9.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 261/79


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Lulju 2017

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2017 tan-Netherlands u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017 tan-Netherlands

(2017/C 261/18)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (1), u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika

Billi:

(1)

Fis-16 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew tal-2017 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir kienu approvati mill-Kunsill Ewropew fid-9 u fl-10 ta’ Marzu 2017. Fis-16 ta’ Novembru 2016, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih hija identifikat lin-Netherlands bħala wieħed mill-Istati Membri li fir-rigward tiegħu kellha ssir analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, li ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew fid-9 u l-10 ta’ Marzu 2017. Fil-21 ta’ Marzu 2017, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (“Rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro”) (3).

(2)

Bħala Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro, u fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja, in-Netherlands għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha tar-Rakkomandazzjonijiet għaż-żona tal-euro kif riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) u (2) hawn taħt.

(3)

Ir-rapport tal-pajjiżi tal-2017 dwar in-Netherlands ġie ppubblikat fit-22 ta’ Frar 2017. Dan ivvaluta l-progress li għamlu n-Netherlands biex jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fit-12 ta’ Lulju 2016, is-segwitu li kien hemm għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fis-snin preċedenti u l-progress tan-Netherlands rigward il-miri nazzjonali tagħhom ta’ Europa 2020. Kien jinkludi wkoll analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, li r-riżultati tagħha ġew ukoll ippublikati fit-22 ta’ Frar 2017. L-analiżi tal-Kummissjoni wasslitha biex tikkonkludi li n-Netherlands qed jesperjenzaw żbilanċi makroekonomiċi. Minn fost l-Istati Membri taż-żona tal-euro, in-Netherlands għandhom l-akbar surplus fil-kont kurrenti fuq medja ta’ tliet snin, f’termini ta’ PDG. Is-surplus jissuġġerixxi allokazzjoni mhux ottimali tar-riżorsi, u tista’ tittieħed l-opportunità biex it-tkabbir u l-ġid jiżdiedu. L-introjtu disponibbli tal-unitajiet domestiċi huwa mxekkel minn porzjon ta’ pagament obbligatorju għoli. Id-dejn privat huwa għoli, speċifikament l-ammont tad-dejn ipotekarju tal-unitajiet domestiċi. Il-karti bilanċjali twal tal-unitajiet domestiċi jżidu l-vulnerabbiltà quddiem ħasdiet finanzjarji. Il-ħtieġa ta’ azzjoni sabiex jonqos ir-riskju tal-effetti negattivi fuq l-ekonomija Netherlandiża, u minħabba d-daqs u r-relevanza transfruntiera, azzjoni fuq l-unjoni ekonomika u monetarja hija partikolarment importanti.

(4)

Fis-26 ta’ April 2017, in-Netherlands ippreżentaw il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2017 tagħhom u l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017 tagħhom. Biex jittieħed kont tal-interkonnessjonijiet tagħhom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.

(5)

Ir-rakkomandazzjonijiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiż ġew indirizzati fil-programmazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (Fondi SIE) għall-perijodu 2014–2020. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), fejn ikun meħtieġ appoġġ għall-implimentazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista’ titlob lil Stat Membru li jirrieżamina u jipproponi emendi għall-Ftehim ta’ Sħubija u għall-programmi rilevanti tiegħu. Il-Kummissjoni pprovdiet aktar dettalji dwar kif tista’ tagħmel użu minn dik id-dispożizzjoni fil-linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effikaċja tal-Fondi SIE ma’ governanza ekonomika tajba.

(6)

