14.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 265/1


DIRETTIVA TAL-KUNSILL (UE) 2017/1852

tal-10 ta' Ottubru 2017

dwar Mekkaniżmi għas-Soluzzjoni tat-Tilwim dwar it-Taxxa fl-Unjoni Ewropea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 115 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxi f'konformità ma' proċedura leġislattiva speċjali,

Billi:

(1)

Sitwazzjonijiet li fihom Stati Membri differenti jinterpretaw jew japplikaw b'mod differenti d-dispożizzjonijiet ta' ftehimiet u konvenzjonijiet bilaterali dwar it-taxxa jew il-Konvenzjoni dwar l-eliminazzjoni tat-taxxa doppja in konnessjoni mal-aġġustament tal-qligħ ta' intrapriżi assoċjati (90/436/KEE) (3) (“il-Konvenzjoni tal-Unjoni dwar l-Arbitraġġ”) jistgħu joħolqu ostakli tat-taxxa serji għan-negozji li joperaw b'mod transkonfinali. Dawn joħolqu piż tat-taxxa eċċessiv għan-negozji, u x'aktarx jikkawżaw distorsjonijiet u ineffiċjenzi ekonomiċi u jkollhom impatt negattiv fuq l-investiment u t-tkabbir transkonfinali.

(2)

Għaldaqstant, huwa meħtieġ li jkun hemm mekkaniżmi fl-Unjoni li jiżguraw is-soluzzjoni effettiva ta' tilwim dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta' tali trattati bilaterali dwar it-taxxa u l-Konvenzjoni tal-Unjoni dwar l-Arbitraġġ, b'mod partikolari tilwim li jwassal għal taxxa doppja.

(3)

Il-mekkaniżmi attwalment previsti fi trattati bilaterali dwar it-taxxa u fil-Konvenzjoni tal-Unjoni dwar l-Arbitraġġ jistgħu ma jiksbux is-soluzzjoni effettiva ta' tali tilwim fil-ħin fil-każijiet kollha. L-eżerċizzju ta' monitoraġġ imwettaq bħala parti mill-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Unjoni dwar l-Arbitraġġ żvela xi nuqqasijiet importanti, b'mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għall-proċedura u fir-rigward tat-tul u l-konklużjoni effettiva tal-proċedura.

(4)

Sabiex jinħoloq ambjent tat-taxxa aktar ġust, jeħtieġ li jittejbu r-regoli dwar it-trasparenza u li jissaħħu l-miżuri kontra l-evitar tat-taxxa. Fl-istess ħin, fl-ispirtu ta' sistema ta' tassazzjoni ġusta, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim ikunu komprensivi, effettivi u sostenibbli. Huwa meħtieġ ukoll titjib fil-mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim sabiex jiġi indirizzat ir-riskju li jiżdied l-għadd ta' tilwim dwar it-taxxa doppja jew dik multipla, fejn ikunu involuti ammonti potenzjalment kbar, minħabba li l-amministrazzjonijiet tat-taxxa jkunu stabbilixxew prattiki ta' awditjar aktar regolari u ffukati.

(5)

Huwa kruċjali li jiġi introdott qafas effettiv u effiċjenti għas-soluzzjoni tat-tilwim dwar it-taxxa li jiżgura ċ-ċertezza legali u ambjent favorevoli għan-negozju għall-investimenti sabiex jinkisbu sistemi tat-taxxa ġusti u effiċjenti fl-Unjoni. Jenħtieġ li l-mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim joħolqu wkoll qafas armonizzat u trasparenti għas-soluzzjoni ta' tilwim u b'hekk jipprovdu benefiċċji għall-kontribwenti kollha.

(6)

Jenħtieġ li s-soluzzjoni ta' tilwim tapplika għal interpretazzjoni u applikazzjoni differenti tat-trattati bilaterali dwar it-taxxa u tal-Konvenzjoni tal-Unjoni dwar l-Arbitraġġ — b'mod partikolari għal interpretazzjoni u applikazzjoni differenti li jwasslu għat-taxxa doppja. Jenħtieġ li dan isir permezz ta' proċedura li skontha, bħala l-ewwel pass, il-każ jiġi ppreżentat lill-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri kkonċernati, bil-għan li t-tilwima tiġi solvuta permezz ta' proċedura ta' ftehim reċiproku. Jenħtieġ li l-Istati Membri jitħeġġu jużaw tipi mhux vinkolanti alternattivi għas-soluzzjoni ta' tilwim, bħall-medjazzjoni jew il-konċiljazzjoni, matul l-istadji finali tal-perijodu tal-proċedura ta' ftehim reċiproku. Fin-nuqqas ta' ftehim f'qafas ta' żmien partikolari, jenħtieġ li l-każ jiġi ppreżentat quddiem proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwim. Jenħtieġ li l-għażla tal-metodu għas-soluzzjoni tat-tilwim tkun flessibbli, li tkun jew permezz ta' strutturi ad hoc jew inkella permezz ta' strutturi aktar permanenti. Il-proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim jistgħu jieħdu l-għamla ta' Kummissjoni Konsultattiva, li tikkonsisti kemm minn rappreżentanti tal-awtoritajiet tat-taxxa kkonċernati kif ukoll minn persuni indipendenti ta' reputazzjoni, jew tista' tieħu l-għamla ta' Kummissjoni għas-Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim (fejn din tal-aħħar tipprevedi l-flessibbiltà fl-għażla tal-metodi għas-soluzzjoni tat-tilwim). Barra minn hekk, fejn xieraq, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu permezz ta' ftehim bilaterali, li jużaw kwalunkwe proċess ieħor għas-soluzzjoni tat-tilwim, bħall-proċess ta' arbitraġġ “b'offerta finali” (magħruf ukoll bħala arbitraġġ “bl-aħjar offerta finali”),biex it-tilwima tissolva b'mod vinkolanti. Jenħtieġ li l-awtoritajiet tat-taxxa jieħdu deċiżjoni vinkolanti finali b'referenza għall-opinjoni tal-Kummissjoni Konsultattiva jew tal-Kummissjoni għas-Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim.

(7)

Jenħtieġ li l-mekkaniżmu mtejjeb għas-soluzzjoni tat-tilwim jibni fuq is-sistemi eżistenti fl-Unjoni, inkluż il-Konvenzjoni tal-Unjoni dwar l-Arbitraġġ. Madankollu, jenħtieġ li l-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva jkun usa' minn dak tal-Konvenzjoni tal-Unjoni dwar l-Arbitraġġ, li huwa limitat għal tilwim dwar prezzar ta' trasferiment u l-attribuzzjoni tal-profitti lil stabbilimenti permanenti. Jenħtieġ li din id-Direttiva tapplika għall-kontribwenti kollha li huma soġġetti għal taxxi fuq introjtu u kapital koperti minn trattati bilaterali dwar it-taxxa u l-Konvenzjoni tal-Unjoni dwar l-Arbitraġġ. Fl-istess ħin, jenħtieġ li individwi, impriżi mikro u impriżi żgħar u dawk ta' daqs medju jkollhom inqas piż amministrattiv meta jużaw il-proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwim. Barra minn hekk, jenħtieġ li tissaħħaħ il-fażi tas-soluzzjoni tat-tilwim. B'mod partikolari, jenħtieġ li jiġi previst limitu ta' żmien għat-tul tal-proċeduri sabiex jissolva t-tilwim dwar it-taxxa doppja u li jiġu stabbiliti t-termini u l-kondizzjonijiet tal-proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwim għall-kontribwenti.

(8)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta' implimentazzjoni. Jenħtieġ li dawn is-setgħat jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(9)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B'mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tiżgura r-rispett sħiħ għad-dritt ta' proċess ġust u għal-libertà ta' intrapriża.

(10)

Peress li l-objettiv ta' din id-Direttiva, li tiġi stabbilita proċedura effettiva u effiċjenti għas-soluzzjoni tat-tilwim fil-kuntest tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern, ma jistax jintlaħaq b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista' minflok, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-objettiv.

