9.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 261/18


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Lulju 2017

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2017 tal-Ġermanja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017 tal-Ġermanja

(2017/C 261/05)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (1), u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Fis-16 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew tal-2017 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fid-9 u fl-10 ta’ Marzu 2017. Fis-16 ta’ Novembru 2016, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih identifikat lill-Ġermanja bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, li ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew fid-9 u l-10 ta’ Marzu 2017. Fil-21 ta’ Marzu 2017, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (“Rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro”) (3).

(2)

Bħala Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro u fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja, il-Ġermanja għandha tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha ta’ din ir-Rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro li hija riflessa fir-rakkomandazzjonijiet (1) u (2) hawn taħt.

(3)

Ir-rapport tal-pajjiż tal-2017 għall-Ġermanja ġie ppubblikat fit-22 ta’ Frar 2017. Ġie vvalutat il-progress tal-Ġermanja biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fit-12 ta’ Lulju 2016, is-segwitu mogħti lir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fis-snin preċedenti u l-progress tal-Ġermanja lejn il-miri nazzjonali tagħha għal Ewropa 2020. Ir-rapport inkluda wkoll analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, li r-riżultati tagħha ġew ippubblikati wkoll fit-22 ta’ Frar 2017. L-analiżi tal-Kummissjoni twassalha biex tikkonkludi li l-Ġermanja għaddejja minn żbilanċi makroekonomiċi. B’mod partikolari, is-surplus persistentement għoli fil-kont kurrenti għandu rilevanza transfruntiera u jirrifletti – minbarra l-integrazzjoni u l-prestazzjoni sodi tal-industrija ferm kompetittiva tagħha fid-diviżjoni internazzjonali tax-xogħol – eċċess ta’ tfaddil u investiment imrażżan kemm fis-settur privat kif ukoll f’dak pubbliku. Is-surplus fil-kont kurrenti kompla jiżdied fl-2015, baqa’ fil-biċċa l-kbira l-istess fl-2016 u huwa mistenni li jibqa’ f’livell għoli. L-indirizzar tas-surplus jista’ jkollu implikazzjonijiet fuq il-prospetti ta’ riekwilibriju fil-bqija taż-żona tal-euro u fl-Unjoni, minħabba li domanda domestika aktar dinamika fil-Ġermanja tista’ tnaqqas il-ħtiġijiet ta’ diżingranaġġ fl-Istati Membri li għandhom ħafna dejn. Minkejja rati tal-imgħax baxxi li joħolqu kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli, l-investiment fin-negozju bħala sehem tal-PDG għadu kajman. Filwaqt li kompla l-irkupru fil-konsum privat, it-tfaddil tal-unitajiet domestiċi laħaq livelli għolja rekord fl-Unjoni. Il-ħtieġa ta’ azzjoni biex jitnaqqas ir-riskju tal-effetti ħżiena fuq l-ekonomija tal-Ġermanja, u minħabba d-daqs u r-rilevanza transfruntiera tagħha, fuq l-unjoni ekonomika u monetarja, hija ta’ importanza partikolari.

(4)

Il-Ġermanja ppreżentat il-Programm ta’ Stabbiltà tagħha tal-2017 fit-13 ta’ April 2017 u l-Programm ta’ Riforma Nazzjonali tagħha tal-2017 fit-28 ta’ April 2017. Biex jittieħed kont tal-interkonnessjonijiet tagħhom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.

(5)

Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti ġew indirizzati fil-programmazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (Fondi SIE) għall-perijodu 2014–2020. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), fejn ikun neċessarju li jingħata sostenn lill-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista’ titlob lil Stat Membru li jeżamina u jipproponi emendi għall-Ftehim ta’ Sħubija u għall-programmi rilevanti tiegħu. Il-Kummissjoni pprovdiet iktar dettalji dwar kif tista’ tagħmel użu minn dik id-dispożizzjoni fil-linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi SIE ma’ governanza ekonomika għaqlija.

