7.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 259/28


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1805

tat-3 ta' Ottubru 2017

dwar il-professjonalizzazzjoni tal-akkwist pubbliku

Il-bini ta' struttura għall-professjonalizzazzjoni tal-akkwist pubbliku

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu

Billi:

(1)

L-akkwist pubbliku huwa strument biex jinkiseb tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Dan l-istrument jista' jkollu impatt (1) ekonomiku sinifikanti fuq il-kontribuzzjoni lejn l-aġenda tal-Kummissjoni għat-tkabbir, l-impjiegi u l-kummerċ transfruntier. Akkwist pubbliku effiċjenti, effettiv u kompetittiv huwa kemm punt ta' referenza għal suq uniku li jiffunzjona sew kif ukoll il-kanal ewlieni għall-investimenti Ewropej (2).

(2)

Id-Direttivi dwar l-akkwist pubbliku adottati fl-2014 (3) jipprovdu sett ta' għodod li jippermettu lill-Istati Membri jagħmlu użu aktar effiċjenti u strateġiku tal-akkwist pubbliku. L-akkwist pubbliku qed iħabbat wiċċu ma' sfidi ġodda minħabba li kulma jmur qed ikun mistenni li: juri l-aħjar valur għall-flus pubbliċi f'ambjenti b'baġits li kull ma jmur qed jiġu limitati; juża l-opportunitajiet tad-diġitalizzazzjoni u s-swieq li qed jevolvu; jagħmel kontribut strateġiku għall-objettivi politiċi orrizzontali u l-valuri tas-soċjetà bħal pereżempju l-innovazzjoni, l-inklużjoni soċjali u s-sostenibbiltà ekonomika u ambjentali; jimmassimizza l-aċċessibilità u juri responsabbiltà biex jitnaqqsu kemm jista' jkun l-ineffiċjenzi, l-iskart, l-irregolaritajiet, il-frodi u l-korruzzjoni, filwaqt li jissaħħu l-katini ta' provvista responsabbli.

(3)

Il-ħtieġa li tiġi żgurata l-applikazzjoni effiċjenti tar-regoli tal-akkwist pubbliku fil-livelli kollha hija meħtieġa biex tisfrutta bl-aħjar mod possibbli din il-lieva essenzjali għall-investiment fl-Ewropa, kif spjegat fil-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa (4), u biex jinkiseb suq uniku iktar b'saħħtu kif mitlub fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2017 tal-President Juncker. L-effiċjenza hija wkoll fost l-oqsma li jridu jitjiebu fl-akkwist pubbliku, kif senjalati mill-proċess tas-Semestru Ewropew.

(4)

Għalhekk jeħtieġ jiġi żgurat l-aktar użu effiċjenti tal-fondi pubbliċi, u x-xerrejja pubbliċi jeħtieġ ikunu f'pożizzjoni li jakkwistaw skont l-ogħla standards ta' professjonalità. It-tisħiħ u l-appoġġ għall-professjonaliżmu fost il-professjonisti fis-settur tal-akkwist pubbliku jistgħu jgħinu biex l-impatt tal-akkwist pubbliku jinħass fl-ekonomija kollha kemm hi (5).

(5)

B'mod ġenerali, l-għan tal-professjonalizzazzjoni tal-akkwist pubbliku huwa dak li jirrifletti titjib ġenerali fil-firxa kollha ta' ħiliet u kompetenzi professjonali, kif ukoll fl-għarfien u fl-esperjenza tal-persuni li jwettqu kompiti relatati mal-akkwist pubbliku jew jipparteċipaw fihom (6). Dan ikopri wkoll l-għodod u s-sostenn, kif ukoll l-istruttura tal-politika istituzzjonali, li huma lkoll meħtieġa biex isir ix-xogħol b'mod effettiv u b'mod li jagħti r-riżultati (7). Għaldaqstant, politika tal-professjonalizzazzjoni effettiva għandha tkun ibbażata fuq approċċ strateġiku globali msejjes fuq tliet objettivi li jikkumplimentaw lil xulxin:

I.