(11)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrieżamina l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva wara perijodu ta' ħames snin u li l-Istati Membri jipprovdu kontribut xieraq lill-Kummissjoni biex jappoġġaw din ir-reviżjoni,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar mekkaniżmu biex jissolva t-tilwim bejn l-Istati Membri meta dak it-tilwim jirriżulta mill-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta' ftehimiet u konvenzjonijiet li jipprevedu l-eliminazzjoni ta' taxxa doppja fuq l-introjtu u, fejn applikabbli, fuq il-kapital. Tistabbilixxi wkoll id-drittijiet u l-obbligi tal-persuni milquta meta jkun hemm tilwim bħal dan. Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, il-każ li jwassal għal tilwim bħal dan jissejjaħ bħala “kwistjoni ta' tilwim”.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“awtorità kompetenti” tfisser l-awtorità ta' Stat Membru li tkun inħatret bħala tali mill-Istat Membru kkonċernat;

(b)

“qorti kompetenti” tfisser il-qorti, it-tribunal jew korp ieħor ta' Stat Membru li jkun inħatar bħala tali mill-Istat Membru kkonċernat;

(c)

“taxxa doppja” tfisser l-impożizzjoni minn żewġ Stati Membri jew aktar ta' taxxi koperti minn ftehim jew konvenzjoni msemmija fl-Artikolu 1 fir-rigward tal-istess introjtu jew kapital taxxabbli meta din twassal jew għal (i) imposta ta' taxxa addizzjonali, jew għal (ii) żieda fl-obbligazzjonijiet tat-taxxa jew inkella għal (iii) kanċellazzjoni jew tnaqqis tat-telf li jistgħu jintużaw biex jiġu paċuti l-profitti taxxabbli;

(d)

“persuna milquta” tfisser kwalunkwe persuna, inkluż individwu, li għal skopijiet ta' taxxa hija residenti fi Stat Membru u li t-tassazzjoni tagħha hija milquta direttament minn kwistjoni ta' tilwim.

2.   Kwalunkwe terminu mhux definit f'din id-Direttiva għandu jkollu, sakemm il-kuntest ma jitlobx mod ieħor, it-tifsira li dak iż-żmien tkun skont il-ftehim jew il-konvenzjoni rilevanti msemmija fl-Artikolu 1 li tapplika fid-data tal-irċevuta tal-ewwel notifika tal-azzjoni li rriżultat, jew li ser tirriżulta, fi kwistjoni ta' tilwim. Fin-nuqqas ta' definizzjoni skont tali ftehim jew konvenzjoni, terminu mhux definit għandu jkollhom it-tifsira li kellu dak iż-żmien skont il-liġi tal-Istat Membru kkonċernat għall-finijiet tat-taxxi li għalihom japplika l-imsemmi ftehim jew konvenzjoni, bi kwalunkwe tifsira skont il-liġijiet fiskali applikabbli ta' dak l-Istat Membru tipprevali fuq tifsira mogħtija lit-terminu skont liġijiet oħrajn ta' dak l-Istat Membru.

Artikolu 3

Ilment

1.   Kwalunkwe persuna milquta għandha tkun intitolata li tressaq ilment dwar kwistjoni ta' tilwim lil kull waħda mill-awtoritajiet kompetenti ta' kull Stat Membru kkonċernat, fejn titlob is-soluzzjoni tagħha. L-ilment għandu jsir fi żmien tliet snin mill-wasla tal-ewwel notifika tal-azzjoni li tirriżulta, jew li tkun ser tirriżulta, fil-kwistjoni ta' tilwim, irrispettivament mill-fatt jekk il-persuna milquta għandhiex aċċess għar-rimedji disponibbli fil-liġi nazzjonali ta' kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri kkonċernati jew le. Il-persuna milquta għandha simultanjament tressaq l-ilment bl-istess informazzjoni lil kull awtorità kompetenti, u għandha tindika fl-ilment liema huma l-Istati Membri l-oħra kkonċernati. Il-persuna milquta għandha tiżgura li kull Stat Membru kkonċernat jirċievi l-ilment f'mill-inqas waħda mil-lingwi li ġejjin:

(a)

waħda mil-lingwi uffiċjali ta' dak l-Istat Membru skont il-liġi nazzjonali; jew

(b)

kwalunkwe lingwa oħra li tali Stat Membru jaċċetta għal dan il-għan.

2.   Kull awtorità kompetenti għandha tikkonferma r-riċevuta tal-ilment fi żmien xahrejn minn meta tkun irċeviet l-ilment. Kull awtorità kompetenti għandha tinforma wkoll lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati l-oħra dwar il-wasla tal-ilment fi żmien xahrejn li jirċevuh. L-awtoritajiet kompetenti għandhom, f'dak il-ħin ukoll, jinfurmaw lil xulxin dwar liema lingwa jew lingwi beħsiebhom jużaw għall-komunikazzjonijiet tagħhom matul il-proċedimenti.

3.   L-ilment għandu jiġi aċċettat biss jekk, bħala l-ewwel pass, il-persuna milquta li qed tressaq l-ilment tipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti ta' kull Stat Membru kkonċernat b'din l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem(l-ismijiet), l-indirizz(i), in-numru(i) ta' identifikazzjoni tat-taxxa u kwalunkwe informazzjoni oħra neċessarja għall-identifikazzjoni tal-persuna jew persuni milquta li jkunu ppreżentaw l-ilment lill-awtoritajiet kompetenti, u ta' kwalunkwe persuna kkonċernata oħra;

(b)

il-perijodi tat-taxxa kkonċernati;

(c)

id-dettalji tal-fatti u ċ-ċirkostanzi rilevanti tal-każ (inkluż id-dettalji dwar l-istruttura tat-transazzjoni u tar-relazzjoni bejn il-persuna milquta u l-partijiet l-oħra għat-transazzjonijiet rilevanti, kif ukoll, fejn applikabbli, il-fatti ddeterminati in bona fide fi ftehim reċiproku vinkolanti bejn il-persuna milquta u l-amministrazzjoni tat-taxxa) u, b'mod aktar speċifiku, in-natura u d-data tal-azzjonijiet li jagħtu lok għall-kwistjoni ta' tilwima (inkluż, fejn applikabbli, id-dettalji dwar l-istess introjtu riċevut fl-Istat Membru l-ieħor u dwar l-inklużjoni ta' tali introjtu fid-dħul taxxabbli fl-Istat Membru l-ieħor, u d-dettalji dwar it-taxxa imposta, jew li ser tiġi imposta, fir-rigward ta' tali introjtu fl-Istat Membru l-ieħor), kif ukoll l-ammonti relatati fil-muniti tal-Istati Membri kkonċernati, ma' kopja ta' kull dokument ta' sostenn;

(d)

referenza għar-regoli nazzjonali applikabbli u għall-ftehim jew il-konvenzjoni msemmija fl-Artikolu 1; fejn ikunu applikabbli aktar minn ftehim wieħed jew konvenzjoni waħda, il-persuna milquta li qed tressaq l-ilment għandha tispeċifika liema ftehim jew konvenzjoni qed tiġi interpretata fir-rigward tal-kwistjoni ta' tilwim rilevanti. Tali ftehim jew konvenzjoni għandhom ikunu l-ftehim jew il-konvenzjoni applikabbli għall-finijiet ta' din id-Direttiva;

(e)

l-informazzjoni li ġejja pprovduta mill-persuna milquta li tkun ippreżentat l-ilment lill-awtoritajiet kompetenti, flimkien ma' kopji ta' kull dokument ta' sostenn:

(i)

spjegazzjoni ta' għaliex il-persuna milquta tqis li hemm kwistjoni ta' tilwim;

(ii)

id-dettalji ta' kwalunkwe appell u litigazzjoni mibdija mill-persuna milquta rigward it-transazzjonijiet rilevanti u ta' kwalunkwe deċiżjoni tal-qorti dwar il-kwistjoni ta' tilwim;

(iii)

impenn mill-persuna milquta li twieġeb bl-aktar mod sħiħ u malajr possibbli għat-talbiet xierqa kollha li jsiru minn awtorità kompetenti u li tipprovdi kwalunkwe dokumentazzjoni mitluba mill-awtoritajiet kompetenti;

(iv)

kopja tad-deċiżjoni finali dwar il-valutazzjoni tat-taxxa fil-forma ta' avviż finali tal-valutazzjoni tat-taxxa, ir-rapport tal-awditu tat-taxxa jew dokument ieħor ekwivalenti li jwassal għall-kwistjoni ta' tilwim u kopja ta' kwalunkwe dokument ieħor maħruġ mill-awtoritajiet tat-taxxa fir-rigward tal-kwistjoni ta' tilwim, fejn rilevanti;

(v)

informazzjoni dwar kwalunkwe lment imressaq mill-persuna milquta skont proċedura oħra ta' ftehim reċiproku jew skont proċedura oħra ta' soluzzjoni tat-tilwim kif iddefinit fl-Artikolu 16(5) u, jekk applikabbli, impenn espliċitu mill-persuna milquta li ser tirrispetta d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16(5).

