9.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 261/71


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Lulju 2017

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Ungerija għall-2017 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-Ungerija għall-2017

(2017/C 261/16)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (1), u partikolarment l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Fis-16 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2017. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fid-9-10 ta’ Marzu 2017. Fis-16 ta’ Novembru 2016, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih l-Ungerija ma ġietx identifikata bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond.

(2)

Ir-rapport speċifiku għall-pajjiż tal-2017 għall-Ungerija ġie ppubblikat fit-22 ta’ Frar 2017. Huwa vvaluta l-progress li għamlet l-Ungerija fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fit-12 ta’ Lulju 2016, is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fis-snin preċedenti u l-progress li għamlet l-Ungerija biex tilħaq il-miri nazzjonali tagħha ta’ Ewropa 2020.

(3)

Fit-2 ta’ Mejju 2017, l-Ungerija ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tal-2017 u l-Programm ta’ Konverġenza tagħha għall-2017. Bil-għan li jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.

(4)

Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti ġew indirizzati fil-programmazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (Fondi SIE) għall-perijodu 2014-2020. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), fejn ikun neċessarju li jingħata appoġġ lill-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista’ titlob lil Stat Membru li jirrieżamina u jipproponi emendi għall-Ftehim ta’ Sħubija u għall-programmi rilevanti tiegħu. Il-Kummissjoni pprovdiet iktar dettalji dwar kif tista’ tagħmel użu minn dik id-dispożizzjoni fil-linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi SIE ma’ governanza ekonomika għaqlija.

(5)

Bħalissa l-Ungerija qiegħda fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u hija soġġetta għar-regola tad-dejn. Fil-Programm ta’ Konverġenza tiegħu għall-2017, il-Gvern qed jippjana deterjorament fid-defiċit nominali minn 1,8 % fl-2016 għal 2,4 % sew fl-2017 kif ukoll fl-2018 u titjib gradwali minn hemm ’il quddiem biex jilħaq 1,2 % tal-PDG sal-2021. L-objettiv baġitarju ta’ terminu medju — defiċit strutturali ta’ 1,7 % tal-PDG sal-2016 u rivedut għal 1,5 % tal-PDG fl-2017 — huwa ppjanat li jintlaħaq sal-2020. Madankollu, abbażi tal-bilanċ strutturali rikalkulat (4), l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju mhux ser jintlaħaq matul il-perijodu tal-programm. Skont il-Programm ta’ Konverġenza, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern ġenerali mal-PDG huwa mistenni li jonqos gradwalment għal qrib il-61 % sa tmiem l-2021. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawk il-projezzjonijiet baġitarji huwa favorevoli, u dan joħloq riskji għall-implimentazzjoni tal-miri tad-defiċit.

(6)

Il-programm ta’ Konverġenza għall-2017 jindika li l-impatt baġitarju tal-influss eċċezzjonali ta’ refuġjati kif ukoll tal-miżuri ta’ sigurtà fl-2016 u fl-2017 huwa sinifikanti u jipprovdi evidenza adegwata dwar l-ambitu u n-natura ta’ dawn l-ispejjeż baġitarji addizzjonali. Skont il-Kummissjoni, l-infiq eliġibbli addizzjonali fl-2015 ammonta għal 0,04 % tal-PDG għad-dħul eċċezzjonali ta’ refuġjati u ma hemm l-ebda nfiq eliġibbli addizzjonali fir-rigward tal-flussi tar-refuġjati fl-2016. L-infiq eliġibbli addizzjonali dwar il-miżuri ta’ sigurtà jammonta għal 0,04 % tal-PDG fl-2016. Fl-2017, mhu mistenni li jkun hemm l-ebda żieda fl-infiq minħabba l-influss eċċezzjonali tar-refuġjati, filwaqt li l-impatt baġitarju addizzjonali tal-miżuri marbuta mas-sigurtà bħalissa huwa stmat għal 0,14 % tal-PDG. Id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 5(1) u 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 ikopru dan l-infiq addizzjonali, fis-sens li l-influss tar-refuġjati kif ukoll is-severità tat-theddida terroristika huma avvenimenti mhux tas-soltu, l-impatt tagħhom fuq il-finanzi pubbliċi tal-Ungerija huwa wieħed sinifikanti u s-sostenibbiltà ma tiġix kompromessa billi jippermetti devjazzjoni temporanja mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju. Għalhekk, l-aġġustament meħtieġ lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju għall-2016 tnaqqas biex jitqiesu l-kostijiet addizzjonali relatati mas-sigurtà. Rigward l-2017, valutazzjoni finali, inkluż dwar l-ammonti eliġibbli, ser issir fir-rebbiegħa tal-2018 fuq il-bażi ta’ data osservata kif ipprovduta mill-awtoritajiet tal-Ungerija.

