28.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 198/29


DIRETTIVA (UE) 2017/1371 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-5 ta' Lulju 2017

dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 83(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni ma tolqotx biss il-ġestjoni tal-approprjazzjonijiet tal-baġit, iżda testendi għall-miżuri kollha li jaffettwaw negattivament jew jheddu li jaffettwaw negattivament l-assi tagħha, u dawk tal-Istati Membri sakemm dawk il-miżuri huma ta' rilevanza għall-politiki tal-Unjoni.

(2)

Il-Konvenzjoni mfassla abbażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej tas-26 ta' Lulju 1995 (3) , inklużi l-Protokolli tagħha tas-27 ta' Settembru 1996 (4), tad-29 ta' Novembru 1996 (5) u tad-19 ta' Ġunju 1997 (6) (il-“Konvenzjoni”) tistabbilixxi regoli minimi marbuta mad-definizzjoni ta' reati kriminali u sanzjonijiet fil-qasam tal-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. L-Istati Membri fasslu l-Konvenzjoni, li fiha ġie nnutat li l-frodi li taffettwa d-dħul u n-nefqa tal-Unjoni f'bosta każijiet ma kinitx limitata għal pajjiż waħdani u ta' spiss kienet issir minn netwerks kriminali organizzati. Abbażi ta' dak, diġà kien rikonoxxut fil-Konvenzjoni li l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni kienet titlob il-prosekuzzjoni kriminali tal-imġiba frodulenti li tagħmel ħsara lil dawk l-interessi. B'mod parallel, ġie adottat ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (7). Dak ir-Regolament jistipula regoli ġenerali relatati ma' kontrolli omoġenji u ma' miżuri u penali amministrattivi li jikkonċernaw l-irregolaritajiet fir-rigward tal-liġi tal-Unjoni filwaqt li, fl-istess ħin, jirreferi għal regoli settorjali f'dak il-qasam, azzjonijiet frodulenti kif definiti fil-Konvenzjoni u l-applikazzjoni tal-liġi u l-proċedimenti kriminali tal-Istati Membri.

(3)

Il-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni diġà kienet is-suġġett ta'' miżuri ta' armonizzazzjoni bħar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95. Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni f'dan il-qasam, huwa essenzjali li l-liġi kriminali tal-Istati Membri tibqa' tiġi approssimata billi tiġi kkomplementata l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni taħt il-liġi amministrattiva u ċivili għall-aktar tipi serji ta' imġiba marbuta mal-frodi f'dak il-qasam, filwaqt li jiġu evitati l-inkonsistenzi, kemm fi kif ukoll fost dawk l-oqsma tal-liġi.

(4)

Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni titlob definizzjoni komuni ta' frodi li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, li jenħtieġ li tkopri imġiba frodulenti fir-rigward tad-dħul, in-nefqa u l-assi għad-detriment tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea (il-“baġit tal-Unjoni”), inklużi operazzjonijiet finanzjarji bħal attivitajiet ta' għoti u teħid b'self. Il-kunċett ta' reati serji kontra s-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) kif stabbilita mid-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (8) (is-“sistema komuni tal-VAT”) jirreferi għall-aktar forom serji ta' frodi tal-VAT, b'mod partikolari l-frodi karusell, frodi tal-VAT permezz ta' negozjanti neqsin, u l-frodi tal-VAT imwettqa fil-qafas ta' organizzazzjoni kriminali, li joħolqu theddid serju għas-sistema komuni tal-VAT u b'hekk għall-baġit tal-Unjoni. Reati kontra s-sistema komuni tal-VAT jenħtieġ li jitqiesu serji meta jkollhom rabta mat-territorju ta' żewġ Stati Membri jew iktar, jirriżultaw minn skema qarrieqa li biha dawk ir-reati jitwettqu b'mod strutturat bil-għan li jittieħed vantaġġ mhux xieraq mis-sistema komuni tal-VAT u d-dannu totali kkawżat mir-reati huwa mill-anqas ta' EUR 10 000 000. Il-kunċett ta' dannu totali jirreferi għad-dannu stmat li jirriżulta mill-iskema ta' frodi sħiħa, kemm għall-interessi finanzjarji tal-Istati Membri kkonċernati kif ukoll għall-Unjoni bl-esklużjoni ta' interessi u penali. Din id-Direttiva għandha l-għan li tikkontribwixxi għall-isforzi fil-ġlieda kontra dawn il-fenomeni kriminali.

(5)

Meta l-Kummissjoni timplimenta l-baġit tal-Unjoni taħt ġestjoni kondiviża jew indiretta, hija tista' tiddelega kompiti ta' implimentazzjoni tal-baġit lill-Istati Membri jew tafdahom lil korpi, uffiċċji jew aġenziji stabbiliti skont it-Trattati jew lil entitajiet jew persuni oħrajn. F'każ ta' tali ġestjoni kondiviża jew indiretta, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jenħtieġ li jibbenefikaw mill-istess livell ta' protezzjoni bħal meta jkollhom meta jkunu taħt il-ġestjoni diretta tal-Kummissjoni.

(6)

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, in-nefqa marbuta mal-akkwist hija kwalunkwe nefqa b'rabta ma' kuntratti pubbliċi determinati bl-Artikolu 101(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

(7)

Il-liġi tal-Unjoni kontra l-ħasil tal-flus hija applikabbli bis-sħiħ għall-ħasil tal-flus li jinvolvi proprjetà li ġejja mir-reati kriminali koperti minn din id-Direttiva. Referenza magħmula għal din il-liġi jenħtieġ li tiżgura li s-sistema ta' sanzjonijiet imdaħħla minn din id-Direttiva tapplika għall-każijiet serji kollha ta' reati kriminali kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

(8)

Il-korruzzjoni tikkostitwixxi theddida partikolarment serja għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni, li tista' f'ħafna każijiet tkun relatata wkoll ma' imġiba frodulenti. Peress li l-uffiċjali pubbliċi kollha għandhom id-dmir li jeżerċitaw ġudizzju jew diskrezzjoni b'mod imparzjali, l-għoti ta' tixħim sabiex jiġu influwenzati l-ġudizzju jew id-diskrezzjoni ta' uffiċjal pubbliku u t-teħid ta' tali tixħim jenħtieġ li jiġu inklużi taħt id-definizzjoni tal-korruzzjoni, irrispettivament mil-liġi jew regolamenti applikabbli fil-pajjiż tal-uffiċjal partikolari jew għall-organizzazzjoni internazzjonali kkonċernata.