Żvilupp ta' struttura politika xierqa għall-professjonalizzazzjoni: sabiex ikun hemm impatt reali, politika ta' professjonalizzazzjoni għandha dejjem isserraħ fuq appoġġ politiku ta' livell għoli. Dan ifisser li jiġu definiti t-tqassim ċar tar-responsabbiltajiet u l-kompiti lill-istituzzjonijiet fuq il-livell ta' politika ċentrali, l-appoġġ tal-isforzi fil-livell lokali, reġjonali u settorjali, l-iżgurar tal-kontinwazzjoni fiċ-ċikli politiċi kollha, billi fejn ikun xieraq jintużaw l-istrutturi istituzzjonali li jippromwovu l-ispeċjalizzazzjoni, l-aggregazzjoni u l-kondiviżjoni tal-għarfien.

II.

Ir-riżorsi umani — titjib fit-taħriġ u fil-ġestjoni tal-karrieri tal-professjonisti tal-akkwist pubbliku: il-professjonisti fis-settur tal-akkwist pubbliku, jiġifieri dawk involuti fl-akkwist ta' oġġetti, servizzi u xogħlijiet, kif ukoll l-awdituri u l-uffiċjali responsabbli mill-analiżi ta' każijiet ta' akkwist pubbliku, għandu jkollhom il-kwalifiki, it-taħriġ, il-ħiliet u l-esperjenza meħtieġa skont il-livell tar-responsabbiltà tagħhom. Dan ifisser l-iżgurar li jkun hemm persunal b'esperjenza, ħiliet u motivazzjoni, li jiġi offrut it-taħriġ meħtieġ u l-iżvilupp professjonali kontinwu, filwaqt li tiġi wkoll żviluppata struttura ta' karrieri u inċentivi biex il-funzjoni tal-akkwist pubbliku tkun attraenti u biex l-uffiċjali pubbliċi jkunu motivati ħalli jinkisbu riżultati strateġiċi.

III.

Is-sistemi — il-forniment ta' għodod u metodoloġiji li jappoġġaw il-prattika professjonali tal-akkwist pubbliku: il-prattikanti tal-akkwist pubbliku għandhom jiġu mgħammra bl-għodod adatti u b'appoġġ biex jaġixxu b'mod effiċjenti u jiksbu l-aħjar valur għall-flus għal kull xirja. Dan ifisser li tkun garantita d-disponibbiltà ta' għodod u proċessi li jirriżultaw f'akkwist pubbliku intelliġenti, bħal: għodod għall-akkwist elettroniku, linji gwida, manwali, mudelli u għodod ta' kooperazzjoni, taħriġ, appoġġ u għarfien, il-ġbir tal-għarfien u l-iskambju ta' prattika tajba.

(6)

Din ir-Rakkomandazzjoni (8) tħeġġeġ l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' politiki ta' professjonalizzazzjoni fl-Istati Membri, billi toffri qafas ta' referenza biex jiġi kkunsidrat (9). Wieħed jixtieq li din l-inizjattiva twassal biex tgħin lill-Istati Membri jibnu l-politika tal-professjonalizzazzjoni sabiex jgħollu l-profil, l-influwenza, l-impatt u r-reputazzjoni tal-akkwist fit-twassil tal-għanijiet pubbliċi.

(7)

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri u lill-amministrazzjoni pubblika tagħhom, primarjament fil-livell nazzjonali. Madankollu, taħt is-sistema ta' akkwist ċentralizzat jew deċentralizzat tagħhom, l-Istati Membri għandhom ukoll iħeġġu u jappoġġaw l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti fl-implimentazzjoni tal-inizjattivi ta' professjonalizzazzjoni. Għalhekk, l-Istati Membri għandhomjinfurmaw b'din ir-Rakkomandazzjoni lill-korpi responsabbli mill-akkwist pubbliku fil-livelli kollha kif ukoll tal-korpi inkarigati mit-taħriġ tal-awdituri u l-uffiċjali responsabbli mill-analiżi ta' każijiet ta' akkwist pubbliku.

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

I.   ID-DEFINIZZJONI TAL-POLITIKA GĦALL-PROFESSJONALIZZAZZJONI TAL-AKKWIST PUBBLIKU

1.

