1.2.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 27/115 |
DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/164
tal-31 ta' Jannar 2017
li tistabbilixxi r-raba' lista ta' valuri tal-limitu indikattivi ta' esposizzjoni minħabba x-xogħol skont id-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE, u li temenda d-Direttivi tal-Kummissjoni 91/322/KEE, 2000/39/KE u 2009/161/UE
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE tas-7 ta' April 1998 dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema mir-riskji li għandhom x'jaqsmu mal-aġenti kimiċi fuq il-post tax-xogħol (“Id-Direttiva 98/24/KE”) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(2) tagħha,
Billi:
(1) |
Skont id-Direttiva 98/24/KE, il-Kummissjoni għandha tipproponi miri tal-Unjoni fil-forma ta' valuri tal-limitu indikattivi ta' esposizzjoni minħabba x-xogħol (IOELVs) li jridu jiġu stabbiliti fil-livell tal-Unjoni, biex il-ħaddiema jitħarsu minn riskji ġejjin minn espożizzjoni għal sustanzi kimiċi perikolużi. |
(2) |
L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 98/24/KE jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi jew tirrevedi l-valuri tal-limitu indikattivi (IOELVs), filwaqt li tqis id-disponibbiltà tal-metodi tat-teknika tal-kejl, permezz ta' miżuri adottati f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE (2). |
(3) |
Il-Kummissjoni hija assistita f'din il-ħidma mill-Kumitat Xjentifiku għal-Limiti tal-Espożizzjoni għal Aġenti Kimiċi fuq il-Post tax-Xogħol (SCOEL), imwaqqaf bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/113/UE (3). |
(4) |
Skont id-Direttiva 98/24/KE “Valur tal-limitu ta' esposizzjoni minħabba x-xogħol” tfisser, għajr jekk speċifikat xort'oħra, il-limitu tal-medja ponderata skont il-ħin tal-konċentrazzjoni ta' aġent kimiku fl-arja ġewwa ż-żona tat-teħid tan-nifs ta' ħaddiem b'relazzjoni ma' perjodu referenzjarju speċifikat. |
(5) |
L-IOELVs huma valuri bbażati fuq is-saħħa tal-limitu tal-espożizzjoni fuq ix-xogħol li l-Kumitat Xjentifiku għal-Limiti tal-Espożizzjoni għal Aġenti Kimiċi fuq il-Post tax-Xogħol jikseb mill-aħħar dejta xjentifika disponibbli u li jiġu adottati mill-Kummissjoni skont id-disponibbiltà tat-tekniki tal-kejl. Dawn huma livelli limiti ta' espożizzjoni li taħthom, b'mod ġenerali, ma jkunu mistennija ebda effett detrimentali għal kwalunkwe aġent kimiku wara espożizzjoni għal żmien qasir jew ta' kuljum matul iż-żmien ta' ħajja professjonali. Dawn huma għanijiet tal-Unjoni u huma mfassla biex jiġu assistiti dawk li jimpjegaw, biex jiddeterminaw u jivvalutaw ir-riskji u fl-implimentazzjoni ta' miżuri preventivi u protettivi skont id-Direttiva 98/24/KE. |
(6) |
Skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Xjentifiku għal-Limiti tal-Espożizzjoni għal Aġenti Kimiċi fuq il-Post tax-Xogħol, l-IOELVs huma stabbiliti skont perjodu referenzjarju ta' tmien sigħat bħala medja ponderata skont il-ħin (valuri tal-limitu ta' esposizzjoni għal żmien twil) u, għal ċerti aġenti kimiċi, għal perjodi referenzjarji iqsar, b'mod ġenerali medja ponderata skont il-ħin ta' ħmistax-il minuta (valuri tal-limitu ta' esposizzjoni għal żmien qasir), biex jitqiesu l-effetti li jiġu minn espożizzjoni għal żmien qasir. |
(7) |
Għal kull aġent kimiku li għalih l-IOELV ġie stabbilit fil-livell tal-Unjoni, l-Istati Membri huma mitluba jistabbilixxu valur tal-limitu nazzjonali ta' esposizzjoni minħabba x-xogħol. Huma u jagħmlu dan, għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-valur tal-limitu tal-Unjoni, filwaqt li jiddeterminaw in-natura tal-valur tal-limitu nazzjonali f'konformità mal-leġiżlazzjoni u l-prattika nazzjonali. |
