni, waqt li jitqiesu l-prinċipju ta' tassazzjoni fid-destinazzjoni, il-bżonn tal-protezzjoni tad-dħul mit-taxxa tal-Istati Membri, il-ħolqien ta' kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għan-negozji kkonċernati u t-tnaqqis tal-piżijiet fuqhom. Għalhekk, jenħtieġ li l-iskema speċjali għas-servizzi ta' telekomunikazzjoni, ta' xandir jew dawk fornuti b'mod elettroniku provduti minn persuni taxxabbli stabbiliti fl-Unjoni iżda mhux fl-Istat Membru tal-konsum tiġi estiża għall-bejgħ mill-bogħod intra-Komunitarju ta' oġġetti u jenħtieġ li tiddaħħal skema speċjali simili għall-bejgħ mill-bogħod ta' oġġetti importati minn territorji terzi jew pajjiżi terzi. Sabiex jiġi determinat b'mod ċar il-kamp ta' applikazzjoni tal-miżuri li japplikaw għall-bejgħ mill-bogħod intra-Komunitarju ta' oġġetti u bejgħ mill-bogħod ta' oġġetti importati minn territorji terzi jew pajjiżi terzi, dawk il-kunċetti għandhom jiġu ddefiniti.

(7)

Sehem maġġuri ta' bejgħ mill-bogħod ta' oġġetti, kemm fornuti minn Stat Membru għal ieħor kif ukoll minn territorji terzi jew pajjiżi terzi lejn l-Unjoni huwa ffaċilitat permezz tal-użu ta' interfaċċa elettronika bħal post tas-suq, pjattaforma, portal jew mezzi simili, li spiss jirrikorru għat-twettiq ta' arranġamenti tal-ħażna. Filwaqt li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li persuna oħra li mhix il-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT għandha tinżamm obbligata in solidum għall-ħlas tal-VAT f'tali każijiet, dan wera li kien insuffiċjenti biex jiġi żgurat ġbir effettiv u effiċjenti tal-VAT. Sabiex jinkiseb dak l-objettiv u jitnaqqas il-piż amministrattiv għal bejjiegħa, għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa u għall-konsumaturi, huwa għalhekk meħtieġ li jiġu involuti l-persuni taxxabbli li jiffaċilitaw il-bejgħ mill-bogħod ta' oġġetti permezz tal-użu ta' tali interfaċċa elettronika fil-ġbir tal-VAT fuq dak il-bejgħ billi jipprovdu li huma l-persuni li huma meqjusa li jagħmlu dak il-bejgħ. Għal bejgħ mill-bogħod ta' oġġetti importati minn territorji terzi jew pajjiżi terzi lejn l-Unjoni, dan għandu jkun ristrett għal bejgħ ta' oġġetti li huma mibgħuta jew ittrasportati f'kunsinni jew ta' valur intrinsiku li ma jaqbiżx EUR 150, li għaliha dikjarazzjoni doganali sħiħa fuq l-importazzjoni hija meħtieġa għal finijiet doganali.

(8)

Iż-żamma ta' rekords għal perijodu ta' mill-anqas għaxar snin fil-każ ta' provvisti minn persuni taxxabbli li jkunu ffaċilitati permezz ta' interfaċċa elettronika bħal suq, pjattaforma, portal jew mezzi simili hija meħtieġa biex tgħin lill-Istati Membri biex jivverifikaw li l-VAT tkun ġiet kontabbilizzata b'mod korrett fuq dawk il-provvisti. Il-perijodu ta' għaxar snin huwa konsistenti ma' dispożizzjonijiet eżistenti dwar iż-żamma ta' rekords. Fejn ir-rekords jikkonsistu minn data personali, huma għandhom jikkonformaw mad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data.

(9)

Sabiex jitnaqqas il-piż għan-negozji li jużaw l-iskema speċjali għall-bejgħ mill-bogħod intra-Komunitarju ta' oġġetti, jenħtieġ li jitneħħa l-obbligu li tinħareġ fattura għat-tali bejgħ. Sabiex tiġi pprovduta ċertezza legali lit-tali negozji, jenħtieġ li d-definizzjoni ta' dawk il-provvisti tal-oġġetti tiddikjara biċ-ċar li tapplika wkoll fejn l-oġġetti jiġu ttrasportati jew jintbagħtu għan-nom tal-fornitur inkluż meta l-fornitur jintervjeni indirettament fit-trasport tal-oġġetti jew biex jintbagħtu.

(10)

Il-kamp ta' applikazzjoni tal-iskema speċjali għall-bejgħ mill-bogħod ta' oġġetti importati minn territorji terzi jew pajjiżi terzi jenħtieġ li jkun ristrett għall-bejgħ ta' oġġetti b'valur intrinsiku li ma jaqbiżx EUR 150 li jintbagħtu direttament minn territorju terz jew pajjiż terz lil klijent fl-Unjoni, li fir-rigward ta' ammonti akbar minnu tkun meħtieġa dikjarazzjoni doganali sħiħa għal skopijiet doganali mal-importazzjoni. Oġġetti soġġetti għad-dazju tas-sisa għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tagħha peress li d-dazju tas-sisa huwa parti mill-ammont taxxabbli għall-VAT fuq l-importazzjoni. Sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja, jenħtieġ li tiddaħħal eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud mal-importazzjoni tal-oġġetti ddikjarati taħt dik l-iskema speċjali.

(11)

Barra minn hekk, sabiex tiġi evitata distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn il-fornituri ġewwa l-Komunità u dawk barra minnha, u sabiex jiġi evitat telf ta' dħul mit-taxxa, hemm bżonn li titneħħa l-eżenzjoni għall-importazzjonijiet ta' oġġetti f'kunsinni żgħar b'valur negliġibbli prevista fid-Direttiva 2009/132/KE.

(12)

Jenħtieġ li persuna taxxabbli li tuża l-iskema speċjali għall-bejgħ mill-bogħod ta' oġġetti importati minn territorji terzi jew pajjiżi terzi titħalla tinnomina intermedjarju stabbilit fl-Unjoni bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT u biex tissodisfa l-obbligi stabbiliti f'dik l-iskema speċjali f'isimha u għan-nom tagħha.

(13)

Sabiex ikun protett id-dħul mit-taxxa tal-Istati Membri, jenħtieġ li persuna taxxabbli mhux stabbilita fl-Unjoni li tuża din l-iskema speċjali tkun obbligata tinnomina intermedjarju. Madankollu, jenħtieġ li dak l-obbligu ma japplikax jekk il-persuna tkun stabbilita f'pajjiż li miegħu l-Unjoni kkonkludiet ftehim dwar l-assistenza reċiproka.

(14)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva fir-rigward tal-istabbiliment tal-lista ta' pajjiżi terzi li magħhom l-Unjoni kkonkludiet ftehim dwar l-assistenza reċiproka b'kamp ta' applikazzjoni simili għad-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE (5) u għar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 (6), jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħat ta' implimentazzjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). Peress li l-istabbiliment tal-lista ta' pajjiżi terzi huwa marbut direttament mal-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud, huwa xieraq li l-Kummissjoni tkun assistita mill-Kumitat Permanenti dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva mwaqqaf bl-Artikolu 58 tar-Regolament (UE) Nru 904/2010.

(15)

Wara t-tkabbir enormi tal-kummerċ elettroniku u ż-żieda li rriżultat fin-numru ta' kunsinni żgħar importati fl-Unjoni b'valur intrinsiku li ma jaqbiżx il-EUR 150, jenħtieġ li l-Istati Membri jippermettu b'mod sistematiku l-użu ta' arranġamenti speċjali għad-denunzja u għall-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni. Dawk l-arranġamenti jistgħu jiġu applikati fejn ma tintużax l-iskema speċjali għall-bejgħ mill-bogħod ta' oġġetti importati minn territorji terzi jew pajjiżi terzi. Fejn l-Istat Membru ta' importazzjoni ma jipprevedix l-applikazzjoni sistematika ta' rati mnaqqsa tal-VAT taħt dan l-arranġament speċjali, jenħtieġ li l-klijent aħħari jkun jista' jagħżel il-proċedura standard ta' importazzjoni sabiex jibbenefika minn rata potenzjalment imnaqqsa tal-VAT.

