27.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 345/96


DIRETTIVA (UE) 2017/2399 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-12 ta’ Diċembru 2017

li jemenda d-Direttiva (UE) 2014/59/UE fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-istrumenti ta’ dejn mhux garantiti fil-ġerarkija tal-insolvenza

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Fid-9 ta’ Novembru 2015, il-Bord għall-Istabilità Finanzjarja (FSB) ippubblika d-Dokument ta’ Kondizzjonijiet (“l-Istandard tat-TLAC”) tal-Kapaċità Totali ta’ Assorbiment tat-Telf (TLAC) li ġie approvat mill-G20 f’Novembru 2015. L-objettiv tal-istandard tat-TLAC huwa li jiżgura li l-banek dinjija ta’ importanza sistemika (G-SIBs), imsejħa fil-qafas tal-Unjoni bħala istituzzjonijiet dinjija ta’ importanza sistemika (G-SIIs), ikollhom il-kapaċità ta’ assorbiment tat-telf u ta’ rikapitalizzazzjoni meħtieġa sabiex jgħinu biex jiġi żgurat li, f’riżoluzzjoni u eżatt warajha, ikunu jistgħu jissoktaw il-funzjonijiet kritiċi mingħajr ma jitpoġġew fir-riskju l-fondi tal-kontribwenti (il-fondi pubbliċi) jew l-istabbiltà finanzjarja. Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-24 ta’ Novembru 2015 intitolata “Lejn it-tlestija tal-Unjoni Bankarja”, il-Kummissjoni impenjat ruħha li, sal-aħħar tal-2016, tippreżenta proposta leġislattiva li tippermetti li l-istandard tat-TLAC jiġi implimentat fid-dritt tal-Unjoni sal-iskadenza miftiehma internazzjonalment tal-2019.

(2)

Jenħtieġ li l-implimentazzjoni tal-istandard tat-TLAC fid-dritt tal-Unjoni tieħu inkonsiderazzjoni r-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli (MREL) speċifiku għal istituzzjoni eżistenti li huwa applikabbli għall-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni kif stabbilit fid-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Peress li t-TLAC u l-MREL għandhom l-istess objettiv li jiżguraw li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkollhom kapaċità ta’ assorbiment tat-telf u ta’ rikapitalizzazzjoni suffiċjenti, jenħtieġ li ż-żewġ rekwiżiti jkunu elementi kumplimentari ta’ qafas komuni. B’mod konkret, il-Kummissjoni pproponiet li l-livell minimu armonizzat tal-istandard tat-TLAC għall-G-SIIs (‘ir-rekwiżit minimu tat-TLAC’) u l-kriterji ta’ eliġibbiltà għal obbligazzjonijiet użati għall-konformità ma’ dak l-istandard jenħtieġ li jiġu introdotti fid-dritt tal-Unjoni permezz ta’ emendi għar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), filwaqt li jenħtieġ li ż-żieda speċifika għall-istituzzjonijiet għal G-SIIs u r-rekwiżit speċifiku għall-istituzzjonijiet għal non-G-SIIs kif ukoll il-kriterji rilevanti ta’ eliġibbiltà jiġu indirizzati permezz ta’ emendi mmirati għad-Direttiva 2014/59/UE u għar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

Din id-Direttiva, li tikkonċerna l-klassifikazzjoni tal-istrumenti ta’ dejn mhux garantiti fil-ġerarkija tal-insolvenza, hija kumplementari għall-atti leġislattivi msemmija aktar ’il fuq, kif proposti biex jiġu emendati u għad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(3)

Fid-dawl ta’ dawn il-proposti u sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali għal swieq u għal entitajiet soġġetti għall-MREL u t-TLAC, huwa importanti li tiġi żgurata ċ-ċarezza f’waqtha dwar il-kriterji ta’ eliġibbiltà għal obbligazzjonijiet użati għall-konformità mal-MREL u mad-dritt tal-Unjoni li timplimenta t-TLAC, u biex jiġu introdotti dispożizzjonijiet ta’ anterjorità xierqa għall-eliġibbiltà għal obbligazzjonijiet maħruġa qabel ma l-kriterji ta’ eliġibbiltà jidħlu fis-seħħ.

