29.4.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 113/56


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/761

tas-26 ta' April 2017

dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-għanijiet tal-Unjoni huma, fost oħrajn, li tippromwovi l-benesseri tal-popli tagħha u li taħdem għall-iżvilupp sostenibbli tal-Ewropa msejjes fuq ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna li timmira għal-livell massimu ta' impjiegi u progress soċjali. L-Unjoni għandha tiġġieled kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni u tippromwovi l-ġustizzja u l-protezzjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal.

(2)

Skont l-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet tagħha, l-Unjoni għandha tqis il-ħtiġijiet marbuta mal-promozzjoni ta' livell għoli ta' impjiegi, mal-garanzija ta' protezzjoni soċjali xierqa, mal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali kif ukoll ma' livell għoli ta' edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

(3)

L-Artikolu 151 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprovdi li l-Unjoni u l-Istati Membri, waqt li jżommu f'moħħhom id-drittijiet soċjali fundamentali bħal dawk stabbiliti fil-Karta Soċjali Ewropea li ġiet iffirmata f'Turin fit-18 ta' Ottubru 1961 u l-Karta tal-Komunità dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema tal-1989, bħala l-objettivi tagħhom għandu jkollhom il-promozzjoni tal-impjieg, it-titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol, sabiex jagħmlu possibli l-armonizzazzjoni tagħhom waqt li jitkompla t-titjib, il-protezzjoni soċjali xierqa, id-djalogu bejn min imexxi u l-ħaddiema, l-iżvilupp tar-riżorsi umani bl-għan ta' livell għoli ta' impjieg li jdum għal żmien twil u l-ġlieda kontra l-esklużjoni.

(4)

L-Artikolu 152 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprovdi li l-Unjoni tirrikonoxxi u tippromwovi r-rwol tas-sħab soċjali fil-livell tagħha, meta titqies id-diversità tas-sistemi nazzjonali. Għandha tiffaċilita d-djalogu bejniethom u għandha tirrispetta l-awtonomija tagħhom.

(5)

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata għall-ewwel darba fil-Kunsill Ewropew ta' Nizza fis-7 ta' Diċembru 2000, tissalvagwardja u tippromwovi numru ta' prinċipji fundamentali li huma essenzjali għall-mudell soċjali Ewropew. Id-dispożizzjonijiet ta' din il-Karta huma indirizzati għall-istituzzjonijiet, għall-korpi, għall-uffiċċji, u għall-aġenziji tal-Unjoni bir-rispett dovut għall-prinċipju tas-sussidjarjetà u għall-Istati Membri biss meta jkunu qed jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni.

(6)

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fih dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-poteri tal-Unjoni relatati fost oħrajn mal-moviment liberu tal-ħaddiema (l-Artikoli 45 sa 48), mad-dritt ta' stabbiliment (l-Artikoli 49 sa 55), mal-politika soċjali (l-Artikoli 151 sa 161), mal-promozzjoni tad-djalogu bejn min imexxi u l-ħaddiema (l-Artikolu 154), inklużi ftehimiet konklużi u implimentati fil-livell tal-Unjoni (l-Artikolu 155), mal-paga ugwali għall-ħaddiema maskili u femminili għal xogħol ugwali (l-Artikolu 157), mal-kontribuzzjoni għall-iżvilupp tal-kwalità tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali (l-Artikoli 165 u 166), mal-azzjoni tal-Unjoni li tikkomplementa politiki nazzjonali u li trawwem il-kooperazzjoni fil-qasam tas-saħħa (l-Artikolu 168), mal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali (l-Artikoli 174 sa 178), mal-formulazzjoni, u mas-sorveljanza tal-implimentazzjoni, tal-linji gwida ġenerali tal-politiki ekonomiċi (l-Artikolu 121), mal-formulazzjoni, u mal-eżaminazzjoni tal-implimentazzjoni tal-linji gwida dwar l-impjiegi (l-Artikolu 148) u b'mod aktar ġenerali, mal-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni (l-Artikoli 114 sa 117).