(f)

kwalunkwe informazzjoni speċifika addizzjonali mitluba mill-awtoritajiet kompetenti li titqies neċessarja biex issir kunsiderazzjoni sostantiva tal-każ partikolari.

4.   L-awtoritajiet kompetenti ta' kull wieħed mill-Istati Membri kkonċernati jistgħu jitolbu l-informazzjoni msemmija fil-punt (f) tal-paragrafu 3 fi żmien tliet xhur minn meta jirċievu l-ilment. Talbiet ulterjuri għal informazzjoni jistgħu jsiru matul il-proċedura ta' ftehim reċiproku skont l-Artikolu 4 jekk l-awtoritajiet kompetenti jqisu li dan huwa neċessarju. Għandhom japplikaw il-liġijiet nazzjonali dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni u dwar il-protezzjoni tas-sigriet kummerċjali, tan-negozju, industrijali jew professjonali jew proċessi kummerċjali.

Persuna milquta li tirċievi talba skont il-punt (f) tal-paragrafu 3 għandha twieġeb fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi t-talba. Kopja ta' din it-tweġiba għandha tintbagħat ukoll simultanjament lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati l-oħra.

5.   L-awtoritajiet kompetenti ta' kull Stat Membru kkonċernat għandhom jieħdu deċiżjoni dwar l-aċċettazzjoni jew iċ-ċaħda tal-ilment fi żmien sitt xhur mill-wasla tal-ilment jew fi żmien sitt xhur mill-wasla tal-informazzjoni msemmija fil-punt (f) tal-paragrafu 3, skont liema minnhom tkun l-aktar reċenti. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinfurmaw lill-persuna milquta u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra bid-deċiżjoni tagħhom mingħajr dewmien.

Fi żmien il-perijodu ta' sitt xhur mill-wasla ta' ilment, jew fi żmien sitt xhur mill-wasla tal-informazzjoni msemmija fil-punt (f) tal-paragrafu 3, skont liema minnhom tkun l-aktar reċenti, awtorità kompetenti tista' tiddeċiedi li ssolvi l-kwistjoni ta' tilwim fuq bażi unilaterali mingħajr ma tinvolvi l-awtoritajiet kompetenti l-oħra tal-Istati Membri kkonċernati. F'każ bħal dan, l-awtorità kompetenti rilevanti għandha tinnotifika lill-persuna milquta u lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra tal-Istati Membri kkonċernati mingħajr dewmien, u wara din il-proċedimenti taħt din id-Direttiva għandhom jintemmu.

6.   Persuna milquta li tkun tixtieq tirtira lment, għandha tintbagħat simultanjament notifika bil-miktub tal-irtirar lil kull awtorità kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati. Tali notifika għandha ttemm il-proċedimenti kollha skont din id-Direttiva b'effett immedjat. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jirċievu tali notifika għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra tal-Istati Membri kkonċernati bit-terminazzjoni tal-proċedimenti mingħajr dewmien.

Jekk għal xi raġuni kwistjoni ta' tilwim ma tibqax teżisti, il-proċedimenti kollha skont din id-Direttiva għandhom jintemmu b'effett immedjat u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati għandhom mingħajr dewmien jinfurmaw lill-persuna milquta b'din is-sitwazzjoni u bir-raġunijiet ġenerali fir-rigward tagħha.

Artikolu 4

Proċedura ta' Ftehim Reċiproku

1.   Meta l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati jaċċettaw ilment, huma għandhom jagħmlu ħilithom biex isolvu l-kwistjoni ta' tilwim permezz ta' ftehim reċiproku fi żmien sentejn, li jibdew mill-aħħar notifika ta' deċiżjoni ta' wieħed mill-Istati Membri dwar l-aċċettazzjoni tal-ilment.

Il-perijodu ta' sentejn imsemmi fl-ewwel subparagrafu jista' jiġi estiż b'massimu ta' sena fuq talba ta' awtorità kompetenti ta' Stat Membru kkonċernat lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra kollha tal-Istati Membri kkonċernati, jekk l-awtorità kompetenti li tagħmel it-talba tipprovdi ġustifikazzjoni bil-miktub.

2.   Ladarba l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jkunu laħqu ftehim dwar kif għandha tissolva l-kwistjoni ta' tilwim fil-perijodu previst fil-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru kkonċernat għandha, mingħajr dewmien, tinnotifika dan il-ftehim lill-persuna milquta bħala deċiżjoni li tkun vinkolanti fuq l-awtorità u infurzabbli mill-persuna milquta, bil-kondizzjoni li l-persuna milquta taċċetta d-deċiżjoni u tirrinunzja d-dritt għal kwalunkwe rimedju ieħor, fejn applikabbli. Fejn il-proċedimenti fir-rigward ta' tali rimedji oħrajn ikunu diġà bdew, id-deċiżjoni għandha ssir vinkolanti u infurzabbli biss ladarba l-persuna milquta tipprovdi evidenza lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati li ttieħdet azzjoni biex jintemmu dawk il-proċedimenti Tali evidenza għandha tiġi pprovduta mhux aktar tard minn 60 jum mid-data li fiha tali deċiżjoni tkun ġiet innotifikata lill-persuna milquta. Id-deċiżjoni mbagħad għandha tiġi implimentata mingħajr dewmien irrispettivament minn kwalunkwe limitu ta' żmien preskritt mil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri kkonċernati.

3.   Meta l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati ma jkunux laħqu ftehim dwar kif għandha tissolva l-kwistjoni ta' tilwim fil-perijodu previst fil-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru kkonċernat għandha tinforma lill-persuna milquta filwaqt li tindika r-raġunijiet ġenerali għaliex ma ntlaħaqx ftehim.

Artikolu 5

Deċiżjoni tal-awtorità kompetenti li tikkonċerna l-ilment

1.   L-awtorità kompetenti ta' Stat Membru kkonċernat tista' tiddeċiedi li tiċħad ilment fi żmien il-perijodu previst fl-Artikolu 3(5) jekk:

(a)

l-ilment ma jkunx fih l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 3(3) (inkluż kwalunkwe informazzjoni mitluba skont l-Artikolu 3(3)(f) li ma tkunx ġiet ippreżentata sal-iskadenza speċifikata fl-Artikolu 3(4));

(b)

ma jkun hemm ebda kwistjoni ta' tilwim; jew

(c)

l-ilment ma ġiex ippreżentat fil-perijodu ta' tliet snin stabbilit fl-Artikolu 3(1).

Meta tinforma lill-persuna milquta, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(5), l-awtorità kompetenti għandha tipprovdi r-raġunijiet ġenerali għaċ-ċaħda tagħha.

2.   Fejn awtorità kompetenti ta' Stat Membru kkonċernat ma tkunx ħadet deċiżjoni dwar l-ilment fil-perijodu previst fl-Artikolu 3(5), l-ilment għandu jitqies li ġie aċċettat minn dik l-awtorità kompetenti.

3.   Il-persuna milquta għandha tkun intitolata li tappella kontra d-deċiżjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati f'konformità mar-regoli nazzjonali meta l-awtoritajiet kompetenti kollha tal-Istati Membri kkonċernati jkunu ċaħdu l-ilment. Persuna milquta li teżerċita dan id-dritt ta' appell għandha tkun impedita milli tagħmel talba skont l-Artikolu 6(1)(a):

(a)

waqt li d-deċiżjoni tkun għadha taħt appell skont il-liġijiet tal-Istat Membru kkonċernat;

(b)

meta d-deċiżjoni ta' ċaħda tkun għadha tista' tiġi appellata ulterjorment taħt il-proċedura ta' appell tal-Istat Membru kkonċernat; jew

(c)

meta deċiżjoni ta' ċaħda tkun ġiet ikkonfermata taħt il-proċedura ta' appell fil-punt (a) iżda ma jkunx possibbli li jkun hemm deroga mid-deċiżjoni tal-qorti rilevanti jew ta' korpi ġudizzjarji oħra fi kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri kkonċernati.

