9.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 261/105


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Lulju 2017

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tas-Slovenja għall-2017 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tas-Slovenja għall-2017

(2017/C 261/23)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (1), u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Fis-16 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2017. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fid-9 u l-10 ta’ Marzu 2017. Fis-16 ta’ Novembru 2016, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih hija identifikat lis-Slovenja bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, li ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew fid-9 u l-10 ta’ Marzu 2017. Fil-21 ta’ Marzu 2017, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (“Rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro”) (3).

(2)

Bħala Stat Membru li għandu bħala munita l-euro, u fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja, jenħtieġ li s-Slovenja tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha tar-Rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro, kif riflessa fir-rakkomandazzjonijiet (1) sa (3) hawn taħt.

(3)

Ir-rapport dwar il-pajjiż tal-2017 għas-Slovenja ġie ppublikat fit-22 ta’ Frar 2017. Dan ivvaluta l-progress li għamlet is-Slovenja hi u tindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fit-12 ta’ Lulju 2016, is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet adottati fis-snin preċedenti u l-progress tas-Slovenja lejn il-miri nazzjonali tagħha b’rabta ma’ Ewropa 2020. Kien jinkludi wkoll analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, ir-riżultati ta’ liem ġew ukoll ippubblikati fit-22 ta’ Frar 2017. L-analiżi tal-Kummissjoni wasslitha biex tikkonkludi li s-Slovenja għaddejja minn żbilanċi makroekonomiċi. B’mod partikolari, id-dgħufijiet fis-settur bankarju, id-dejn korporattiv, u r-riskji fiskali jikkostitwixxu vulnerabbiltajiet. Iż-żbilanċi tal-istokkijiet qegħdin jidrizzaw irwieħhom fid-dawl li reġa’ beda t-tkabbir. Is-settur korporattiv naqqas id-dejn b’mod sostanzjali, u l-investiment privat, inkluż fil-forma ta’ investiment dirett barrani, issokta, minkejja li l-istokkijiet minn investiment dirett barrani dieħel fil-pajjiż għadhom baxxi mal-pari reġjonali tagħhom. Id-dejn pubbliku laħaq l-ogħla livell tiegħu fl-2015, u huwa mistenni li jkun hemm aġġustament ’l isfel fis-snin li ġejjin. Il-progress fil-front tar-ristrutturar tas-settur bankarju kkoinċida ma’ sehem ta’ self improduttiv nieżel rapidament, li huwa mistenni li jkompli jinżel. Il-Gvern ħa miżuri rilevanti biex jikkonsolida u jirristruttura s-settur bankarju, u biex itejjeb il-governanza tal-intrapriżi tal-istat. Madankollu, għad hemm bżonn iktar azzjoni politika biex jiġi indirizzat id-dejn korporattiv u d-dgħufijiet li għad fadal fis-settur finanzjarju, biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi, u biex jitjieb l-ambjent tan-negozju.

(4)

Is-Slovenja ppreżentat il-Programm ta’ Stabbiltà tagħha għall-2017 fit-28 ta’ April 2017 u l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha għall-2017 fit-3 ta’ Mejju 2017. Biex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.

(5)

Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti ġew indirizzati fil-programmazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (Fondi SIE) għall-perijodu 2014–2020. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), fejn ikun neċessarju li jingħata sostenn lill-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista’ titlob lil Stat Membru li jirrieżamina u jipproponi emendi għall-Ftehim ta’ Sħubija u għall-programmi rilevanti tiegħu. Il-Kummissjoni pprovdiet iktar dettalji dwar kif tagħmel użu minn dik id-dispożizzjoni fil-linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi SIE ma’ governanza ekonomika għaqlija.

(6)

Is-Slovenja bħalissa qiegħda fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u hija soġġetta għar-regola tad-dejn transizzjonali. Fil-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu għall-2017, il-Gvern jistenna li d-defiċit nominali jitjieb għal 0,8 % tal-PDG fl-2017, u mbagħad jilħaq bilanċ pożittiv ta’ 0,4 % tal-PDG fl-2020. L-objettiv baġitarju ta’ terminu medju – baġit ibbilanċjat f’termini strutturali, li ma jirrispettax ir-rekwiżiti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir – huwa ppjanat li jintlaħaq sal-2020. Madankollu, abbażi tal-bilanċ strutturali rikalkulat (5), l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju ma jintlaħaqx sal-orizzont tal-programm. Skont il-Programm ta’ Stabbiltà għall-2017, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern ġenerali mal-PDG huwa mistenni li jonqos għal 77,0 % tal-PDG fl-2017 u jkompli jonqos għal 67,5 % tal-PDG fl-2020. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-previżjonijiet baġitarji huwa plawżibbli. Fl-istess ħin, il-miżuri meħtieġa biex isostnu l-miri ippjanati tad-defiċit mill-2017 ’il quddiem għadhom ma ġewx speċifikati biżżejjed.