(8) |
L-IOELVs huma parti importanti mill-arranġamenti ġenerali għall-protezzjoni tal-ħaddiema kontra riskji għas-saħħa minn espożizzjoni għal sustanzi kimiċi perikolużi. |
(9) |
Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/24/KE, il-Kumitat Xjentifiku għal-Limiti tal-Espożizzjoni għal Aġenti Kimiċi fuq il-Post tax-Xogħol ivvaluta r-relazzjoni bejn l-effetti tas-saħħa tal-aġenti kimiċi elenkati f'wieħed u tletin entrata fl-Anness ta' din id-Direttiva u l-livell ta' espożizzjoni fuq ix-xogħol u rrakkomanda għal dawn l-aġenti kimiċi kollha, li jiġu stabbiliti l-IOELVs għar-rotta respiratorja ta' espożizzjoni skont perjodu referenzjarju ta' tmien sigħat medja ponderata skont il-ħin. Għalhekk huwa xieraq li jiġu stabbiliti valuri tal-limitu ta' espożizzjoni għal terminu ta' żmien twil għal dawk l-aġenti kollha fl-Anness ta' din id-Direttiva. |
(10) |
Għal xi wħud minn dawk l-aġenti kimiċi, il-Kumitat Xjentifiku għal-Limiti tal-Espożizzjoni għal Aġenti Kimiċi fuq il-Post tax-Xogħol rrakkomanda wkoll l-istabbiliment ta' dawn il-valuri tal-limitu fir-rigward ta' perjodi referenzjarji iqsar u/jew ta' osservazzjonijiet dwar il-ġilda. |
(11) |
Erbgħa minn dawk l-aġenti kimiċi — il-monossidu tan-nitroġenu, id-diidrossidu tal-kalċju, l-idrur tal-lizju u l-aċidu aċetiku — huma attwalment elenkati fl-Anness tad-Direttiva tal-Kummissjoni 91/322/KEE (4). |
(12) |
Wieħed minn dawk l-aġenti kimiċi, 1,4-diklorobenżen, bħalissa huwa elenkat fl-Anness tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2000/39/KE (5). |
(13) |
Ieħor minn dawk l-aġenti kimiċi, il-bisfenol A, bħalissa huwa elenkat fl-Anness tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/161/UE (6). |
(14) |
Għal dawk l-aġenti l-Kumitat Xjentifiku għal-Limiti tal-Espożizzjoni għal Aġenti Kimiċi fuq il-Post tax-Xogħol irrakkomanda l-istabbiliment ta' IOELVs ġodda. Huwa għalhekk xieraq li jiġu inklużi valuri riveduti ta' limitu għal dawk is-sitt aġenti kimiċi fl-Anness ta' din id-Direttiva u li jitħassru l-entrati ta' dawk l-aġenti kimiċi mill-Annessi tad-Direttivi 91/322/KEE, 2000/39/KE u 2009/161/UE. |
(15) |
Għal wieħed mill-aġenti kimiċi elenkati fil-wieħed u tletin entrata fl-Anness ta' din id-Direttiva, l-aċidu akriliku, il-Kumitat Xjentifiku għal-Limiti tal-Espożizzjoni għal Aġenti Kimiċi fuq il-Post tax-Xogħol irrakkomanda valur tal-limitu ta' esposizzjoni għal żmien qasir b'rabta ma' perjodu referenzjarju ta' minuta. Għalhekk huwa xieraq li jiġi stabbilit valur tal-limitu ta' esposizzjoni għal żmien qasir għal dan l-aġent kimiku fl-Anness ta' din id-Direttiva. |
(16) |
Għal ċertu sustanzi, hemm bżonn li tittieħed f'kunsiderazzjoni l-possibbiltà ta' penetrazzjoni minn ġol-ġilda sabiex jiġi żgurat l-aqwa livell ta' ħarsien possibbli. Fost l-aġenti kimiċi elenkati fil-wieħed u tletin entrata fl-Anness ta' din id-Direttiva, il-Kumitat Xjentifiku għal-Limiti tal-Espożizzjoni għal Aġenti Kimiċi fuq il-Post tax-Xogħol identifika l-possibbiltà ta' assorbiment sinifikanti mill-ġilda għat-trinitrat tal-gliċerol, it-tetraklorur tal-karbonju, iċ-ċjanur tal-idroġenu, il-klorur tal-metilin, in-nitroetan, il-1,4-diklorobenżen, il-format tal-metil, it-tetrakloroetilen, iċ-ċjanur tas-sodju u ċ-ċjanur tal-potassju. Għalhekk huwa xieraq li jiġu stabbiliti fl-Anness ta' din id-Direttiva notazzjonijiet li jindikaw il-possibbiltà ta' assorbiment sinifikanti mill-ġilda għal dawn l-aġenti kimiċi, b'żieda mal-IOELVs. |
(17) |