(6)

Bħalissa l-Ġermanja tinsab fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u soġġetta għar-regola tad-dejn. Fil-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu tal-2017, il-gvern qed jippjana surplus baġitarju ta’ bejn ¼ u ½ % tal-PDG matul l-2017-2021. L-objettiv baġitarju fuq terminu medju — defiċit strutturali ta’ 0,5 % tal-PDG — se jibqa’ jiġi ssodisfat b’marġni matul il-perijodu kollu tal-programm. Skont il-Programm ta’ Stabbiltà, il-proporzjon ta’ dejn tal-amministrazzjoni pubblika mal-PDG mistenni jonqos gradwalment għal 57 % fl-2021. Ix-xenarju makroekonomiku li fuqu huma bbażati dawn il-projezzjonijiet baġitarji, li ma ġiex ikkonfermat minn korp indipendenti, huwa plawsibbli.

(7)

Abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2017 tal-Kummissjoni, il-bilanċ strutturali huwa mbassar li ser jirreġistra surplus ta’ 0,6 % tal-PDG fl-2017 u 0,3 % tal-PDG fl-2018, ’il fuq mill-objettiv baġitarju fuq terminu medju. Id-dejn tal-amministrazzjoni pubblika huwa mbassar li ser iżomm ix-xejra qawwija ’l isfel lil hinn mir-rekwiżiti tar-regola tad-dejn. B’mod ġenerali, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li l-Ġermanja hija pprojettata li tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir fl-2017 u fl-2018. Fl-istess ħin fadal lok fejn wieħed isostni d-domanda domestika billi juża l-politika fiskali b’mod partikolari biex tinkiseb xejra sostnuta ’l fuq fl-investiment u billi jinħolqu l-kundizzjonijiet għal tkabbir akbar fil-pagi reali.

(8)

L-investiment pubbliku bħala proporzjon tal-PDG baqa’ fil-biċċa l-kbira kostanti u taħt il-medja taż-żona tal-euro. L-akkumulu ta’ sottoinvestiment pubbliku huwa persistenti b’mod partikolari fil-livell muniċipali, fejn l-investiment nett baqa’ negattiv fl-2016. Dan huwa minkejja l-miżuri meħuda matul l-aħħar ftit snin u ż-żidiet sinifikanti fl-investiment pubbliku fil-livell tal-amministrazzjoni pubblika fl-2015 u l-2016. Ittieħdu miżuri addizzjonali fl-2016, li għandhom iżidu l-ambitu għall-investiment pubbliku, inkluż fil-livell tal-Istat Federali u f’dak muniċipali. Dawn jinkludu riforma tar-relazzjonijiet fiskali federali li, ladarba tiġi adottata, se tidħol fis-seħħ fl-2020. Barra minn hekk, l-estensjoni tas-servizzi ta’ konsulenza dwar l-ippjanar tal-investiment fl-infrastruttura biex jinkludi l-muniċipalitajiet għandha ttejjeb l-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-investiment fl-infrastruttura fil-livell muniċipali. Dan jidher partikolarment rilevanti, peress li proġetti ta’ investiment infrastrutturali fl-istati federali u fil-muniċipalitajiet jiġu eżegwiti biss sa ċertu punt u huma influwenzati minn restrizzjonijiet ta’ kapaċità u ta’ ppjanar. Il-pożizzjoni baġitarja favorevoli ġeneralment tindika spazju fiskali disponibbli, pereżempju biex jiġu pprovduti fondi addizzjonali biex jiżdied l-investiment pubbliku fil-livelli kollha tal-gvern.

(9)

In-nefqa globali fl-edukazzjoni pubblika u privata u fir-riċerka kienet pjuttost stabbli b’mod relattiv mal-PDG f’dan l-aħħar snin, iżda fl-edukazzjoni għadha taħt il-medja tal-Unjoni. In-nefqa totali kkombinata fuq l-edukazzjoni u r-riċerka, 9,1 % fl-2015, hija inqas mill-mira nazzjonali ta’ 10 % tal-PDG. Aktar investiment fl-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni huwa kruċjali għas-suċċess ekonomiku futur tal-Ġermanja u b’mod partikolari għall-integrazzjoni effettiva ta’ dawk li qed ifittxu l-asil, ir-refuġjati u l-migranti li waslu dan l-aħħar. Sabiex jinkiseb dan, il-Ġermanja għamlet sforzi konsiderevoli, speċjalment fil-qasam tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali. Fis-snin li ġejjin, l-isforzi fis-settur tal-edukazzjoni kollu ser ikollhom jiġu appoġġati.

