16.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 299/24


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2096

tal-15 ta' Novembru 2017

li temenda l-Anness II tad-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar vetturi li m'għadhomx jintużaw

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Settembru 2000 dwar vetturi li m'għadhomx jintużaw (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(2)(b) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 4(2)(a) tad-Direttiva 2000/53/KE jipprojbixxi l-użu taċ-ċomb, tal-merkurju, tal-kadmju u tal-kromju eżavalenti f'materjali u f'komponenti tal-vetturi mqiegħda fis-suq wara l-1 ta' Lulju 2003.

(2)

L-Anness II tad-Direttiva 2000/53/KE jelenka materjali u komponenti tal-vetturi li huma eżenti mill-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 4(2)(a) tagħha. Dak l-Anness għandu jiġi emendat fuq bażi regolari skont il-progress tekniku u xjentifiku u l-eżenzjonijiet 2(c), 3 u 5 dwar l-użu taċ-ċomb għandhom jiġu rieżaminati.

(3)

Valutazzjoni tal-progress tekniku u xjentifiku wriet li għall-materjali u għall-komponenti koperti mill-eżenzjoni 2(c), l-użu taċ-ċomb għadu ma jistax jiġi evitat. Madankollu, informazzjoni attwali tissuġġerixxi li fil-futur qrib jista' jkun hemm disponibbli sostituti għaċ-ċomb għall-dawk il-materjali u l-komponenti. Għal xi materjali u komponenti, huwa mistenni li s-sostituti għaċ-ċomb isiru disponibbli qabel milli għal oħrajn, u għalhekk huwa xieraq li l-eżenzjoni 2(c) tinqasam f'żewġ subentrati b'dati ta' rieżami differenti skont il-progress fl-iżvilupp ta' sostituti bħal dawn.

(4)

Il-valutazzjoni tal-progress tekniku u xjentifiku wriet ukoll li għall-materjali u għall-komponenti koperti mill-eżenzjoni 3, l-użu taċ-ċomb għadu ma jistax jiġi evitat. Jeżistu sostituti possibbli iżda jridu jiġu żviluppati aktar. Għalhekk, jenħtieġ li tiġi stabbilita data ġdida għar-rieżami għal dik l-eżenzjoni, filwaqt li jitqies il-progress fl-iżvilupp tas-sostituti.

(5)

Fl-aħħar nett, il-valutazzjoni tal-progress tekniku u xjentifiku wriet li għal xi materjali u komponenti koperti mill-eżenzjoni 5 diġà jeżistu xi alternattivi għaċ-ċomb iżda dawn ma jistgħux jintużaw fil-vetturi kollha koperti minn dik l-eżenzjoni. Għall-materjali u għall-komponenti l-oħra koperti mill-eżenzjoni 5, l-użu taċ-ċomb għadu inevitabbli. Għaldaqstant, jenħtieġ li dik l-eżenzjoni tinqasam f'żewġ subentrati. Għall-materjali u għall-komponenti li għalihom jeżistu alternattivi, jenħtieġ li tiġi stabbilita data ta' skadenza li tippermetti ħin biżżejjed biex ikun żgurat li l-użu taċ-ċomb jista' jiġi evitat fil-vetturi kollha kkonċernati. Għall-eżenzjoni li tkopri materjali u komponenti li għalihom l-użu taċ-ċomb għadu inevitabbli, jenħtieġ li tiġi stabbilita data ġdida għar-rieżami, filwaqt li jitqies il-progress fl-iżvilupp tas-sostituti.

(6)

Il-miżuri previsti f'din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-kumitat stabbilit mill-Artikolu 39 tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness II tad-Direttiva 2000/53/KE jinbidel bit-test fl-Anness ta' din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sas-6 ta' Ġunju 2018, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir din ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Novembru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 269, 21.10.2000, p. 34.

(2)  ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3.


ANNESS

ANNESS II

Materjali u komponenti eżenti mill-Artikolu 4(2)(a)

Għandu jiġi ttollerat valur massimu ta' konċentrazzjoni ta' mhux aktar minn 0,1 % tal-piż f'materjal omoġenu, għaċ-ċomb, għall-kromju eżavalenti u għall-merkurju u ta' mhux aktar minn 0,01 % tal-piż f'materjal omoġenu għall-kadmju.

L-ispare parts imqiegħda fis-suq wara l-1 ta' Lulju 2003 li jintużaw għal vetturi mqiegħda fis-suq qabel l-1 ta' Lulju 2003, għajr għall-piżijiet għall-ibbilanċjar tar-roti, għall-brushes tal-karbonju għall-muturi elettriċi u għall-firrodi tal-brejkijiet, għandhom jiġu eżentati mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(2)(a) tad-Direttiva 2000/53/KE.