(7)

Il-Parlament Ewropew talab għal Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali solidu biex isaħħaħ id-drittijiet soċjali u jkollu impatt pożittiv fuq il-ħajja tan-nies fiż-żmien qasir u medju u jippermetti l-appoġġ għall-kostruzzjoni Ewropea fis-seklu 21 (1). Il-Kunsill Ewropew enfasizza li jeħtieġ li tiġi indirizzata n-nuqqas ta' sigurtà ekonomika u soċjali bħala kwistjoni ta' prijorità u talab għall-ħolqien ta' futur promettenti għal kulħadd, li jissalvagwardja l-mod tal-għajxien tagħna u li jipprovdi opportunitajiet aħjar liż-żgħażagħ. (2) Il-mexxejja ta' 27 Stat Membru u tal-Kunsill Ewropew, tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea, fl-aġenda ta' Ruma impenjaw ruħhom li jaħdmu lejn Ewropa soċjali. Dak l-impenn huwa msejjes fuq il-prinċipji tat-tkabbir sostenibbli u l-promozzjoni tal-progress ekonomiku u soċjali, kif ukoll il-koeżjoni u l-konverġenza, filwaqt li jħares l-integrità tas-suq intern (3). Is-sħab soċjali impenjaw ruħhom li jkomplu jikkontribwixxu għal Ewropa li tipprovdi għall-ħaddiema u għall-intrapriżi tagħha (4).

(8)

It-tlestija tas-suq uniku Ewropew fl-aħħar deċennji kienet akkompanjata mill-iżvilupp ta' acquis soċjali solidu li rriżulta fi progress fil-moviment liberu, fil-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol, fl-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, fis-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol, fil-protezzjoni soċjali u fl-edukazzjoni u t-taħriġ. L-introduzzjoni tal-euro pprovdiet l-Unjoni b'munita komuni stabbli maqsuma bejn 340 miljun ċittadin f'19-il Stat Membru, li ffaċilitat il-ħajja ta' kuljum tagħhom u tipproteġihom kontra l-instabbiltà finanzjarja. L-Unjoni wkoll kibret b'mod konsiderevoli, żiedet l-opportunitajiet ekonomiċi u l-promozzjoni tal-progress soċjali madwar il-kontinent.

(9)

Is-swieq tax-xogħol u s-soċjetajiet qed jevolvu b'rata mgħaġġla, b'opportunitajiet ġodda u bi sfidi ġodda li jirriżultaw mill-globalizzazzjoni, mir-rivoluzzjoni diġitali, mill-mudelli tax-xogħol li qed jinbidlu u mill-iżviluppi soċjetali u demografiċi. L-isfidi, bħall-inugwaljanza sinifikanti, il-qgħad fit-tul u fost iż-żgħażagħ jew is-solidarjetà interġenerazzjonali, ħafna drabi huma simili fost l-Istati Membri minkejja li fi gradi differenti.

(10)

L-Ewropa wriet ir-rieda tagħha li tegħleb il-kriżi finanzjarja u ekonomika, u bħala riżultat ta' azzjoni determinata, l-ekonomija tal-Unjoni issa hija aktar stabbli, b'livelli ta' impjieg għoljin bla preċedent u bi tnaqqis gradwali fil-qgħad. Madankollu, il-konsegwenzi soċjali tal-kriżi kienu estensivi — minn qgħad fost iż-żgħażagħ u fit-tul għal riskju tal-faqar — u l-indirizzar ta' dawk il-konsegwenzi jibqa' prijorità urġenti.

(11)

Fil-biċċa l-kbira tagħhom, l-isfidi soċjali u tal-impjiegi li qed tiffaċċja l-Ewropa huma riżultat tat-tkabbir relattivament modest, li huwa msejjes fuq il-potenzjal mhux sfruttat f'termini tal-parteċipazzjoni fl-impjiegi u fil-produttività. Il-progress ekonomiku u soċjali huma marbutin flimkien, u l-istabbiliment ta' Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali għandu jkun parti mill-isforzi usa' biex jinbena mudell ta' tkabbir aktar inklussiv u sostenibbli billi tittejjeb il-kompetittività tal-Ewropa u ssir post aħjar biex fiha jsiru investimenti, jinħolqu l-impjiegi u titrawwem il-koeżjoni soċjali.

(12)

L-għan tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali hu li jservi bħala gwida lejn riżultati tal-impjieg u soċjali effiċjenti meta jiġu indirizzati l-isfidi kurrenti u futuri li huma direttament immirati biex jissodisfaw il-ħtiġijiet essenzjali tan-nies, u jiżguraw l-approvazzjoni u l-implimentazzjoni tad-drittijiet soċjali.

(13)

Aktar enfasi fuq il-prestazzjoni tal-impjieg u soċjali hi partikolarment importanti biex tiżdied ir-reżiljenza u biex l-Unjoni Ekonomika u Monetarja ssir aktar profonda. Għal din ir-raġuni, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali hu primarjament maħsub għaż-żona tal-euro iżda hu applikabbli għall-Istati Membri kollha li jixtiequ jkunu parti minnu.