(10)

Is-sistema tat-taxxa Ġermaniża għadha kumplessa, l-ispejjeż tal-amministrazzjoni tat-taxxa huma għoljin u diversi dispożizzjonijiet dwar it-tassazzjoni tal-kumpaniji jistgħu jkunu qegħdin jostakolaw l-investiment privat. Minkejja tnaqqis sinifikanti, l-ispejjeż kapitali tal-kumpaniji fil-Ġermanja għadhom fost l-ogħla fl-UE-28. Meta jitqiesu t-taxxa lokali fuq il-kummerċ (Gewerbesteuer) u l-kontribuzzjoni addizzjonali ta’ solidarjetà, l-ogħla rata statutarja tat-taxxa fuq l-introjtu korporattiv laħqet it-30,2 % fl-2016. Din kienet sostanzjalment ogħla mill-medja mhux ponderata tal-Unjoni ta’ 22,8 %. Ir-rata medja effettiva tat-taxxa hija ta’ 28,2 % meta mqabbla mal-medja mhux ponderata ta’ 21,1 % għall-Unjoni. Il-preġudizzju favur id-dejn fit-tassazzjoni korporattiva kien is-seba’ l-ogħla fl-Unjoni fl-2016. Fil-livell tal-azzjonisti, id-daqs tal-preġudizzju favur id-dejn huwa simili. Dan huwa importanti b’mod speċjali għall-SMEs, li għandhom it-tendenza li jkollhom azzjonisti domestiċi. Jekk jitbaxxew l-ispejjeż kapitali fuq l-ekwità, ikun jista’ jsaħħaħ l-investiment privat u s-suq tal-kapital ta’ riskju, li fil-Ġermanja huwa sottożviluppat. Karatteristiċi oħra tas-sistema tat-taxxa li jistgħu joħolqu distorsjoni fid-deċiżjonijiet tal-finanzjament u tal-investiment huma l-inklużjoni ta’ elementi mingħajr profitt fil-bażi tat-taxxa lokali fuq il-kummerċ, limiti fuq ir-riport tat-telf, u distorsjonijiet li joriġinaw mit-taxxi fir-rigward tal-għażla tal-forma ġuridika. Dispożizzjonijiet ulterjuri li jistgħu jagħmlu s-sistema tat-taxxa diffiċli għall-investimenti jinkludu r-reġim tad-deprezzament, ir-rata tal-imgħax użata biex jiġu kkalkulati l-provvedimenti deduċibbli tal-pensjoni, it-tassazzjoni tal-qligħ kapitali u l-kontabilità tal-flus għal skopijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud. Jekk tiġi implimentata b’mod effettiv, l-awtorità funzjonali addizzjonali ġenerali u speċifika għall-IT tal-amministrazzjoni federali tat-taxxa b’rabta mal-amministrazzjonijiet statali tat-taxxa kif miftiehem bħala parti mir-riforma tar-relazzjonijiet federali fiskali, tista’ tħaffef il-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni tat-taxxa.

(11)

L-investiment ta’ kapital ta’ riskju żdied fil-Ġermanja, iżda s-suq xorta għadu sottożviluppat meta mqabbel mal-istandards internazzjonali. Fl-2015, l-investiment kapitali ta’ riskju ammonta għal madwar 0,03 % tal-PDG, li huwa kemxejn ogħla mill-medja tal-Unjoni, iżda xorta inqas minn Stati Membri bħall-Finlandja, ir-Renju Unit, l-Iżvezja, l-Irlanda u Franza u ferm inqas minn pajjiżi mhux fl-Unjoni bħall-Iżrael u l-Istati Uniti. B’mod partikolari, is-suq ta’ kapital ta’ riskju fil-Ġermanja jidher li mhux jirnexxilu jipprovdi investimenti akbar fi stadju iktar tard. Il-Gvern Federali ħa għadd ta’ miżuri biex jappoġġja l-investiment fil-kapital ta’ riskju. Pereżempju billi ssimplifika t-tassazzjoni tal-fondi ta’ investiment, tejjeb ir-riportar tat-telf taħt is-sistema tat-taxxa fuq l-introjtu tal-kumpaniji u espanda l-programm INVEST għall-investituri informali.