Fejn ikun ġie eżerċitat id-dritt għal appell, id-deċiżjoni tal-qorti rilevanti jew ta' korp ġudizzjarju ieħor għandha titqies għall-finijiet tal-Artikolu 6(1)(a).

Artikolu 6

Soluzzjoni tat-tilwim mill-Kummissjoni Konsultattiva

1.   Fuq talba mill-persuna milquta lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati, Kummissjoni Konsultattiva (“Kummissjoni Konsultattiva”) għandha tiġi stabbilita minn tali awtoritajiet kompetenti f'konformità mal-Artikolu 8 fejn:

(a)

l-ilment imressaq minn tali persuna milquta ġie miċħud skont l-Artikolu 5(1) minn tal-inqas awtorità kompetenti waħda tal-Istati Membri kkonċernati, iżda mhux minn kollha; jew

(b)

l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati kienu aċċettaw l-ilment li jkun tressaq mill-persuna milquta iżda ma jkunx irnexxielhom jilħqu ftehim dwar kif għandha tissolva l-kwistjoni ta' tilwim bi ftehim reċiproku fil-limitu ta' żmien previst fl-Artikolu 4(1).

Il-persuna milquta tista' tagħmel talba bħal din biss jekk, skont kwalunkwe regola nazzjonali applikabbli kontra ċ-ċaħda msemmija fl-Artikolu 5(1): ma jista' jsir l-ebda appell; ma hemm l-ebda appell pendenti; jew jekk il-persuna milquta tkun formalment irrinunzjat id-dritt tagħha għal appell. It-talba għandha tinkludi dikjarazzjoni għal dan il-għan.

Il-persuna milquta għandha tagħmel it-talba bil-miktub biex twaqqaf Kummissjoni Konsultattiva, mhux aktar tard minn50 jum mid-data tal-wasla tan-notifika skont l-Artikoli 3(5) jew 4(3), jew 50 jum mid-data li fiha tingħata d-deċiżjoni tal-qorti rilevanti jew tal-korp ġudizzjarju skont l-Artikolu 5(3), skont il-każ. Il-Kummissjoni Konsultattiva għandha tiġi stabbilita mhux aktar tard minn 120 jum wara l-wasla ta' tali talba, u ladarba tkun stabbilita, il-persuna milquta għandha tiġi infurmata b'dan mill-president tagħha mingħajr dewmien.

2.   Il-Kummissjoni Konsultattiva stabbilita fil-każ tal-punt (a) tal-paragrafu 1, għandha tadotta deċiżjoni dwar l-aċċettazzjoni tal-ilment fi żmien sitt xhur mid-data tal-istabbiliment tagħha. Hija għandha tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti bid-deċiżjoni tagħha fi żmien 30 jum mill-adozzjoni tagħha.

Fejn il-Kummissjoni Konsultattiva tkun ikkonfermat li ġew issodisfati r-rekwiżiti kollha skont l-Artikolu 3, il-proċedura ta' ftehim reċiproku prevista fl-Artikolu 4 għandha tinbeda fuq talba ta' waħda mill-awtoritajiet kompetenti. L-awtorità kompetenti kkonċernata għandha tinnotifika dik it-talba lill-Kummissjoni Konsultattiva, lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra kkonċernati u lill-persuna milquta. Il-perijodu previst fl-Artikolu 4(1) għandu jibda mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni Konsultattiva dwar l-aċċettazzjoni tal-ilment.

Fejn l-ebda waħda mill-awtoritajiet kompetenti ma tkun talbet li tinbeda l-proċedura ta' ftehim reċiproku fi żmien 60 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Konsultattiva, il-Kummissjoni Konsultattiva għandha tipprovdi opinjoni dwar kif għandha tissolva l-kwistjoni ta' tilwim kif previst fl-Artikolu 14(1). F'każ bħal dan, għall-finijiet tal-Artikolu 14(1), il-Kummissjoni Konsultattiva għandha titqies li ġiet stabbilita fid-data li fiha jkun intemm dak il-perijodu ta' 60 jum.

3.   Fil-każ tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu (1) ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni Konsultattiva għandha tagħti opinjoni dwar kif għandha tissolva l-kwistjoni ta' tilwim f'konformità mal-Artikolu 14(1).

Artikolu 7

Ħatriet mill-qrati kompetenti jew il-korp nazzjonali tal-ħatra

1.   Jekk Kummissjoni Konsultattiva ma tiġix stabbilita fil-perijodu previst fl-Artikolu 6(1), l-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-persuna milquta rilevanti tista' tippreżenta rikors quddiem qorti kompetenti jew kwalunkwe korp jew persuna oħra maħtura skont il-liġi nazzjonali tagħhom għat-twettiq ta' tali funzjoni (korp nazzjonali tal-ħatra) biex titwaqqaf il-Kummissjoni Konsultattiva.

Jekk l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tkun naqset milli taħtar mill-inqas persuna waħda indipendenti ta' reputazzjoni u sostitut, il-persuna milquta tista' titlob lill-qorti kompetenti jew lill-korp nazzjonali tal-ħatra f'dak l-Istat Membru biex jaħtar persuna indipendenti ta' reputazzjoni u sostitut mil-lista msemmija fl-Artikolu 9.

Jekk l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kollha kkonċernati jkunu naqsu milli jagħmlu dan, il-persuna milquta tista' titlob lill-qrati kompetenti jew lill-korp nazzjonali tal-ħatra ta' kull Stat Membru biex jaħtru liż-żewġ persuni indipendenti ta' reputazzjoni mil-lista msemmija fl-Artikolu 9. Dawk il-persuni indipendenti ta' reputazzjoni għandhom jaħtru l-president billi jtellgħu persuna bix-xorti mil-lista ta' persuni indipendenti f'konformità mal-Artikolu 8(3).

Il-persuni milquta għandhom jippreżentaw ir-rinviju tagħhom biex jaħtru l-persuni indipendenti ta' reputazzjoni u s-sostituti tagħhom lil kull wieħed mill-istati ta' residenza tagħhom, jekk tkun involuta aktar minn persuna milquta waħda fil-proċedimenti, jew lill-Istati Membri li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom ikunu naqsu milli jaħtru mill-inqas persuna waħda indipendenti ta' reputazzjoni u sostitut jekk tkun involuta persuna milquta waħda biss.

2.   Il-ħatra tal-persuni indipendenti u s-sostituti tagħhom skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha tiġi riferuta lil qorti kompetenti ta' Stat Membru jew lil korp nazzjonali tal-ħatra biss wara t-tmiem tal-perijodu ta' 120 jum imsemmi fl-Artikolu 6(1), u fi żmien 30 jum wara t-tmiem ta' dak il-perijodu.

3.   Il-qorti kompetenti jew il-korp nazzjonali tal-ħatra għandu jadotta deċiżjoni skont il-paragrafu 1 u jinnotifikaha lill-applikant. Il-proċedura applikabbli biex il-qorti kompetenti taħtar il-persuni indipendenti, meta l-Istati Membri jonqsu milli jaħtruhom huma, għandha tkun l-istess bħall-proċedura skont ir-regoli nazzjonali fi kwistjonijiet ta' arbitraġġ ċivili u kummerċjali li tapplika meta l-qrati jew il-korpi nazzjonali tal-ħatra jaħtru l-arbitri minħabba li l-partijiet ikunu naqsu milli jaqblu f'dan ir-rigward. Il-qorti kompetenti jew il-korp nazzjonali tal-ħatra tal- Istat Membru għandu jinforma lill-awtoritajiet kompetenti ta' dak l-Istat Membru, li għandu min-naħa tiegħu jinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati l-oħra mingħajr dewmien. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li inizjalment tkun naqset milli taħtar il-persuna indipendenti ta' reputazzjoni u s-sostitut għandu jkollha d-dritt li tappella d-deċiżjoni tal-qorti, jew tal-korp nazzjonali tal-ħatra f'dak l-Istat Membru, dment li l-awtorità kompetenti jkollha d-dritt li tagħmel dan skont il-liġi nazzjonali. F'każ ta' ċaħda, l-applikant għandu jkollu d-dritt li jappella kontra d-deċiżjoni tal-qorti skont ir-regoli proċedurali nazzjonali.