Materjali u komponenti

L-ambitu u d-data tal-iskadenza tal-eżenzjoni

Li għandu jkollu tikketta jew ikun magħmul identifikabbli skont l-Artikolu 4(2)(b)(iv)

Iċ-ċomb bħala element ta' lligar

1(a).

Azzar maħsub biex jinħadem bil-makkinarju u komponenti tal-azzar iggalvanizzati b'immersjoni taħraq (batch hot dip) li fih mhux aktar minn 0,35 % tal-piż f'ċomb

 

 

1(b).

Folja ta' azzar galvanizzat kontinwament li fiha mhux aktar minn 0,35 % tal-piż f'ċomb

Vetturi b'approvazzjoni tat-tip maħruġa qabel l-1 ta' Jannar 2016 u l-ispare parts għal dawn il-vetturi

 

2(a).

Aluminju maħsub biex jinħadem bil-makkinarju, b'kontenut ta' ċomb ta' mhux aktar minn 2 % tal-piż

Bħala spare parts għall-vetturi mqiegħda fis-suq qabel l-1 ta' Lulju 2005

 

2(b).

Aluminju b'kontenut ta' ċomb ta' mhux aktar minn 1,5 % tal-piż

Bħala spare parts għall-vetturi mqiegħda fis-suq qabel l-1 ta' Lulju 2008

 

2(c)(i).

Ligi tal-aluminju maħsubin sabiex jinħadmu bil-makkinarju b'kontenut ta' ċomb sa 0,4 % tal-piż

 (1)

 

2(c)(ii).

Ligi tal-aluminju mhux inklużi fl-entrata 2(c)(i) b'kontenut ta' ċomb sa 0,4 % tal-piż (1)

 (2)

 

3.

Ligi tar-ram b'kontenut ta' ċomb ta' mhux aktar minn 4 % tal-piż

 (1)

 

4(a).

Ċilindri ta' ġewwa u ta' barra tal-bearings

Bħala spare parts għall-vetturi mqiegħda fis-suq qabel l-1 ta' Lulju 2008

 

4(b).

Ċilindri ta' ġewwa u ta' barra tal-bearings fil-magni, trażmissjonijiet u kumpressuri tal-arja kkundizzjonata

Bħala spare parts għall-vetturi mqiegħda fis-suq qabel l-1 ta' Lulju 2011

 

Iċ-ċomb u l-komposti taċ-ċomb fil-komponenti

5(a).

Ċomb fil-batteriji f'sistemi ta' vultaġġ għoli (2) li jintużaw biss għall-propulsjoni f'vetturi M1 u N1

Vetturi b'approvazzjoni tat-tip maħruġa qabel l-1 ta' Jannar 2019 u l-ispare parts għal dawn il-vetturi

X

5(b).

Ċomb fil-batteriji għall-applikazzjonijiet tal-batteriji mhux inklużi fl-entrata 5(a)

 (1)

X

6.

Mezzi għat-taffija tal-vibrazzjonijiet

Vetturi b'approvazzjoni tat-tip maħruġa qabel l-1 ta' Jannar 2016 u l-ispare parts għal dawn il-vetturi

X

7(a).

Aġenti għall-ivvulkanizzar u stabilizzaturi għall-elastomeri f'pajpijiet tal-brejkijiet, pajpijiet tal-fjuwil, pajpijiet tal-ventilazzjoni tal-arja, partijiet tal-elastomeri jew tal-metall fix-xażi, u l-mountings tal-magna

Bħala spare parts għall-vetturi mqiegħda fis-suq qabel l-1 ta' Lulju 2005

 

7(b).

Aġenti għall-ivvulkanizzar u stabilizzaturi għall-elastomeri f'pajpijiet tal-brejkijiet, pajpijiet tal-fjuwil, pajpijiet tal-ventilazzjoni tal-arja, partijiet tal-elastomeru jew tal-metall fix-xażi, u l-mountings tal-magna b'kontenut ta' ċomb ta' mhux aktar minn 0,5 % tal-piż

Bħala spare parts għall-vetturi mqiegħda fis-suq qabel il-1 ta' Lulju 2006

 

7(c).

Aġenti tal-irbit għall-elastomeri f'applikazzjonijiet tat-trażmissjoni b'kontenut ta' ċomb ta' mhux aktar minn 0,5 % tal-piż

Bħala spare parts għall-vetturi mqiegħda fis-suq qabel l-1 ta' Lulju 2009

 

8(a).