L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw u jimplimentaw strateġiji fit-tul għall-professjonalizzazzjoni tal-akkwist pubbliku, li jkunu adattati għall-bżonnijiet, ir-riżorsi u l-istruttura amministrattiva tagħhom, b'mod awtonomu jew bħala parti minn pjan usa' tal-politiki lejn il-professjonalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika. L-għan huwa biex jiġu attirati, jiġu żviluppati u jinżammu l-ħiliet, ikun hemm iffukar fuq il-prestazzjoni u l-eżiti strateġiċi u jsir l-aħjar użu tal-għodod u t-tekniki disponibbli. Dawn l-istrateġiji għandhom:

(a)

jindirizzaw il-parteċipanti rilevanti kollha fil-proċess tal-akkwist u jiġu żviluppati permezz ta' proċess inklużiv fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali;

(b)

jiġu applikati b'koordinazzjoni ma' politiki oħra tas-settur pubbliku kollu kemm hu; kif ukoll

(c)

iqisu l-iżviluppi fi Stati Membri oħra u fil-livell internazzjonali.

2.

L-Istati Membri għandhom ukoll jinkoraġġixxu u jappoġġaw l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali ta' professjonalizzazzjoni, fl-iżvilupp ta' inizjattivi dwar il-professjonalizzazzjoni u ta' struttura istituzzjonali xierqa u fil-kooperazzjoni għal approċċ aktar koordinat, effiċjenti u strateġiku tal-akkwist imsejjes fuq, fost affarijiet oħra:

(a)

kooperazzjoni akbar bejn is-servizzi rilevanti u bejn l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti; kif ukoll

(b)

l-għarfien espert u l-appoġġ tal-istituzzjonijiet tat-taħriġ, il-korpi tax-xiri b'mod ċentrali u tal-organizzazzjonijiet professjonali orjentati lejn l-akkwist.

II.   IR-RIŻORSI UMANI — TITJIB TAT-TAĦRIĠ U L-ĠESTJONI TAL-KARRIERI

3.

L-Istati Membri għandhom jidentifikaw u jiddefinixxu l-linja bażika ta' ħiliet u kompetenzi li prattikant tal-akkwist pubbliku għandu kollu u li jkun tħarreġ fihom, u dan filwaqt li jittieħed kont tan-natura multidixxiplinari tal-proġetti ta' akkwist, kemm fil-każ tal-uffiċjali dedikati fuq l-akkwist kif ukoll dawk b'funzjonijiet relatati u anki fil-każ tal-imħallfin u l-awdituri, bħal:

(a)

oqfsa għal ħiliet u kompetenzi li jappoġġaw il-proċessi tar-reklutaġġ u l-ġestjoni tal-karrieri u t-tfassil ta' programmi ta' taħriġ; kif ukoll

(b)

qafas ta' kompetenza komuni għall-akkwist pubbliku fil-livell Ewropew.

4.

L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw programmi ta' taħriġ — inizjali u tul il-ħajja — abbażi ta' dejta u valutazzjoni tal-ħtiġijiet, kif ukoll abbażi tal-oqfsa ta' kompetenza fejn disponibbli, bħal:

(a)

l-iżvilupp u/jew l-appoġġ tal-iżvilupp ta' offerta ta' taħriġ inizjali, fil-livell ta' lawrja u postlawrja u taħriġ professjonali ieħor fil-livell ta' dħul;

(b)

il-provvediment u/jew l-appoġġ ta' offerta ta' taħriġ u tagħlim tul il-ħajja komprensiv, immirat u aċċessibbli.;

(c)

l-immultiplikar tat-taħriġ offrut permezz ta' soluzzjonijiet innovattivi u interattivi jew għodod tat-tagħlim elettroniku, kif ukoll skemi ta' replikazzjoni; kif ukoll

(d)

l-ibbenifikar mill-kooperazzjoni akkademika u r-riċerka li jsawru appoġġ teoretiku sod għas-soluzzjonijiet tal-akkwist.

5.

L-Istati Membri għandhom ukoll jiżviluppaw u jappoġġaw l-adozzjoni mill-awtoritajiet/entitajiet kontraenti ta' ġestjoni tajba tar-riżorsi umani, ippjanar tal-karrieri u skemi ta' motivazzjoni speċifiċi għall-funzjonijiet tal-akkwist bil-mira li jattiraw u jżommu persunal ikkwalifikat fl-akkwist u jinkoraġġixxu lill-professjonisti prattikanti jipproduċu kwalità aħjar u approċċ aktar strateġiku fl-akkwist pubbliku, bħal:

(a)

ir-rikonoxximent u/jew skemi ta' ċertifikazzjoni li jidentifikaw u jippremjaw il-funzjonijiet marbuta mal-akkwist;

(b)

strutturi ta' karriera, inċentivi istituzzjonali u l-appoġġ politiku biex jitwasslu riżultati strateġiċi; kif ukoll

(c)

premjijiet ta' eċċellenza li jħeġġu prattika tajba f'oqsma bħalma huma l-innovazzjoni, l-akkwist pubbliku soċjalment responsabbli u ekoloġiku jew il-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

III.   IS-SISTEMI — IL-FORNIMENT TAL-GĦODOD U L-METODOLOĠIJI

6.