(16)

Fejn rilevanti, id-data tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva għandha tqis iż-żmien meħtieġ sabiex jiġu implimentati l-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva u sabiex l-Istati Membri jadattaw is-sistema informatika tagħhom għar-reġistrazzjoni u għad-denunzja u l-ħlas tal-VAT.

(17)

Peress li l-għanijiet ta' din id-Direttiva, jiġifieri s-simplifikazzjoni tal-obbligi tal-VAT, ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(18)

Skont id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni (8), l-Istati Membri ħadu l-impenn li f'każijiet ġustifikati jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom b'dokument wieħed jew iktar li jispjega r-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta' traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta' din id-Direttiva, il-leġislatur iqis li t-trasmissjoni ta' tali dokumenti hija ġustifikata.

(19)

Jenħtieġ għalhekk li d-Direttivi 2006/112/KE u 2009/132/KE jiġu emendati skont dan,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2006/112/KE b'effett mill-1 ta' Jannar 2019

B'effett mill-1 ta' Jannar 2019, id-Direttiva 2006/112/KE hija emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 58 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 58

1.   Il-post ta' provvista tas-servizzi li ġejjin lil persuna mhux taxxabbli għandu jkun il-post fejn hija stabbilita dik il-persuna, għandha l-indirizz permanenti tagħha jew fejn normalment tirrisjedi:

(a)

servizzi ta' telekomunikazzjoni;

(b)

servizzi ta' xandir fuq ir-radju u t-televiżjoni;

(c)

servizzi fornuti b'mod elettroniku, b'mod partikolari dawk imsemmija fl-Anness II.

Fejn il-fornitur ta' servizz u l-klijent jikkomunikaw permezz tal-posta elettronika, dak m'għandux fih innifsu jfisser li s-servizz provdut huwa servizz fornut b'mod elettroniku.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika fejn jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-fornitur huwa stabbilit jew, fin-nuqqas ta' stabbiliment, għandu l-indirizz permanenti tiegħu jew normalment jirrisjedi fi Stat Membru wieħed biss; u

(b)

is-servizzi jiġu fornuti lil persuni mhux taxxabbli li huma stabbiliti, jew għandhom l-indirizz permanenti tagħhom jew normalment jirrisjedu fi kwalunkwe Stat Membru minbarra l-Istat Membru msemmi fil-punt (a); u

(c)

il-valur totali, mingħajr VAT, tal-provvisti msemmija fil-punt (b) ma jaqbiżx EUR 10 000 fis-sena kalendarja kurrenti, jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali, u ma għamilx dan matul is-sena kalendarja preċedenti.

3.   Fejn, matul sena kalendarja, jinqabeż il-limitu msemmi fil-punt (c) tal-paragrafu 2, il-paragrafu 1 għandu japplika minn dak iż-żmien.

4.   L-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-fornituri msemmijin fil-paragrafu 2 huma stabbiliti jew, fin-nuqqas ta' stabbiliment, għandhom l-indirizz permanenti tagħhom jew normalment jirrisjedu, għandu jagħti lil dawk il-fornituri d-dritt li jagħżlu li l-post ta' provvista jiġi ddeterminat skont il-paragrafu 1, li fi kwalunkwe każ għandu jkopri sentejn kalendarji.

5.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jissorveljaw l-adempiment mill-persuna taxxabbli tal-kundizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2, 3 u 4.

6.   Il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali tal-ammont imsemmi fil-punt (c) tal-paragrafu 2 għandu jiġi kkalkulat billi tiġi applikata r-rata tal-kambju ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew fid-data tal-adozzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/2455 (*1).

(*1)  Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/2455 tal-5 ta' Diċembru 2017 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE u d-Direttiva 2009/132/KE fir-rigward ta' ċerti obbligi tat-taxxa fuq il-valur miżjud għall-provvisti ta' servizzi u għall-bejgħ mill-bogħod ta' oġġetti (ĠU L 348, 29.12.2017, p. 7).”;"

(2)

l-Artikolu 219a huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 219a

1.   Il-fatturazzjoni għandha tkun soġġetta għar-regoli li japplikaw fl-Istat Membru fejn ikun meqjus li tkun saret il-provvista ta' oġġetti jew servizzi, skont id-dispożizzjonijiet tat-Titolu V.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, il-fatturazzjoni għandha tkun soġġetta għar-regoli li ġejjin:

(a)

ir-regoli li japplikaw fl-Istat Membru fejn il-fornitur stabbilixxa n-negozju tiegħu jew fejn għandu stabbiliment fiss mnejn issir il-provvista jew, fin-nuqqas ta' tali post ta' stabbiliment jew ta' stabbiliment fiss, l-Istat Membru fejn il-fornitur għandu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn normalment jirrisjedi, fejn:

(i)

il-fornitur ma jkunx stabbilit fl-Istat Membru fejn ikun meqjus li tkun saret il-provvista tal-oġġetti jew is-servizzi, skont id-dispożizzjonijiet tat-Titolu V, jew l-istabbiliment tiegħu f'dak l-Istat Membru ma jintervjenix fil-provvista fis-sens tal-punt (b) tal-Artikolu 192a, u l-persuna responsabbli mill-ħlas tal-VAT tkun il-persuna li lilha jkunu ġew ipprovduti l-oġġetti jew is-servizzi sakemm il-klijent ma joħroġx il-fattura (awtofatturar);

(ii)

il-provvista ta' oġġetti jew servizzi ma tkunx meqjusa li saret ġewwa l-Komunità, skont id-dispożizzjonijiet tat-Titolu V;

(b)

ir-regoli li japplikaw fl-Istat Membru fejn huwa identifikat il-fornitur li jagħmel użu minn waħda mill-iskemi speċjali msemmijin fil-Kapitolu 6 tat-Titolu XII.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 244 sa 248.”;

(3)

fl-Artikolu 358a, il-punt (1) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(1)

‘persuna taxxabbli mhux stabbilita fil-Komunità’ tfisser persuna taxxabbli li ma tkunx stabbilixxiet in-negozju tagħha fit-territorju tal-Komunità u li ma jkollha l-ebda stabbiliment fiss hemmhekk;”;

(4)

fl-Artikolu 361(1), il-punt (e) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(e)

dikjarazzjoni li l-persuna ma tkunx stabbilixxiet in-negozju tagħha fit-territorju tal-Komunità u li ma jkollha l-ebda stabbiliment fiss hemmhekk.”.