(12)

Il-bidla lejn l-enerġija rinnovabbli toħloq il-ħtieġa għal investiment sinifikanti fin-netwerks tat-trasmissjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku. Madankollu, l-investiment ippjanat tal-infrastruttura domestika tal-elettriku ġie ttardjat b’mod sinifikanti. Madwar 35 % biss tal-proġetti tal-grilja bl-ogħla vultaġġ identifikati fl-Att tal-2009 dwar l-Espansjoni tan-Netwerk tal-Enerġija kienu ġew implimentati sal-aħħar tal-2016, prinċipalment minħabba l-oppożizzjoni pubblika. Minn total attwali ta’ 6 100 km ta’ linji tal-elettriku ppjanati li jinbnew fil-perijodu sal-2024/2025 f’konformità mal-Att tal-Pjan tar-Rekwiżit Federali, li daħal fis-seħħ fl-2015, madwar 6 % biss ġew approvati u 1 % biss inbnew.

(13)

Għad hemm ostakli biex jitgawdew il-benefiċċji sħaħ tad-diġitalizzazzjoni. Pereżempju, il-Ġermanja ma għandhiex prestazzjoni tajba fid-disponibbiltà ta’ konnessjonijiet tal-broadband b’veloċità għolja u ultra veloċi, b’mod partikolari f’żoni semiurbani u rurali. L-użu tal-kompjuters miż-żgħażagħ Ġermaniżi huwa relattivament baxx u ħafna skejjel ma għandhomx aċċess għall-broadband. Il-prestazzjoni fis-servizzi pubbliċi diġitali hija wkoll inqas mill-medja tal-Unjoni. B’mod partikolari, l-SMEs għandhom bżonn jirkupraw fir-rigward tad-diġitalizzazzjoni. Għoxrin fil-mija biss tal-SMEs għandhom strateġija għad-diġitalizzazzjoni. Twaqqaf netwerk ta’ ċentri ta’ eċċellenza tal-SMEs biex tissaħħaħ u tiġi aċċellerata d-diġitalizzazzjoni tal-SMEs u l-pjattaforma “Industrie 4.0” tlaqqa’ flimkien il-partijiet konċernati kollha. Filwaqt li l-investiment tan-negozji fir-R&Ż qed jikber u l-Ġermanja qiegħda qrib li tilħaq il-mira tagħha tal-intensità tar-R&Ż tal-Ewropa 2020, l-investiment qed issir dejjem iktar ikkonċentrat f’kumpaniji kbar, filwaqt li l-kontribut tal-SMEs qed jonqos. Barra minn hekk, popolazzjoni li qed tixjieħ jista’ wkoll ikollha impatt fuq l-attività intraprenditorjali fis-snin li ġejjin.

(14)

Għad hemm ostakli regolatorji kbar fis-settur tas-servizzi tan-negozju u fil-professjonijiet regolati. Il-livell ta’ restrizzjonijiet huwa ogħla mill-medja tal-Unjoni b’mod partikolari għall-periti, l-inġiniera, l-avukati u l-kontabilisti/konsulenti tat-taxxa. Barra minn hekk, ir-rata ta’ attrizzjoni kummerċjali għal dawn il-professjonijiet hija b’mod sinifikanti aktar baxxa mill-medja tal-Unjoni, li jidher li tindika dinamiżmu u kompetizzjoni relattivament baxxi fis-servizzi professjonali fil-Ġermanja. Dawn l-ostakli jinkludu restrizzjonijiet fuq il-parteċipazzjoni azzjonarja u l-forma tal-kumpaniji għall-periti u għall-inġiniera, kif ukoll restrizzjonijiet multidixxiplinari għall-periti, l-inġiniera u l-avukati. It-tnaqqis ta’ dawn l-ostakli jista’ jiġġenera kompetizzjoni aktar intensiva, li twassal f’li aktar impriżi jidħlu fis-suq, u dan iwassal għal benefiċċji għall-konsumaturi f’termini ta’ prezzijiet orħos u aktar għażla. F’Jannar 2017 il-Kummissjoni ppreżenta rakkomandazzjonijiet ta’ riforma għar-regolamentazzjoni tas-servizzi professjonali, li kienet parti minn pakkett ta’ miżuri biex jindirizzaw l-ostakli fis-swieq tas-servizzi.