(7)

Fit-12 ta’ Lulju 2016, il-Kunsill irrakkomanda li l-Ungerija tikseb aġġustament fiskali annwali ta’ 0,6 % tal-PDG lejn l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju fl-2017. Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2017 tal-Kummissjoni, hemm riskju ta’ devjazzjoni sinifikanti minn dak ir-rekwiżit fl-2017.

(8)

Fl-2018, fid-dawl tas-sitwazzjoni fiskali tagħha u partikolarment il-livell ta’ dejn tagħha, l-Ungerija hija mistennija li tkompli taġġusta lejn l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju ta’ defiċit strutturali ta’ 1,5 % tal-PDG. Skont matriċi ta’ aġġustament miftehma b’mod komuni skont il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, dak l-aġġustament jissarraf f’rekwiżit ta’ tkabbir nominali ta’ nfiq primarju nett tal-gvern (5) li ma jaqbiżx it-2,8 % fl-2018. Dan ikun jikkorrispondi għal aġġustament strutturali ta’ 1,0 % tal-PDG. Jekk ma jinbidlux il-politiki, hemm riskju ta’ devjazzjoni sinifikanti minn dak ir-rekwiżit fl-2018. Fl-istess ħin, l-Ungerija hi mbassra li tkun konformi mar-regola tad-dejn fl-2017 u l-2018. B’mod ġenerali, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li ser ikun hemm bżonn ta’ miżuri ulterjuri fl-2017 biex tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Madankollu, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1466/97, jenħtieġ li l-valutazzjoni tal-pjanijiet baġitarji u l-eżiti jqisu l-bilanċ baġitarju tal-Istat Membru fid-dawl ta’ kundizzjonijiet ċikliċi. Kif imfakkar fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li takkumpanja dawn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, il-valutazzjoni tal-eżiti tal-baġit għall-2018 ser ikollha tieħu kont dovut tal-objettiv li tinkiseb pożizzjoni fiskali li tikkontribwixxi kemm għat-tisħiħ tal-irkupru attwali kif ukoll l-iżgurar tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi tal-Ungerija. F’dan il-kuntest, il-Kunsill jinnota li l-Kummissjoni biħsiebha twettaq valutazzjoni globali f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1466/97, b’mod partikolari fid-dawl tal-qagħda ċiklika tal-Ungerija.

(9)

Il-kompetittività u l-potenzjal tat-tkabbir tal-Ungerija huwa mxekkel minn livell baxx ta’ investiment privat u produttività baxxa. Il-fatturi li jaffettwaw b’mod negattiv l-ambjent tan-negozju u l-investiment korporattiv huma marbuta b’mod partikolari ma’ dgħufijiet fil-prestazzjoni istituzzjonali u l-governanza. Tibdil frekwenti fl-ambjent regolatorju u fiskali huma wieħed mill-ikbar ostakli għan-negozju fl-Ungerija, b’nuqqas ta’ impenn min-naħa tal-partijiet interessati u tfassil ta’ politika bbażat fuq l-evidenza. L-ostakli regolatorji fis-servizzi għandhom ukoll it-tendenza li jillimitaw id-dinamika tas-suq u jxekklu l-investiment. Ir-regolamenti restrittivi, inkluż fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, jillimitaw il-kompetizzjoni fis-settur tas-servizzi u jitfgħu piż fuq il-klima tan-negozju.

(10)

Il-proporzjon totali tat-taxxa mal-PDG tal-Ungerija għadu ferm ogħla minn dak ta’ pajjiżi oħra fl-istess reġjun u għad hemm sfidi fis-sistema tat-taxxa. Il-Gvern naqqas il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ta’ min iħaddem b’5 punti perċentwali fl-2017, u tnaqqis ulterjuri b’2 punti perċentwali huwa ppjanat li jsir fl-2018. Din il-miżura naqqset b’mod sinifikanti l-porzjon tat-taxxa għal dawk bi dħul baxx, iżda dan għadu għoli. Dan japplika b’mod partikolari għal dawk bi dħul baxx li ma għandhomx tfal, fejn għadu fost l-ogħla fl-Unjoni. Is-sistema tat-taxxa għadha kumplessa. Minkejja xejra ta’ tnaqqis mill-2013 ’il quddiem, it-taxxi speċifiċi għas-setturi — li xi wħud minnhom jibqgħu ferm distorsivi — għad hemm it-tendenza li jikkomplikaw is-sistema tat-taxxa u li jdgħajfu l-fiduċja tal-investituri. Il-kumplessità u l-inċertezza tas-sistema tat-taxxa, assoċjati ma’ spejjeż kbar ta’ konformità u piżijiet amministrattivi, jibqgħu ta’ piż fuq il-fiduċja tal-investituri fl-Ungerija.