L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu u jappoġġjaw l-iżvilupp u l-użu ta' għodod tal-IT aċċessibbli li jistgħu jissimplifikaw u jtejbu l-funzjonament tas-sistemi tal-akkwist, bħal:

(a)

aċċess akbar għall-informazzjoni billi joħolqu portali uniċi online;

(b)

l-iżvilupp ta' għodod tal-IT bit-taħriġ korrispondenti (eż. għall-ekonomiji ta' skala, l-effiċjenza enerġetika jew ix-xogħol f'tim), jew l-appoġġ ta' soluzzjonijiet xprunati mis-suq korrispondenti; kif ukoll

(c)

il-promozzjoni ta' approċċ strateġiku viżavì d-diġitalizzazzjoni permezz tal-istandardizzazzjoni, l-iskambju, l-użu mill-ġdid u l-interoperabbiltà tal-prodotti u s-servizzi, b'mod partikolari permezz tal-użu ta' soluzzjonijiet eżistenti tal-IT disponibbli fil-livell tal-UE (10), kif ukoll l-iżviluppar ta' strumenti bħal katalgu online tal-istandards tal-ICT dwar l-akkwisti (11).

7.

L-Istati Membri għandhom jappoġġjaw u jippromwovu l-integrità, fil-livell individwali kif ukoll fil-livell istituzzjonali, bħala parti intrinsika ta' kondotta professjonali, billi jipprovdu l-għodod biex jiżguraw konformità u trasparenza u gwida dwar il-prevenzjoni ta' irregolaritajiet, bħal:

(a)

il-ħolqien ta' kodiċijiet ta' etika kif ukoll charters dwar l-integrità;

(b)

l-użu ta' dejta dwar l-irregolaritajiet (12) bħala feedback biex jiżviluppaw taħriġ u gwida korrispondenti, filwaqt li jippromwovu l-awtoregolazzjoni; kif ukoll

(c)

l-iżvilupp ta' gwida speċifika li tipprevjeni u tikxef il-frodi u l-korruzzjoni, inkluż permezz ta' kanali ta' whistleblowing protetti.

8.

L-Istati Membri għandhom jiggwidaw minn naħa biex tingħata ċertezza ġuridika dwar il-liġi nazzjonali u tal-UE jew ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-obbligi internazzjonali tal-UE u, min-naħa l-oħra, biex jiffaċilitaw u jippromwovu r-riflessjoni strateġika, il-verdetti kummerċjali u t-teħid ta' deċiżjonijiet intelliġenti/infurmat, bħal:

(a)

materjal ta' gwida mmirat, manwali dwar il-metodoloġija u repożitorji ta' prattiki tajba u tal-aktar żbalji komuni, li jkunu aġġornati, faċli għall-utent, faċilment aċċessibbli u bbażati fuq l-esperjenza tal-prattikanti; kif ukoll

(b)

mudelli standardizzati u għodod għal diversi proċeduri bħal kriterji tal-akkwist pubbliku ekoloġiku.

9.

L-Istati Membri għandhom jippromwovu l-iskambju ta' prattiki tajba u jipprovdu appoġġ lill-prattikanti biex jiżguraw proċeduri ta' akkwist professjonali, ħidma kooperattiva u t-trażmissjoni tal-għarfien espert bħal:

(a)

l-għoti ta' assistenza teknika permezz ta' servizzi ta' helpdesks reattivi, diretti (hotlines) u/jew bil-posta elettronika;

(b)

l-organizzazzjoni ta' seminars u workshops li jikkondividu l-iżviluppi ġuridiċi ġodda, il-prijoritajiet tal-politika u l-prattika tajba; kif ukoll

(c)

it-tħeġġiġ tal-komunitajiet tal-prattikanti permezz ta' fora online u netwerks soċjali professjonali.