Il-Kumitat Konsultattiv dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-xogħol (7), ikkonsultat skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 98/24/KE, irrikonoxxa li kien hemm tħassib dwar il-fattibilità teknika tal-IOELVs proposti għall-monossidu tan-nitroġenu u d-diossidu tan-nitroġenu fix-xogħol tal-minjieri u tat-tħaffir ta' mini taħt l-art, u għall-monossidu tal-karbonju fix-xogħol tal-minjieri taħt l-art. Il-kumitat irrikonoxxa wkoll li bħalissa hemm sfidi marbuta mad-disponibilità ta' metodoloġiji ta' kejl li jistgħu jintużaw biex juru l-konformità mal-valur tal-limitu propost għad-diossidu tan-nitroġenu f'ambjenti tax-xogħol tal-minjieri u tat-tħaffir tal-mini taħt l-art. Huwa għalhekk xieraq li l-Istati Membri jitħallew jagħmlu użu minn perjodu tranżitorju fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-valuri tal-limitu stabbiliti għall-monossidu tan-nitroġenu, għad-diossidu tan-nitroġenu u għall-monossidu tal-karbonju f'xogħol ta' minjieri u ta' tħaffir ta' mini taħt l-art fl-Anness ta' din id-Direttiva. Matul dak il-perjodu tranżitorju, l-Istati Membri jistgħu jkomplu japplikaw l-valuri tal-limitu eżistenti, minflok ma jiġu applikati dawk stabbiliti fl-Anness ta' din id-Direttiva. |
(18) |
Skont id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni (8), l-Istati Membri ntrabtu li, f'każijiet ġustifikati, jressqu n-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom flimkien ma' dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta' traspożizzjoni nazzjonali. |
(19) |
Fir-rigward ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni tqis li t-trażmissjoni ta' dawn id-dokumenti f'forma ta' tabella li turi l-korrelazzjoni bejn il-miżuri nazzjonali u din id-Direttiva hija ġġustifikata, minħabba li għal ċerti aġenti diġà jeżistu valuri nazzjonali ta' limitu tal-esposizzjoni minħabba x-xogħol fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, u minħabba d-diversità u n-natura teknika tal-istrumenti legali fil-livell nazzjonali biex jiġu stabbiliti valuri tal-limitu ta' esposizzjoni minħabba x-xogħol. |
(20) |
Il-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol ta l-opinjonijiet tiegħu fis-27 ta' Novembru 2014 u fil-21 ta' Mejju 2015. |
(21) |
Il-miżuri stipulati f'din id-Direttiva huma bi qbil mal-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Progress Tekniku stabbilit skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE. |
ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Ir-raba' lista ta' valuri tal-limitu indikattivi ta' esposizzjoni minħabba x-xogħol tal-Unjoni hija b'dan stabbilita għall-aġenti kimiċi elenkati fl-Anness.
Artikolu 2
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu valuri tal-limitu indikattivi nazzjonali ta' esposizzjoni minħabba x-xogħol għall-aġenti kimiċi elenkati fl-Anness, b'konsiderazzjoni tal-valuri tal-limitu tal-Unjoni..
Artikolu 3
Fl-Anness tad-Direttiva 91/322/KEE, ir-referenzi għall-aċidu aċetiku, għad-diidrossidu tal-kalċju, għall-idrur tal-lizju u għall-monossidu tan-nitroġenu huma mħassra b'effett mill-21 ta' Awwissu 2018, suġġett għall-Artikolu 6(2)(a).
Artikolu 4
Fl-Anness tad-Direttiva 2000/39/KE, ir-referenza għall-1,4-diklorobenżen hija mħassra b'effett mill-21 ta' Awwissu 2018.
Artikolu 5
Fl-Anness tad-Direttiva 2009/161/UE, ir-referenza għall-bisfenol A hija mħassra b'effett mill-21 ta' Awwissu 2018.
Artikolu 6
1. Fix-xogħol tal-minjieri u t-tħaffir tal-mini taħt l-art, l-Istati Membri jistgħu jibbenefikaw minn perjodu tranżitorju li jintemm sa mhux aktar tard mill-21 ta' Awwissu 2023, fir-rigward tal-valuri tal-limitu għall-monossidu tan-nitroġenu, għad-diossidu tan-nitroġenu u għall-monossidu tal-karbonju.