(9)

L-interessi finanzjarji tal-Unjoni jistgħu jiġu affettwati negattivament minn ċerti tipi ta' mġiba ta' uffiċjal pubbliku li hu fdat bil-ġestjoni ta' fondi jew assi, kemm jekk inkarigat jew jaġixxi f'funzjoni superviżorja, liema tipi ta' mġiba jimmiraw lejn il-misapproprjazzjoni ta' fondi jew assi, b'mod li jmur kontra l-iskop previst u fejn l-interessi finanzjarji tal-Unjoni ssirilhom ħsara minħabba dan. Għalhekk hemm bżonn li tiġi introdotta definizzjoni preċiża tar-reati kriminali li jkopru mġiba bħal dan.

(10)

Fir-rigward tar-reati kriminali ta' korruzzjoni passiva u miżapproprijazzjoni, jeħtieġ li tiġi inkluża definizzjoni tal-uffiċjali pubbliċi li tkopri l-uffiċjali rilevanti kollha, kemm jekk ikollhom kariga formali fl-Unjoni, fl-Istati Membri jew f'pajjiżi terzi. Il-persuni privati qed ikunu dejjem aktar involuti fil-ġestjoni tal-fondi tal-Unjoni. Sabiex il-fondi tal-Unjoni jitħarsu b'mod adegwat mill-korruzzjoni u l-miżapproprijazzjoni, id-definizzjoni ta' “uffiċjal pubbliku” għaldaqstant jeħtieġ li tkopri persuni li ma għandhomx kariga formali iżda li madankollu ngħataw u qed jaqdu, b'mod simili, funzjoni tas-servizz pubbliku f'rabta ma' fondi tal-Unjoni, bħall-kuntratturi involuti fil-ġestjoni ta' tali fondi.

(11)

Fir-rigward tar-reati kriminali previsti f'din id-Direttiva, il-kunċett ta' intenzjoni jrid japplika għall-elementi kollha li jikkostitwixxu dawk ir-reati kriminali. In-natura intenzjonali ta' att jew ommissjoni tista' tiġi dedotta minn ċirkostanzi fattwali u oġġettivi. Reati kriminali li ma jirrikjedux intenzjoni mhumiex koperti minn din id-Direttiva.

(12)

Din id-Direttiva ma tobbligax lill-Istati Membri jipprevedu sanzjonijiet ta' priġunerija għat-twettiq ta' reati kriminali li mhumiex ta' natura serja, f'każijiet fejn l-intenzjoni tkun preżunta skont il-liġi nazzjonali.

(13)

Xi reati kriminali kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni huma fil-prattika spiss relatati mill-qrib mar-reati kriminali koperti mill-Artikolu 83(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u minn atti leġislattivi tal-Unjoni li huma bbażati fuq dik id-dispożizzjoni. Għalhekk jenħtieġ li tiġi żgurata koerenza bejn tali atti leġislattivi u din id-Direttiva fil-formulazzjoni ta' din id-Direttiva.

(14)

Minħabba li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni tista' ssirilhom ħsara jew jiġu mhedda mill-imġiba ta' persuni ġuridiċi, jenħtieġ li l-persuni ġuridiċi jkunu responsabbli għar-reati kriminali, kif definiti f'din id-Direttiva, li jitwettqu f'isimhom.

(15)

Sabiex tkun żgurata protezzjoni ekwivalenti tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni fl-Unjoni kollha permezz ta' miżuri li jenħtieġ li jaġixxu bħala deterrent, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprevedu ċerti tipi u livelli ta' sanzjonijiet meta jitwettqu r-reati kriminali definiti f'din id-Direttiva. Il-livelli tas-sanzjonijiet jenħtieġ li ma jmorrux lil hinn minn dak li hu proporzjonat għar-reati.

(16)

Billi din id-Direttiva tipprevedi regoli minimi, l-Istati Membri huma liberi li jadottaw jew iżommu regoli aktar stretti għal reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

(17)

Din id-Direttiva ma taffettwax l-applikazzjoni proprja u effikaċi ta' miżuri dixxiplinarji jew pieni għajr dawk ta' natura kriminali. Sanzjonijiet li ma jistgħux jiġu assimilati ma' sanzjonijiet kriminali li huma imposti fuq l-istess persuna għall-istess imġiba, jistgħu jitqiesu meta tingħata sentenza lil dik il-persuna għal reat kriminali definit f'din id-Direttiva. Għal sanzjonijiet oħra, il-prinċipju ta' projbizzjoni ta' proċess jew sentenza doppja fi proċeduri kriminali għall-istess reat kriminali (ne bis in idem) jenħtieġ li jkun rispettat bis-sħiħ. Din id-Direttiva ma tikkriminalizzax imġiba li mhux ukoll soġġett għal pieni dixxiplinarji jew miżuri oħra dwar ksur ta' dmirijiet uffiċjali, f'każijiet fejn tali pieni dixxiplinarji jew miżuri oħra jistgħu jiġu applikati lill-persuni kkonċernati.

(18)

Jenħieġ li s-sanzjonijiet fir-rigward ta' persuni fiżiċi, f'ċerti każijiet, jipprevedu piena massima ta' priġunerija ta' mill-anqas erba' snin. Jenħtieġ li dawn il-każijiet jinkludu mill-anqas dawk li jinvolvu dannu konsiderevoli mwettaq jew vantaġġ miksub, fejn id-dannu jew il-vantaġġ jenħtieġ li jitqiesu konsiderevoli fejn dawn jinvolvu aktar minn EUR 100 000. Fejn il-liġi ta' Stat Membru ma tipprevedix limitu massimu espliċitu għal dannu jew vantaġġ konsiderevoli bħala bażi għal piena massima, jenħtieġ li l-Istat Membru jiżgura li l-ammont ta' dannu jew vantaġġ jittieħed inkunsiderazzjoni mill-qrati tiegħu fid-determinazzjoni tas-sanzjonijiet għall-frodi u għal reati kriminali oħrajn li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Din id-Direttiva ma twaqqafx lill-Istati Membri milli jipprevedu elementi oħrajn li jindikaw in-natura serja ta' reat kriminali, pereżempju meta d-dannu jew il-vantaġġ ikun potenzjali, iżda ta' natura konsiderevoli ħafna. Madankollu, għar-reati kontra s-sistema komuni tal-VAT, il-limitu li minnu d-dannu jew il-vantaġġ għandu jitqies li huwa konsiderevoli huwa, f'konformità ma' din id-Direttiva, EUR 10 000 000. L-introduzzjoni ta' livelli minimi ta' sanzjonijiet massimi ta' priġunerija hija meħtieġa sabiex tiġi żgurata protezzjoni ekwivalenti tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni fl-Unjoni kollha. Is-sanzjonijiet huma maħsuba li jservu bħala deterrent qawwi għal trasgressuri potenzjali, b'effett fl-Unjoni kollha.