IV.   IS-SEGWITU GĦAL DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI — IR-RAPPURTAR U L-MONITORAĠĠ

10.

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-azzjoni meħuda b'rispons għal din ir-Rakkomandazzjoni meta jkunu qed jirrapportaw skont l-Artikolu 83 tad-Direttiva 2014/24/UE, l-Artikolu 45 tad-Direttiva 2014/23/UE u l-Artikolu 99 tad-Direttiva 2014/25/UE.

Magħmul fi Strasburgu, it-3 ta' Ottubru 2017.

Għall-Kummissjoni

Elżbieta BIEŃKOWSKA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozji (COM(2015) 550).

(2)  Kważi nofs il-finanzjament ta' koeżjoni jgħaddi permezz tal-akkwist pubbliku. Matul il-perjodu 2014-2020, l-UE se tinvesti EUR 325 biljun — kważi terz tal-baġit totali tal-UE — fir-reġjuni tal-Ewropa permezz tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, li għandhom l-għan li jippromwovu t-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi, il-kompetittività u t-tnaqqis tad-disparitajiet fl-iżvilupp.

(3)  Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65) (id-“Direttiva Klassika”), id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-għoti ta' kuntratti ta' konċessjoni (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1) (id-“Direttiva dwar il-Konċessjonijiet”), id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243) (id-“Direttiva dwar l-Utilitajiet”), u b'mod partikolari l-Artikoli 83(4), 45(4) u 99(4) rispettivament tagħhom.

(4)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment: Pjan ta' Investiment għall-Ewropa (COM(2014) 903).

(5)  Id-dokument ta' Ħidma tal-Persunal (SWD/2015/202) li jakkumpanja l-istrateġija għas-suq waħdieni stima li l-gwadanji ekonomiċi potenzjali mis-soluzzjoni tal-problemi dovuti għall-professjonalizzazzjoni jammonataw għal aktar minn EUR 80 biljun.

(6)  Dan ikopri l-ambitu sħiħ ta' ħidmet l-uffiċjali tal-akkwist li huma involuti f'kull stadju tal-proċess tal-akkwist mill-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet sal-ġestjoni tal-kuntratti — fl-amministrazzjonijiet jew istituzzjonijiet ċentrali jew diċentralizzati, fi rwoli definiti b'mod speċifiku bħala relatati mal-akkwist jew sempliċiment responsabbli minn ċerti kompiti relatati mal-akkwist pubbliku.

(7)  Il-ħtieġa li tkun żviluppata forza tax-xogħol tal-akkwist b'kapaċità li kontinwament twassal il-valur għall-flus hija enfasizzata wkoll fir-Rakkomandazzjoni tal-OECD tal-2015 dwar l-Akkwist Pubbliku. http://www.oecd.org/gov/ethics/OECD-Recommendation-on-Public-Procurement.pdf

(8)  Il-Kummissjoni m'għandhiex il-ħsieb li tippreskrivi xi mudell speċifiku, iżda tistieden lill-Istati Membri u l-amministrazzjonijiet rilevanti jittrattaw il-kwistjonijiet rilevanti. Huwa ċar li kulħadd jinsab fi stadji differenti tal-vjaġġ tiegħu. Madankollu, id-direttivi l-ġodda jirrikjedu li l-Istati Membri jiżguraw li (a) l-informazzjoni u l-gwida dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-liġi tal-UE dwar l-akkwist pubbliku tkun disponibbli mingħajr ħlas sabiex tassisti lill-awtoritajiet kontraenti u l-operaturi ekonomiċi, b'mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju; u (b) ikun disponibbli appoġġ għall-awtoritajiet kontraenti fl-ippjanar u fit-twettiq tal-proċeduri ta' akkwist.

(9)  Ir-Rakkomandazzjoni se tkun akkumpanjata min ġabra ta' prassi tajba mill-Istati Membri.

(10)  Fost oħrajn: il-Portal Diġitali Uniku u l-Blokok tal-Bini Infrastrutturali tas-Servizzi Diġitali ta' Nikkollegaw l-Ewropa (l-identità elettronika, il-firma elettronika, il-konsenja elettronika, il-fatturat elettroniku).

(11)  https://joinup.ec.europa.eu/community/european_catalogue/

(12)  Filwaqt li tiġi rispettata l-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta u d-dritt fundamentali għall-protezzjoni ta' dejta personali.