(7)

Il-Programm ta’ Stabbiltà għall-2017 jindika li l-impatt fuq il-baġit tal-influss eċċezzjonali ta’ refuġjati huwa sinifikanti fl-2016 u l-2017 u jipprovdi evidenza adegwata tal-ambitu u n-natura ta’ dawn il-kostijiet baġitarji addizzjonali. Skont il-Kummissjoni, l-infiq addizzjonali eliġibbli għall-influss eċċezzjonali ta’ refuġjati fl-2016 ammonta għal 0,07 % tal-PDG. Dan l-ammont baqa’ l-istess meta mqabbel mal-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju għall-2017 li kkonferma l-previżjonijiet tal-Programm ta’ Stabbiltà għall-2016. Għall-2017, il-Programm ta’ Stabbiltà inkluda talba għal 0,07 % tal-PDG, li minnhom il-Kummissjoni ser tikkunsidra l-impatt inkrimentali li jammonta għal 0,01 % tal-PDG. Id-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 5(1) u 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 ikopru dan l-infiq addizzjonali, fis-sens li l-influss tar-refuġjati u l-miżuri marbuta mas-sigurtà huma relatati ma’ avvenimenti insoliti, l-impatt tagħhom fuq il-finanzi pubbliċi tas-Slovenja huwa sinifikanti u s-sostenibbiltà ma tiġix kompromessa billi jingħata lok għal devjazzjoni temporanja mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju. Għalhekk, l-aġġustament meħtieġ lejn l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju għall-2016 tnaqqas biex jitqiesu li dawk l-ispejjeż baġitarji addizzjonali. Rigward l-2017, fir-rebbiegħa tal-2018 ser issir valutazzjoni finali, inkluż tal-ammonti eliġibbli, abbażi tad-data osservata kif previst mill-awtoritajiet Sloveni.

(8)

Fit-12 ta’ Lulju 2016, il-Kunsill irrakkomanda li s-Slovenja tikseb aġġustament fiskali annwali ta’ mill-inqas 0,6 % tal-PDG lejn l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju fl-2017. Abbażi tal-previżjoni tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2017, fl-2017 hemm riskju ta’ xi devjazzjoni minn dak ir-rekwiżit.

(9)

Fl-2018, fid-dawl tas-sitwazzjoni fiskali tagħha u b’mod partikolari tal-livell tad-dejn tagħha, is-Slovenja hija mistennija li tkompli taġġusta lejn objettiv baġitarju ta’ terminu medju xieraq. Skont il-matriċi ta’ aġġustament maqbula b’mod komuni skont il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, dak l-aġġustament jissarraf f’rekwiżit ta’ rata ta’ tkabbir nominali tal-infiq primarju tal-gvern nett (6) li ma teċċedix 0,6 %. Dan jikkorrispondi għal aġġustament strutturali ta’ 1 % tal-PDG. Jekk il-politiki ma jinbidlux, fl-2018 hemm riskju ta’ devjazzjoni sinifikanti minn dak ir-rekwiżit. Is-Slovenja hija prevista li tkun konformi mar-regola tad-dejn fl-2017 u l-2018. Kollox ma’ kollox, il-Kunsill huwa tal-fehma li jeħtieġ li s-Slovenja tkun lesta li tieħu aktar miżuri fl-2017 u li se jkunu meħtieġa miżuri ulterjuri fl-2018 biex ikun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Madankollu, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1466/97, jenħtieġ li l-valutazzjoni tal-pjanijiet u l-eżiti tal-baġit tieħu kont tal-bilanċ baġitarju tal-Istat Membru fid-dawl tal-kundizzjonijiet ċikliċi. Kif tfakkar fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar is-Semestru Ewropew 2017 li takkumpanja dawn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, il-valutazzjoni tal-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju għall-2018 u l-valutazzjoni sussegwenti tal-eżiti baġitarji għall-2018 ser ikollhom bżonn iqisu kif dovut l-għan li tintlaħaq pożizzjoni fiskali li tikkontribwixxi kemm għat-tisħiħ tal-irkupru li għaddej bħalissa kif ukoll għall-iżgurar tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi Sloveni. F’dan il-kuntest, il-Kunsill jinnota li l-Kummissjoni biħsiebha twettaq valutazzjoni globali f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1466/97, b’mod partikolari fid-dawl tas-sitwazzjoni ċiklika tas-Slovenja. Barra minn hekk, hemm inċertezza sinifikanti rigward il-pożizzjoni ċiklika fil-każ speċifiku tas-Slovenja minħabba r-reċessjoni ekonomika partikolarment kbira li seħħet bejn l-2008 u l-2013 u r-riformi kbar strutturali u tas-settur finanzjarju li qegħdin jiġu implimentati.