(4)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-istituzzjonijiet ikollhom kapaċità ta’ assorbiment tat-telf u ta’ rikapitalizzazzjoni suffiċjenti sabiex jiġu żgurati assorbiment tat-telf u rikapitalizzazzjoni mingħajr xkiel u rapidi b’impatt minimu fuq l-istabbiltà finanzjarja u waqt li jimmiraw li jevitaw impatt fuq il-kontribwenti. Dak jenħtieġ li jintlaħaq permezz ta’ konformità kostanti mill-istituzzjonijiet mar-rekwiżit tat-TLAC minimu, li għandu jiġi implimentat fid-dritt tal-Unjoni permezz ta’ emenda tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, u rekwiżit ta’ fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli kif previst fid-Direttiva 2014/59/UE.

(5)

L-istandard tat-TLAC jenħtieġ li l-G-SIIs jissodisfaw ir-rekwiżit minimu tat-TLAC, b’ċerti eċċezzjonijiet, b’obbligazzjonijiet subordinati li f’insolvenza jikklassifikaw ruħhom taħt obbligazzjonijiet esklużi mit-TLAC (“ir-rekwiżit ta’ subordinazzjoni”). Skont l-istandard tat-TLAC, jenħtieġ li s-subordinazzjoni tinkiseb permezz tal-effetti legali ta’ kuntratt (magħrufa bħala subordinazzjoni kuntrattwali), il-liġijiet ta’ ġurisdizzjoni partikolari (magħrufa bħala subordinazzjoni statutorja) jew struttura korporattiva partikolari (magħrufa bħala subordinazzjoni strutturali). Fejn meħtieġa bid-Direttiva 2014/59/UE, l-istituzzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva jenħtieġ li jissodisfaw ir-rekwiżit speċifiku għall-kumpannija tagħhom b’obbligazzjonijiet subordinati biex jimminimizzaw ir-riskju ta’ proċeduri legali mill-kredituri, abbażi tal-fatt li t-telf tal-kredituri waqt riżoluzzjoni jkun akbar mit-telf li kieku kienu jġarrbu fi proċeduri normali ta’ insolvenza (il-prinċipju li l-ebda kreditur ma jmur agħar).

(6)

Għadd ta’ Stati Membri emendaw jew qegħdin fil-proċess li jemendaw ir-regoli dwar il-klassifikazzjoni ta’ insolvenza ta’ dejn superjuri mhux garantit taħt il-liġi nazzjonali ta’ insolvenza tagħhom sabiex jippermettu lill-istituzzjonijiet tagħhom biex jikkonformaw mar-rekwiżit ta’ subordinazzjoni b’mod aktar effiċjenti, u b’hekk jiffaċilitaw ir-riżoluzzjoni.

(7)

Ir-regoli nazzjonali adottati sa issa jvarjaw b’mod sinifikanti. In-nuqqas ta’ regoli armonizzati tal-Unjoni joħloq inċertezza kemm għall-istituzzjonijiet emittenti kif ukoll għall-investituri, u x’aktarx jagħmel l-applikazzjoni tal-għodda għar-rikapitalizzazzjoni interna aktar diffiċli għall-istituzzjonijiet transkonfinali. In-nuqqas ta’ regoli armonizzati tal-Unjoni x’aktarx jirriżulta wkoll f’distorsjonijiet fil-kompetizzjoni fis-suq intern minħabba li l-ispejjeż għall-istituzzjonijiet biex jikkonformaw mar-rekwiżit ta’ subordinazzjoni u l-ispejjeż imġarrba mill-investituri meta jixtru strumenti ta’ dejn maħruġin minn istituzzjonijiet jistgħu jvarjaw b’mod konsiderevoli fl-Unjoni.

(8)

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Marzu 2016 dwar l-Unjoni Bankarja (8), il-Parlament Ewropew stieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposti biex jitnaqqsu aktar ir-riskji legali ta’ pretensjonijiet taħt il-prinċipju li l-ebda kreditur ma jmur agħar, u fil-konklużjonijiet tiegħu tas-17 ta’ Ġunju 2016, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposta dwar approċċ komuni għall-ġerarkija tal-kredituri bankarji sabiex tissaħħaħ iċ-ċertezza tad-dritt f’każ ta’ riżoluzzjoni.