(14)

Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jesprimi l-prinċipji u d-drittijiet essenzjali għal swieq tax-xogħol u sistemi ta' protezzjoni soċjali ġusti u li jaħdmu tajjeb fl-Ewropa tas-seklu 21. Jafferma mill-ġdid xi wħud mid-drittijiet li huma diġà preżenti fl-acquis tal-Unjoni, u jżid prinċipji ġodda li jindirizzaw l-isfidi li jirriżultaw minn żviluppi soċjetali, teknoloġiċi u ekonomiċi.

(15)

Il-prinċipji stabbiliti fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jikkonċernaw liċ-ċittadini tal-Unjoni u liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi b'residenza legali. Meta prinċipju jirreferi għall-ħaddiema, dan jikkonċerna lill-persuni kollha fl-impjieg, indipendentement mill-istatus, mill-modalità u mid-durata tal-impjieg.

(16)

Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali ma għandux iżomm lill-Istati Membri jew lis-sħab soċjali tagħhom milli jistabbilixxu standards soċjali aktar ambizzjużi. B'mod partikolari, xejn fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali ma għandu jiġi interpretat bħala li jirrestrinġi jew li jaffettwa ħażin id-drittijiet u l-prinċipji kif rikonoxxuti, fl-oqsma ta' applikazzjoni rispettivi tagħhom, mid-dritt tal-Unjoni jew mid-dritt internazzjonali u mill-ftehimiet internazzjonali li l-Unjoni jew l-Istati Membri kollha huma parti minnhom, inkluża l-Karta Soċjali Ewropea ffirmata f'Turin fit-18 ta' Ottubru 1961, u l-Konvenzjonijiet u r-Rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol.

(17)

It-twettiq tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali hu impenn u responsabbiltà kondiviża bejn l-Unjoni, l-Istati Membri tagħha u s-sħab soċjali. Il-prinċipji u d-drittijiet stabbiliti mill-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali għandhom ikunu implimentati kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll f'dak tal-Istati Membri fi ħdan il-kompetenzi rispettivi tagħhom u skont il-principju tas-sussidjarjetà.

(18)

Fil-livell tal-Unjoni, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali ma jimplikax estensjoni tal-poteri tal-Unjoni kif definit mit-Trattati. Għandu jkun implimentat fi ħdan il-limiti ta' dawk il-poteri.

(19)

Fil-livell tal-Istati Membri, il-Pilastru jirrispetta d-diversità tal-kulturi u tat-tradizzjonijiet tan-nies tal-Ewropa, kif ukoll l-identitajiet nazzjonali tal-Istati Membri u l-organizzazzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi tagħhom fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali. B'mod partikolari, l-istabbiliment tal-Pilastru ma jaffettwax id-dritt tal-Istati Membri li jiddefinixxu l-prinċipji fundamentali tas-sistema tas-sigurtà soċjali tagħhom u ma għandux jaffettwa l-ekwilibriju finanzjarju tiegħu.

(20)

Id-djalogu soċjali għandu rwol importanti fit-tisħiħ tad-drittijiet soċjali u fit-titjib tat-tkabbir sostenibbli u inklussiv. Is-sħab soċjali fil-livelli kollha għandhom rwol kruċjali fis-segwitu u fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, skont l-awtonomija tagħhom u d-dritt għal azzjoni kollettiva.

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

PILASTRU EWROPEW TAD-DRITTIJIET SOĊJALI

KAPITOLU I

Opportunitajiet u aċċess indaqs għas-suq tax-xogħol

1.   Edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja

Kulħadd għandu d-dritt għal edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta' kwalità u inklussivi sabiex iżomm u jakkwista ħiliet li jippermettulu jipparteċipa b'mod sħiħ fis-soċjetà u jimmaniġġja b'suċċess tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol.

2.   Ugwaljanza bejn is-sessi

(a)

Jeħtieġ li tiġi żgurata u titrawwem l-ugwaljanza fit-trattament u fl-opportunitajiet bejn in-nisa u l-irġiel fl-oqsma kollha, inkluż fir-rigward tal-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, fit-termini u fil-kundizzjonijiet tal-impjieg u fil-progressjoni fil-karriera.

(b)

In-nisa u l-irġiel għandhom id-dritt għal paga indaqs għal xogħol ta' valur ugwali.

3.   Opportunitajiet indaqs

Irrispettivament mis-sess, mill-oriġini razzjali jew etnika, mir-reliġjon jew mit-twemmin, minn diżabbiltà, mill-età jew mill-orjentament sesswali, kulħadd għandu d-dritt għal trattament u opportunitajiet indaqs fir-rigward tal-impjiegi, tal-protezzjoni soċjali, tal-edukazzjoni, u tal-aċċess għal prodotti u servizzi disponibbli għall-pubbliku. Għandhom jitrawmu opportunitajiet indaqs ta' gruppi li mhumiex irrappreżentati biżżejjed.