(10)

L-Att dwar ir-Regoli Fiskali adottat f’Lulju 2015 introduċa qafas baġitarju ta’ terminu medju għall-gvern ġenerali. Sabiex dan jibda jaħdem, hemm bżonn li jsiru ċerti emendi fl-Att dwar il-Finanzi Pubbliċi. Għall-bidu, il-Gvern impenja ruħu li l-Att dwar il-Finanzi Pubbliċi rivedut jiġi adottat fi żmien sitt xhur mill-adozzjoni tal-Att dwar ir-Regoli Fiskali. Madankollu, din id-data ta’ skadenza ġiet posposta kemm-il darba u l-att rivedut għadu ma ġiex ippreżentat lill-Parlament għad-deliberazzjoni. L-Att dwar il-Finanzi Pubbliċi jikkostitwixxi wieħed mill-mezzi legali li jittrasponu d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE (7) fil-liġi nazzjonali, li l-Istati Membri kienu obbligati jtemmu sa tmiem l-2013. Il-membri tal-Kunsill Fiskali nħatru fil-21 ta’ Marzu 2017.

(11)

Id-dejn pubbliku għoli ta’ 79,7 % tal-PDG fl-2016 jirrappreżenta sors ta’ vulnerabbiltà għall-finanzi pubbliċi fis-Slovenja. Il-popolazzjoni tal-pajjiż qed tixjieħ b’rata aktar mgħaġġla minn dik tal-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Is-Slovenja tiffaċċa riskji għolja rigward is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi u l-indikatur tad-distakk tas-sostenibbiltà fit-tul huwa l-ogħla fost l-Istati Membri kollha, u jirriżulta miż-żieda prevista fl-infiq pubbliku relatat mal-pensjonijiet, il-kura tas-saħħa u l-infiq marbut mal-kura fit-tul.

(12)

Il-Gvern ippreżenta proposti biex jirriforma s-sistema tal-kura tas-saħħa. L-abbozz tal-Att dwar il-Kura tas-Saħħa u l-Assigurazzjoni tas-Saħħa, li huwa l-parti ċentrali tar-riforma, tqiegħed għall-konsultazzjoni pubblika fi Frar 2017 u huwa skedat li jintbagħat lill-Assemblea Nazzjonali sas-sajf tal-2017. Ir-rispett tat-twaqqit ippjanat huwa importanti, u jenħtieġ li jippermetti li l-att isir liġi fl-2017 stess. F’Diċembru 2016, ġew ippreżentati l-proposti biex jiġi emendat l-Att dwar is-Servizzi tas-Saħħa u l-Att dwar id-Drittijiet tal-Pazjenti, u ġie adottat l-Att dwar l-Ispiżeriji l-ġdid. L-isfidi li fadal jikkonċernaw il-governanza u l-prestazzjoni tal-isptarijiet, il-kura tas-saħħa primarja biex tikkontrolla d-dħul ta’ pazjenti fl-isptarijiet, sistemi ta’ pagament fl-isptarijiet, valutazzjonijiet tat-teknoloġija tas-saħħa, u sistemi tal-informazzjoni. Barra minn hekk, il-benefiċċji ta’ sistema ċentralizzata ta’ akkwist pubbliku tal-mediċini u s-servizzi mediċi għadhom fil-biċċa l-kbira tagħhom ma ġewx sfruttati, filwaqt li sistema ġdida tal-akkwist pubbliku tal-mediċini qed titħejja li tista’ tgħin biex l-akkwist pubbliku jsir iktar trasparenti u kosteffikaċi. L-avvanz fir-riforma tal-kura fit-tul hija wkoll sfida sinifikanti. Sa issa, ma hemmx sistema integrata tal-kura fit-tul fis-Slovenja. Qiegħed jitħejja proġett pilota biex jiddetermina l-ħtiġijiet tal-kura fit-tul.