Artikolu 8

Il-Kummissjoni Konsultattiva

1.   Il-Kummissjoni Konsultattiva msemmija fl-Artikolu 6 għandha tkun magħmula kif ġej:

(a)

president wieħed;

(b)

rappreżentant wieħed ta' kull awtorità kompetenti kkonċernata. Jekk l-awtoritajiet kompetenti jaqblu, l-għadd ta' tali rappreżentanti jista' jiżdied sa tnejn għal kull awtorità kompetenti;

(c)

persuna indipendenti waħda ta' reputazzjoni, li għandha tinħatar minn kull awtorità kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati mil-lista ta' persuni msemmija fl-Artikolu 9. Jekk l-awtoritajiet kompetenti jaqblu, l-għadd ta' tali persuni jista' jiżdied sa tnejn għal kull awtorità kompetenti.

2.   Ir-regoli għall-ħatra tal-persuni indipendenti ta' reputazzjoni għandhom jiġu maqbula bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati. Wara l-ħatra tal-persuni indipendenti ta' reputazzjoni għandu jinħatar sostitut għal kull waħda minnhom skont ir-regoli għall-ħatra tal-persuni indipendenti f'każ li l-persuni indipendenti jitwaqqfu milli jwettqu dmirijiethom.

3.   Fejn ir-regoli għall-ħatra ta' persuni indipendenti ta' reputazzjoni ma ġewx maqbula f'konformità mal-paragrafu 2, it-tali persuni għandhom jinħatru bix-xorti.

4.   Minbarra fejn il-persuni indipendenti ta' reputazzjoni jkunu nħatru mill-qorti kompetenti jew mill-korp nazzjonali tal-ħatra kif previst fl-Artikolu 7(1), l-awtorità kompetenti ta' kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri kkonċernati tista' toġġezzjona għall-ħatra ta' kwalunkwe persuna indipendenti ta' reputazzjoni partikolari għal kwalunkwe waħda mir-raġunijiet maqbula minn qabel bejn l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati jew għal kwalunkwe waħda mir-raġunijiet li ġejjin:

(a)

dik il-persuna tkun tagħmel parti minn waħda mill-amministrazzjonijiet tat-taxxa kkonċernati, jew tkun qiegħda taħdem f'isimha, jew kienet f'sitwazzjoni bħal din f'xi ħin matul it-tliet snin ta' qabel;

(b)

dik il-persuna għandha, jew kellha, parteċipazzjoni materjali jew dritt tal-vot fi kwalunkwe persuna milquta kkonċernata, jew hija jew kienet impjegata jew konsulenta tagħha, fi kwalunkwe żmien matul l-aħħar ħames snin qabel id-data tal-ħatra tagħha;

(c)

dik il-persuna ma toffrix garanzija suffiċjenti ta' oġġettività għas-soluzzjoni tat-tilwima jew tat-tilwim li jkun irid jiġi deċiż;

(d)

dik il-persuna tkun impjegata ma' intrapriża li tipprovdi konsulenza fiskali jew inkella tagħti konsulenza fiskali fuq bażi professjonali, jew kienet f'tali sitwazzjoni fi kwalunkwe żmien matul perijodu ta' mill-inqas tliet snin qabel id-data tal-ħatra tagħha.

5.   Kwalunkwe awtorità kompetenti ta' Stat Membru kkonċernat tista' titlob li persuna ta' reputazzjoni li tkun inħatret skont il-paragrafu 2 jew 3, jew is-sostitut tagħha, tiżvela kwalunkwe interess, relazzjoni jew kwalunkwe kwistjoni oħra li x'aktarx taffettwa l-indipendenza jew l-imparzjalità ta' dik il-persuna jew li tista' raġonevolment toħloq impressjoni ta' preġudizzju fil-proċedimenti.

Għal perijodu ta' tnax-il xahar wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Konsultattiva, persuna indipendenti ta' reputazzjoni li hija parti mill-Kummissjoni Konsultattiva ma għandhiex tkun f'sitwazzjoni li kieku kienet tagħti lok għal oġġezzjoni minn awtorità kompetenti għall-ħatra tagħha kif previst f'dan il-paragrafu kieku kellha tkun f'dik is-sitwazzjoni fil-mument tal-ħatra għal din l-istess Kummissjoni Konsultattiva.

6.   Ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet kompetenti u tal-persuni indipendenti ta' reputazzjoni maħtura skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom jeleġġu president mil-lista tal-persuni msemmija fl-Artikolu 9. Sakemm ir-rappreżentanti ta' kull awtorità kompetenti u l-persuni indipendenti ta' reputazzjonima jaqblux mod ieħor, il-president għandu jkun imħallef.

Artikolu 9

Il-Lista ta' Persuni Indipendenti ta' Reputazzjoni

1.   Il-lista ta' persuni indipendenti ta' reputazzjoni għandha tikkonsisti mill-persuni indipendenti ta' reputazzjoni kollha nominati mill-Istati Membri. Għal dan il-għan, kull Stat Membru għandu jinnomina mill-inqas tliet individwi li huma kompetenti u indipendenti, u li jistgħu jaġixxu b'imparzjalità u integrità.

2.   Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bl-ismijiet tal-persuni indipendenti ta' reputazzjoni li jkun innomina. Kull Stat Membru għandu jipprovdi wkoll lill-Kummissjoni informazzjoni sħiħa u aġġornata dwar l-isfond professjonali u akkademiku ta' dawk il-persuni, il-kompetenza tagħhom, l-għarfien espert tagħhom u dwar kwalunkwe kunflitt ta' interess li jista' jkollhom. Fin-notifika, l-Istati Membri jistgħu jispeċifikaw liema minn dawk il-persuni jistgħu jinħatru bħala president.

3.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw mingħajr dewmien lill-Kummissjoni bi kwalunkwe tibdil fil-lista tal-persuni indipendenti.

Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi proċeduri għat-tneħħija mil-lista ta' kwalunkwe persuna li hu jkun ħatar mil-lista' ta' persuni indipendenti ta' reputazzjoni jekk dik il-persuna ma tibqax indipendenti.

Fejn, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dan l-Artikolu, Stat Membru għandu raġuni valida biex joġġezzjona għal persuna indipendenti ta' reputazzjoni milli tibqa' fil-lista msemmija hawn fuq għal raġunijiet ta' nuqqas ta' indipendenza, dan għandu jinforma l-Kummissjoni u jipprovdi evidenza xierqa biex jappoġġa t-tħassib tiegħu. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru li nnomina lil din il-persuna bl-oġġezzjoni u l-evidenza ta' sostenn. Abbażi ta' tali oġġezzjoni u evidenza ta' sostenn, dan l-Istat Membru għandu, fi żmien sitt xhur, jieħu l-passi neċessarji biex jinvestiga l-ilment, u għandu jiddeċiedi jekk iżommx jew ineħħix lil dik il-persuna mil-lista. L-Istat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni b'dan mingħajr dewmien.

Artikolu 10

Il-Kummissjoni għas-Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim

1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati jistgħu jaqblu li jistabbilixxu kummissjoni għas-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim (“Kummissjoni għas-Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim”) minflok Kummissjoni Konsultattiva biex tagħti opinjoni dwar kif għandha tiġi solvuta l-kwistjoni ta' tilwim f'konformità mal-Artikolu 14. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jaqblu wkoll li jistabbilixxu Kummissjoni għas-Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim fil-forma ta' kumitat li jkun ta' natura permanenti (“Kumitat Permanenti”).

2.   Minbarra r-regoli dwar l-indipendenza tal-membri tagħha stipulati fl-Artikolu 8(4) u 8(5), il-Kummissjoni għas-Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim tista' tkun differenti mill-Kummissjoni Konsultattiva fir-rigward tal-kompożizzjoni u tal-forma tagħha.