(19)

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-fatt li reat kriminali jkun twettaq fi ħdan organizzazzjoni kriminali kif definit fid-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI (10) jitqies bħala ċirkostanza aggravanti skont ir-regoli applikabbli stabbiliti mis-sistemi legali tagħhom. Jenħtieġ li jiżguraw li ċ-ċirkostanza aggravanti tkun disponibbli għall-imħallfin għall-konsiderazzjoni tagħhom meta jagħtu sentenzi fir-rigward ta' trasgressuri, għalkemm ma hemm l-ebda obbligu fuq l-imħallfin biex jieħdu konsiderazzjoni ta' dawk iċ-ċirkostanzi aggravanti fl-għoti tas-sentenza tagħhom. L-Istati Membri mhumiex obbligati jipprovdu għaċ-ċirkostanza aggravanti fejn il-liġi nazzjonali tipprevedi li r-reati kriminali kif definiti fid-Deċiżjoni Kwadru 2008/841/ĠAI huma punibbli bħala reat kriminali separat u dan jista' jwassal għal sanzjonijiet aktar severi.

(20)

Minħabba, b'mod partikolari, il-mobbiltà tal-awturi u r-rikavat li jirriżulta minn attivitajiet illegali għad-detriment tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kif ukoll minħabba l-investigazzjonijiet transkonfinali kumplessi li din tinvolvi, kull Stat Membru jenħtieġ li jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tiegħu sabiex ikun jista' jiġġieled dawn l-attivitajiet. B'hekk jenħtieġ li kull Stat Membru jiżgura li l-ġurisdizzjoni tiegħu tkopri reati kriminali li jitwettqu permezz tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni aċċessata mit-territorju tiegħu.

(21)

Minħabba li jista'' jkun hemm ġurisdizzjonijiet multipli għal reati kriminali transkonfinali li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-prinċipju ta' ne bis in idem jiġi rispettat b'mod sħiħ fl-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali li tittrasponi din id-Direttiva.

(22)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jistipulaw regoli dwar il-perijodi ta' limitazzjoni meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jiġġieldu l-attivitajiet illegali għad-detriment tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. F'każijiet ta' reati kriminali punibbli b'sanzjoni massima ta' mill-inqas erba' snin priġunerija, il-perijodu ta' limitazzjoni jenħtieġ li jkun mill-inqas ħames snin miż-żmien meta jkun twettaq ir-reat kriminali. Jenħtieġ li dan ikun mingħajr preġudizzju għal dawk l-Istati Membri li ma jistabbilixxux perijodi ta' limitazzjoni għall-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u l-eżekuzzjoni.

(23)

Mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-kooperazzjoni transkonfinali u l-għajnuna legali reċiproka f'materji kriminali u għal regoli oħrajn taħt il-liġi tal-Unjoni, b'mod partikolari taħt ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), hemm il-ħtieġa ta' dispożizzjonijiet xierqa għall-kooperazzjoni sabiex tkun żgurata azzjoni effettiva kontra r-reati kriminali definiti f'din id-Direttiva li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, inkluż l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni kif ukoll ta' għajnuna teknika u operazzjonali pprovduta mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti peress li huma jistgħu jeħtieġu li jiffaċilitaw il-koordinazzjoni tal-investigazzjonijiet tagħhom. Jenħtieġ li tali għajnuna ma tinkludix il-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni fil-proċeduri ta' investigazzjoni u ta' prosekuzzjoni ta' każijiet kriminali individwali mwettqin mill-awtoritajiet nazzjonali. Il-Qorti tal-Awdituri u l-awdituri responsabbli mill-awditjar tal-baġits tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni jenħtieġ li jiżvelaw lill-Uffiċċju Ewropew kontra l-Frodi (OLAF) u lil awtoritajiet kompetenti oħra kull fatt li jista' jiġi kkwalifikat bħala reat kriminali taħt din id-Direttiva, u jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-korpi tal-awditjar nazzjonali, fit-tifsira tal-Artikolu 59 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 jagħmlu l-istess, skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013.

(24)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-miżuri meħudin mill-Istati Membri biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Ir-rapport jista' jiġi akkumpanjat, jekk meħtieġ, minn proposti li jqisu evoluzzjonijiet possibbli, b'mod partikolari rigward il-finanzjament tal-baġit tal-Unjoni.

(25)

Jenħtieġ li l-Konvenzjoni tiġi sostitwita minn din id-Direttiva għall-Istati Membri marbutin biha.

(26)

Għall-applikazzjoni tal-punt (d) tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), ir-referenza għal frodi serja li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif definit fl-Artikolu 1(1) u l-Artikolu2(1) tal-Konvenzjoni jenħtieġ li tinftiehem bħala frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif definit fl-Artikolu 3 u fl-Artikolu 7(3) ta' din id-Direttiva jew, fir-rigward ta' reati kontra s-sistema komuni tal-VAT, kif definit fl-Artikolu 2(2) ta' din id-Direttiva.

(27)

L-implimentazzjoni kif suppost ta' din id-Direttiva mill-Istati Membri tinkludi l-ipproċessar tad-data personali mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, u l-iskambju ta' tali data bejn l-Istati Membri minn naħa, u bejn il-korpi kompetenti tal-Unjoni min-naħa l-oħra. L-ipproċessar tad-data personali fil-livell nazzjonali bejn l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jenħtieġ li jiġi rregolat mill-acquis tal-Unjoni. L-iskambju ta' data personali bejn l-Istati Membri jenħtieġ li jitwettaq f'konformità mad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13). Meta l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni jipproċessaw data personali, jenħtieġ li japplikaw ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) jew, fejn applikabbli, atti legali oħrajn tal-Unjoni li jirregolaw l-ipproċessar ta' data personali minn dawk il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji kif ukoll, ir-regoli applikabbli dwar il-kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet ġudizzjarji.