Artikolu 2

Emendi għad-Direttiva 2006/112/KE b'effett mill-1 ta' Jannar 2021

B'effett mill-1 ta' Jannar 2021, id-Direttiva 2006/112/KE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 14, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4.   Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“bejgħ mill-bogħod intra-Komunitarju ta' oġġetti” tfisser provvisti ta' oġġetti mibgħuta jew ittrasportati mill-fornitur, jew għan-nom tiegħu, inkluż fejn il-fornitur jintervjeni indirettament biex l-oġġetti jiġu ttrasportati jew jintbagħtu, minn Stat Membru li mhuwiex dak li fih jintemm it-tluq jew it-trasport tal-oġġetti għand il-klijent, fejn jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-provvista tal-oġġetti ssir lil persuna taxxabbli, jew persuna legali mhux taxxabbli, li l-akkwisti intra-Komunitarji tagħha mhumiex soġġetti għall-VAT skont l-Artikolu 3(1), jew għal kull persuna oħra li mhix taxxabbli;

(b)

l-oġġetti pprovduti la huma mezz ġdid ta' trasport u lanqas oġġetti pprovduti wara l-immuntar jew l-installazzjoni, bi prova jew mingħajr, mill-fornitur jew għan-nom tiegħu;

(2)

“bejgħ mill-bogħod ta' oġġetti importati minn territorji terzi jew pajjiżi terzi” tfisser provvisti ta' oġġetti mibgħuta jew ittrasportati mill-fornitur, jew għan-nom tiegħu, inkluż fejn il-fornitur jintervjeni indirettament biex l-oġġetti jiġu ttrasportati jew jintbagħtu, minn territorju terz jew pajjiż terz, lil klijent fi Stat Membru, fejn jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-provvista tal-oġġetti ssir lil persuna taxxabbli, jew persuna legali mhux taxxabbli, li l-akkwisti intra-Komunitarji tagħha mhumiex soġġetti għall-VAT skont l-Artikolu 3(1), jew għal kull persuna oħra mhux taxxabbli;

(b)

l-oġġetti pprovduti la huma mezz ġdid ta' trasport u lanqas oġġetti pprovduti wara l-immuntar jew l-installazzjoni, bi prova jew mingħajr, mill-fornitur jew għan-nom tiegħu.”;

(2)

jiżdied l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 14a

1.   Fejn persuna taxxabbli tiffaċilita, permezz tal-użu ta' interfaċċa elettronika bħal post tas-suq, pjattaforma, portal jew mezzi simili, il-bejgħ mill-bogħod ta' oġġetti importati minn territorji terzi jew pajjiżi terzi f'kunsinni ta' valur intrinsiku li ma jaqbiżx EUR 150, dik il-persuna taxxabbli għandha titqies li rċeviet u forniet dawk l-oġġetti hi stess.

2.   Fejn persuna taxxabbli tiffaċilita, permezz tal-użu ta' interfaċċa elettronika bħal post tas-suq, pjattaforma, portal jew mezzi simili, il-provvista ta' oġġetti fi ħdan il-Komunità minn persuna taxxabbli mhux stabbilita fil-Komunità lil persuna mhux taxxabbli, il-persuna taxxabbli li tiffaċilita l-provvista għandha titqies li rċeviet u forniet dawk l-oġġetti hi stess.”;

(3)

l-Artikolu 33 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 33

B'deroga mill-Artikolu 32:

(a)

il-post tal-forniment f'bejgħ mill-bogħod intra-Komunitarju ta' oġġetti għandu jitqies li hu l-post fejn jinsabu l-oġġetti fil-mument fil-ħin li jintemm it-tluq jew it-trasport tal-oġġetti lill-klijent.

(b)

il-post tal-forniment f'bejgħ mill-bogħod ta' oġġetti importati minn territorji terzi jew pajjiżi terzi fi Stat Membru ieħor li ma jkunx dak fejn jintemm it-tluq jew it-trasport tal-oġġetti lill-klijent, għandu jitqies li hu l-post fejn jinsabu l-oġġetti fil-ħin li jintemm it-tluq jew it-trasport tal-oġġetti lill-klijent.

(c)

il-post tal-forniment ta' bejgħ mill-bogħod ta' oġġetti importati minn territorji terzi jew pajjiżi terzi fl-Istat Membru li fih jintemm it-tluq jew it-trasport tal-oġġetti lill-klijent għandu jitqies li qiegħed f'dak l-Istat Membru, dment li l-VAT fuq dawk l-oġġetti għandha tiġi ddikjarata taħt l-iskema speċjali tat-Taqsima 4 tal-Kapitolu 6 tat-Titolu XII.”;

(4)

l-Artikolu 34 jitħassar;

(5)

l-Artikolu 35 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 35

L-Artikolu 33 ma għandux japplika għal provvisti ta' oġġetti użati, xogħlijiet tal-arti, oġġetti tal-kollezzjoni u antikitajiet, kif iddefiniti fil-punti (1) sa (4) tal-Artikolu 311(1), lanqas għal provvisti ta' mezzi ta' trasport użati, kif iddefiniti fl-Artikolu 327(3), soġġetti għall-VAT skont l-arranġamenti speċjali rilevanti.”;

(6)

fl-Artikolu 58, jitħassru l-paragrafi 2 sa 6;

(7)

fit-Titolu V, jiżdied il-Kapitolu li ġej:

“KAPITOLU 3a

Limitu għall-persuni taxxabbli li jagħmlu provvisti ta' oġġetti koperti mill-punt (a) tal-Artikolu 33 u provvisti ta' servizzi koperti mill-Artikolu 58

Artikolu 59c

1.   Il-punt (a) tal-Artikolu 33 u l-Artikolu 58 ma għandhomx japplikaw fejn jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-fornitur huwa stabbilit jew, fin-nuqqas ta' stabbiliment, għandu l-indirizz permanenti tiegħu jew normalment jirrisjedi fi Stat Membru wieħed biss;

(b)

is-servizzi jiġu fornuti lil persuni mhux taxxabbli li huma stabbiliti, għandhom l-indirizz permanenti tagħhom jew normalment jirrisjedu fi kwalunkwe Stat Membru li mhuwiex l-Istat Membru msemmi fil-punt (a) jew l-oġġetti jintbagħtu jew huma ttrasportati lil kwalunkwe Stat Membru ieħor li mhuwiex l-Istat Membru msemmi fil-punt (a); u

(c)

il-valur totali, mingħajr VAT, tal-provvisti msemmija fil-punt (b) ma jaqbiżx fis-sena kalendarja kurrenti EUR 10 000, jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali, lanqas ma għamel dan matul is-sena kalendarja preċedenti.

2.   Fejn, matul sena kalendarja, jinqabeż il-limitu msemmi fil-punt (c) tal-paragrafu 1, il-punt (a) tal-Artikolu 33 u l-Artikolu 58 għandhom japplikaw minn dak iż-żmien.

3.   L-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsabu l-oġġetti fil-ħin li jibda t-tluq jew it-trasport tagħhom jew fejn huma stabbiliti l-persuni taxxabbli li jipprovdu servizzi ta' telekomunikazzjoni, ta' xandir fuq ir-radju u t-televiżjoni u servizzi fornuti b'mod elettroniku għandu jagħti lill-persuni taxxabbli li jwettqu l-provvisti eliġibbli taħt il-paragrafu 1, id-dritt li jagħżlu li l-post ta' provvista jiġi stabbilit skont il-punt (a) tal-Artikolu 33 u l-Artikolu 58, li fi kwalunkwe każ għandu jkopri sentejn kalendarji.

4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jimmonitorjaw l-adempiment mill-persuna taxxabbli tal-kundizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 1, 2 u 3.