Kummissjoni għas-Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim tista' tapplika, fejn xieraq, kwalunkwe proċess jew teknika oħra għas-soluzzjoni tat-tilwim biex tiġi solvuta l-kwistjoni ta' tilwim b'mod vinkolanti. Bħala alternattiva għat-tip ta' proċess għas-soluzzjoni tat-tilwim applikat mill-Kummissjoni Konsultattiva taħt l-Artikolu 8, jiġifieri l-proċess ta' opinjoni indipendenti, kwalunkwe tip ieħor ta' proċess għas-soluzzjoni tat-tilwim, inkluż il-proċess ta' arbitraġġ b'“offerta finali” (magħruf ukoll bħala arbitraġġ b'“l-aħjar offerta finali”), jista' jiġi maqbul mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati skont dan l-Artikolu u jiġi applikat mill-Kummissjoni għas-Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim.

3.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati għandhom jaqblu dwar ir-Regoli ta' Funzjonament f'konformità mal-Artikolu 11.

4.   L-Artikoli 12 u 13 għandhom japplikaw għall-Kummissjoni għas-Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim sakemm ma jiġix maqbul mod ieħor fir-Regoli ta' Funzjonament imsemmija fl-Artikolu 11.

Artikolu 11

Regoli ta' Funzjonament

1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li, fi żmien il-perijodu ta' 120 jum kif previst fl-Artikolu 6(1), l-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru kkonċernat għandha tinnotifika lill-persuna milquta b'dan li ġej:

(a)

ir-Regoli ta' Funzjonament għall-Kummissjoni Konsultattiva jew għall-Kummissjoni għas-Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim;

(b)

id-data sa meta għandha tiġi adottata l-opinjoni dwar is-soluzzjoni tal-kwistjoni ta' tilwim;

(c)

referenzi għal kwalunkwe dispożizzjoni legali applikabbli fil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri u għal kwalunkwe ftehim jew konvenzjoni applikabbli.

2.   Ir-Regoli ta' Funzjonament għandhom jiġu ffirmati bejniet l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri involuti fit-tilwima.

Ir-Regoli ta' Funzjonament għandhom jipprevedu b'mod partikolari:

(a)

id-deskrizzjoni u l-karatteristiċi tal-kwistjoni ta' tilwim;

(b)

it-termini ta' referenza li fuqhom jaqblu l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fir-rigward tal-kwistjonijiet legali u fattwali li għandhom jiġu solvuti;

(c)

il-forma tal-korp ta' soluzzjoni tat-tilwim, li jista' jkun jew Kummissjoni Konsultattiva inkella Kummissjoni għas-Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim, kif ukoll it-tip ta' proċess għal kwalunkwe Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim, jekk il-proċess huwa differenti mill-proċess ta' opinjoni indipendenti applikat minnKummissjoni Konsultattiva;

(d)

il-qafas ta' żmien għall-proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwim;

(e)

il-kompożizzjoni tal-Kummissjoni Konsultattiva jew tal-Kummissjoni għas-Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim (inkluż in-numru u l-ismijiet tal-membri, id-dettalji tal-kompetenza u l-kwalifiki tagħhom, u d-divulgazzjoni ta' kwalunkwe kunflitt ta' interessi tal-membri);

(f)

ir-regoli li jirregolaw il-parteċipazzjoni tal-persuna(i) milquta u ta' partijiet terzi fil-proċedimenti, l-iskambji ta' memoranda, l-informazzjoni u l-evidenza, l-ispejjeż, it-tip ta' proċess għas-soluzzjoni tat-tilwim li għandu jintuża, u kwalunkwe kwistjoni proċedurali jew organizzattiva rilevanti ieħor;

(g)

l-arranġamenti loġistiċi għall-proċedimenti tal-Kummissjoni Konsultattiva u għall-għoti tal-opinjoni tagħha.

Jekk Kummissjoni Konsultattiva tiġi stabbilita biex tagħti opinjoni skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1), fir-Regoli ta' Funzjonament għandha tiġi stabbilita biss l-informazzjoni msemmija fil-punti (a), (d), (e) u (f) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(2).

3.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi Regoli standard ta' Funzjonament abbażi tad-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu permezz ta' atti ta' implimentazzjoni. Tali Regoli standard ta' Funzjonament għandhom japplikaw f'każijiet fejn ir-Regoli ta' Funzjonament mhumiex kompluti jew ma ġewx innotifikati lill-persuna milquta. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 20(2).

4.   Fejn l-awtoritajiet kompetenti ma jkunux innotifikaw ir-Regoli ta' Funzjonament lill-persuna milquta f'konformità mal-paragrafi 1 u 2, il-persuni indipendenti ta' reputazzjoni u l-president għandhom jikkompletaw ir-Regoli ta' Funzjonament abbażi tal-formola standard prevista taħt il-paragrafu 3 u għandhom jibagħtuhom lill-persuna milquta fi żmien ġimagħtejn mid-data tal-istabbiliment tal-Kummissjoni Konsultattiva jew tal-Kummissjoni għas-Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim. Fejn il-persuni indipendenti u l-President ma jkunux qablu dwar il-Regoli ta' Funzjonament jew ma jinnotifikawhomx lill-persuna milquta, il-persuna milquta jew il-persuni milquta jistgħu jippreżentaw rikors quddiem il-qorti kompetenti f'wieħed mill-Istati Membri involuti sabiex jiksbu ordni għall-implimentazzjoni tar-Regoli ta' Funzjonament.

Artikolu 12

Spejjeż tal-proċedimenti

1.   Ħlief kif previst fil-paragrafu 2, u sakemm l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati ma jkunux qablu mod ieħor, l-ispejjeż li ġejjin għandhom jinqasmu b'mod indaqs fost l-Istati Membri:

(a)

l-ispejjeż tal-persuni indipendenti ta' reputazzjoni, li għandhom ikunu ta' ammont ekwivalenti għall-medja tal-ammont normalment rimborżat lil impjegati taċ-ċivil ta' grad għoli tal-Istati Membri kkonċernati; u

(b)

it-tariffi tal-persuni indipendenti, fejn applikabbli, li għandhom ikunu limitati għal EUR 1 000 għal kull persuna għal kull jum, għal kull jum li fih jiltaqgħu l-Kummissjoni Konsultattiva jew il-Kummissjoni għas-Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim.

L-ispejjeż imġarrba mill-persuna milquta ma għandhomx jitħallsu mill-Istati Membri.

2.   Meta l-persuna milquta tkun għamlet:

(a)

notifika tal-irtirar ta' lment skont l-Artikolu 3(6); jew

(b)

talba skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(1) wara ċaħda li tkun saret skont l-Artikolu 5(1) u l-Kummissjoni Konsultattiva tkun iddeċidiet li l-awtoritajiet kompetenti rilevanti kienu korretti fiċ-ċaħda tal-ilment.

u, meta l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati jaqblu, l-ispejjeż kollha msemmija fil-paragrafi 1 (a) u (b) għandhom jitħallsu mill-persuna milquta.

Artikolu 13

Informazzjoni, Evidenza u Smigħ

1.   Għall-finijiet tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 6, meta l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati jaqblu, il-persuna jew persuni milquta kkonċernati jistgħu jipprovdu lill-Kummissjoni Konsultattiva jew lill-Kummissjoni għas-Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim kwalunkwe informazzjoni, evidenza jew dokumenti li jistgħu jkunu rilevanti għad-deċiżjoni. Il-persuna jew persuni milquta u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati għandhom jipprovdu kwalunkwe informazzjoni, evidenza jew dokumenti fuq talba tal-Kummissjoni Konsultattiva jew tal-Kummissjoni għas-Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim. Madankollu, dawk l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirrifjutaw li jagħtu informazzjoni lill-Kummissjoni Konsultattiva fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

il-kisba tal-informazzjoni tkun teħtieġ it-twettiq ta' miżuri amministrattivi li jmorru kontra l-liġi nazzjonali;

(b)

l-informazzjoni ma tkunx tista' tinkiseb skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat;

(c)

l-informazzjoni tikkonċerna sigrieti kummerċjali, sigrieti tan-negozju, sigrieti industrijali, sigrieti professjonali jew proċessi kummerċjali;

(d)

id-divulgazzjoni tal-informazzjoni tmur kontra l-ordni pubbliku.

2.   Il-persuni milquta, fuq talba tagħhom u bil-kunsens tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati, jistgħu jidhru jew ikunu rappreżentati quddiem Kummissjoni Konsultattiva jew il-Kummissjoni għas-Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim. Fuq talba mill-Kummissjoni Konsultattiva jew mill-Kummissjoni għas-Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim, persuni milquta għandhom jidhru jew ikunu rappreżentati quddiemha.