(28)

L-effett dissważiv intenzjonat fl-applikazzjoni ta' sanzjonijiet tal-liġi kriminali jeħtieġ kawtela partikolari fir-rigward tad-drittijiet fundamentali. Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”) u b'mod partikolari d-dritt għal-libertà u s-sigurtà, il-protezzjoni tad-data personali, il-libertà li wieħed jagħżel impjieg u d-dritt għax-xogħol, il-libertà li wieħed ikollu negozju, id-dritt għall-proprjetà, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust, id-dritt għall-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt għad-difiża, il-prinċipji tal-legalità u l-proporzjonalità tar-reati kriminali u tal-pieni, kif ukoll il-prinċipju ne bis in idem. Din id-Direttiva tfittex li tiżgura rispett sħiħ għal dawn id-drittijiet u prinċipji u għandha tiġi implimentata kif meħtieġ.

(29)

L-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw l-irkupru rapidu tas-somom u t-trasferiment tagħhom fil-baġit tal-Unjoni, mingħajr preġudizzju għar-regoli speċifiċi għas-settur rilevanti tal-Unjoni dwar il-korrezzjonijiet finanzjarji u l-irkurpu ta' ammonti minfuqa indebitament.

(30)

Il-miżuri u l-penali amministrattivi jaqdu rwol importanti fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Din id-Direttiva ma teżentax lill-Istati Membri mill-obbligu li japplikaw u jimplimentaw il-miżuri u l-penali amministrattivi tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95.

(31)

Din id-Direttiva jenħtieġ li tobbliga lill-Istati Membri biex fil-liġi nazzjonali tagħhom jipprevedu pieni kriminali fir-rigward ta' atti ta' frodi u ta' reati kriminali relatati mal-frodi li jolqtu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni li għalihom tapplika din id-Direttiva. Din id-Direttiva jenħtieġ li ma toħloqx obbligi fir-rigward tal-applikazzjoni ta' tali pieni jew ta' kwalunkwe sistema oħra disponibbli tal-infurzar tal-liġi, għal każijiet individwali. Fil-prinċipju, l-Istati Membri jistgħu jkomplu japplikaw miżuri u penali amministrattivi b'mod parallel fil-qasam kopert minn din id-Direttiva. Fl-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali li tittrasponi din id-Direttiva, l-Istati Membri jenħtieġ, li madankollu, jiżguraw li l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet kriminali għal reati kriminali skont din id-Direttiva u ta' miżuri u penali amministrattivi ma twassalx għal ksur tal-Karta.

(32)

Din id-Direttiva jenħtieġ li ma taffettwax il-kompetenzi tal-Istati Membri li jistrutturaw u jorganizzaw l-amministrazzjoni tat-taxxa tagħhom kif jidhrilhom li hu xieraq biex jiżguraw id-determinazzjoni, il-valutazzjoni u l-ġbir korretti tat-taxxa fuq il-valur miżjud, kif ukoll li tiġi applikata b'mod effettiv il-liġi dwar il-VAT.

(33)

Din id-Direttiva tapplika mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar it-tneħħija tal-immunitajiet li jinsabu fit-TFUE, il-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, anness mat-TFUE u mat- TUE, u t-testi li jimplimentawhom, jew f'dispożizzjonijiet simili inkorporati fil-liġi nazzjonali. Hu opportun li fit-traspożizzjoni ta' din id-Direttiva fil-liġi nazzjonali kif ukoll fl-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali li tittrasponi din id-Direttiva, dawk il-privileġġi u l-immunitajiet, inkluż ir-rispett għal-libertà tal-mandat tal-Membru, jitqiesu b'mod sħiħ.

(34)

Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għar-regoli u għall-prinċipji ġenerali tal-liġi kriminali nazzjonali dwar l-applikazzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi skont iċ-ċirkustanzi konkreti ta' kull każ individwali.

(35)

Minħabba li l-għan ta' din id-Direttiva ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista', minħabba raġunijiet ta' skala u effetti, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dan l-għan.

(36)

F'konformità mal-Artikolu 3 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE, l-Irlanda nnotifikat ix-xewqa tagħha li tieħu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

(37)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha.

(38)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(39)

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri ġiet ikkonsultata u adottat opinjoni (15),

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

TITOLU I

SUĠĠETT, DEFINIZZJONIJIET U KAMP TA' APPLIKAZZJONI

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi dwar id-definizzjoni ta' reati kriminali u sanzjonijiet fir-rigward tal-ġlieda kontra l-frodi u attivitajiet illegali oħrajn li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, bil-ħsieb li tissaħħaħ il-protezzjoni kontra r-reati kriminali li jaffettwaw dawk l-interessi finanzjarji, f'konformità mal-acquis tal-Unjoni f'dan il-qasam.

Artikolu 2

Definizzjonijiet u kamp ta' applikazzjoni

1.   Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“interessi finanzjarji tal-Unjoni” tfisser id-dħul, in-nefqa u l-assi kollha koperti minn, akkwistati permezz ta', jew minħabba:

(i)

il-baġit tal-Unjoni;

(ii)

il-baġits tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, tal-korpi, tal-uffiċċji u l-aġenziji stabbiliti skont it-Trattati jew il-baġits ġestiti u ssorveljati direttament jew indirettament minnhom.

(b)

“persuna ġuridika” tfisser kwalunkwe entità li jkollha personalità ġuridika taħt il-liġi applikabbli, minbarra l-Istati jew il-korpi pubbliċi fl-eżerċizzju tal-awtorità tal-Istat u l-organizzazzjonijiet internazzjonali pubbliċi.

2.   Fir-rigward ta' dħul li ġej minn riżorsi proprji li joriġinaw mill-VAT, jenħtieġ li din id-Direttiva tapplika biss f'każijiet ta' reati serji kontra s-sistema komuni tal-VAT. Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, reati kontra s-sistema komuni tal-VAT għandhom jitqiesu bħala serji meta l-atti jew l-ommissjonijiet intenzjonati definiti fil-punt (d) tal-Artikolu 3(2) ikollhom rabta mat-territorju ta' żewġ Stati Membri jew aktar tal-Unjoni u jinvolvu dannu totali ta' mill-inqas EUR 10 000 000.