(13)

Il-White Paper dwar il-pensjonijiet ġiet adottata mill-Gvern f’April 2016 u fetħet konsultazzjoni pubblika dwar il-futur tas-sistema tal-pensjonijiet. Madankollu, għad hemm nuqqas ta’ proposti leġislattivi konkreti. L-isfidi għall-ġejjieni huma li jiġu żgurati s-sostenibbiltà u l-adegwatezza fit-tul tas-sistema tal-pensjonijiet billi tiġi aġġustata l-età statutorja tal-pensjoni maż-żidiet fl-istennija tal-għomor u jiġi promoss l-irtirar iktar tard, li tingħata spinta lill-kopertura tal-iskemi supplimentari ta’ pensjoni, li jiġu indirizzati perkorsi tal-karrieri li qed ivarjaw u li jitnaqqsu r-riskji ta’ faqar fix-xjuħija.

(14)

Ix-xejriet soċjali u tas-suq tax-xogħol komplew jitjiebu. Il-ħolqien tal-impjiegi żdied u l-qgħad qed jonqos. Ir-rata tan-nies f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali naqset iżda għadha ogħla mill-medja tal-Unjoni għal persuni anzjani. Is-suq tax-xogħol li qed jitjieb joffri opportunità għal impjieg għal impjegati iktar avvanzati fl-età, iżda r-rati ta’ parteċipazzjoni tagħhom għadhom baxxi. F’dawn l-aħħar snin, qed issir iktar komuni li nies li jirtiraw ikunu għamlu dan mis-sistema ta’ assigurazzjoni tal-qgħad. Il-qgħad fit-tul għadu ogħla mil-livelli ta’ qabel il-kriżi, u jirrappreżenta aktar minn nofs dawk qiegħda. Iktar minn 40 % ta’ dawk kollha li ilhom qiegħda fit-tul għandhom iktar minn 50 sena u kważi nofshom ilhom qiegħda għal sentejn jew iktar. Tħejjiet u ġiet diskussa mal-imsieħba soċjali analiżi u magħha pjan ta’ azzjoni bl-għan li tiżdied ir-rata ta’ impjieg ta’ ħaddiema avvanzati fl-età. L-implimentazzjoni f’waqtha tal-pjan ta’ azzjoni tista’ tgħin biex ittejjeb l-attivazzjoni ta’ ħaddiema avvanzati fl-età. Ir-rata ta’ impjieg ta’ ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet għadha baxxa u ferm taħt il-livell ta’ qabel il-kriżi u l-medja tal-Unjoni. Il-pjan ta’ implimentazzjoni tal-politika attiva tas-suq tax-xogħol adottat f’Jannar 2016 ikompli bl-approċċ attwali tiegħu, filwaqt li l-infiq f’dan il-qasam għadu baxx. Ħaddiema avvanzati fl-età u bi ftit kwalifiki għadhom mhumiex irrappreżentati biżżejjed fil-miżuri tal-politika attiva tas-suq tax-xogħol. Is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol għadha sfida minkejja r-riforma fl-2013.

(15)

Il-livell ta’ self improduttiv, filwaqt li għadu għoli, qabad sew it-triq tan-niżla. Il-Bank tas-Slovenja implimenta għadd ta’ miżuri li qegħdin jagħtu lill-banek inċentivi biex inaqqsu s-self improduttiv taħghom b’mod sostenibbli. Il-pressjonijiet tat-tnaqqis tad-dejn bdew ibattu iżda l-flussi tal-kreditu lill-impriżi għadhom qed jinxtorbu. Il-progress fit-tnaqqis tad-dejn kien inkonsistenti bejn impriżi individwali. Il-konsolidament u r-ristrutturar tas-settur bankarju qegħdin jagħmlu progress bil-fużjoni ta’ tliet banek fl-2016. Is-Slovenja impenjat ruħha li tbiegħ mill-inqas 50 % tal-parteċipazzjoni azzjonarja tagħha fl-akbar bank tal-istat sal-31 ta’ Diċembru 2017 u 25 % oħra mill-ishma nieqes sehem wieħed sal-31 ta’ Diċembru 2018. Ir-reviżjonijiet tal-qafas leġislattiv komplew isaħħu l-kapaċità ta’ ristrutturar korporattiv tal-Kumpanija Maniġerjali tal-Assi Bankarji. Is-self improduttiv għadu għoli fost l-SMEs. Biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni, ġie mħejji approċċ sistematiku biex l-SMEs joħorġu minn self improduttiv bl-għajnuna tal-Bank Dinji. Barra minn hekk, il-Gvern adotta abbozz ta’ liġi biex iwaqqaf reġistru ċentrali tal-kreditu biex jippermetti li ssir ġestjoni iktar effiċjenti tar-riskji u li jitnaqqas ir-riskju ta’ dejn.