5.   Il-valur korrispondenti tal-ammont fil-munita nazzjonali msemmi fil-punt (c) tal-paragrafu 1 għandu jiġi kkalkulat billi tiġi applikata r-rata tal-kambju ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew fid-data tal-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2017/2455.”;

(8)

jiżdied l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 66a

B'deroga mill-Artikoli 63, 64 u 65, fir-rigward ta' provvisti ta' oġġetti li għalihom il-VAT titħallas mill-persuna li tiffaċilita l-provvista skont l-Artikolu 14a, l-avveniment li jagħti lok għal ħlas għandu jseħħ u l-VAT għandha tiġi imposta malli l-ħlas ikun ġie aċċettat.”;

(9)

fl-Artikolu 143(1), jiddaħħal il-punt li ġej:

“(ca)

l-importazzjoni ta' oġġetti fejn il-VAT għandha tiġi ddikjarata taħt l-iskema speċjali fit-Taqsima 4 tal-Kapitolu 6 tat-Titolu XII u fejn, sa mhux aktar tard mill-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-importazzjoni, in-numru ta' identifikazzjoni tal-VAT individwali għall-applikazzjoni tal-iskema speċjali tal-fornitur jew tal-intermedjarju li jaġixxi għan-nom tiegħu allokat taħt l-Artikolu 369q ġie pprovdut lill-uffiċċju doganali kompetenti fl-Istat Membru tal-importazzjoni;”;

(10)

fl-Artikolu 220(1), il-punt (2) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(2)

il-provvisti ta' oġġetti kif imsemmija fl-Artikolu 33 ħlief meta persuna taxxabbli tuża l-iskema speċjali fit-Taqsima 3 tal-Kapitolu 6 tat-Titolu XII;”;

(11)

jiżdied l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 242a

1.   Fejn persuna taxxabbli tiffaċilita, permezz tal-użu ta' interfaċċa elettronika bħal post tas-suq, pjattaforma, portal jew mezzi simili, il-provvista ta' oġġetti jew servizzi lil persuna mhux taxxabbli fi ħdan il-Komunità skont id-dispożizzjonijiet tat-Titolu V, il-persuna taxxabbli li tiffaċilita l-provvista għandha tkun obbligata li żżomm reġistri ta' dawk il-provvisti. Dawk ir-reġistri għandhom ikunu f'dettall suffiċjenti sabiex jippermettu lill-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri fejn dawk il-provvisti huma taxxabbli biex jivverifikaw li l-VAT tkun ġiet kontabilizzata b'mod korrett.

2.   Dawk ir-reġistri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom isiru disponibbli b'mezzi elettroniċi fuq talba għall-Istati Membri kkonċernati.

Dawk ir-reġistri għandhom jinżammu għal perijodu ta' għaxar snin mill-aħħar tas-sena li matulha saret it-transazzjoni.”;

(12)

l-intestatura tal-Kapitolu 6 tat-Titolu XII hija sostitwita b'dan li ġej:

“Skemi speċjali għal persuni taxxabbli li jipprovdu servizzi lil persuni mhux taxxabbli jew li jagħmlu bejgħ mill-bogħod ta' oġġetti”;

(13)

fl-Artikolu 358, jitħassru l-punti 1, 2 u 3;

(14)

l-intestatura tat-Taqsima 2 hija sostitwita b'dan li ġej:

“Skema speċjali għal servizzi pprovduti minn persuni taxxabbli mhux stabbiliti fil-Komunità”;

(15)

fl-Artikolu 358a, jiżdied il-punt li ġej:

“(3)

“Stat Membru tal-konsum” tfisser l-Istat Membru fejn il-provvista ta' servizzi titqies li sseħħ skont il-Kapitolu 3 tat-Titolu V.”;

(16)

l-Artikolu 359 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 359

L-Istati Membri għandhom jippermettu lil kwalunkwe persuna taxxabbli li mhijiex stabbilita fil-Komunità li tipprovdi servizzi lil persuna mhux taxxabbli li hija stabbilita fi Stat Membru jew għandha l-indirizz permanenti tagħha jew normalment tirrisjedi fi Stat Membru, sabiex tuża din l-iskema speċjali. Din l-iskema tapplika għal dawk is-servizzi kollha pprovduti fil-Komunità.”;

(17)

l-Artikolu 362 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 362

L-Istat Membru ta' identifikazzjoni għandu jalloka lill-persuna taxxabbli mhux stabbilita fil-Komunità numru ta' identifikazzjoni tal-VAT individwali għall-applikazzjoni ta' din l-iskema speċjali u għandu jinnotifikaha b'dak in-numru permezz ta' mezzi elettroniċi. Abbażi tal-informazzjoni użata għal dik l-identifikazzjoni, l-Istati Membri tal-konsum jistgħu jużaw is-sistemi ta' identifikazzjoni tagħhom.”;

(18)

fl-Artikolu 363, il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(a)

jekk tinnotifika lil dak l-Istat Membru li ma għadhiex tipprovdi servizzi koperti minn din l-iskema speċjali;”;

(19)

l-Artikoli 364 u 365 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“Artikolu 364

Il-persuna taxxabbli mhux stabbilita fil-Komunità li tuża din l-iskema speċjali għandha tippreżenta permezz ta' mezzi elettroniċi lill-Istat Membru ta' identifikazzjoni denunzja tal-VAT għal kull tliet xhur kalendarji kemm jekk ġew ipprovduti servizzi koperti minn din l-iskema speċjali kif ukoll jekk le. Id-denunzja tal-VAT għandha tiġi ppreżentata sa tmiem ix-xahar sussegwenti għat-tmiem tal-perijodu tat-taxxa kopert mid-denunzja.

Artikolu 365

Id-denunzja tal-VAT għandha turi n-numru ta' identifikazzjoni tal-VAT individwali għall-applikazzjoni ta' din l-iskema speċjali u, għal kull Stat Membru ta' konsum fejn il-VAT hija dovuta, il-valur totali, mingħajr VAT, ta' provvisti ta' servizzi koperti minn din l-iskema speċjali mwettqa matul il-perijodu tat-taxxa u l-ammont totali għal kull rata tal-VAT korrispondenti. Ir-rati tal-VAT applikabbli u l-VAT totali dovuta għandhom jiġu indikati wkoll fid-denunzja.

Fejn ikunu meħtieġa xi emendi fid-denunzja tal-VAT wara li tkun ġiet preżentata, tali emendi għandhom ikunu inklużi f'denunzja sussegwenti fi żmien tliet snin wara d-data li fiha d-denunzja inizjali kienet meħtieġa tiġi ppreżentata skont l-Artikolu 364. Dik id-denunzja sussegwenti tal-VAT għandha tidentifika l-Istat Membru ta' konsum rilevanti, il-perijodu tat-taxxa u l-ammont tal-VAT li għalih l-emendi jkunu meħtieġa.”;

(20)

l-Artikolu 368 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 368

Il-persuna taxxabbli li mhijiex stabbilita fil-Komunità li tuża din l-iskema speċjali ma tistax tnaqqas il-VAT skont l-Artikolu 168 ta' din id-Direttiva. Minkejja l-punt (1) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 86/560/KEE, il-persuna taxxabbli inkwistjoni għandha tiġi rimborżata skont dik id-Direttiva. L-Artikolu 2(2) u (3), u l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 86/560/KEE ma għandhomx japplikaw għal rifużjonijiet li jirrigwardaw servizzi koperti minn din l-iskema speċjali.

Jekk il-persuna taxxabbli li tuża din l-iskema speċjali tkun meħtieġa tkun reġistrata fi Stat Membru għal attivitajiet li mhumiex koperti minn din l-iskema speċjali, hija għandha tnaqqas il-VAT imħallsa f'dak l-Istat Membru fir-rigward tal-attivitajiet taxxabbli tagħha li huma koperti minn din l-iskema speċjali fid-denunzja tal-VAT li għandha tiġi ppreżentata skont l-Artikolu 250 ta' din id-Direttiva.”;

(21)

l-intestatura tat-Taqsima 3 tal-Kapitolu 6 tat-Titolu XII hija sostitwita b'dan li ġej:

“Skema speċjali għal bejgħ mill-bogħod intra-Komunitarju ta' oġġetti u għal servizzi pprovduti minn persuni taxxabbli stabbiliti fil-Komunità iżda mhux fl-Istat Membru tal-konsum”;

(22)

fl-Artikolu 369a, jiżdied il-punt li ġej:

“(3)

‘Stat Membru tal-konsum’ tfisser l-Istat Membru fejn titqies li ssir il-provvista tas-servizzi skont il-Kapitolu 3 tat-Titolu V jew, fil-każ ta' bejgħ mill-bogħod intra-Komunitarju ta' oġġetti, l-Istat Membru fejn jintemm it-tluq jew it-trasport ta' oġġetti lill-klijent.”;

(23)

l-Artikoli 369b u 369c huma sostitwiti b'dan li ġej:

“Artikolu 369b

L-Istati Membri għandhom jippermettu lil kwalunkwe persuna taxxabbli twettaq bejgħ mill-bogħod intra-Komunitarju ta' oġġetti u lil kwalunkwe persuna taxxabbli mhux stabbilita fl-Istat Membru tal-konsum tipprovdi servizzi lil persuna mhux taxxabbli sabiex jużaw din l-iskema speċjali. Din l-iskema speċjali għandha tapplika għal dawk l-oġġetti jew servizzi kollha pprovduti fil-Komunità.