In-Netherlands bħalissa jinsabu fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, u huma suġġetti għar-regola tad-dejn. Il-Gvern, fil-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu tal-2017 qed jippjana żieda fil-bilanċ pożittiv tal-gvern ġenerali, minn 0,5 % tal-PDG fl-2017 għal 1,3 % tal-PDG fl-2020. L-objettiv baġitarju fuq terminu medju — defiċit strutturali ta’ 0,5 % tal-PDG — se jibqa’ jiġi ssodisfat b’marġni matul il-perijodu tal-programm. Skont il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017, il-proporzjoni bejn id-dejn tal-gvern u l-PDG huwa mistenni li jaqa’ għal 58,5 % fl-2017, taħt il-valur referenzjarju ta’ 60 % tal-PDG skont it-Trattat. Il-Gvern qed jippjana aktar tnaqqis fil-proporzjon tad-dejn tal-gvern, ta’ 49,3 % tal-PDG fl-2020. Ix-xenarju makroekonomiku li fuqu huma bbażati dawn il-previżjonijiet baġitarji huwa plawżibbli. Fuq il-bażi tal-previżjoni tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni tal-2017, il-bilanċ strutturali huwa proġettat li jiżdied minn surplus ta’ 0,2 % tal-PDG fl-2017 għal 0,4 % tal-PDG fl-2018, ogħla mill-objettiv baġitarju fuq terminu ta’ żmien medju. Id-dejn tal-amministrazzjoni pubblika huwa mbassar li se jżomm ix-xejra qawwija ’l isfel lil hinn mir-rekwiżiti tar-regola tad-dejn. Kollox ma’ kollox il-Kunsill huwa tal-opinjoni li n-Netherlands huwa previst li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir fl-2017 u fl-2018. Fl-istess waqt, filwaqt li jiġi rrispettat l-objettiv tat-terminu medju, għad hemm ambitu sabiex jiġu appoġġati t-tkabbir potenzjali u d-domanda domestika bl-użu tal-politiki fiskali u strutturali, inkluż l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp, u billi jinħolqu kundizzjonijiet għal żieda reali akbar fil-pagi, anke fil-kuntest tal-iżbilanċi esterni persistenti.

(7)

It-tkabbir reċenti fl-impjiegi jista’ jiġi attribwit fil-biċċa l-kbira tiegħu għal żieda fl-għadd ta’ persuni impjegati b’kuntratti temporanji u l-persuni li jaħdmu għal rashom. Il-perċentwal għoli u li qed jiżdied ta’ kuntratti temporanji kif ukoll iż-żieda rapida ta’ persuni li jaħdmu għal rashom mingħajr impjegati magħhom jistgħu jiġu spjegati fil-kuntest tad-differenzi kbar fir-regolamenti li japplikaw għax-xogħol, fil-protezzjoni tal-ħaddiema, kif ukoll tad-differenzi bejn il-leġislazzjoni tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali. Għalkemm ittieħdu xi miżuri, xi wħud minn dawn il-fatturi għadhom jagħtu inċentiv finanzjarju lill-impjegati biex jibdew jaħdmu għal rashom jew jiffavorixxu biex dawn jiġu ingaġġati b’kuntratt temporanju. Dan jista’ jkollu b’mod partikolari effetti distorsivi fil-marġini tas-suq tax-xogħol u seta’ kkontribwixxa għall-moderazzjoni osservata fit-tkabbir aggregat reali tal-pagi. Il-persuni li jaħdmu għal rashom bosta drabi ma jkunux assigurati biżżejjed kontra d-diżabilità, il-qgħad u x-xjuħija. Dan jista’ jaffettwa s-sostenibbiltà tas-sistema tas-sigurtà soċjali fuq medda twila ta’ żmien. L-infurzar ta’ miżuri li jindirizzaw l-impjiegi indipendenti fittizji ġie sospiż sal-2018. Is-sitwazzjoni tax-xogħol ta’ persuni li ġejjin minn kuntest ta’ migrazzjoni għadha sfida importanti. Ir-rata ta’ impjieg tal-migranti mhux imwielda fl-UE hija ta’ 20 punt perċentwali inqas minn dik għal persuni li twieldu fin-Netherlands, u parti żgħira biss jista’ jkollha bħala spjegazzjoni d-differenza fl-età u fil-kisbiet edukattivi.

(8)

Iż-żieda f’dawn l-aħħar snin fir-rata tat-tfaddil tal-unitajiet domestiċi seħħet parzjalment għax żdied l-iffrankar fit-tieni pilastru tas-sistema tal-pensjonijiet (l-iskemi privati supplimentari obbligatorji), li kkontribwixxa għalih l-ambjent regolatorju. It-tqassim intraġenerazzjonali u interġenerazzjonali adegwat tal-kostijiet u tar-riskji lil hinn mir-regoli adottati dwar l-indiċjar u l-ilqugħ finanzjarju (il-qafas ta’ valutazzjoni finanzjarja) jgħin lill-unitajiet domestiċi biex jallokaw il-mezzi finanzjarji tagħhom b’modi li jgħinu aktar it-tkabbir. Il-Gvern ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jirriforma b’mod sostanzjali t-tieni pilastru tal-pensjonijiet biex itejjeb il-kopertura u joħloq ambjent aktar trasparenti, aktar flessibbli u sistema statistikament aktar ġusta.