Ċomb fl-istann biex jorbot il-komponenti elettriċi u elettroniċi mal-pjanċi taċ-ċirkwiti elettroniċi u ċ-ċomb fil-finituri tat-terminali tal-komponenti apparti mill-capacitors tal-elettrolit tal-aluminju, fuq il-pinnijiet tal-komponenti u fuq il-pjanċi taċ-ċirkwiti elettroniċi

Vetturi b'approvazzjoni tat-tip maħruġa qabel l-1 ta' Jannar 2016 u l-ispare parts għal dawn il-vetturi

X (4)

8(b).

Ċomb fl-istann fl-applikazzjonijiet elettriċi apparti mill-issaldjar fuq il-pjanċi taċ-ċirkwiti elettroniċi jew fuq il-ħġieġ

Vetturi b'approvazzjoni tat-tip maħruġa qabel l-1 ta' Jannar 2011 u l-ispare parts għal dawn il-vetturi

X (4)

8(c).

Ċomb fil-finituri tat-terminali tal-kapasiters elettrolitiċi tal-aluminju

Vetturi b'approvazzjoni tat-tip maħruġa qabel l-1 ta' Jannar 2013 u l-ispare parts għal dawn il-vetturi

X (4)

8(d).

Ċomb użat fl-issaldjar fuq il-ħġieġ fis-sensors tal-fluss tal-massa tal-arja

Vetturi b'approvazzjoni tat-tip maħruġa qabel l-1 ta' Jannar 2015 u l-ispare parts għal dawn il-vetturi

X (4)

8(e).

Ċomb fl-istann tat-tip li jiddewweb f'temperaturi għoljin (jiġifieri l-ligi b'bażi ta' ċomb li jkun fihom 85 % jew aktar tal-piż f'ċomb)

 (3)

X (4)

8(f)(a).

Ċomb fis-sistemi ta' konnetturi tal-pinnijiet konformi

Vetturi b'approvazzjoni tat-tip maħruġa qabel l-1 ta' Jannar 2017 u l-ispare parts għal dawn il-vetturi

X (4)

8(f)(b).

Ċomb fis-sistemi ta' konnetturi tat-tip ‘compliant pin’ apparti minn f'dawk il-punti fejn jitqabbdu l-konnetturi tal-faxxa tal-wajers

 (3)

X (4)

8(g).

Ċomb fl-istann li jikkompleta konnessjoni elettrika vijabbli bejn id-damma tas-semikonduttur u carrier ġewwa ċirkwit integrat ta' pakketti flip chip

 (3)

X (4)

8(h).

Ċomb fl-istann biex jorbot il-heat spreaders mar-radjatur tas-sħana (il-heat sink) fl-assemblaġġi tas-semikondutturi tal-qawwa (power semiconductor assemblies) b'ċippa b'daqs ta' mhux inqas minn 1 cm2 b'erja ta' projezzjoni u densità tal-kurrent nominali tal-inqas 1 A/mm2 tal-erja taċ-ċippa tas-silikon

Vetturi b'approvazzjoni tat-tip maħruġa qabel l-1 ta' Jannar 2016 u wara dik id-data bħala l-ispare parts għal dawn il-vetturi

X (4)

8(i).

Ċomb fi stann għall-applikazzjonijiet tal-igglejżjar bl-elettriku fuq il-ħġieġ bl-eċċezzjoni tal-issaldjar fl-igglejżjar laminat

Vetturi b'approvazzjoni tat-tip maħruġa qabel l-1 ta' Jannar 2016 u wara dik id-data bħala l-ispare parts għal dawn il-vetturi

X (4)

8(j).

Ċomb fi stann għall-issaldjar tal-ħġieġ laminat

Vetturi b'approvazzjoni tat-tip maħruġa qabel l-1 ta' Jannar 2020 u wara dik id-data bħala l-ispare parts għal dawn il-vetturi

X (4)

9.

Valve seats

Bħala spare parts għal tipi ta' magni żviluppati qabel l-1 ta' Lulju 2003

 

10(a).

Komponenti elettriċi u elettroniċi li fihom ċomb fi ħġieg jew ċeramika, f'komposti matriċi tal-ħġieġ jew taċ-ċeramika, f'materjal tal-ħġieg u taċ-ċeramika, jew f'komposti matriċi tal-ħġieġ u taċ-ċeramika.

Din l-eżenzjoni ma tkoprix l-użu taċ-ċomb fi:

ħġieġ fil-bozoz u glejż tal-ispark plugs,

materjali dielettriċi taċ-ċeramika ta' komponenti elenkati taħt 10(b), 10(c) u 10(d).

 

X (5) (għal komponenti għajr il-piezo fil-magni)

10(b).

Ċomb fil-materjali taċ-ċeramika dielettrika bbażat fuq PZT tal-kapasiters li jiffurmaw parti minn ċirkwiti integrati jew semikondutturi diskreti

 

 

10(c).