Artikolu 369c

Persuna taxxabbli għandha tiddikjara lill-Istat Membru ta' identifikazzjoni meta tibda u tieqaf mill-attivitajiet taxxabbli tagħha koperti b'din l-iskema speċjali, jew tbiddel dawk l-attivitajiet b'tali mod li ma tibqax tissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-użu ta' din l-iskema speċjali. Hi għandha tikkomunika dik l-informazzjoni b'mezzi elettroniċi.”;

(24)

l-Artikolu 369e huwa emendat kif ġej:

(a)

il-kliem introduttorju huwa sostitwit b'dan li ġej:

“L-Istat Membru ta' identifikazzjoni għandu jeskludi lil persuna taxxabbli mill-iskema speċjali fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:”;

(b)

il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(a)

jekk tinnotifika li ma għadhiex twettaq bejgħ mill-bogħod intra-Komunitarju ta' oġġetti u provvisti ta' servizzi koperti minn din l-iskema speċjali;”;

(25)

l-Artikoli 369f u 369 g huma sostitwiti b'dan li ġej:

“Artikolu 369f

Il-persuna taxxabbli li tuża din l-iskema speċjali għandha tippreżenta lill-Istat Membru ta' identifikazzjoni permezz ta' mezzi elettroniċi denunzja tal-VAT għal kull tliet xhur kalendarji, kemm jekk sar bejgħ mill-bogħod intra-Komunitarju ta' oġġetti jew kemm jekk ġew ipprovduti servizzi koperti minn din l-iskema speċjali jew le. Id-denunzja tal-VAT għandha tiġi ppreżentata sa tmiem ix-xahar sussegwenti għat-tmiem tal-perijodu tat-taxxa kopert mid-denunzja.

Artikolu 369g

1.   Id-denunzja tal-VAT għandha turi n-numru ta' identifikazzjoni tal-VAT imsemmi fl-Artikolu 369d u, għal kull Stat Membru ta' konsum fejn hi dovuta l-VAT, il-valur totali, mingħajr VAT, tal-bejgħ mill-bogħod intra-Komunitarju ta' oġġetti kif ukoll tal-provvisti ta' servizzi koperti minn din l-iskema speċjali mwettqa matul il-perijodu tat-taxxa u l-ammont totali skont ir-rata tal-VAT korrispondenti. Ir-rati tal-VAT applikabbli u l-VAT totali dovuta jridu jiġu indikati wkoll fid-denunzja. Id-denunzja tal-VAT għandha tinkludi wkoll emendi relatati mal-perijodi tat-taxxa preċedenti kif previst fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu.

2.   Fejn, fil-każ ta' bejgħ mill-bogħod intra-Komunitarju ta' oġġetti kopert minn din l-iskema speċjali, l-oġġetti jintbagħtu jew jiġu ttrasportati minn Stati Membri oħrajn li mhumiex l-Istat Membru ta' identifikazzjoni, id-denunzja tal-VAT għandha tinkludi wkoll il-valur totali tat-tali bejgħ għal kull Stat Membru mnejn jintbagħtu jew jiġu ttrasportati l-oġġetti, flimkien man-numru ta' identifikazzjoni individwali tal-VAT jew in-numru ta' referenza tat-taxxa allokat minn kull tali Stat Membru. Id-denunzja tal-VAT għandha tinkludi din l-informazzjoni għal kull Stat Membru li mhuwiex l-Istat Membru ta' identifikazzjoni, disaggregata skont l-Istat Membru tal-konsum.

3.   Fejn il-persuna taxxabbli li tipprovdi servizzi koperti minn din l-iskema speċjali jkollha stabbiliment fiss wieħed jew aktar, li mhumiex dawk fl-Istat Membru ta' identifikazzjoni, li minnhom jiġu pprovduti s-servizzi, id-denunzja tal-VAT għandha tinkludi wkoll il-valur totali ta' tali provvisti, għal kull Stat Membru li fih hija jkollha stabbiliment, flimkien man-numru ta' identifikazzjoni individwali tal-VAT jew in-numru ta' referenza tat-taxxa ta' dan l-istabbiliment, disaggregat skont l-Istat Membru ta' konsum.

4.   Fejn tkun meħtieġa kwalunkwe emenda għad-denunzja tal-VAT wara l-preżentazzjoni tagħha, tali emenda għandha tiġi inkluża f'denunzja sussegwenti fi żmien tliet snin wara d-data li fiha kien jeħtieġ li tiġi ppreżentata d-denunzja inizjali skont l-Artikolu 369f. Dik id-denunzja sussegwenti tal-VAT għandha tidentifika l-Istat Membru ta' konsum rilevanti, il-perijodu tat-taxxa u l-ammont tal-VAT li għalih l-emendi jkunu meħtieġa.”;

(26)

fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 369h(1), it-tieni sentenza hija sostitwita b'dan li ġej:

“Jekk il-provvisti jkunu saru f'muniti oħrajn, il-persuna taxxabbli li tuża din l-iskema speċjali għandha, għall-finijiet li timla' d-denunzja tal-VAT, tuża r-rata tal-kambju li tapplika fl-aħħar data tal-perijodu tat-taxxa.”;

(27)

fl-Artikolu 369i, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Il-persuna taxxabbli li tuża din l-iskema speċjali għandha tħallas il-VAT, filwaqt li tagħmel referenza għad-denunzja tal-VAT rilevanti, mhux aktar tard mill-iskadenza sa meta d-denunzja trid tiġi ppreżentata.”;

(28)

l-Artikolu 369j huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 369j

Il-persuna taxxabbli li tuża din l-iskema speċjali ma tistax, fir-rigward tal-attivitajiet taxxabbli tagħha koperti minn din l-iskema speċjali, tnaqqas il-VAT imposta fl-Istat Membru tal-konsum skont l-Artikolu 168 ta' din id-Direttiva. Minkejja l-Artikolu 2(1), l-Artikolu 3 u l-punt (e) tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/9/KE, il-persuna taxxabbli inkwistjoni għandha tingħata rifużjoni skont dik id-Direttiva.

Jekk il-persuna taxxabbli li tuża din l-iskema speċjali tkun meħtieġa tkun reġistrata fi Stat Membru għal attivitajiet li mhumiex koperti minn din l-iskema speċjali, hija għandha tnaqqas il-VAT imposta f'dak l-Istat Membru fir-rigward tal-attivitajiet taxxabbli tagħha li huma koperti minn din l-iskema speċjali fid-denunzja tal-VAT li għandha tiġi ppreżentata skont l-Artikolu 250 ta' din id-Direttiva.”;

(29)

fl-Artikolu 369k, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Il-persuna taxxabbli li tuża din l-iskema speċjali għandha żżomm reġistri tat-transazzjonijiet koperti minn din l-iskema speċjali. Dawk ir-reġistri għandhom ikunu dettaljati biżżejjed biex jippermettu lill-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istat Membru tal-konsum jivverifikaw li d-denunzja tal-VAT hija korretta.”;

(30)

fil-Kapitolu 6 tat-Titolu XII, tiżdied it-Taqsima 4 li ġejja:

“TAQSIMA 4

Skema speċjali għall-bejgħ mill-bogħod ta' oġġetti importati minn territorji terzi jew pajjiżi terzi

Artikolu 369l

Għall-finijiet ta' din it-Taqsima, il-bejgħ mill-bogħod ta' oġġetti importati minn territorji terzi jew pajjiżi terzi għandu jkopri biss oġġetti, minbarra oġġetti soġġetti għad-dazju tas-sisa, f'kunsinni ta' valur intrinsiku li ma jaqbiżx EUR 150.