(9)

Għaldaqstant huwa neċessarju li jitneħħew l-ostakli sinifikanti fil-funzjonament tas-suq intern u li jiġu evitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jirriżultaw min-nuqqas ta’ regoli armonizzati tal-Unjoni dwar il-ġerarkija tal-kredituri bankarji, u li jiġi prekluż li fil-futur jinħolqu ostakli u distorsjonijiet bħal dawn. Konsegwentement, il-bażi legali xierqa għal din id-Direttiva huwa l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(10)

Sabiex l-ispejjeż ta’ konformità mar-rekwiżit ta’ subordinazzjoni u kwalunkwe impatt negattiv fuq l-ispejjeż ta’ finanzjament jitnaqqsu kemm jista’ jkun, jenħtieġ li d-Direttiva tippermetti li l-Istati Membri jżommu, fejn applikabbli, il-klassi eżistenti ta’ dejn superjuri ordinarju mhux garantit, li għall-istituzzjonijiet huwa orħos biex joħorġuh minn kwalunkwe obbligu subordinat ieħor. Sabiex ittejjeb ir-riżolvibbiltà tal-istituzzjonijiet, jenħtieġ li din id-Direttiva, madankollu, tobbliga lill-Istati Membri joħolqu klassi ġdida ta’ dejn superjuri mhux bi preferenza li jenħtieġ li fl-insolvenza jiġi kklassifikat fuq strumenti ta’ fondi proprji u obbligazzjonijiet subordinati li ma jikkwalifikawx bħala strumenti ta’ fondi proprji, iżda taħt obbligazzjonijiet superjuri oħra. L-istituzzjonijiet jenħtieġ li jibqgħu ħielsa li joħorġu dejn kemm fil-klassi superjuri kif ukoll fil-klassi superjuri mhux bi preferenza. Minn dawn iż-żewġ klassijiet, u mingħajr preġudizzju għal opzjonijiet u eżenzjonijiet oħra previsti mill-istandard TLAC għall-konformità mar-rekwiżit ta’ subordinazzjoni, hija biss il-klassi superjuri ta’ mhux bi preferenza li jenħtieġ li tkun eliġibbli biex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit ta’ subordinazzjoni. Dak huwa intenzjonat li jippermetti lill-istituzzjonijiet jużaw l-orħos dejn superjuri ordinarju għall-finanzjament tagħhom jew għal kull raġuni operattiva oħra u li joħorġu dejn fil-klassi superjuri mhux bi preferenza l-ġdida biex jiksbu l-finanzjament waqt li jkunu f’konformità mar-rekwiżit ta’ subordinazzjoni. Jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew joħolqu diversi klassijiet għal obbligazzjonijiet mhux garantiti ordinarji oħrajn, dment li, mingħajr preġudizzju għal opzjonijiet u eżenzjonijiet oħrajn previsti fl-istandard TLAC, jiżguraw li tkun biss il-klassi superjuri mhux bi preferenza tal-istrumenti ta’ dejn li tkun eliġibbli biex tissodisfa r-rekwiżit ta’ subordinazzjoni.

(11)