(15)

L-impjiegi komplew jiżdiedu u l-qgħad naqas għal livelli storikament baxxi. Madankollu, iż-żieda fl-impjiegi kienet parzjalment dovuta għal żieda fix-xogħol part-time, b’mod partikolari fost in-nisa u ġiet riflessa parzjalment biss fit-tkabbir tal-pagi reali aggregati, liema tkabbir naqas fl-2016. Id-diżinċentivi għax-xogħol għal min għandu t-tieni sors ta’ dħul u x-xogħol part-time mifrux sew qed ifixklu l-użu sħiħ tal-potenzjal tas-suq tax-xogħol. Provvediment aħjar ta’ servizzi ta’ kura tat-tfal ta’ kwalità u affordabbli fuq bażi full-time, skejjel il-ġurnata kollha u l-kura fit-tul li ġiet riformata reċentement huma strumentali biex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-forza tax-xogħol. It-tassazzjoni konġunta fuq l-introjtu għal koppji miżżewġin u l-kopertura tal-assigurazzjoni għal kura tas-saħħa b’xejn għal konjuġi li ma jaħdmux jiskoraġġixxu lil min għandu t-tieni sors ta’ dħul, f’ħafna każijiet nisa, milli jieħdu impjieg jew milli jżidu l-għadd ta’ sigħat li jaħdmu. Barra minn hekk, l-involviment baxx fis-suq tax-xogħol huwa kkombinat ma’ differenza kbira bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa ta’ 22 % meta mqabbla mal-medja tal-UE ta’ 16,3 % fl-2015.

(16)

Minkejja tnaqqis żgħir, impjiegi żgħar għadhom mifruxa sew, b’madwar 4,8 miljun ruħ ikollhom impjieg żgħir bħala l-uniku impjieg tagħhom f’Settembru 2016. L-għadd ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija ttriplika mill-2005 ’l hawn u laħaq madwar miljun (qrib ta’ 3 % tal-impjiegi totali) f’Ġunju 2016. Il-protezzjoni kontra abbużi potenzjali fil-każ ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija u ta’ kuntratti ta’ xogħol hija mistennija li titjieb, iżda l-iżviluppi tajjeb li jiġu mmonitorjati. Barra minn hekk, kuntratti b’terminu fiss jidher li għandhom differenza mhux aġġustata fis-salarji relattivament għolja meta mqabbla ma’ kuntratti permanenti.

(17)

Il-porzjon ta’ taxxa għal dawk li jaqilgħu paga baxxa huwa għoli meta mqabbel ma’ Stati Membri oħrajn u dan inaqqas l-inċentivi biex wieħed jaħdem kif ukoll il-paga netta u l-opportunitajiet tal-konsum. Il-Ġermanja żiedet l-allowance minima tat-taxxa fuq l-introjtu personali u l-allowances tat-tfal u aġġustat il-kategoriji tat-taxxa fuq l-introjtu. Dawn il-miżuri għandhom tendenza li jkunu ta’ benefiċċju għall-gruppi b’introjtu baxx u medju, iżda l-impatt kumplessiv fuq il-porzjon tat-taxxa se jkun limitat. Minkejja ż-żidiet sostanzjali ta’ dan l-aħħar fl-introjtu reali disponibbli, l-evoluzzjonijiet fil-pagi u fil-produttività ilhom jitbiegħdu għal ħafna żmien u dan wassal għal differenza akkumulata konsiderevoli. Tkabbir akbar tal-pagi reali jikkontribwixxi wkoll biex jitnaqqsu l-iżbilanċi esterni kbar.