3.   Il-persuni indipendenti ta' reputazzjoni jew kwalunkwe membru ieħor għandu jkun soġġett għall-obbligi tas-segretezza professjonali skont il- leġislazzjoni nazzjonali ta' kull wieħed mill-Istati Membri kkonċernati fir-rigward tal-informazzjoni li jirċievu fil-kapaċità tagħhom ta' membri ta' Kummissjoni Konsultattiva jew Kummissjoni għas-Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim. Il-persuni milquta, u fejn applikabbli, ir-rappreżentanti tagħhom, għandhom jimpenjaw ruħhom li jittrattaw bħala sigrieta kwalunkwe informazzjoni (inkluż l-għarfien b'dokumenti) li huma jirċievu matul tali proċedimenti. Il-persuna milquta u r-rappreżentanti tiegħu għandhom jagħmlu dikjarazzjoni għal dan il-għan lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati meta dawn jintalbu jagħmlu hekk waqt il-proċedimenti. L-Istati Membri għandhom jadottaw sanzjonijiet xierqa għal kwalunkwe ksur tal-obbligi tas-segretezza.

Artikolu 14

L-Opinjoni tal-Kummissjoni Konsultattiva jew tal-Kummissjoni għas-Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim

1.   Kummissjoni Konsultattiva jew Kummissjoni għas-Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim għandha tagħti l-opinjoni tagħha lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati mhux aktar tard minn sitt xhur wara d-data li fiha tkun ġiet stabbilita. Meta l-Kummissjoni Konsultattiva jew il-Kummissjoni għas-Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim tqis li l-kwistjoni ta' tilwim hija tali li tkun teħtieġ aktar minn sitt xhur biex tingħata opinjoni, dan il-perijodu jista' jiġi estiż bi tliet xhur. Il-Kummissjoni Konsultattiva jew il-Kummissjoni għas-Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim għandha tinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati u l-persuni milqutin dwar kwalunkwe estensjoni bħal din.

2.   Il-Kummissjoni Konsultattiva jew il-Kummissjoni għas-Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim għandha tibbaża l-opinjoni tagħha fuq id-dispożizzjonijiet tal-ftehim jew tal-konvenzjoni applikabbli msemmija fl-Artikolu 1 kif ukoll fuq kwalunkwe regola nazzjonali applikabbli.

3.   Il-Kummissjoni Konsultattiva jew il-Kummissjoni għas-Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim għandha tadotta l-opinjoni tagħha b'maġġoranza sempliċi tal-membri tagħha. Meta ma tkunx tista' tintlaħaq maġġoranza, il-vot tal-president għandu jiddetermina l-opinjoni finali. Il-president għandu jikkomunika l-opinjoni tal-Kummissjoni Konsultattiva jew tal-Kummissjoni għas-Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim lill-awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 15

Deċiżjoni Finali

1.   L-awtoritajiet kompetenti kkonċernati għandhom jaqblu dwar kif għandha tiġi solvuta l-kwistjoni ta' tilwim fi żmien sitt xhur min-notifika tal-opinjoni tal-Kummissjoni Konsultattiva jew tal-Kummissjoni għas-Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim.

2.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jieħdu deċiżjoni, li tiddevja mill-opinjoni tal-Kummissjoni Konsultattiva jew tal-Kummissjoni għas-Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim. Madankollu jekk ma jilħqux qbil dwar kif għandha tiġi solvuta l-kwistjoni ta' tilwim, huma għandhom ikunu marbuta b'dik l-opinjoni.

3.   Kull Stat Membru għandu jipprevedi li l-awtorità kompetenti tiegħu għandha tinnotifika d-deċiżjoni finali dwar is-soluzzjoni għall-kwistjoni ta' tilwim tiġi nnotifikata lill-persuna milquta mingħajr dewmien. Fin-nuqqas ta' tali notifika fiż-żmien ta' 30 jum mit-teħid tad-deċiżjoni, il-persuna milquta tista' tappella fl-Istat Membru ta' residenza tagħha skont ir-regoli nazzjonali applikabbli sabiex tikseb id-deċiżjoni finali.

4.   Id-deċiżjoni finali għandha tkun vinkolanti fuq l-Istati Membri kkonċernati u ma għandhiex tikkostitwixxi preċedent. Id-deċiżjoni finali għandha tiġi implimentata bil-kondizzjoni li l-persuna jew il-persuni milquta jaċċettaw id-deċiżjoni u jirrinunzjaw id-dritt għal kwalunkwe rimedju domestiku fi żmien 60 jum mid-data li fiha tkun ġiet innotifikata d-deċiżjoni finali, fejn applikabbli.

Ħlief meta l-qorti rilevanti jew korp ġudizzjarju ieħor ta' Stat Membru kkonċernat ikun iddeċieda skont ir-regoli nazzjonali applikabbli tiegħu dwar ir-rimedji u b'applikazzjoni tal-kriterji taħt l-Artikolu 8 li kien hemm nuqqas ta' indipendenza, id-deċiżjoni finali għandha tiġi implimentata skont il-liġi nazzjonali tal-Istati Membri kkonċernati li b'riżultat tad-deċiżjoni finali għandhom jemendaw it-tassazzjoni tagħhom, irrispettivament minn kwalunkwe limitu ta' żmien preskritt mil-liġi nazzjonali. Fejn id-deċiżjoni finali ma tkunx ġiet implimentata, il-persuna milquta tista' tippreżenta rikors quddiem il-qorti kompetenti tal-Istat Membru li jkun naqas milli jimplimenta d-deċiżjoni finali, sabiex tiġi infurzata l-implimentazzjoni tagħha.

Artikolu 16

Interazzjoni ma' proċedimenti u derogi nazzjonali

1.   Il-fatt li l-azzjoni ta' Stat Membru li ħolqot kwistjoni ta' tilwim issir finali skont il-liġi nazzjonali, ma għandux iwaqqaf lill-persuni milquta milli jirrikorru għall-proċeduri previsti f'din id-Direttiva.

2.   Is-sottomissjoni tal-kwistjoni ta' tilwim għall-proċedura ta' ftehim reċiproku jew għall-proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwim skont l-Artikoli 4 u 6 rispettivament ma għandhiex twaqqaf Stat Membru milli jibda jew ikompli proċedimenti ġudizzjarji jew proċedimenti għal penali amministrattivi u kriminali fir-rigward tal-istess kwistjonijiet.

3.   Il-persuni milquta jistgħu jirrikorru għar-rimedji disponibbli għalihom skont il-liġi nazzjonali tal-Istati Membri kkonċernati. Madankollu, meta l-persuna milquta tkun bdiet proċedimenti biex tfittex tali rimedju, it-termini tal-perijodi msemmija fl-Artikoli 3(5) u 4(1) rispettivament għandhom jibdew mid-data li fiha sentenza li ngħatat f'dawk il-proċedimenti tkun saret finali jew li fiha dawk il-proċedimenti ikunu b'mod ieħor ġew konklużi definittivament jew li fiha l-proċedimenti jkunu ġew sospiżi.

4.   Fejn deċiżjoni dwar kwistjoni ta' tilwim tkun ingħatat mill-qorti rilevanti jew minn korp ġudizzjarju ieħor ta' Stat Membru, u l-liġi nazzjonali ta' dak l-Istat Membru ma tippermettilux jidderoga mid-deċiżjoni, dak l-Istat Membru jista' jipprevedi li:

(a)

qabel ma jkun intlaħaq qbil mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati taħt il-proċedura ta' ftehim reċiproku skont l-Artikolu 4 dwar dik il-kwistjoni ta' tilwim, l-awtorità kompetenti ta' tali Stat Membru għandha tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra tal-Istati Membri kkonċernati dwar id-deċiżjoni tal-qorti rilevanti jew tal-korp ġudizzjarju ieħor u li l-proċedura ser tintemm mid-data ta' tali notifika;

(b)

qabel il-persuna milquta tkun għamlet talba skont l-Artikolu 6(1), id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(1) ma japplikawx jekk il-kwistjoni ta' tilwim baqgħet ma ssolvietx matul il-proċedura sħiħa ta' ftehim reċiproku skont l-Artikolu 4, f'liema każ l-awtorità kompetenti ta' dak l-Istat Membru għandha tinforma lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra tal-Istati Membri kkonċernati dwar l-effett tad- deċiżjoni tal-qorti rilevanti jew tal-korp ġudizzjarju ieħor;

(c)

il-proċess għas-soluzzjoni tat-tilwim skont l-Artikolu 6 għandu jintemm jekk id-deċiżjoni tal-qorti rilevanti jew ta' korp ġudizzjarju ieħor tkun ingħatat f'xi ħin wara li persuna milquta tkun għamlet talba skont l-Artikolu 6(1) iżda qabel ma l-Kummissjoni Konsultattiva jew il-Kummissjoni għas-Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim tkun tat l-opinjoni tagħha lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati f'konformità mal-Artikolu 14, f'liema każ l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandha tinforma lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra tal-Istati Membri kkonċernati u lill-Kummissjoni Konsultattiva jew il-Kummissjoni għas-Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim dwar l-effett tad-deċiżjoni tal-qorti rilevanti jew ta' korp ġudizzjarju ieħor.