Biex jiġi żgurat li l-klassi superjuri mhux bi preferenza l-ġdida tal-istrumenti tad-dejn tissodisfa l-kriterji ta’ eliġibbiltà kif deskritti fl-istandard tat-TLAC u kif stipulati fid-Direttiva 2014/59/UE, u b’hekk, tiżdied iċ-ċertezza legali, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li dawk l-istrumenti tad-dejn ikollhom maturità kuntrattwali oriġinali ta’ mhux iqsar minn sena, li ma jkunx fihom derivattivi inkorporati u li ma jkunux derivattivi huma stess, u li d-dokumentazzjoni kuntrattwali rilevanti li tirrigwarda l-ħruġ tagħhom u, fejn applikabbli, il-prospett jirreferu b’mod espliċitu għall-klassifikazzjoni aktar baxxa tagħhom skont proċeduri ta’ insolvenza normali. Jenħtieġ li strumenti ta’ dejn b’imgħax varjabbli, derivati minn rata ta’ referenza użata b’mod wiesa’, bħal Euribor jew Libor, u strumenti ta’ dejn mhux denominati fil-munita domestika tal-emittent, dment li l-prinċipal, ir-ripagament u l-imgħax huma ddenominati fl-istess munita, ma jitqisux bħala strumenti ta’ dejn b’derivattivi inkorporati minħabba dawk il-karatteristiċi biss. Din id-Direttiva jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rekwiżit fil-liġi nazzjonali għar-reġistrazzjoni ta’ strumenti ta’ dejn fir-reġistru tal-kumpanija tal-emittent għal obbligazzjonijiet sabiex il-kondizzjonijiet għal klassi superjuri mhux bi preferenza tal-istrumenti ta’ dejn ikunu ssodisfati kif previst f’din id-Direttiva.

(12)

Biex tissaħħaħ iċ-ċertezza legali għall-investituri, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li strumenti ta’ dejn ordinarji mhux garantiti u obbligazzjonijiet mhux garantiti ordinarji oħrajn li mhumiex strumenti ta’ dejn ikollhom klassifikazzjoni ta’ prijorità ogħla fil-liġijiet nazzjonali tagħhom dwar l-insolvenza fil-konfront tal-klassi superjuri mhux bi preferenza l-ġdida ta’ strumenti ta’ dejn. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw ukoll li l-klassi superjuri mhux bi preferenza l-ġdida tal-istrumenti jkollha klassifikazzjoni ta’ prijorità ogħla mill-klassifikazzjoni ta’ prijorità tal-istrumenti tal-fondi proprji u l-klassifikazzjoni ta’ prijorità ta’ kwalunkwe obbligazzjoni subordinata li ma tikkwalifikax bħala fond proprju.

(13)

Minħabba li l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jiġu stabbiliti regoli armonizzati għall-klassifikazzjoni tal-insolvenza tal-istrumenti ta’ dejn mhux garantiti għall-finijiet tal-qafas tal-Unjoni għall-irkupru u r-riżoluzzjoni u, b’mod partikolari, biex titjieb l-effikaċja tar-reġim ta’ rikapitalizzazzjoni interna, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu, minħabba l-iskala tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu dawk l-għanijiet. B’mod partikolari, jenħtieġ li din id-Direttiva tkun mingħajr preġudizzju għal opzjonijiet u eżenzjonijiet oħrajn provduti fl-istandard tat-TLAC għall-konformità mar-rekwiżit ta’ subordinazzjoni.

(14)

Huwa xieraq li l-emendi għad-Direttiva 2014/59/UE, previsti f’din id-Direttiva japplikaw għall-pretensjonijiet mhux garantiti li jirriżultaw minn strumenti ta’ dejn li jinħarġu fi jew wara d-data ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Madankollu, għall-finijiet taċ-ċertezza legali u sabiex l-ispejjeż ta’ transizzjoni jitnaqqsu kemm jista’ jkun, jenħtieġ li jiġu introdotti salvagwardji xierqa fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-insolvenza tal-pretensjonijiet minn strumenti ta’ dejn maħruġa qabel dik id-data. Għalhekk jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-klassifikazzjoni tal-insolvenza ta’ kull pretensjoni mhux garantita pendenti li tirriżulta minn strumenti ta’ dejn li l-istituzzjonijiet ikunu ħarġu qabel dik id-data tkun irregolata mil-liġijiet tal-Istati Membri kif adottati fil-31 ta’ Diċembru 2016. Peress li ċerti liġijiet nazzjonali kif adottati fil-31 ta’ Diċembru 2016 diġà jindirizzaw l-objettiv li l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu joħorġu obbligazzjonijiet subordinati, parti mill-pretensjonijiet mhux garantiti pendenti jew il-pretensjonijiet kollha li jirriżultaw minn strumenti ta’ dejn maħruġa qabel id-data ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jenħtieġ li jkun jista’ jkollhom l-istess klassifikazzjoni tal-insolvenza bħall-istrumenti ta’ dejn superjuri mhux bi preferenza maħruġa skont il-kondizzjonijiet ta’ din id-Direttiva. Barra minn hekk, wara l-31 ta’ Diċembru 2016 u qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jadattaw il-liġijiet nazzjonali tagħhom li jirregolaw il-klassifikazzjoni fi proċeduri ta’ insolvenza normali ta’ pretensjonijiet mhux garantiti li jirriżultaw minn strumenti ta’ dejn maħruġa wara d-data tal-applikazzjoni ta’ tali liġijiet sabiex jikkonformaw mal-kondizzjonijiet stabbiliti f’din id-Direttiva. F’dak il-każ, jenħtieġ li l-pretensjonijiet mhux garantiti li jirriżultaw mill-istrumenti ta’ dejn maħruġa qabel l-applikazzjoni ta’ din il-liġi nazzjonali ġdida biss ikomplu jkunu rregolati mil-liġijiet tal-Istati Membri kif adottati fil-31 ta’ Diċembru 2016.