(11)

Id-dgħufijiet fil-prestazzjoni istituzzjonali qed ikollhom impatt fuq il-klima tan-negozju u qed inaqqsu l-potenzjal ta’ tkabbir tal-ekonomija. B’mod partikolari, minkejja t-titjib reċenti u l-emenda għall-Att dwar l-Akkwist Pubbliku, ma tantx sar progress fit-tisħiħ tat-trasparenza u l-kompetizzjoni fl-akkwist pubbliku. L-istrateġija attwali dwar l-akkwist elettroniku hi bażi soda biex tiżdied it-trasparenza, iżda l-implimentazzjoni u l-impatt tagħha fuq l-effiċjenza u t-trasparenza jeħtieġ li jiġu mmonitorjati. Ir-riskji ta’ korruzzjoni għadhom għoljin, u dan għandu impatt negattiv fuq il-klima tan-negozju, u hemm lakuni notevoli fil-miżuri meħuda biex jindirizzaw il-kwistjoni. L-Ungerija qiegħda wkoll tesperjenza dewmien fl-implimentazzjoni tal-istrateġija tagħha dwar l-akkwist elettroniku. Dan qed iżomm lura l-introduzzjoni f’waqtha tal-akkwist elettroniku fl-Ungerija u dan hu kruċjali biex tissaħħaħ it-trasparenza u biex tiżdied il-kompetizzjoni.

(12)

Is-sitwazzjoni fis-settur tas-servizzi inkluż il-bejgħ bl-imnut għadha partikolarment diffiċli fl-Ungerija. Matul is-sena li għaddiet, il-Gvern kompla jintervjeni fis-swieq li preċedentement kienu miftuħa għall-kompetizzjoni u adotta rekwiżiti ġodda aktar stretti għas-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri mħaddma minn ċentri tat-trasport indipendenti. Il-Gvern ma ħa l-ebda pass sostanzjali biex jiffaċilita l-ambjent regolatorju fis-settur tas-servizzi, b’mod partikolari rigward il-bejgħ bl-imnut, is-servizzi pubbliċi tal-ġestjoni tal-iskart, il-pubblikazzjoni u d-distribuzzjoni tal-kotba akkademiċi jew is-sistemi ta’ pagament b’mezz mobbli. Fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, m’hemmx linji gwida ċari dwar l-għoti ta’ awtorizzazzjoni biex jinfetħu ħwienet ġodda akbar minn 400 m2. Dan iżid in-nuqqas ta’ trasparenza u prevedibbiltà f’dan is-settur. Il-persistenza ta’ ostakli regolatorji fis-servizzi, inkluż fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, tillimita d-dinamika tas-suq u tostakola l-investiment, filwaqt li tiġġenera wkoll l-inċertezza għall-investituri, partikolarment għall-investituri internazzjonali.

(13)

Bil-għan li jappoġġaw il-kompetittività u l-potenzjal tat-tkabbir fit-terminu medju tal-Ungerija, ir-riformi strutturali biex jiġi promoss l-investiment fil-kapital uman, b’mod partikolari fl-edukazzjoni u fil-kura tas-saħħa, u biex ikompli jitjieb il-funzjonament tas-suq tax-xogħol, ser ikunu kruċjali. It-tisħiħ tal-ġustizzja soċjali ser ikun essenzjali wkoll biex jinkiseb tkabbir aktar inklużiv.