Għall-finijiet ta' din it-Taqsima, u mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet Komunitarji oħrajn, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

‘persuna taxxabbli mhux stabbilita fil-Komunità’ tfisser persuna taxxabbli li ma tkunx stabbilixxiet in-negozju tagħha fit-territorju tal-Komunità u li ma jkollha l-ebda stabbiliment fiss hemmhekk;

(2)

‘intermedjarju’ tfisser persuna stabbilita fil-Komunità maħtura mill-persuna taxxabbli li twettaq il-bejgħ mill-bogħod ta' oġġetti importati minn territorji terzi jew pajjiżi terzi bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT u għall-adempiment tal-obbligi stabbiliti f'din l-iskema speċjali f'isem il-persuna taxxabbli jew għan-nom tagħha;

(3)

‘Stat Membru ta' identifikazzjoni’ tfisser dan li ġej:

(a)

fejn il-persuna taxxabbli ma tkunx stabbilita fil-Komunità, l-Istat Membru li fih hija tagħżel li tkun reġistrata;

(b)

fejn il-persuna taxxabbli tkun stabbilixxiet in-negozju tagħha barra l-Komunità, iżda jkollha stabbiliment fiss wieħed jew aktar fiha, l-Istat Membru bi stabbiliment fiss fejn il-persuna taxxabbli tindika li ser tuża din l-iskema speċjali;

(c)

fejn il-persuna taxxabbli tkun stabbilixxiet in-negozju tagħha fi Stat Membru, dak l-Istat Membru;

(d)

fejn l-intermedjarju jkun stabbilixxa n-negozju tiegħu fi Stat Membru, dak l-Istat Membru;

(e)

fejn l-intermedjarju jkun stabbilixxa n-negozju tiegħu barra l-Komunità, iżda jkollu stabbiliment fiss wieħed jew aktar fiha, l-Istat Membru bi stabbiliment fiss fejn l-intermedjarju jindika li ser juża din l-iskema speċjali.

Għall-finijiet tal-punti (b) u (e), fejn il-persuna taxxabbli jew l-intermedjarju jkollu aktar minn stabbiliment wieħed fiss fil-Komunità huwa għandu jkun marbut bid-deċiżjoni li jindika l-Istat Membru ta' stabbiliment għas-sena kalendarja konċernata u għas-sentejn kalendarji ta' wara;

(4)

‘Stat Membru tal-konsum’ tfisser l-Istat Membru fejn jintemm it-tluq jew it-trasport ta' oġġetti lill-klijent.

Artikolu 369m

1.   L-Istati Membri għandhom jippermettu lill-persuni taxxabbli li ġejjin li jwettqu bejgħ mill-bogħod ta' oġġetti importati minn territorji terzi jew pajjiżi terzi biex jużaw din l-iskema speċjali:

(a)

kwalunkwe persuna taxxabbli stabbilita fil-Komunità li twettaq bejgħ mill-bogħod ta' oġġetti importati minn territorji terzi jew pajjiżi terzi;

(b)

kwalunkwe persuna taxxabbli sew jekk stabbilita fil-Komunità jew le li twettaq bejgħ mill-bogħod ta' oġġetti importati minn territorji terzi jew pajjiżi terzi u li hija rappreżentata minn intermedjarju stabbilit fil-Komunità;

(c)

kwalunkwe persuna taxxabbli stabbilita f'pajjiż terz li miegħu l-Unjoni kkonkludiet ftehim dwar l-assistenza reċiproka b'kamp ta' applikazzjoni simili għad-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE (*2) u għar-Regolament (UE) Nru 904/2010 u li twettaq bejgħ mill-bogħod ta' oġġetti importati minn dak il-pajjiż terz.

Dawk il-persuni taxxabbli għandhom japplikaw din l-iskema speċjali għall-bejgħ mill-bogħod tagħhom kollu ta' oġġetti importati minn territorji terzi jew pajjiżi terzi.

2.   Għall-finijiet tal-punt (b) tal-paragrafu 1, kwalunkwe persuna taxxabbli ma tistax taħtar aktar minn intermedjarju wieħed fl-istess waqt.

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta att ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu l-lista ta' pajjiżi terzi msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Dak l-att ta' implimentazzjoni għandu jiġi adottat f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 u, għal dan l-għan, il-kumitat għandu jkun il-kumitat stabbilit mill-Artikolu 58 tar-Regolament (UE) Nru 904/2010.

Artikolu 369n

Għall-bejgħ mill-bogħod ta' oġġetti importati minn territorji terzi jew pajjiżi terzi li fuqhom hija ddikjarata l-VAT taħt din l-iskema speċjali, l-avveniment li jagħti lok għal ħlas għandu jseħħ u l-VAT għandha tiġi imposta fil-mument tal-provvista. L-oġġetti għandhom jitqiesu li ġew ipprovduti malli l-ħlas ikun ġie aċċettat.

Artikolu 369o

Il-persuna taxxabbli li tuża din l-iskema speċjali jew intermedjarju li jaġixxi għan-nom tagħha għandhom jiddikjaraw lill-Istat Membru ta' identifikazzjoni meta hija tibda u tieqaf mill-attivitajiet tagħha taħt din l-iskema speċjali, jew meta tbiddel dik l-attività b'tali mod li ma tibqax tissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-użu ta' din l-iskema speċjali. Dik l-informazzjoni għandha tiġi kkomunikata b'mezzi elettroniċi.

Artikolu 369p

1.   L-informazzjoni li l-persuna taxxabbli li ma tużax intermedjarju trid tipprovdi lill-Istat Membru ta' identifikazzjoni qabel ma tibda tuża din l-iskema speċjali għandu jkun fiha d-dettalji li ġejjin:

(a)

isem;

(b)

indirizz postali;

(c)

indirizz elettroniku u siti tal-Internet;

(d)

numru ta' identifikazzjoni tal-VAT jew numru tal-kodiċi fiskali nazzjonali.

2.   L-informazzjoni li l-intermedjarju jrid jipprovdi lill-Istat Membru ta' identifikazzjoni qabel ma jibda juża din l-iskema speċjali għan-nom ta' persuna taxxabbli għandu jkun fiha d-dettalji li ġejjin:

(a)

isem;

(b)

indirizz postali;

(c)

indirizz elettroniku;

(d)

numru ta' identifikazzjoni tal-VAT.

3.   L-informazzjoni li l-intermedjarju għandu jipprovdi lill-Istat Membru ta' identifikazzjoni fir-rigward ta' kull persuna taxxabbli li huwa jirrappreżenta qabel dik il-persuna taxxabbli tibda l-użu ta' din l-iskema speċjali għandu jkun fiha d-dettalji li ġejjin:

(a)

isem;

(b)

indirizz postali;

(c)

indirizz elettroniku u siti tal-Internet;

(d)

numru ta' identifikazzjoni tal-VAT jew numru tal-kodiċi fiskali nazzjonali;

(e)

in-numru ta' identifikazzjoni individwali tiegħu allokat skont l-Artikolu 369q(2a).

4.   Kwalunkwe persuna taxxabbli li tuża din l-iskema speċjali jew, fejn applikabbli, l-intermedjarju tagħha, għandhom jinnotifikaw lill-Istat Membru ta' identifikazzjoni bi kwalunkwe bidla fl-informazzjoni pprovduta.