(16)

L-aċċess għal sorsi alternattivi ta’ finanzjament għal negozju b’sodezza kreditizja huwa limitat għall-aħħar. Il-Fond Sloven għall-Intrapriżi u s-Slovenska izvozna in razvojna banka (il-bank SID) introduċew prinċipalment strumenti ta’ dejn ġodda għall-SMEs inkluż miżuri bħal mikrokrediti. Fl-2016, il-Fond tal-Intrapriżi Sloven implimenta skema waħda ta’ kapital inizjali, li minnha bbenefikaw inqas minn 50 SME. L-istrumenti ta’ finanzjament alternattivi oħra, inkluż il-kapital ta’ riskju u l-ekwità bl-użu tal-Fondi SIE, jistgħu jkunu sors ewlieni ta’ finanzjament addizzjonali iżda s’issa għadhom ma ġew sfruttati kważi xejn.

(17)

L-implimentazzjoni tal-istrateġija għall-iżvilupp tal-amministrazzjoni pubblika għall-2015-2020 għaddejja bħalissa, u diġà sar xi progress. Madankollu, xi miżuri speċifiċi, bħall-adozzjoni tal-Att dwar is-Servizz Ċivili, ġew imdewma ulterjorment. Il-programm tal-Gvern biex il-piż amministrattiv jitnaqqas huwa stmat li wassal għal iffrankar ta’ EUR 365 miljun bejn l-2009 u l-2015 u nkisbu kważi 60 % ta’ 318-il miżura biex jitnaqqas il-piż amministrattiv. Madankollu, l-investiment privat għadu qed jiġi mfixkel minn proċeduri amministrattivi kumplessi u fit-tul, speċjalment fil-kostruzzjoni u l-ġestjoni tat-territorju. Filwaqt li l-effiċjenza u l-kwalità tas-sistema ġudizzjarja komplew jitjiebu, fil-kawżi kummerċjali xorta għadu jgħaddi ħafna żmien biex jiġu skedati l-ewwel seduti, u l-pretensjonijiet ma jistgħux jiġu ppreżentati b’mezzi elettroniċi. Minkejja li ġew adottati riformi ewlenin kontra l-korruzzjoni bħalma huwa l-programm ta’ tolleranza żero għall-korruzzjoni, il-perċezzjoni ta’ korruzzjoni għadha negattiva u jidher li qed taffettwa d-deċiżjonijiet kummerċjali. Wara l-progress inizjali li sar fil-modernizzazzjoni tar-regolamentazzjoni tal-professjonijiet, ir-riformi naqqsu r-ritmu. It-tneħħija tal-ostakli restrittivi b’rabta mar-regolamentazzjoni tal-professjonijiet tista’ tappoġġa l-kompetizzjoni fis-swieq ta’ dawk il-professjonijiet.

(18)

L-involviment statali fl-ekonomija għadu għoli minkejja l-programm ta’ privatizzazzjoni li nbeda fl-2013. L-Istat huwa l-ikbar impjegatur, l-ikbar maniġer tal-assi u l-ikbar detentur tad-dejn korporattiv fis-Slovenja. Ikkombinat ma’ governanza korporattiva dgħajfa, is-sjieda statali qawwija kellha implikazzjonijiet fiskali u ekonomiċi konsiderevoli. Dawn huma stmati għal EUR 13-il biljun, jew madwar terz tal-PDG fl-2014-2007, primarjament minħabba l-miżuri ta’ stabilizzazzjoni tas-settur finanzjarju u profitti mitlufa ta’ intrapriżi tal-istat meta mqabblin mal-ekwivalenti privati tagħhom. Il-prestazzjoni tal-intrapriżi tal-istat bdiet titjieb, mirfuda minn sistema ta’ governanza korporattiva ġdida, iżda xorta fadal riskji. Sa tmiem l-2015, ir-riżultati wrew profittabilità mtejba tal-intrapriżi taħt il-ġestjoni ta’ Slovenian Sovereign Holdin, minkejja li ma laħqux il-mira intermedja stabbilita fl-istrateġija ta’ ġestjoni. F’Jannar 2017, il-Gvern approva pjan tal-immaniġġar tal-assi għall-2017, li jikkwantifika l-indikaturi tal-prestazzjoni għal kull intrapriża tal-istat separata u li jaġġorna l-lista tal-assi għad-divestiment. Fl-istess waqt, rieżami tal-istrateġija tal-immaniġġar tal-assi, li ġiet approvata għall-ewwel darba mill-Parlament fl-2015, għadha pendenti minħabba li l-Gvern iddiferixxa d-deċiżjoni tiegħu għat-tieni nofs tal-2017. Minkejja li nħatar president ġdid tal-bord maniġerjali fi tmiem Frar 2017, il-bord superviżorju sħiħ għadu ma ġiex stabbilit.