(14)

Il-prestazzjoni fil-provvista tal-ħiliet bażiċi għadha dgħajfa meta mqabbla mal-istandards internazzjonali. L-istħarriġ tal-2015 tal-OECD dwar is-sistemi edukattivi, taħt il-Programm għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti (PISA), wera riżultati li sejrin sinifikattivament għall-agħar u l-impatt tal-ambjent soċjoekonomiku tal-istudenti fuq ir-riżultati tal-edukazzjoni hu fost l-ogħla fl-Unjoni. L-impatt tat-tip tal-iskola fuq ir-riżultati edukattivi huwa sinifikanti ħafna. It-tnaqqis fis-sigħat ta’ tagħlim għas-suġġetti tax-xjenza fil-liċej vokazzjonali tal-grammatika mill-2016 ’il hawn x’aktarx li jamplifika n-nuqqas tal-ħiliet fix-xjenza fl-Ungerija. Is-sehem tal-istudenti li jitilqu kmieni mill-iskola ilu jistaġna għal dawn l-aħħar ħames snin u għadu partikolarment għoli fost il-popolazzjoni Rom. Id-distribuzzjoni tal-istudenti żvantaġġati bejn l-iskejjel hija żbilanċjata, u t-tfal Rom qed jattendu dejjem iżjed skejjel u klassijiet li huma fil-maġġoranza Rom. Hemm miżuri fis-seħħ biex jappoġġaw it-taħriġ tal-għalliema, l-edukazzjoni bikrija u s-suċċess fl-iskola u biex jikkumbattu t-tluq kmieni mill-iskejjel fost ir-Rom. Għalkemm ittieħdu passi biex jindirizzaw is-segregazzjoni, dawn mhumiex komprensivi u sistematiċi biżżejjed biex l-isfida tiġi indirizzata. Id-domanda dejjem akbar għal forza tax-xogħol b’livell għoli ta’ ħiliet mhijiex appoġġata minn grupp kbir biżżejjed ta’ applikanti għall-edukazzjoni terzjarja u rati ta’ kkompletar adegwati. Il-modifika tal-Att dwar l-edukazzjoni għolja li ġie adottat fl-2017 jista’ jkun il-kaġun li s-sitwazzjoni tmur għall-agħar.

(15)

Is-suq tax-xogħol żviluppa b’mod pożittiv f’dawn l-aħħar snin, bil-qgħad li rritorna għal-livell ta’ qabel il-kriżi. L-impjiegi laħqu livelli storikament għoljin bis-saħħa tal-ħolqien tal-impjiegi fis-settur privat u tal-iskema tax-xogħlijiet pubbliċi, li għadha l-politika attiva tas-suq tax-xogħol l-aktar importanti fl-Ungerija b’aktar minn 200 000 parteċipant. F’dawn l-aħħar snin, ġew adottati sensiela ta’ miżuri biex jiffaċilitaw it-transizzjoni mill-iskema għas-suq tax-xogħol primarju. Madankollu, l-iskema għadha mhijiex immirata biżżejjed u l-effettività tagħha fl-integrazzjoni mill-ġdid tal-parteċipanti fis-suq tax-xogħol miftuħ għadha limitata. Fl-istess ħin, ċerti setturi qegħdin iħabbtu wiċċhom ma’ problemi dovuti għan-nuqqas ta’ ħaddiema. Il-politiki attivi l-oħra tas-suq tax-xogħol qed jissaħħu, parzjalment bl-appoġġ tal-fondi tal-Unjoni, iżda huma meħtieġa aktar sforzi biex jiġu ffaċilitati transizzjonijiet effettivi għas-suq tax-xogħol primarju. Is-sistema ta’ ġbir ta’ profili għan-nies qiegħda qed titħaddem iżda għadha mhijiex kompletament effettiva. Id-diskrepanza bejn is-sessi fil-qasam tal-impjiegi żdiedet fis-snin reċenti u l-impatt tal-miġja tat-tfal fuq l-impjiegi tan-nisa hu fost l-ogħla fl-Unjoni. Il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol hija affettwata minn riżultati komparattivament dgħajfa fil-qasam tas-saħħa u l-aċċess mhux ugwali għall-kura tas-saħħa. Il-parteċipazzjoni tas-sħab soċjali fit-tfassil tal-politiki hija limitata.

(16)

Xi indikaturi tal-faqar reġgħu lura għal-livelli ta’ qabel il-kriżi iżda jibqgħu ogħla mill-medja tal-Unjoni. Il-livell ta’ faqar fost it-tfal u r-Rom jibqa’ partikolarment għoli, għalkemm qed jonqos. Proporzjon sinifikanti mir-Rom li jaħdmu huma impjegati fl-iskema tax-xogħlijiet pubbliċi. S’issa, l-integrazzjoni effettiva tagħhom fis-suq tax-xogħol miftuħ għadha limitata.