5.   It-tressiq ta' lment kif previst skont l-Artikolu 3 għandha ttemm kwalunkwe proċediment li jkun għaddej taħt il-proċedura ta' ftehim reċiproku jew il-proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwim taħt ftehim jew konvenzjoni li tkun qed tiġi interpretata jew applikata fir-rigward tal-kwistjoni rilevanti ta' tilwim. Tali proċedimenti oħra li jkunu għaddejjin dwar il-kwistjoni ta' tilwim rilevanti għandhom jintemmu b'effett mid-data tal-ewwel riċevuta tal-ilment minn xi waħda mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati.

6.   B'deroga mill-Artikolu 6, Stat Membru kkonċernat jista' jiċħad l-aċċess għall-proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwim skont dak Artikolu f'każijiet fejn il-penali ġew imposti f'dak l-Istat Membri fir-rigward tad-dħul jew kapital aġġustat għal frodi tat-taxxa, inadempjenza volontarja jew negliġenza gravi. Fejn bdew proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi li potenzjalment jistgħu jwasslu għal tali penali u dawk il-proċedimenti qed jitwettqu simultanjament ma' xi proċediment imsemmi f'din id-Direttiva, awtorità kompetenti tista' tissospendi l-proċedimenti skont din id-Direttiva mid-data ta' aċċettazzjoni tal-ilment sad-data tal-eżitu finali ta' dawk il-proċedimenti.

7.   Stat Membru jista' jiċħad l-aċċess għall-proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwim skont l-Artikolu 6 skont il-każ fejn il-kwistjoni ta' tilwim ma tinvolvix taxxa doppja. F'każ bħal dan, l-awtorità kompetenti ta' dak l-Istat Membru għandha tinforma lill-persuna milquta u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra kkonċernati mingħajr dewmien.

Artikolu 17

Dispożizzjonijiet Speċjali għal Individwi u Impriżi Żgħar

Meta l-persuna milquta:

(a)

tkun individwu; jew

(b)

ma tkunx impriża kbira u ma tiffurmax parti minn grupp kbir (it-tnejn li huma kif definiti fid-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5)),

il-persuna milquta tista' tippreżenta l-ilmenti, it-tweġibiet għal talba għal informazzjoni addizzjonali, l-irtirar u t-talbiet speċifikati fl-Artikoli 3(1), 3(4), 3(6) u 6(1) rispettivament (“komunikazzjonijiet”), permezz ta' deroga minn dawk id-dispożizzjonijiet, biss lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih tirrisjedi l-persuna milquta. L-awtorità kompetenti ta' dak l-Istat Membru għandha tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati l-oħra kollha fl-istess ħin u fi żmien xahrejn minn meta tirċievi tali komunikazzjonijiet. Ladarba tkun saret it-tali notifika, il-persuna milquta għandha titqies li tkun ippreżentat il-komunikazzjoni lill-Istati Membri kollha kkonċernati mid-data ta' tali notifika.

Fil-każ ta' informazzjoni addizzjonali rċevuta skont l-Artikolu 3(4), l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li jirċievi l-informazzjoni addizzjonali għandha fl-istess ħin tibgħat kopja lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati l-oħra kollha. Ladarba tkun saret din il-preżentazzjoni, għandu jitqies li l-informazzjoni addizzjonali waslet għand l-Istati Membri kkonċernati kollha mid-data tal-wasla tal-informazzjoni.

Artikolu 18

Pubbliċità

1.   Il-Kummissjonijiet Konsultattivi u l-Kummissjonijiet għas-Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim għandhom joħorġu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub.

2.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jaqblu li jippubblikaw id-deċiżjonijiet finali msemmijin fl-Artikolu 15 fl-intier tagħhom, soġġett għall-kunsens ta' kull waħda mill-persuni milquta kkonċernati.

3.   Meta l-awtoritajiet kompetenti jew il-persuna milquta kkonċernati ma jagħtux il-kunsens tagħhom għall-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni finali fl-intier tagħha, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jippubblikaw sommarju tad-deċiżjoni finali. Dak is-sommarju għandu jkun fih deskrizzjoni tal-kwistjoni u s-suġġett, id-data, il-perijodi tat-taxxa involuti, il-bażi legali, is-settur tal-industrija u deskrizzjoni fil-qosor tal-eżitu finali. Għandu jinkludi wkoll deskrizzjoni tal-metodu ta' arbitraġġ użat.

Qabel ma tiġi ppubblikata, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jibagħtu lill-persuna milquta l-informazzjoni li trid tiġi ppubblikata f'konformità mal-ewwel subparagrafu. Mhux aktar tard minn 60 jum mill-wasla ta' tali informazzjoni, il-persuna milquta tista' titlob lill-awtoritajiet kompetenti biex ma jippubblikawx informazzjoni li tikkonċerna xi sigriet kummerċjali, tan-negozju, industrijali jew professjonali jew proċess kummerċjali, jew li tmur kontra l-ordni pubbliku.

4.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi formoli standard għall-komunikazzjoni tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu permezz ta' atti ta' implimentazzjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 20(2).

5.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw mingħajr dewmien lill-Kummissjoni l-informazzjoni li għandha tiġi ppubblikata f'konformità mal-paragrafu 3.

Artikolu 19

Rwol tal-Kummissjoni u Appoġġ amministrattiv

1.   Il-Kummissjoni għandha żżomm aġġornati l-lista tal-awtoritajiet kompetenti u l-lista tal-persuni indipendenti ta' reputazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(4) u għandha tagħmilhom disponibbli online. Dik il-lista għandha tinkludi biss l-ismijiet ta' dawk il-persuni.

2.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri li jkunu ħadu sabiex jippenalizzaw kwalunkwe ksur tal-obbligu tas-segretezza previst fl-Artikolu 13. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra dwarhom.

3.   Il-Kummissjoni għandha żżomm repożitorju ċentrali fejn l-informazzjoni li tiġi ppubblikata skont l-Artikoli 18(2) u (3) tiġi arkivjata u ssir disponibbli online.

Artikolu 20

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat għas-Soluzzjoni tat-Tilwim. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 21

Rieżami

Sat-30 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva u tippreżenta rapport lill-Kunsill. Dak ir-rapport għandu jiġi akkumpanjat, jekk xieraq, minn proposta leġislattiva.

Artikolu 22

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2019. Huma għandhom jikkomunikaw mingħajr dewmien it-test tagħhom lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir din ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-leġislazzjoni nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 23

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din għandha tapplika għal kull ilment ippreżentat mill-1 ta' Lulju 2019 'il quddiem dwar kwistjonijiet ta' tilwim relatati ma' dħul jew kapital miksub f'sena tat-taxxa li tibda fl-1 ta' Jannar 2018 jew wara. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati jistgħu madankollu jiftiehmu li japplikaw din id-Direttiva fir-rigward ta' kwalunkwe lment li tressaq qabel dak il-jum jew fi snin tat-taxxa preċedenti.

Artikolu 24

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-10 ta' Ottubru 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

T. TÕNISTE


(1)  Opinjoni tas-6 ta' Lulju 2017 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tat-22 ta' Frar 2017 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU L 225, 20.8.1990, p. 10.

(4)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(5)  Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta' ċerti tipi ta' impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).