(15)

Jenħtieġ li din id-Direttiva ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jipprevedu li jkun tajjeb li din id-Direttiva tkompli tapplika meta l-entitajiet emittenti ma jkunux għadhom soġġetti għall-qafas ta’ rkupru u riżoluzzjoni tal-Unjoni minħabba, b’mod partikolari, iċ-ċessjoni tal-attivitajiet ta’ kreditu jew ta’ investiment tagħhom għal parti terza.

(16)

Din id-Direttiva tarmonizza l-klassifikazzjoni skont proċeduri ta’ insolvenza normali ta’ pretensjonijiet mhux garantiti li jirriżultaw minn strumenti ta’ dejn u ma tkoprix il-klassifikazzjoni tal-insolvenza ta’ depożiti lil hinn mid-dispożizzjonijiet eżistenti applikabbli tad-Direttiva 2014/59/UE. Għaldaqstant, din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe liġi nazzjonali eżistenti jew futura tal-Istati Membri li tirregola l-proċedimenti normali ta’ insolvenza li jkopru l-klassifikazzjoni tal-insolvenza ta’ depożiti, sal-punt li tali klassifikazzjoni mhijiex armonizzata permezz tad-Direttiva 2014/59/UE, irrispettivament mid-data li fiha tqiegħdu d-depożiti. Sad-29 ta’ Diċembru 2020, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrieżamina l-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/59/UE fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ depożiti f’insolvenza u tivvaluta b’mod partikolari l-ħtieġa ta’ kwalunkwe emenda ulterjuri għaliha.

(17)

Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali għas-swieq u għall-istituzzjonijiet individwali u sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni effettiva l-applikazzjoni tal-għodda għar-rikapitalizzazzjoni interna, jenħtieġ li din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2014/59/UE

Id-Direttiva 2014/59/UE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2(1), il-punt (48) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(48)

‘strumenti ta’ dejn’:

(i)

għall-finijiet tal-punti (g) u (j) tal-Artikolu 63(1), tfisser bonds u forom oħra ta’ dejn trasferibbli, strumenti li joħolqu jew jirrikonoxxu dejn, u strumenti li jagħtu drittijiet għall-akkwist ta’ strumenti ta’ dejn; u

(ii)

għall-finijiet tal-Artikolu 108, tfisser bonds u forom oħra ta’ dejn trasferibbli u strumenti li joħolqu jew jirrikonoxxu dejn;”;

(2)

L-Artikolu 108 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 108

Klassifikazzjoni f’ġerarkija tal-insolvenza

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-liġijiet nazzjonali tagħhom li jirregolaw l-proċeduri ta’ insolvenza normali:

(a)

dawn li ġejjin ikollhom l-istess klassifikazzjoni ta’ prijorità li tkun ogħla mill-klassifikazzjoni prevista għall-pretensjonijiet ta’ kredituri mhux garantiti ordinarji:

(i)

dik il-parti tad-depożiti eliġibbli minn persuni fiżiċi u minn impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju li taqbeż il-livell ta’ kopertura previst fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2014/49/UE;

(ii)

depożiti minn persuni fiżiċi u minn impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju li jkunu depożiti eliġibbli kieku mhux għall-fatt li jkunu saru permezz ta’ fergħat barra mill-Unjoni ta’ istituzzjonijiet stabbiliti fi ħdan l-Unjoni.