(19)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2017, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tas-Slovenja u ppubblikatha fir-rapport għal kull pajjiż tal-2017. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà għall-2017, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma għall-2017 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lis-Slovenja fis-snin preċedenti. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fis-Slovenja iżda qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

(20)

Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà għall-2017 u l-opinjoni tiegħu (8) hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) ta’ hawn taħt.

(21)

Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma għall-2017 u l-Programm ta’ Stabbiltà għall-2017. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) u (3) hawn taħt,

B’DAN JIRRAKKOMANDA li s-Slovenja tieħu azzjoni fl-2017 u l-2018 biex:

1.

Fl-2018 tagħmel sforz fiskali sostanzjali f’konformità mar-rekwiżiti tal-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, filwaqt li tqis il-ħtieġa li jissaħħaħ l-irkupru li għaddej bħalissa u li tiżgura s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi tas-Slovenja. Tadotta u timplimenta r-riforma proposta tas-sistema tal-kura tas-saħħa u tadotta r-riforma ppjanata tal-kura fit-tul, iżżid il-kosteffettività, l-aċċessibilità, u l-kura ta’ kwalità. Tisfrutta b’mod sħiħ il-potenzjal tal-akkwist pubbliku ċentralizzat fis-settur tas-saħħa. Tadotta l-miżuri meħtieġa biex tiżgura s-sostenibbiltà u l-adegwatezza fit-tul tas-sistema tal-pensjonijiet.

2.

Tintensifika l-isforzi biex iżżid l-impjegabbiltà ta’ ħaddiema blivelli baxxi ta’ ħiliet u dawk iktar avvanzati fl-età, partikolarment permezz tat-tagħlim tul il-ħajja u miżuri ta’ attivazzjoni speċifiċi għalihom.

3.

Ittejjeb il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament, inkluż billi tiġi ffaċilitata r-riżoluzzjoni ta’ self improduttiv u aċċess għal sorsi alternattivi ta’ finanzjament. Tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tal-istrateġija tal-kumpanija maniġerjali tal-assi tal-bank. Tnaqqas il-piż amministrattiv fuq in-negozju li joriġina mir-regoli dwar il-ġestjoni tat-territorju u l-permessi għall-kostruzzjoni u tiżgura l-governanza tajba tal-intrapriżi tal-istat.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Lulju 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

T. TÕNISTE


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

(3)  ĠU C 92, 24.3.2017, p. 1.

(4)  Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(5)  Il-bilanċ aġġustat ċiklikament nett minn miżuri ta’ darba u temporanji, rikalkulat mill-Kummissjoni permezz tal-metodoloġija maqbula b’mod komuni.

(6)  L-infiq nett tal-gvern hija magħmul mill-infiq totali tal-gvern bl-esklużjoni tal-infiq fuq l-imgħax, l-infiq fuq programmi tal-Unjoni korrisposti b’mod sħiħ mid-dħul mill-fondi tal-Unjoni u tibdil nondiskrezzjonarju fl-infiq fuq il-benefiċċji tal-qgħad. Il-formazzjoni grossa tal-kapital fiss iffinanzjat nazzjonalment huwa raddrizzat fuq perijodu ta’ 4 snin. Il-miżuri ta’ dħul diskrezzjonali jew iż-żidiet tad-dħul b’mandat tal-liġi huma fatturati. Il-miżuri ta’ darba fuq in-naħa kemm tad-dħul kif ukoll tal-infiq huma esklużi.

(7)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta’ Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 41).

(8)  Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.