Artikolu 369q

1.   L-Istat Membru ta' identifikazzjoni għandu jalloka lill-persuna taxxabbli li tuża din l-iskema speċjali numru ta' identifikazzjoni tal-VAT individwali għall-applikazzjoni ta' din l-iskema speċjali u għandu jinnotifikaha b'dak in-numru permezz ta' mezzi elettroniċi.

2.   L-Istat Membru ta' identifikazzjoni għandu jalloka lill-intermedjarju numru ta' identifikazzjoni individwali u għandu jinnotifikah b'dak in-numru permezz ta' mezzi elettroniċi.

3.   L-Istat Membru ta' identifikazzjoni għandu jalloka numru ta' identifikazzjoni individwali tal-VAT għall-applikazzjoni ta' din l-iskema speċjali lill-intermedjarju fir-rigward ta' kull persuna taxxabbli li għaliha huwa jkun inħatar.

4.   In-numru ta' identifikazzjoni tal-VAT allokat taħt il-paragrafi 1, 2 u 2a għandu jintuża biss għall-finijiet ta' din l-iskema speċjali.

Artikolu 369r

1.   L-Istat Membru ta' identifikazzjoni għandu jħassar lill-persuna taxxabbli li ma tużax intermedjarju mir-reġistru ta' identifikazzjoni fil-każijiet li ġejjin:

(a)

jekk hija tinnotifika lill-Istat Membru ta' identifikazzjoni li ma għadhiex twettaq bejgħ mill-bogħod ta' oġġetti importati minn territorji terzi jew pajjiżi terzi;

(b)

jekk b'xi mod ieħor jista' jiġi preżunt li waqfu l-attivitajiet taxxabbli tagħha ta' bejgħ mill-bogħod ta' oġġetti importati minn territorji terzi jew pajjiżi terzi;

(c)

jekk hija ma tibqax tissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-użu ta' din l-iskema speċjali;

(d)

jekk b'mod persistenti hija ma tikkonformax mar-regoli relatati ma' din l-iskema speċjali.

2.   L-Istat Membru ta' identifikazzjoni għandu jħassar lill-intermedjarju mir-reġistru ta' identifikazzjoni fil-każijiet li ġejjin:

(a)

jekk għal perijodu ta' sitt xhur kalendarji konsekuttivi huwa ma jkunx aġixxa bħala intermedjarju għan-nom ta' persuna taxxabbli li tuża din l-iskema speċjali;

(b)

jekk huwa ma jibqax jissodisfa l-kondizzjonijiet l-oħrajn neċessarji biex jaġixxi bħala intermedjarju;

(c)

jekk b'mod persistenti huwa ma jikkonformax mar-regoli relatati ma' din l-iskema speċjali.

3.   L-Istat Membru ta' identifikazzjoni għandu jħassar lill-persuna taxxabbli rrappreżentata minn intermedjarju mir-reġistru ta' identifikazzjoni fil-każijiet li ġejjin:

(a)

jekk l-intermedjarju jinnotifika lill-Istat Membru ta' identifikazzjoni li din il-persuna taxxabbli ma għadhiex twettaq bejgħ mill-bogħod ta' oġġetti importati minn territorji terzi jew pajjiżi terzi;

(b)

jekk b'xi mod ieħor jista' jiġi preżunt li waqfu l-attivitajiet taxxabbli ta' bejgħ mill-bogħod ta' oġġetti importata minn territorji terzi jew pajjiżi terzi ta' din il-persuna taxxabbli;

(c)

jekk din il-persuna taxxabbli ma tibqax tissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-użu ta' din l-iskema speċjali;

(d)

jekk din il-persuna taxxabbli b'mod persistenti ma tikkonformax mar-regoli relatati ma' din l-iskema speċjali;

(e)

jekk l-intermedjarju jinnotifika lill-Istat Membru ta' identifikazzjoni li huwa m'għadux jirrappreżenta din il-persuna taxxabbli.

Artikolu 369s

Il-persuna taxxabbli li tuża din l-iskema speċjali jew l-intermedjarju tagħha għandhom jippreżentaw b'mezzi elettroniċi lill-Istat Membru ta' identifikazzjoni denunzja tal-VAT għal kull xahar, kemm jekk sar bejgħ mill-bogħod ta' oġġetti importati minn territorji terzi jew pajjiżi terzi kif ukoll jekk le. Id-denunzja tal-VAT għandha tiġi ppreżentata sa tmiem ix-xahar sussegwenti għat-tmiem tal-perijodu tat-taxxa kopert mid-denunzja.

Fejn denunzja tal-VAT trid tiġi ppreżentata f'konformità mal-ewwel paragrafu, l-Istati Membri ma għandhomx jimponu, għall-finijiet tal-VAT, kwalunkwe obbligu addizzjonali jew xi formalità oħra mal-importazzjoni.

Artikolu 369t

1.   Id-denunzja tal-VAT għandha turi n-numru ta' identifikazzjoni tal-VAT imsemmi fl-Artikolu 369q u, għal kull Stat Membru ta' konsum fejn hi dovuta l-VAT, il-valur totali, mingħajr VAT, tal-bejgħ mill-bogħod ta' oġġetti importati minn territorji terzi jew pajjiżi terzi li fuqhom tiġi imposta l-VAT matul il-perijodu tat-taxxa u l-ammont totali skont ir-rata tal-VAT korrispondenti. Ir-rati tal-VAT applikabbli u l-VAT totali dovuta għandhom jiġu indikati wkoll fid-denunzja.

2.   Fejn tkun meħtieġa kwalunkwe emenda għad-denunzja tal-VAT wara l-preżentazzjoni tagħha, tali emenda għandha tiġi inkluża f'denunzja sussegwenti fi żmien tliet snin wara d-data li fiha kien jeħtieġ li tiġi ppreżentata d-denunzja inizjali skont l-Artikolu 369 s. Dik id-denunzja sussegwenti tal-VAT għandha tidentifika l-Istat Membru ta' konsum rilevanti, il-perijodu tat-taxxa u l-ammont tal-VAT li għalih l-emendi jkunu meħtieġa.

Artikolu 369u

1.   Id-denunzja tal-VAT għandha ssir bl-euro.

L-Istati Membri li l-munita tagħhom m'hijiex l-euro jistgħu jitolbu li d-denunzja tal-VAT issir bil-munita nazzjonali tagħhom. Jekk il-provvisti jkunu saru b'muniti oħrajn, il-persuna taxxabbli li tuża din l-iskema speċjali jew l-intermedjarju tagħha għandhom, għall-finijiet ta' mili tad-denunzja tal-VAT, jużaw ir-rata tal-kambju li tapplika fl-aħħar data tal-perijodu tat-taxxa.

2.   Il-konverżjoni għandha ssir bl-applikazzjoni tar-rati tal-kambju ppubblikati mill-Bank Ċentrali Ewropew għal dak il-jum, jew, jekk ma jkun hemm l-ebda pubblikazzjoni f'dak il-jum, fil-jum tal-pubblikazzjoni li jmiss.

Artikolu 369v

Il-persuna taxxabbli li tuża din l-iskema speċjali jew l-intermedju tagħha għandhom iħallsu l-VAT, filwaqt li jagħmlu referenza għad-denunzja tal-VAT rilevanti mhux aktar tard mill-iskadenza sa meta d-denunzja trid tiġi ppreżentata.

Il-ħlas għandu jsir f'kont bankarju denominat fl-euro, magħżul mill-Istat Membru ta' identifikazzjoni. L-Istati Membri li ma adottawx l-euro jistgħu jitolbu li l-ħlas isir f'kont bankarju denominat fil-munita tagħhom stess.