3.   L-istruttura u t-tħaddim tal-amministrazzjoni tat-taxxa tal-Istati Membri mhumiex affettwati minn din id-Direttiva.

TITOLU II

REATI KRIMINALI FIR-RIGWARD TA' FRODI LI TAFFETTWA L-INTERESSI FINANZJARJI TAL-UNJONI

Artikolu 3

Frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni tikkostitwixxi reat kriminali meta titwettaq intenzjonalment.

2.   Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, is-segwenti għandu jitqies bħala frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni:

(a)

fir-rigward tan-nefqa mhux relatata ma' akkwist, kwalunkwe att jew ommissjoni b'rabta ma':

(i)

l-użu jew il-preżentazzjoni ta' dikjarazzjonijiet jew dokumenti foloz, mhux korretti jew mhux kompluti, li jkollhom bħala effett il-miżapproprijazzjoni jew iż-żamma illeċita ta' fondi jew assi mill-baġit tal-Unjoni jew minn baġits ġestiti mill-Unjoni, jew għan-nom tagħha;

(ii)

in-nuqqas ta' divulgazzjoni ta' informazzjoni fi ksur ta' obbligu speċifiku, bl-istess effett; jew

(iii)

l-użu ħażin ta' tali fondi jew assi għal skopijiet oħra għajr dawk li għalihom ġew mogħtija oriġinarjament;

(b)

fir-rigward ta' nefqa relatata ma' akkwist, ta' mill-inqas meta dan isir sabiex jittieħed vantaġġ illegali għall-attur jew għal persuna oħra billi jiġi kkawżat telf lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kwalunkwe att jew ommissjoni b'rabta ma':

(i)

l-użu jew il-preżentazzjoni ta' dikjarazzjonijiet jew dokumenti foloz, mhux korretti jew mhux kompluti, li jkollhom bħala effett il-miżapproprijazzjoni jew iż-żamma illeċita ta' fondi jew assi mill-baġit tal-Unjoni jew minn baġits ġestiti mill-Unjoni, jew għan-nom tagħha;

(ii)

in-nuqqas ta' divulgazzjoni ta' informazzjoni bi ksur ta' obbligu speċifiku, bl-istess effett; jew

(iii)

l-użu ħażin ta' tali fondi jew assi għal finijiet oħra għajr dawk li għalihom ġew mogħtija oriġinarjament, li jagħmel ħsara lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

(c)

fir-rigward ta' dħul ieħor minbarra dħul ġej minn riżorsi proprji li joriġinaw mill-VAT imsemmi fil-punt (d), kull att jew ommissjoni li għandhom x'jaqsmu ma':

(i)

l-użu jew il-preżentazzjoni ta' dikjarazzjonijiet jew dokumenti foloz, mhux korretti jew mhux kompluti, li jkollhom bħala effett it-tnaqqis illegali tar-riżorsi tal-baġit jew baġits tal-Unjoni amministrati mill-Unjoni, jew għan-nom tagħha;

(ii)

in-nuqqas ta' divulgazzjoni ta' informazzjoni bi ksur ta' obbligu speċifiku, bl-istess effett; jew

(iii)

l-użu ħażin ta' xi benefiċċju miksub legalment, bl-istess effett.

(d)

fir-rigward ta' dħul ġej minn riżorsi proprji li joriġinaw mill-VAT, kull att jew ommissjoni mwettqa fi skemi frodulenti transkonfinali fir-rigward ta':

(i)

l-użu jew il-preżentazzjoni ta' dikjarazzjonijiet jew dokumenti relatati mal-VAT li jkunu foloz, mhux korretti jew mhux kompluti, li jkollhom bħala effett it-tnaqqis tar-riżorsi tal-baġit tal-Unjoni;

(ii)

in-nuqqas ta' divulgazzjoni ta' informazzjoni relatata mal-VAT bi ksur ta' obbligu speċifiku, bl-istess effett; jew

(iii)

il-preżentazzjoni ta' dikjarazzjonijiet korretti relatati mal-VAT għall-finijiet ta' ħabi frodulenti ta' nuqqas ta' ħlas jew ta' ħolqien illeċitu ta' drittijiet għal rifużjonijiet tal-VAT.

Artikolu 4

Reati kriminali oħrajn li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-ħasil tal-flus kif deskritt fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva (UE) 2015/849 li jinvolvi proprjetà rikavata mir-reati kriminali koperti minn din id-Direttiva jkun jikkostitwixxi reat kriminali.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li korruzzjoni passiva u attiva, meta jitwettqu intenzjonalment, ikunu jikkostitwixxu reati kriminali.

(a)

Għall-finijiet ta'' din id-Direttiva, “korruzzjoni passiva” tfisser l-azzjoni ta' uffiċjal pubbliku li direttament jew permezz ta' intermedjarju, jitlob jew jirċievi vantaġġi ta' kwalunkwe tip, għalih jew għal parti terza, jew jaċċetta wegħda ta' vantaġġ bħal dan, biex jaġixxi jew biex jonqos milli jaġixxi skont dmirijietu jew milli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu b'mod li jagħmel ħsara jew li x'aktarx jagħmel ħsara lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

(b)

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, “korruzzjoni attiva” tfisser l-azzjoni ta' persuna li twiegħed, toffri jew tagħti, direttament jew permezz ta' intermedjarju, vantaġġ ta' kwalunkwe tip lil uffiċjal pubbliku għalih innifsu jew għal parti terza biex jaġixxi jew biex jonqos milli jaġixxi skont dmirijietu jew milli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu b'mod li jagħmel ħsara jew li x'aktarx jagħmel ħsara lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-miżapproprijazzjoni, meta titwettaq intenzjonalment, tikkostitwixxi reat kriminali.

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, “miżapproprijazzjoni tfisser” l-azzjoni ta' uffiċjal pubbliku inkarigat direttament jew indirettament bil-ġestjoni ta' fondi jew assi biex jikkommetti jew jiġu żburżjati fondi, jew japproprja jew juża assi kuntrarju għall-iskop li kienu intenzjonati għalih bi kwalunkwe mod li jagħmel ħsara lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

4.   Għall-finijiet ta' din id-Direttiva “uffiċjal pubbliku” tfisser:

(a)

uffiċjal tal-Unjoni jew uffiċjal nazzjonali, inkluż kwalunkwe uffiċjal nazzjonali ta' Stat Membru ieħor u kwalunkwe uffiċjal nazzjonali ta' pajjiż terz;

(i)

“uffiċjal tal-Unjoni” tfisser persuna li hija:

uffiċjal jew impjegat ieħor taħt kuntratt mill-Unjoni fit-tifsira tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħrajn tal-Unjoni Ewropea stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (16) (ir-“Regolamenti tal-Persunal”); jew

ssekondata lill-Unjoni minn Stat Membru jew minn kwalunkwe korp pubbliku jew privat, li twettaq funzjonijiet ekwivalenti għal dawk imwettqa minn uffiċjali jew aġenti oħrajn tal-Unjoni.