2. Matul il-perjodu tranżizzjonali msemmi fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jibqgħu japplikaw dan li ġej, minflok ma japplikaw il-valuri tal-limitu stabbiliti fl-Anness:
(a) |
fir-rigward tal-monossidu tan-nitroġenu: il-valuri tal-limitu eżistenti stabbiliti skont l-Anness tad-Direttiva 91/322/KEE; |
(b) |
fir-rigward tad-diossidu tan-nitroġenu u tal-monossidu tal-karbonju: il-valuri nazzjonali ta' limitu fis-seħħ fl-1 ta' Frar 2017. |
Artikolu 7
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-21 ta' Awwissu 2018.
Għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet u għandhom jressqu n-notifika tagħhom flimkien ma' dokument wieħed jew aktar ta' spjegazzjoni fil-forma ta' tabelli li juru l-korrelazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.
Meta dawk id-dispożizzjonijiet jiġu adottati mill-Istati Membri, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza dakinhar tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir din ir-referenza.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 8
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin (20) jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 9
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Jannar 2017.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 131, 5.5.1998, p. 11.
(2) Id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta' Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/113/UE tat-3 ta' Marzu 2014 li tistabbilixxi Kumitat Xjentifiku għal-Limiti tal-Espożizzjoni għal Aġenti Kimiċi fuq il-Post tax-Xogħol u li tħassar id-Deċiżjoni 95/320/KE (ĠU L 62, 4.3.2014, p. 18).
(4) Id-Direttiva tal-Kummissjoni 91/322/KEE tad-29 ta' Mejju 1991 dwar l-istabbiliment ta' valuri ta' limiti indikattivi permess tal-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 80/1107/KEE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji relatati mal-esposizzjoni għal aġenti kimiċi, fiżiċi u bijoloġiċi fuq ix-xogħol (ĠU L 177, 5.7.1991, p. 22).
(5) Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2000/39/KE tat-8 ta' Ġunju 2000 li tistabbilixxi l-ewwel lista ta' valuri ta' limiti ta' espożizzjoni minħabba x-xogħol biex timplimenta d-Direttiva 98/24/KE dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema minn riskji relatati ma' aġenti kimiċi fuq ix-xogħol (ĠU L 142, 16.6.2000, p. 47).
(6) Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/161/UE tas-17 ta' Diċembru 2009 li tistabbilixxi t-tielet lista ta' valuri ta' limitu indikattivi ta' esponiment professjonali fl-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE u li temenda d-Direttiva tal-Kummissjoni 2000/39/KE (ĠU L 338, 19.12.2009, p. 87).
(7) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/C218/01 tat-22 ta' Lulju 2003 li tistabbilixxi Kumitat ta' Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (ĠU C 218, 13.9.2003, p. 1).
(8) ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.
ANNESS
Nru tal-KE (1) |
Nru tal-CAS (2) |
L-ISEM TAL-AĠENT KIMIKU |
IL-VALURI TAL-LIMITU |
Notazzjoni (3) |
|||
Tmien (8) sigħat (4) |
Perjodu ta' żmien qasir (5) |
||||||
mg/m3 (6) |
ppm (7) |
mg/m3 (6) |
ppm (7) |
||||
— |
— |
Manganiż u komposti inorganiċi tal-manganiż (bħala manganiż) |
0,2 (8) 0,05 (9) |
— |
— |
— |
— |
200-240-8 |
55-63-0 |