(18)

Il-Ġermanja għamlet sforzi konsiderevoli biex aċċettat persuni li jfittxu l-asil u fl-integrazzjoni ta’ refuġjati u migranti oħra. Jidher li huwa possibbli aktar titjib, għax fl-2016 l-għadd ta’ refuġjati li jfittxu x-xogħol żdied għal 9 % ta’ dawk kollha li qed ifittxu xogħol. L-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ persuni li ġejjin minn ambjent ta’ migrazzjoni, partikolarment in-nisa, għadha sfida kbira li, inkluż permezz tas-sistema edukattiva, taffettwa wkoll lit-tfal li twieldu l-Ġermanja minn ġenituri mwielda barra l-Unjoni.

(19)

Mhux il-membri kollha tas-soċjetà ibbenefikaw indaqs mill-iżviluppi pożittivi u ġenerali ekonomiċi u tas-suq tax-xogħol ta’ dawn l-aħħar ftit snin. Wara perijodu ta’ żidiet, l-inugwaljanza fl-introjtu mmoderat biss reċentement, filwaqt li l-inugwaljanza fil-ġid baqgħet fost l-ogħla fiż-żona euro. Barra minn hekk, il-prestazzjoni tajba tas-suq tax-xogħol ma wasslitx għal tnaqqis fir-riskju tal-faqar. Ir-rata ta’ riskju ta’ faqar f’età avvanzata hi ogħla mill-medja tal-Unjoni u l-għadd ta’ nies li jinsabu f’riskju ta’ faqar relatat mal-età avvanzata x’aktarx li jiżdied fis-snin li ġejjin. Ir-rata ta’ sostituzzjoni tal-iskema tal-pensjoni statutorja hija mbassra li se tkompli tonqos. Fl-istess ħin, ir-rati ta’ parteċipazzjoni fi skemi tal-pensjoni tat-tieni jew tat-tielet pilastru huma baxxi wisq biex jikkumpensaw għat-tnaqqis fir-rata ta’ sostituzzjoni tal-ewwel pilastru għal kulħadd. Jekk dan ma jiġix ibbilanċjat, l-adegwatezza tal-pensjoni hija mistennija li tiddeterjora. Wieħed għadu jrid jara kemm jistgħu jkunu effettivi r-riformi riċenti biex jitjiebu l-inċentivi għal irtirar aktar tard (Flexi-Rente) biex jikkontrobattu l-inċentivi għall-irtirar kmieni li daħlu fl-2014.

(20)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2017, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Ġermanja u ppubblikatha fir-rapport għal kull pajjiż tal-2017. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017, il-Programm ta’ Riforma Nazzjonali tal-2017 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Ġermanja fi snin preċedenti. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Ġermanja imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika ġenerali tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

(21)

Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017, u huwa tal-opinjoni (5) li l-Ġermanja hija mistennija tikkonforma mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

(22)

Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2017 u l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) u (2) hawn taħt,

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Ġermanja tieħu azzjoni fl-2017 u fl-2018 biex:

1.

Filwaqt li tirrispetta l-objettiv ta’ terminu medju, tuża politiki fiskali u strutturali li jappoġġaw it-tkabbir potenzjali u d-domanda domestika kif ukoll biex tikseb xejra ta’ żieda sostnuta fl-investiment. Taċċellera l-investiment pubbliku fil-livelli kollha tal-gvern, speċjalment fil-livell muniċipali u jiġu indirizzati r-restrizzjonijiet tal-kapaċità u l-ippjanar għal investimenti infrastrutturali. Tkompli ttejjeb l-effiċjenza tas-sistema tat-taxxa u tkompli trendiha favorevoli għall-investiment. Tistimula l-kompetizzjoni fis-servizzi tan-negozju u fil-professjonijiet regolati.

2.

Tnaqqas id-diżinċentivi għax-xogħol għal min għandu t-tieni sors ta’ dħul u tiffaċilita t-tranżizzjonijiet lejn impjiegi standard. Tnaqqas il-porzjon għoli tat-taxxa għal dawk li jaqilgħu paga baxxa. Toħloq kondizzjonijiet biex tippromwovi aktar tkabbir reali tal-pagi, filwaqt li tirrispetta r-rwol tas-sħab soċjali.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Lulju 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

T. TÕNISTE


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

(3)  ĠU C 92, 24.3.2017, p. 1.

(4)  Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(5)  Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.