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar il-privileġġi u l-immunitajiet imniżżlin fil-Protokolli Nru 3 u Nru 7, il-Membri tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji stabbiliti f'konformità mat-Trattati u l-persunal ta' tali korpi għandhom jiġu assimilati mal-uffiċjali tal-Unjoni, sa fejn ir-Regolamenti tal-Persunal ma japplikawx għalihom;

(ii)

“uffiċjal nazzjonali” għandu jinftiehem b'referenza għad-definizzjoni ta' “uffiċjal” jew “uffiċjal pubbliku” fil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru jew ta' pajjiż terz li fih il-persuna inkwistjoni twettaq il-funzjonijiet tiegħu/tagħha.

Madankollu, fil-każ ta' proċedimenti li jinvolvu uffiċjal nazzjonali ta' Stat Membru, jew uffiċjal nazzjonali ta' pajjiż terz, mibdija minn Stat Membru ieħor, dan tal-aħħar ma għandux ikun marbut li japplika d-definizzjoni ta' 'uffiċjal nazzjonali' ħlief sa fejn dik id-definizzjoni tkun kompatibbli mad-dritt nazzjonali tiegħu.

It-terminu “uffiċjal nazzjonali” għandu jinkludi kwalunkwe persuna li jkollha kariga eżekuttiva, amministrattiva jew ġudizzjarja fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali. Kwalunkwe persuna li għandha kariga leġislattiva fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali għandha tiġi assimilata ma' uffiċjal nazzjonali.

(b)

kwalunkwe persuna oħra li tiġi assenjata u taqdi funzjoni tas-servizz pubbliku li tinvolvi l-ġestjoni ta' jew deċiżjonijiet dwar l-interessi finanzjarji tal-Unjoni fi Stati Membri jew pajjiżi terzi.

TITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI FIR-RIGWARD TA' FRODI U REATI KRIMINALI OĦRAJN LI JAFFETTWAW L-INTERESSI FINANZJARJI TAL-UNJONI

Artikolu 5

Inċitament, għajnuna u kompliċità, u tentattiv

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiġi żgurat li l-inċitament, u l-għajnuna u l-kompliċità fit-twettiq ta' kwalunkwe wieħed mir-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3 u 4 jkunu punibbli bħala reati kriminali.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li t-tentattiv biex jitwettaq kwalunkwe wieħed mir-reati kriminali msemmijin fl-Artikolu 3 u fl-Artikolu 4(3) ikun punibbli bħala reat kriminali.

Artikolu 6

Responsabbiltà ta' persuni ġuridiċi

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li persuni ġuridiċi jistgħu jinżammu responsabbli għal kwalunkwe reat kriminali msemmi fl-Artikoli 3, 4 u 5 li jkun twettaq għall-benefiċċju tagħhom minn kwalunkwe persuna, li taġixxi waħedha jew bħala parti minn korp tal-persuna ġuridika, u li jkollha pożizzjoni ta' tmexxija fi ħdan il-persuna ġuridika, abbażi ta':

(a)

setgħa ta' rappreżentanza tal-persuna ġuridika;

(b)

awtorità li tieħu deċiżjonijiet f'isem il-persuna ġuridika; jew

(c)

awtorità li teżerċita kontroll fi ħdan il-persuna ġuridika.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu wkoll il-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li persuni ġuridiċi jistgħu jinżammu responsabbli għan-nuqqas ta' sorveljanza jew kontroll minn xi persuna msemmija f'paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu li tkun ħalliet jitwettaq, minn persuna taħt l-awtorità tagħha, kwalunkwe wieħed mir-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3, 4 jew 5 għall-benefiċċju ta' dik il-persuna ġuridika.

3.   Ir-responsabbiltà ta' persuni ġuridiċi skont il-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu ma għandhiex teskludi l-possibbiltà ta' proċedimenti kriminali kontra l-persuni fiżiċi li jkunu l-awturi tar-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3 u 4 jew li jkunu kriminalment responsabbli taħt l-Artikolu 5.

Artikolu 7

Sanzjonijiet fir-rigward ta' persuni fiżiċi

1.   Fir-rigward ta' persuni fiżiċi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reati kriminali msemmijin fl-Artikoli 3, 4 u 5 huma punibbli b'sanzjonijiet kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li r-reati kriminali msemmijin fl-Artikoli 3 u 4 jkunu punibbli b'piena massima li tipprevedi l-ħabs.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li r-reati kriminali msemmijin fl-Artikoli 3 u 4 jkunu punibbli b'piena massima ta' mill-inqas erba' snin priġunerija meta dawn jinvolvu dannu jew vantaġġ konsiderevoli.

Id-dannu jew il-vantaġġ li jirriżulta mir-reati kriminali msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 3(2) u fl-Artikolu 4 għandhom ikunu preżunti li jkunu konsiderevoli fejn id-dannu jew il-vantaġġ jinvolvu aktar minn EUR 100 000.

Id-dannu jew il-vantaġġ li jirriżulta mir-reati kriminali msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 3(2) u soġġetti għall-Artikolu 2(2) għandhom jitqiesu bħala konsiderevoli.

L-Istati Membri jistgħu wkoll jipprevedu sanzjoni massima ta' mill-inqas erba' snin priġunerija f'ċirkostanzi serji oħra definiti fil-liġi nazzjonali tagħhom.

4.   Meta reat kriminali msemmi fil-punt (a), (b) jew (c) tal-Artikolu 3(2) jew fl-Artikolu 4 jinvolvi danni ta' anqas minn EUR 10 000 jew vantaġġ ta' anqas minn EUR 10 000, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu sanzjonijiet oħra minflok sanzjonijiet kriminali.

5.   Il-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-eżerċitar tas-setgħat dixxiplinarji mill-awtoritajiet kompetenti kontra uffiċjali pubbliċi.