Ċomb f'materjali taċ-ċeramika dielettrika f'kapasiters b'vultaġġ nominali ta' anqas minn 125 V AC jew 250 V DC

Vetturi b'approvazzjoni tat-tip maħruġa qabel l-1 ta' Jannar 2016 u l-ispare parts għal dawn il-vetturi

 

10(d).

Ċomb fil-materjali taċ-ċeramika dielettrika ta' kapasiters li jagħmel tajjeb għad-devjazzjonijiet relatati mat-temperatura tas-sensors f'sistemi tas-sonar ultrasoniċi

Vetturi b'approvazzjoni tat-tip maħruġa qabel l-1 ta' Jannar 2017 u wara dik id-data bħala l-ispare parts għal dawn il-vetturi

 

11.

Inizjaturi pirotekniċi

Vetturi b'approvazzjoni tat-tip maħruġa qabel l-1 ta' Lulju 2006 u l-ispare parts għal dawn il-vetturi

 

12.

Materjali termoelettriċi li fihom iċ-ċomb u li jintużaw f'applikazzjonijiet elettriċi awtomotivi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2 permezz tal-irkupru tas-sħana mill-egżost

Vetturi b'approvazzjoni tat-tip maħruġa qabel l-1 ta' Jannar 2019 u l-ispare parts għal dawn il-vetturi

X

Il-kromju eżavalenti

13(a).

Kisi kontra l-korrużjoni

Bħala spare parts għall-vetturi mqiegħda fis-suq qabel l-1 ta' Lulju 2007

 

13(b).

Kisi preventiv kontra l-korrużjoni marbut mal-assemblaġġi tal-boltijiet u l-iskorfini għall-applikazzjonijiet tax-xażi

Bħala spare parts għall-vetturi mqiegħda fis-suq qabel l-1 ta' Lulju 2008

 

14.

Bħala prodott kontra l-korrużjoni fis-sistema tat-tkessiħ tal-azzar bil-karbonju fi friġġijiet tal-assorbiment f'karavans motorizzati sa 0,75 % tal-piż tas-soluzzjoni tat-tkessiħ għajr fejn jista' jiġi pprattikat l-użu ta' teknoloġiji oħra tat-tkessiħ (jiġifieri li jkunu disponibbli fis-suq għall-applikazzjonijiet f'karavans motorizzati) u li ma jwassalx għal impatti negattivi fuq l-ambjent, fuq is-saħħa u/jew fuq is-sikurezza tal-konsumatur

 

X

Merkurju

15(a).

Bozoz ta' skariku elettriku għall-applikazzjonijiet tal-fanali ta' quddiem

Vetturi b'approvazzjoni tat-tip maħruġa qabel l-1 ta' Lulju 2012 u l-ispare parts għal dawn il-vetturi

X

15(b).

Tubi florexxenti użati fil-pannelli tad-displej tal-istrumenti

Vetturi b'approvazzjoni tat-tip maħruġa qabel l-1 ta' Lulju 2012 u l-ispare parts għal dawn il-vetturi

X

Kadmju

16.

Batteriji għall-vetturi elettriċi

Bħala spare parts għall-vetturi mqiegħda fis-suq qabel il-31 ta' Diċembru 2008

 


(1)  Din l-eżenzjoni għandha tiġi riveduta fl-2021.

(1)  

(1a)

Tapplika għal-ligi tal-aluminju fejn iċ-ċomb ma jiġix introdott b'mod intenzjonat iżda huwa preżenti minħabba l-użu ta' aluminju riċiklat.

(2)  Din l-eżenzjoni għandha tiġi riveduta fl-2024.

(2)  

(2a)

Is-sistemi li għandhom vultaġġ ta' > 75VDC kif iddefinit fid-Direttiva 2006/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-tagħmir elettriku ddisinjat għall-użu fi ħdan ċerti limiti tal-voltaġġ (ĠU L 374, 27.12.2006, p. 10).

(3)  Din l-eżenzjoni għandha tiġi riveduta fl-2019.

(4)  Iż-żarmar fil-każ li, f'korrelazzjoni mal-entrata 10(a), jinqabeż limitu medju ta' 60 gramma għal kull vettura. Għall-applikazzjoni ta' din il-klawżola, ma għandhomx jitqiesu apparati elettroniċi mhux installati mill-manifattur fuq il-linja tal-produzzjoni.

(5)  Iż-żarmar jekk, f'korrelazzjoni mal-entrati 8(a) sa 8(j), jinqabeż limitu medju ta' 60 gramma għal kull vettura. Għall-applikazzjoni ta' din il-klawżola, ma għandhomx jitqiesu apparati elettroniċi mhux installati mill-manifattur fuq il-linja tal-produzzjoni.