(b)

dawn li ġejjin ikollhom l-istess klassifikazzjoni ta’ prijorità li tkun ogħla mill-klassifikazzjoni prevista fil-punt (a):

(i)

depożiti koperti;

(ii)

skemi ta’ garanzija ta’ depożiti surrogati għad-drittijiet u l-obbligazzjonijiet ta’ depożitanti koperti f’insolvenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, għall-entitajiet imsemmijin fil-punti (a) sa (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1), pretensjonijiet mhux garantiti ordinarji jkollhom, fil-liġijiet nazzjonali tagħhom li jirregolaw il-proċedimenti ta’ insolvenza normali, klassifikazzjoni ta’ prijorità ogħla minn dik ta’ pretensjonijiet mhux garantiti li jirriżultaw minn strumenti ta’ dejn li jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-maturità kuntrattwali oriġinali tal-istrumenti ta’ dejn tkun ta’mill-inqas sena;

(b)

l-istrumenti ta’ dejn ma fihom l-ebda derivattivi inkorporati u ma jkunux derivattivi huma stess;

(c)

id-dokumentazzjoni kuntrattwali rilevanti u, fejn applikabbli, il-prospett, relatati mal-ħruġ jirreferu b’mod espliċitu għall-klassifikazzjoni aktar baxxa skont dan il-paragrafu.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pretensjonijiet mhux garantiti li jirriżultaw minn strumenti ta’ dejn li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jkollhom klassifikazzjoni ta’ prijorità ogħla fil-liġijiet nazzjonali tagħhom li jirregolaw il-proċedimenti ta’ insolvenza normali mill-klassifikazzjoni ta’ prijorità ta’ pretensjonijiet li jirriżultaw minn strumenti msemmija fil-punti minn (a) sa (d) tal-Artikolu 48(1).

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 5 u 7, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-liġijiet nazzjonali tagħhom li jirregolaw il-proċedimenti ta’ insolvenza normali, kif ġew adottati fil-31 ta’ Diċembru 2016 japplikaw għall-klassifikazzjoni fi proċedimenti ta’ insolvenza normali ta’ pretensjonijiet mhux garantiti li jirriżultaw minn strumenti ta’ dejn maħruġa minn entitajiet imsemmijin fil-punti (a) sa (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) ta’ din id-Direttiva qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ miżuri skont il-liġi nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva (UE) 2017/2399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1).

5.   Fejn, wara l-31 ta’ Diċembru 2016 u qabel it-28 ta’ Diċembru 2017, Stat Membru adotta liġi nazzjonali li tirregola l-klassifikazzjoni fi proċedimenti ta’ insolvenza normali ta’ pretensjonijiet mhux garantiti li jirriżultaw minn strumenti ta’ dejn maħruġa wara d-data ta’ applikazzjoni ta’ tali liġi nazzjonali, il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu ma għandux japplika għal pretensjonijiet li jirriżultaw minn strumenti ta’ dejn maħruġa wara d-data ta’ applikazzjoni ta’ dik il-liġi nazzjonali, dment li l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu ġew issodisfati:

(a)

skont dik il-liġi nazzjonali, u għal entitajiet imsemmijin fil-punti (a) sa (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1), il-pretensjonijiet mhux garantiti ordinarji ikollhom, fi proċedimenti ta’ insolvenza normali, klassifikazzjoni ta’ prijorità ogħla minn dik ta’ pretensjonijiet mhux garantiti li jirriżultaw minn strumenti ta’ dejn li jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(i)

il-maturità kuntrattwali oriġinali tal-istrumenti ta’ dejn tkun ta’ mill-inqas sena;

(ii)

l-istrumenti ta’ dejn ma fihom l-ebda derivattiva inkorporata u ma jkunux derivattivi huma stess; u

(iii)

id-dokumentazzjoni kuntrattwali rilevanti u, fejn applikabbli, il-prospett, relatati mal-ħruġ jirreferu b’mod espliċitu għall-klassifikazzjoni aktar baxxa skont il-liġi nazzjonali;

(b)

skont il-liġi nazzjonali, pretensjonijiet mhux garantiti li jirriżultaw minn strumenti ta’ dejn li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punt (a) ta’ dan is-subparagrafu għandhom, fi proċedimenti ta’ insolvenza normali, klassifikazzjoni ta’ prijorità ogħla mill-klassifikazzjoni ta’ prijorità ta’ pretensjonijiet li jirriżultaw minn strumenti msemmija fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 48(1).

Fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ miżuri skont il-liġi nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva (UE) 2017/2399, il-pretensjonijiet mhux garantiti li jirriżultaw minn strumenti ta’ dejn imsemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu għandu jkollhom l-istess klassifikazzjoni ta’ prijorità bħal dik imsemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 2 u fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

6.   Għall-finijiet tal-punt (b) tal-paragrafu 2 u tal-punt (a)(ii) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 5, l-istrumenti ta’ dejn b’imgħax varjabbli derivati minn rata ta’ referenza użata b’mod wiesa’ u strumenti ta’ dejn mhux denominati fil-munita domestika tal-emittent, dment li l-prinċipal, ir-ripagament u l-imgħax huma ddenominati fl-istess munita, m’għandhomx jitqiesu bħala strumenti ta’ dejn b’derivattivi inkorporati minħabba dawk il-karatteristiċi biss.

7.   L-Istati Membri li, qabel il-31 ta’ Diċembru 2016, adottaw liġi nazzjonali li tirregola l-proċeduri ta’ insolvenza normali fejn il-pretensjonijiet ordinarji mhux garantiti li jirriżultaw minn strumenti ta’ dejn maħruġa minn entitajiet imsemmija fil-punti (a) sa (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) jinqasmu f’żewġ klassifikazzjonijiet ta’ prijorità differenti jew aktar, jew meta l-klassifikazzjoni ta’ prijorità ta’ pretensjonijiet mhux garantiti ordinarji li jirriżultaw minn tali strumenti ta’ dejn tinbidel fir-rigward tal-pretensjonijiet mhux garantiti ordinarji l-oħra kollha bl-istess klassifikazzjoni, jistgħu jipprevedu li strumenti ta’ dejn bl-aktar klassifikazzjoni ta’ prijorità baxxa fost dawk il-pretensjonijiet mhux garantiti ordinarji jkollhom l-istess klassifikazzjoni bħal dik ta’ pretensjonijiet li jissodisfaw il-kondizzjonijiet tal-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 2 u tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

(*1)  Direttiva (UE) 2017/2399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 li temenda d-Direttiva 2014/59/UE fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-istrumenti ta’ dejn mhux garantiti fil-ġerarkija tal-insolvenza (ĠU L 345, 27.12.2017, p. 96).”."

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sad-29 ta’ Diċembru 2018. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni f’dak ir-rigward.

L-Istati Membri għandhom japplikaw dawk il-miżuri mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom fil-liġi nazzjonali.

2.   Meta l-Istati Membri jadottaw il-miżuri msemmijin fil-paragrafu 1, dawn għandhom ikun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi ta’ kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

3.   Il-paragrafu 2 ma għandux japplika fejn il-miżuri nazzjonali tal-Istati Membri fis-seħħ qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva jkunu konformi ma’ din id-Direttiva. F’tali każijiet, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni kif meħtieġ.

4.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni u l-Awtorità Bankarja Ewropea t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Rieżami

Sad-29 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-applikazzjoni tal-Artikolu 108(1) tad-Direttiva 2014/59/UE. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta b’mod partikolari l-ħtieġa għal emendi ulterjuri fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ depożiti f’insolvenza. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar dan lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, it-12 ta’ Diċembru 2017.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

M. MAASIKAS


(1)  ĠU C 132, 26.4.2017, p. 1.

(2)  ĠU C 173, 31.5.2017, p. 41.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta’ Novembru 2017 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Diċembru 2017.

(4)  Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE, u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE u 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).

(5)  Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(6)  Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1).

(7)  Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(8)  Għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.