Artikolu 369w

Il-persuna taxxabbli li tuża din l-iskema speċjali ma tistax, fir-rigward tal-attivitajiet taxxabbli tagħha koperti minn din l-iskema speċjali, tnaqqas il-VAT imposta fl-Istati Membri tal-konsum skont l-Artikolu 168 ta' din id-Direttiva. Minkejja l-punt (1) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 86/560/KEE u l-punt (1) tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/9/KE, il-persuna taxxabbli inkwistjoni għandha tiġi rimborżata f'konformità ma' dawk id-Direttivi. L-Artikolu 2(2) u (3) u l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 86/560/KEE ma għandhomx japplikaw għal rifużjonijiet li jirrigwardaw oġġetti koperti minn din l-iskema speċjali.

Jekk il-persuna taxxabbli li tuża din l-iskema speċjali tkun meħtieġa tkun reġistrata fi Stat Membru għal attivitajiet mhux koperti minn din l-iskema speċjali, hija għandha tnaqqas il-VAT imposta f'dak l-Istat Membru fir-rigward tal-attivitajiet taxxabbli tagħha li huma koperti minn din l-iskema speċjali fid-denunzja tal-VAT li għandha tiġi ppreżentata skont l-Artikolu 250 ta' din id-Direttiva.

Artikolu 369x

1.   Il-persuna taxxabbli li tuża din l-iskema speċjali għandha żżomm reġistri tat-transazzjonijiet koperti minn din l-iskema speċjali. Intermedjarju għandu jżomm reġistri għal kull persuna taxxabbli li jirrappreżenta. Dawk ir-reġistri għandhom ikunu dettaljati biżżejjed biex jippermettu lill-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istat Membru tal-konsum jivverifikaw li d-denunzja tal-VAT hija korretta.

2.   Ir-reġistri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom isiru disponibbli b'mezzi elettroniċi fuq talba għall-Istat Membru ta' konsum u għall-Istat Membru ta' identifikazzjoni.

Dawk ir-reġistri għandhom jinżammu għal perijodu ta' għaxar snin mill-aħħar tas-sena li matulha saret it-transazzjoni.

(*2)  Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE tas-16 ta' Marzu 2010 dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta' talbiet relatati ma' taxxi, dazji u miżuri oħra (ĠU L 84, 31.3.2010, p. 1).”;"

(31)

fit-Titolu XII, jiżdiedu l-Kapitoli li ġejjin:

“KAPITOLU 7

Arranġamenti speċjali għad-dikjarazzjoni u għall-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjonijiet

Artikolu 369y

Fejn, għall-importazzjoni ta' oġġetti, minbarra oġġetti soġġetti għad-dazji tas-sisa, f'kunsinni ta' valur intrinsiku li ma jaqbiżx EUR 150, ma tintużax l-iskema speċjali msemmija fit-Taqsima 4 tal-Kapitolu 6, l-Istat Membru ta' importazzjoni għandu jippermetti lill-persuna li tippreżenta l-oġġetti lid-dwana għan-nom tal-persuna li għaliha huma destinati l-oġġetti fit-territorju tal-Komunità biex tuża l-arranġamenti speċjali għad-dikjarazzjoni u għall-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjonijiet fir-rigward ta' oġġetti li għalihom it-tluq jew it-trasport jintemm f'dak l-Istat Membru.

Artikolu 369z

1.   Għall-finijiet ta' dan l-arranġament speċjali, għandhom japplikaw dawn li ġejjin:

(a)

il-persuna li għaliha jkunu destinati l-oġġetti għandha tkun responsabbli għall-ħlas tal-VAT;

(b)

il-persuna li tippreżenta l-oġġetti lid-dwana fit-territorju tal-Komunità għandha tiġbor il-VAT mingħand il-persuna li għaliha jkunu destinati l-oġġetti u tħallas tali VAT.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-persuna li tippreżenta l-oġġetti lid-dwana fit-territorju tal-Komunità tieħu l-miżuri adatti sabiex tiżgura li titħallas it-taxxa korretta mill-persuna li għaliha huma destinati l-oġġetti.

Artikolu 369za

B'deroga mill-Artikolu 94(2), l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li r-rata standard tal-VAT applikabbli fl-Istat Membru ta' importazzjoni tkun applikabbli meta jintuża dan l-arranġament speċjali.

Artikolu 369zb

1.   L-Istati Membri għandhom jippermettu li l-VAT miġbura taħt dan l-arranġament speċjali tiġi rrapportata b'mezzi elettroniċi f'dikjarazzjoni ta' kull xahar. Id-dikjarazzjoni għandha turi l-VAT totali miġbura matul ix-xahar kalendarju rilevanti.

2.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-VAT imsemmija fil-paragrafu 1 titħallas sa tmiem ix-xahar ta' wara l-importazzjoni.

3.   Il-persuni li jużaw dan l-arranġament speċjali għandhom iżommu reġistri tat-tranżazzjonijiet koperti minn dan l-arranġament speċjali għal perijodu ta' żmien li għandu jiġi stabbilit mill-Istat Membru ta' importazzjoni. Dawk ir-reġistri għandhom ikunu dettaljati biżżejjed sabiex jippermettu lill-awtoritajiet tat-taxxa jew dawk doganali tal-Istat Membru ta' importazzjoni jivverifikaw li l-VAT iddikjarata hija korretta u li ssir disponibbli b'mod elettroniku fuq talba għall-Istat Membru ta' importazzjoni.

KAPITOLU 8

Il-valuri tal-kambju

Artikolu 369zc

1.   Il-valur tal-kambju tal-euro fil-munita nazzjonali li għandu jiġi kkunsidrat għall-ammont imsemmi fl-Artikoli 369 l u 369y għandu jkun stabbilit darba fis-sena. Ir-rati li għandhom ikunu applikati għandhom ikunu dawk applikabbli fl-ewwel ġurnata tax-xogħol f'Ottubru u għandhom jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar tas-sena ta' wara.

2.   L-Istati Membri jistgħu jaġġustaw għad-dritt l-ammont fil-munita nazzjonali billi jikkonvertu l-ammonti f'euro.

3.   L-Istati Membri jistgħu jkomplu japplikaw l-ammont fis-seħħ fil-ħin tal-aġġustament annwali previst fil-paragrafu 1, jekk il-konverżjoni tal-ammont espress f'euro twassal, qabel ma jsir l-aġġustament għad-dritt kif previst fil-paragrafu 2, għal alterazzjoni ta' inqas minn 5 % fl-ammont espress fil-munita nazzjonali jew għal tnaqqis f'dak l-ammont.”.

Artikolu 3

Emenda għad-Direttiva 2009/132/KE

Mill-1 ta' Jannar 2021, jitħassar it-Titolu IV tad-Direttiva 2009/132/KE.

Artikolu 4

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sal-31 ta' Diċembru 2018, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikolu 1 ta' din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet.

L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sal-31 ta' Diċembru 2020, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikoli 2 u 3 ta' din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet.

Huma għandhom japplikaw il-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw mal-Artikolu 1 ta' din id-Direttiva mill-1 ta' Jannar 2019.

Huma għandhom japplikaw il-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw mal-Artikoli 2 u 3 ta' din id-Direttiva mill-1 ta' Jannar 2021.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 6

Indirizzati

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Diċembru 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

T. TÕNISTE


(1)  Opinjoni tat-30 ta' Novembru 2017 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU C 345, 13.10.2017, p. 79.

(3)  Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).

(4)  Direttiva tal-Kunsill 2009/132/KE tad-19 ta' Ottubru 2009 li tiddetermina l-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 143(b) u (c) tad-Direttiva 2006/112/KE dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-importazzjoni finali ta' ċerti oġġetti (ĠU L 292, 10.11.2009, p. 5).

(5)  Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE tas-16 ta' Marzu 2010 dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta' talbiet relatati ma' taxxi, dazji u miżuri oħra (ĠU L 84, 31.3.2010, p. 1).

(6)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 tas-7 ta' Ottubru 2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 268, 12.10.2010, p. 1).

(7)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(8)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.