(17)

L-adegwatezza u l-kopertura tal-assistenza soċjali u tal-benefiċċji tal-qgħad huma limitati. It-tul taż-żmien kemm idumu jingħataw il-benefiċċji tal-qgħad, tliet xhur, għadu l-aktar wieħed baxx fl-Unjoni, u jinsab taħt il-medja taż-żmien meħtieġ minn dawk li jfittxu x-xogħol biex isibu impjieg. Ir-riforma tal-assistenza soċjali tal-2015 issimplifikat is-sistema tal-benefiċċji iżda ma jidhirx li tat garanzija ta’ livell ta’ għajxien uniformi u minimament adegwat għal dawk fil-bżonn. Fir-rigward tal-benefiċċji amministrati mill-muniċipalitajiet, hemm livell għoli ta’ diskrezzjoni fil-kriterji ta’ eliġibbiltà u l-livell ta’ drittijiet, li joħloq inċertezza għall-benefiċjarji. Il-benefiċċju tad-dħul minimu għadu ffriżat fuq livell baxx iżda l-awtoritajiet Ungeriżi qed jippjanaw biex gradwalment iżidu l-livell tal-benefiċċji mmirati fi flus kontanti fis-snin li ġejjin. Diġà fl-2017, tlieta minn dawn il-benefiċċji ġew miżjuda bi ftit. Il-miżuri mmirati addizzjonali jgħinu biex itaffu l-privazzjoni materjali għall-gruppi l-aktar vulnerabbli, b’mod partikolari t-tfal u r-Rom.

(18)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2017, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Ungerija u ppubblikatha fir-rapport tal-pajjiż għall-2017. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Konverġenza għall-2017, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma għall-2017 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Ungerija fis-snin preċedenti. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fl-Ungerija iżda qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali fil-futur.

(19)

Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Konverġenza għall-2017 u l-opinjoni tiegħu (6) hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) ta’ hawn taħt,

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Ungerija tieħu azzjoni fl-2017 u l-2018 biex:

1.

Tagħmel sforz fiskali sostanzjali fl-2018 f’konformità mar-rekwiżiti tal-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, filwaqt li jittieħed kont tal-ħtieġa li jissaħħaħ l-irkupru li għaddej bħalissa u li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi tal-Ungerija.

2.

Tikkompleta t-tnaqqis tal-porzjon ta’ taxxa għall-ħaddiema bi dħul baxx u tissimplifika l-istruttura tat-taxxa, b’mod partikolari billi tnaqqas t-taxxi speċifiċi għas-setturi l-iktar distorsivi. Issaħħaħ it-trasparenza u l-kompetizzjoni fl-akkwist pubbliku, billi timplimenta sistema ta’ akkwist elettroniku komprensiva u effiċjenti, u ssaħħaħ il-qafas ta’ kontra l-korruzzjoni. Issaħħaħ il-prevedibbiltà regolatorja, it-trasparenza u l-kompetizzjoni b’mod partikolari fis-settur tas-servizzi, b’mod partikolari fis-settur tal-bejgħ bl-imnut.

3.

Timmira aħjar l-iskema tax-xogħlijiet pubbliċi għal dawk li huma l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol u tipprovdi appoġġ effettiv lil dawk li qed ifittxu xogħol biex tiffaċilita t-transizzjonijiet lejn is-suq tax-xogħol, inkluż permezz tat-tisħiħ tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol. Tieħu miżuri biex ittejjeb ir-riżultati edukattivi u biex iżżid il-parteċipazzjoni ta’ gruppi żvantaġġati, b’mod partikolari r-Rom, fl-edukazzjoni ordinarja inklużiva. Ittejjeb l-adegwatezza u l-kopertura tal-assistenza soċjali u kemm idumu jingħataw il-benefiċċji tal-qgħad.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Lulju 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

T. TÕNISTE


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).

(3)  Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(4)  Il-bilanċ strutturali kif ikkalkulat mill-ġdid mill-Kummissjoni abbażi tal-informazzjoni fil-Programm ta’ Konverġenza, skont il-metodoloġija maqbula b’mod komuni.

(5)  L-infiq nett tal-gvern hu magħmul mill-infiq totali tal-gvern iżda jeskludi l-infiq marbut mal-interessi, l-infiq fuq programmi tal-Unjoni korrisposti b’mod sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni u mill-bidliet mhux diskrezzjonali fl-infiq tal-benefiċċju tal-qgħad. Il-formazzjoni ta’ kapital fiss gross iffinanzjat nazzjonalment ġiet imwittija fuq perijodu ta’ erba’ snin. Il-miżuri ta’ dħul diskrezzjonali jew iż-żidiet tad-dħul b’mandat tal-liġi huma fatturati. Il-miżuri ta’ darba fuq in-naħa kemm tad-dħul kif ukoll tal-infiq huma esklużi.

(6)  Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.