Trinitrat tal-gliċerol |
0,095 |
0,01 |
0,19 |
0,02 |
ġilda |
200-262-8 |
56-23-5 |
Tetraklorur tal-karbonju; Tetraklormetan |
6,4 |
1 |
32 |
5 |
ġilda |
200-521-5 |
61-82-5 |
Amitrol |
0,2 |
— |
— |
— |
— |
200-580-7 |
64-19-7 |
Aċidu aċetiku |
25 |
10 |
50 |
20 |
— |
200-821-6 |
74-90-8 |
Ċjanur tal-idroġenu (bħala ċjanur) |
1 |
0,9 |
5 |
4,5 |
ġilda |
200-838-9 |
75-09-2 |
Klorur tal-metilen; Diklorometan |
353 |
100 |
706 |
200 |
ġilda |
200-864-0 |
75-35-4 |
Klorur ta' viniliden; 1,1-Dikloroetilen |
8 |
2 |
20 |
5 |
— |
201-083-8 |
78-10-4 |
Ortosilikat tetraetil |
44 |
5 |
— |
— |
— |
201-177-9 |
79-10-7 |
Aċidu akriliku; Aċidu prop-2-enojku |
29 |
10 |
59 (10) |
20 (10) |
— |
201-188-9 |
79-24-3 |
Nitroetan |
62 |
20 |
312 |
100 |
ġilda |
201-245-8 |
80-05-7 |
Bisfenol A; 4,4-Isopropilidenedifenol |
2 (8) |
— |
— |
— |
— |
202-981-2 |
101-84-8 |
Etere tad-difenil |
7 |
1 |
14 |
2 |
— |
203-234-3 |
104-76-7 |
2-etileżan-1-ol |
5,4 |
1 |
— |
— |
— |
203-400-5 |
106-46-7 |
1,4-Diklorobenżen; p-Diklorobenżen |
12 |
2 |
60 |
10 |
ġilda |
203-453-4 |
107-02-8 |
Akrolein; Akrilaldeid; Prop-2-enal |
0,05 |
0,02 |
0,12 |
0,05 |
— |
203-481-7 |
107-31-3 |
Format tal-metil |
125 |
50 |
250 |
100 |
ġilda |
203-788-6 |
110-65-6 |
But-2-in-1,4-diol |
0,5 |
— |
— |
— |
— |
204-825-9 |
127-18-4 |
Tetrakloroetilen |
138 |
20 |
275 |
40 |
ġilda |
205-500-4 |
141-78-6 |
Aċetat etiliku |
734 |
200 |
1 468 |
400 |
— |
205-599-4 |
143-33-9 |
ċjanur tas-sodju (bħala ċjanur) |
1 |
— |
5 |
— |
ġilda |
205-792-3 |
151-50-8 |
Ċjanur tal-potassju (bħala ċjanur) |
1 |
— |
5 |
— |
ġilda |
207-069-8 |
431-03-8 |
Diaċetil; Butanedion |
0,07 |
0,02 |
0,36 |
0,1 |
— |
211-128-3 |
630-08-0 |
Monossidu tal-karbonju |
23 |
20 |
117 |
100 |
— |
215-137-3 |
1305-62-0 |
Diidrossidu tal-kalċju |
1 (9) |
— |
4 (9) |
— |
— |
215-138-9 |
1305-78-8 |
Ossidu tal-kalċju |
1 (9) |
— |
4 (9) |
— |
— |
231-195-2 |
7446-09-5 |
Diossidu tal-kubrit |
1,3 |
0,5 |
2,7 |
1 |
— |
231-484-3 |
7580-67-8 |
Idrur tal-litju (6) |
— |
— |
0,02 (8) |
— |
— |
233-271-0 |
10102-43-9 |
Monossidu tan-nitroġenu |
2,5 |
2 |
— |
— |
— |
233-272-6 |
10102-44-0 |
Diossidu tan-nitroġenu |
0,96 |
0,5 |
1,91 |
1 |
— |
262-967-7 |
61788-32-7 |
Terfenil, idroġenat |
19 |
2 |
48 |
5 |
— |
Nru tal-KE: In-numru tal-Komunità Ewropea (KE), l-identifikatur numeriku għas-sustanzi fl-Unjoni Ewropea.
Nru tal-CAS: In-Numru tar-Reġistru tas-Servizz tal-Astratt Kimiku.
(3) Notazzjoni dwar il-ġilda assenjata lill-valur ta' tal-limitu ta' esposizzjoni minħabba x-xogħol tindika l-possibbiltà ta' assorbiment sinifikanti mill-ġilda.
(4) Imkejla jew kkalkulati b'rabta ma' perjodu referenzjarju ta' medja ponderata skont il-ħin ta' tmien sigħat (TWA).
(5) Limitu ta' esponiment għal żmien qasir (STEL). Valur ta' limitu li 'l fuq minnu ma għandux ikun hemm esponiment u li huwa marbut ma' perjodu ta' 15-il minuta, sakemm mhux speċifikat xorta oħra.
mg/m3 : milligrammi għal kull metru kubu ta' arja. Għal sustanzi kimiċi f'fażi ta' gass jew fwar il-valur ta' limitu huwa espress f'20 °C u 101,3 kPa.
ppm: partijiet għal kull miljun skont il-volum fl-arja (ml/m3).
(8) Frazzjoni inalabbli.
(9) Frazzjoni respirabbli.
(10) Il-valur ta' limitu ta' esponiment għal żmien qasir għal perjodu referenzjarju ta' 1 minuta.