Artikolu 8

Ċirkostanza aggravanti

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li meta jitwettaq reat kriminali msemmi fl-Artikolu 3, 4 jew 5 fi ħdan organizzazzjoni kriminali fit-tifsira tad-Deċiżjoni Kwadru 2008/841/ĠAI, dan għandu jitqies bħala ċirkostanza aggravanti.

Artikolu 9

Sanzjonijiet fir-rigward ta' persuni ġuridiċi

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li persuna ġuridika li tkun meqjusa responsabbli skont Artikolu 6 tiġi soġġetta għal sanzjonijiet effettivi, proporzjonali u dissważivi, li għandhom jinkludu multi kriminali jew mhux kriminali u jistgħu jinkludu sanzjonijiet oħra, bħal:

(a)

l-esklużjoni mid-dritt għall-benefiċċji pubbliċi jew l-għajnuna pubblika;

(b)

l-esklużjoni temporanja jew permanenti mill-proċeduri ta' offerti pubbliċi;

(c)

l-iskwalifika temporanja jew permanenti mill-prattika ta' attivitajiet kummerċjali;

(d)

it-tqegħid taħt is-sorveljanza tal-qorti;

(e)

l-istralċ ġudizzjarju;

(f)

l-għeluq temporanju jew permanenti ta' stabbilimenti li ntużaw biex jitwettaq ir-reat kriminali.

Artikolu 10

Iffriżar u konfiska

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jagħmlu possibbli l-iffriżar u l-konfiska tal-mezzi strumentali u tar-rikavat mir-reati kriminali msemmijin fl-Artikoli 3, 4 u 5. L-Istati Membri marbuta bid-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) għandhom jagħmlu dan f'konformità ma' dik id-Direttiva.

Artikolu 11

Ġurisdizzjoni

1.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tiegħu fuq ir-reati kriminali msemmijin fl-Artikoli 3, 4 u 5 fejn:

(a)

ir-reat kriminali jkun twettaq totalment jew parzjalment fit-territorju tiegħu; jew

(b)

l-awtur tar-reat ikun ċittadin tiegħu.

2.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tiegħu fuq ir-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3, 4 u 5 fejn l-awtur tar-reat huwa soġġett għar-Regolament tal-Persunal fil-ħin tar-reat kriminali. Kull Stat Membru jista' joqgħod lura milli japplika r-regoli jew il-ġurisdizzjoni stabbiliti f'dan il-paragrafu jew jista' japplikaw biss f'każijiet speċifiċi jew biss fejn jiġu ssodisfati kundizzjonijiet speċifiċi u għandu jinforma lill-Kummissjoni b'dan.

3.   Stat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni meta huwa jiddeċiedi li jestendi l-ġurisdizzjoni tiegħu għar-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3, 4 u 5 li jkunu twettqu lil hinn mit-territorju tiegħu, f'waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-awtur tar-reat ikun resident abitwali fit-territorju tiegħu;

(b)

ir-reat kriminali twettaq għall-benefiċċju ta' persuna ġuridika stabbilita fit-territorju tiegħu; jew

(c)

l-awtur tar-reat huwa wieħed mill-uffiċjali tiegħu li jaġixxi fil-kariga uffiċjali tiegħu.

4.   Fil-każijiet imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni tagħhom ma tkunx soġġetta għall-kundizzjoni li prosekuzzjoni tista' biss tinbeda wara li jkun sar rapport mill-vittma fil-post ta' fejn ikun twettaq ir-reat kriminali, jew denunzja mill-Istat tal-post ta' fejn ikun sar ir-reat kriminali.

Artikolu 12

Perijodi ta' limitu għal reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipprevedu perijodu ta' limitu li jippermetti l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni, il-proċess u d-deċiżjoni ġudizzjarja tar-reati kriminali msemmijin fl-Artikoli 3, 4 u 5 għal biżżejjed żmien wara li jkunu twettqu dawk ir-reati kriminali, sabiex dawk ir-reati kriminali jkunu jistgħu jiġu ttrattati b'mod effettiv.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jippermettu l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni, il-proċess u d-deċiżjoni ġudizzjarja tar-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3, 4 u 5 li huma punibbli b'sanzjoni massima ta' mill-inqas erba' snin priġunerija, għal perijodu ta' mill-inqas ħames snin minn meta jkun twettaq ir-reat.

3.   B'deroga mill-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu perijodu ta' limitu li huwa iqsar minn ħames snin, iżda mhux inqas minn tliet snin, dment li l-perijodu jista' jiġi interrott jew sospiż f'każ ta' atti speċifikati.

4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw l-infurzar ta':

(a)

piena ta' aktar minn sena priġunerija, jew alternattivament,

(b)

piena ta' priġunerija f'każ ta' reat kriminali li huwa punibbli b'sanzjoni massima ta' mill-inqas erba' snin priġunerija,

imposta wara kundanna finali għal reat kriminali msemmi fl-Artikolu 3, 4 jew 5, ta' mill-inqas ħames snin mid-data tal-kundanna finali. Dak il-perijodu jista' jinkludi estensjonijiet tal-perijodu ta' limitazzjoni li jirriżultaw minn interruzzjoni jew sospensjoni.

Artikolu 13

Irkupru

Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-irkupru tas-segwenti:

(1)

fil-livell tal-Unjoni, ta' ammonti mħallsa meta mhux dovut fil-kuntest tat-twettiq tar-reati kriminali msemmija fil-punti (a), (b) jew (c) tal-Artikolu 3(2), jew fl-Artikolu 4 jew 5;

(2)

fil-livell nazzjonali, ta' kwalunkwe VAT mhux imħallsa fil-kuntest tat-twettiq tar-reati kriminali msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 3(2), jew fl-Artikolu 4 jew 5.

Artikolu 14

Interazzjoni ma' atti legali applikabbli oħra tal-Unjoni

L-applikazzjoni ta' miżuri amministrattivi, penali u multi kif stabbilit fil-liġi tal-Unjoni, b'mod partikolari dawk skont it-tifsira tal-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95, jew fil-liġi nazzjonali adottata skont l-obbligu speċifiku taħt il-liġi tal-Unjoni, għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe proċedimenti kriminali mibdija abbażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw din id-Direttiva ma jaffettwawx b'mod mhux xieraq l-applikazzjoni korretta u effettiva tal-miżuri amministrattivi, penali u multi li ma jistgħux jitqiesu ekwivalenti għall-proċedimenti kriminali, stipulati fil-liġi tal-Unjoni jew fid-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni nazzjonali.

TITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 15

Kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni (l-OLAF) u istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji oħra tal-Unjoni

1.   Mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-kooperazzjoni transkonfinali u l-assistenza legali reċiproka fi kwistjonijiet kriminali, l-Istati Membri, l-Eurojust, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-Kummissjoni għandhom, fil-kompetenzi rispettivi tagħhom, jikkooperaw flimkien fil-ġlieda kontra r-reati kriminali msemmijin fl-Artikoli 3, 4 u 5. Għal dan l-għan il-Kummissjoni, u fejn opportun l-Eurojust, għandhom jagħtu din l-assistenza teknika u operazzjonali peress li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jeħtieġu li jiffaċilitaw il-koordinazzjoni tal-investigazzjonijiet tagħhom.

2.   L-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jistgħu, fil-kompetenzi tagħhom, jiskambjaw informazzjoni mal-Kummissjoni sabiex ikun aktar faċli li jiġu stabbiliti l-fatti u biex tkun żgurata azzjoni effettiva kontra r-reati kriminali msemmijin fl-Artikoli 3, 4 u 5. Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom iqisu, f'kull każ speċifiku, ir-rekwiżiti ta' kunfidenzjalità u r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data. Mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali dwar l-aċċess għall-informazzjoni, Stat Membru jista', għal dak il-għan, meta jagħti informazzjoni lill-Kummissjoni, jistipula kondizzjonijiet speċifiċi li jkopru l-użu tal-informazzjoni, kemm jekk mill-Kummissjoni jew minn Stat Membru ieħor li qed jingħata l-informazzjoni.

3.   Il-Qorti tal-Awdituri u l-awdituri responsabbli mill-awditjar tal-baġits tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni stabbiliti skont it-Trattati, u l-baġits ġestiti u awditjati mill-istituzzjonijiet, għandhom jiżvelaw lill-OLAF u lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra kwalunkwe fatt li jsiru jafu bih waqt il-qadi ta' dmirijiethom, li jista' jiġi kkwalifikat bħala reat kriminali msemmi fl-Artikolu 3, 4 jew 5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-verifika jagħmlu l-istess.

Artikolu 16

Sostituzzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej

Il-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropea tas-26 ta' Lulju 1995, inklużi l-protokolli tagħha tas-27 ta' Settembru 1996, tad-29 ta' Novembru 1996 u tad-19 ta' Ġunju 1997 hija sostitwita b'din id-Direttiva għall-Istati Membri marbutin biha, b'effett mis-6 ta' Lulju 2019.

Għall-Istati Membri marbutin b'din id-Direttiva, ir-referenzi għall-Konvenzjoni għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal din id-Direttiva.

Artikolu 17

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sas-6 ta' Lulju 2019, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta' dawk il-miżuri lill-Kummissjoni. Huma għandhom applikaw dawk il-miżuri mis-6 ta' Lulju 2019.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Dawn għandhom jinkludu wkoll dikjarazzjoni li, għall-Istati Membri marbutin minn din id-Direttiva, ir-referenzi fl-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi eżistenti għall-Konvenzjoni sostitwiti minn din id-Direttiva għandhom jitqiesu bħala referenzi għal din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza u kif għandha tiġi fformulata dik id-dikjarazzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

Artikolu 18

Rappurtar u analiżi

1.   Il-Kummissjoni għandha sas-6 ta' Lulju 2021 tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jivvaluta sa fejn l-Istati Membri jkunu ħadu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva.

2.   Mingħajr preġudizzju għal obbligi ta' rappurtar stipulati f'atti legali tal-Unjoni, kull sena l-Istati Membri għandhom jippreżentaw l-istatistika li ġejja dwar ir-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3, 4 u 5 lill-Kummissjoni, jekk din tkun disponibbli fil-livell ċentrali fl-Istat Membru kkonċernat:

(a)

l-għadd ta' proċedimenti kriminali mibdija, arkivjati, li rriżultaw f'liberazzjoni, li rriżultaw f'kundanna u li għadhom għaddejjin;

(b)

l-ammonti rkuprati wara l-proċedimenti kriminali u l-istima tad-dannu.

3.   Il-Kummissjoni għandha sas-6 ta' Lulju 2024 u b'kont meħud tar-rapport tagħha ppreżentat skont il-paragrafu 1 u l-istatistiċi tal-Istati Membri ppreżentati skont il-paragrafu 2, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jivvaluta l-impatt tal-liġi nazzjonali li tittrasponi din id-Direttiva fuq il-prevenzjoni ta' frodi kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

4.   Il-Kummissjoni għandha sas-6 ta' Lulju 2022 u abbażi tal-istatistika ppreżentata mill-Istati Membri, skont il-paragrafu 2, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jivvaluta, fir-rigward tal-objettiv ġenerali li tissaħħaħ il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, jekk:

(a)

il-limitu indikat fl-Artikolu 2(2) huwiex adatt;

(b)

id-dispożizzjonijiet dwar il-perijodi ta' limitazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 12 ikunux effettivi biżżejjed;

(c)

din id-Direttiva tindirizzax b'mod effettiv każijiet ta' frodi fl-akkwist.

5.   Ir-rapporti msemmijin fil-paragrafi 3 u 4 għandhom ikunu akkumpanjati, jekk neċessarju, minn proposta leġislattiva, li tista' tinkludi dispożizzjoni speċifika dwar il-frodi fl-akkwist.

Artikolu 19

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 20

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri f'konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, il-5 ta' Lulju 2017.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

M. MAASIKAS


(1)  ĠU C 391, 18.12.2012, p. 134.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' April 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u l-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tal-25 ta' April 2017 (ĠU C 184, 9.6.2017, p. 1). Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2017 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU C 316, 27.11.1995, p. 48.

(4)  ĠU C 313, 23.10.1996, p. 1.

(5)  ĠU C 151, 20.5.1997, p. 1.

(6)  ĠU C 221, 19.7.1997, p. 11.

(7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).

(8)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).

(9)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(10)  Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI tal-24 ta' Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata (ĠU L 300, 11.11.2008, p. 42).

(11)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(12)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).

(13)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).

(14)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(15)  ĠU C 383, 12.12.2012, p. 1.

(16)  ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.

(17)  Id-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-iffriżar u l-konfiska ta' mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 127, 29.4.2014, p. 39).