(9)

Riġiditajiet u inċentivi li joħolqu distorsjonijiet li akkumulaw matul id-deċennji taw forma lix-xejriet tal-iffinanzjar tad-djar u tat-tfaddil settorjali. It-tendenza tal-unitajiet domestiċi li l-patrimonju immobiljari jingħata bħala garanzija għad-dejn ipotekarju gross tirrifletti fil-biċċa l-kbira l-inċentivi fiskali li ilhom stabbiliti, b’mod partikolari t-tnaqqis kollu tat-taxxa fuq l-imgħax ipotekarju. Sa mill-2012, minkejja t-tisħiħ tal-irkupru ekonomiku, ma ttieħdet l-ebda miżura biex dan jiġi indirizzat.

(10)

L-investiment naqas b’mod sostanzjali matul il-kriżi, u rkupra biss parzjalment minn dak iż-żmien ’l hawn. Id-dgħufija fl-investiment fl-ekonomija kollha tidher li għandha natura ċiklika b’saħħitha, u kienet xprunata minn tnaqqis fis-suq tad-djar kif ukoll minn għażliet ta’ konsolidazzjoni fiskali. Filwaqt li l-ostakli għall-investiment jidhru li huma minuri, il-proċeduri biex jinkisbu permessi għall-bini huma relattivament twal. Il-livell baxx ta’ investiment fl-enerġija rinnovabbli jidher li huwa marbut mad-dinamiċi tas-suq tal-imgħoddi, mal-inċertezza fis-suq u ma’ fatturi regolatorji. In-nefqa pubblika u privata fir-R&Ż hija baxxa meta jittieħdu inkonsiderazzoni l-livell edukattiv, il-kisbiet akkademiċi u l-livell ta’ żvilupp ekonomiku, apparagun tal-Istati Membri bl-aqwa prestazzjonijiet. In-nefqa tal-gvern f’dan il-qasam staġnat sa mill-2014 ’l hawn, filwaqt li l-infiq privat fir-R&Ż għadu baxx. Ma sar l-ebda progress dwar ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2016 relatata.

(11)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2017, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tan-Netherlands u ppubblikatha fir-rapport tal-pajjiżi tal-2017. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017, il-Programm ta’ Riforma Nazzjonali tal-2017 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lin-Netherlands fi snin preċedenti. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fin-Netherlands imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

(12)

Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017 u huwa tal-opinjoni (5) li n-Netherlands huma mistennijin jikkonformaw mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

(13)

Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma u l-Programm ta’ Stabbiltà. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi hawn taħt fir-rakkomandazzjonijiet (1) u (2) għan-Netherlands,

B’DAN JIRRAKKOMANDA li n-Netherlands jieħdu azzjoni fl-2017 u l-2018 biex:

1.

Filwaqt li jirrispettaw l-objettiv ta’ terminu medju, jużaw politiki fiskali u strutturali li jappoġġaw it-tkabbir potenzjali u d-domanda domestika, inkluż l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp. Jieħdu miżuri sabiex inaqqsu d-distorsjonijiet li jifdal fis-suq tad-djar u l-inklinazzjoni favur id-dejn tal-unitajiet domestiċi, b’mod partikolari billi jitrażżan it-tnaqqis tat-taxxa fuq l-imgħax ipotekarju.

2.

Jindirizzaw l-ostakli li fadal għall-ingaġġ ta’ ħaddiema b’kuntratti permanenti. Jindirizzaw iż-żieda kbira fil-persuni li jaħdmu għal rashom mingħajr impjegati magħhom, inkluż billi jnaqqsu d-distorsjonijiet tat-taxxa li jiffavorixxu l-impjiegi indipendenti, mingħajr ma jagħmlu ħsara lill-intraprenditorija u billi jippromwovu l-aċċess għall-protezzjoni soċjali affordabbli lill-persuni li jaħdmu għal rashom. Abbażi tal-proċess preparatorju wiesa’ li diġà tnieda, jagħmlu t-tieni pilastru tas-sistema tal-pensjonijiet aktar trasparenti, aktar ġusta mill-aspett interġenerazjonali u aktar reżiljenti għall-iskossi. Joħolqu kondizzjonijiet sabiex jippromwovu aktar iż-żieda reali tal-pagi filwaqt li jiġi rrispettat ir-rwol tas-sħab soċjali.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Lulju 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

T. TÕNISTE


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

(3)  ĠU C 92, 24.3.2017, p. 1.

(4)  Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(5)  Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.