4.   Appoġġ attiv għall-impjiegi

(a)

Kulħadd għandu d-dritt għal assistenza f'waqtha u mfassla apposta biex jittejbu l-opportunitajiet ta' impjieg jew il-prospetti ta' impjieg indipendenti. Dan jinkludi d-dritt li wieħed jirċievi appoġġ għal tfittxija, taħriġ u kwalifikazzjoni mill-ġdid ta' xogħol. Kulħadd għandu d-dritt li jittrasferixxi l-protezzjoni soċjali u l-intitolamenti ta' taħriġ matul tranżizzjonijiet professjonali.

(b)

Iż-żgħażagħ għandhom id-dritt għal edukazzjoni kontinwa, apprendistat, traineeships jew offerta ta' xogħol ta' reputazzjoni tajba sa erba' (4) xhur minn meta jiġu qiegħda jew iħallu l-edukazzjoni.

(c)

In-nies qiegħda għandhom id-dritt għal appoġġ personalizzat, kontinwu u konsistenti. Dawk qiegħda fit-tul għandhom id-dritt għal valutazzjoni individwali fil-fond mhux aktar tard minn 18-il xahar ta' qgħad.

KAPITOLU II

Kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti

5.   Impjieg sigur u adattabbli

(a)

Irrispettivament mit-tip u d-durata tar-relazzjoni tax-xogħol, il-ħaddiema għandhom id-dritt għal trattament ġust u ugwali fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-aċċess għall-protezzjoni soċjali u t-taħriġ. Għandha titrawwem it-tranżizzjoni lejn forom ta' impjieg miftuħa.

(b)

Skont il-leġiżlazzjoni u l-ftehimiet kollettivi, għandha tiġi żgurata l-flessibbiltà neċessarja biex l-impjegaturi jadattaw malajr għal bidliet fil-kuntest ekonomiku.

(c)

Għandhom jitrawmu forom innovattivi ta' xogħol li jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol ta' kwalità. Għandhom jitħeġġu l-intraprenditorija u l-impjieg indipendenti. Għandha tiġi ffaċilitata l-mobbiltà okkupazzjonali.

(d)

Għandhom jiġu evitati relazzjonijiet tax-xogħol li jwasslu għal kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji, inkluż bil-projbizzjoni ta' abbuż ta' kuntratti atipiċi. Kwalunkwe perjodu ta' probazzjoni għandu jkun ta' durata raġonevoli.

6.   Pagi

(a)

Il-ħaddiema għandhom id-dritt għal pagi ġusti li jipprovdu għal standard ta' għajxien diċenti.

(b)

Għandhom jiġu żgurati pagi minimi adegwati, b'mod li jipprovdi għas-sodisfazzjon tal-bżonnijiet tal-ħaddiem u tal-familja tiegħu/tagħha fid-dawl tal-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali nazzjonali, filwaqt li jiġi ssalvagwardjat l-aċċess għall-impjieg u l-inċentivi biex ifittex xogħol. Għandu jiġi evitat il-faqar fost dawk li jaħdmu.

(c)

Il-pagi kollha għandhom ikunu stabbiliti b'mod trasparenti u prevedibbli skont il-politiki nazzjonali u jirrispettaw l-awtonomija tas-sħab soċjali.

7.   Informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tal-impjieg u l-protezzjoni f'każ ta' sensja

(a)

Il-ħaddiema għandhom id-dritt li jiġu infurmati bil-miktub fil-bidu tal-impjieg dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mir-relazzjoni tax-xogħol, inkluż dwar il-perjodu ta' probazzjoni.

(b)

Qabel kwalunkwe sensja, il-ħaddiema għandhom id-dritt li jiġu infurmati bir-raġunijiet u li jingħataw perjodu ta'avviż raġonevoli. Huma għandhom id-dritt għall-aċċess għal riżoluzzjoni ta' tilwim effettiva u imparzjali u, f'każ ta' sensja mhux ġustifikata, dritt għal rimedju, inkluż kumpens adegwat.

8.   Id-djalogu soċjali u l-involviment tal-ħaddiema

(a)

Is-sħab soċjali għandhom jiġu kkonsultati dwar it-tfassil u l-implimentazzjoni ta' politiki ekonomiċi, tal-impjiegi u soċjali skont il-prattiki nazzjonali. Dawn għandhom ikunu mħeġġa jinnegozjaw u jikkonkludu ftehimiet kollettivi fi kwistjonijiet rilevanti għalihom, filwaqt li jirrispettaw l-awtonomija u d-dritt tagħhom għal azzjoni kollettiva. Fejn xieraq, il-ftehimiet konklużi bejn is-sħab soċjali għandhom jiġu implimentati fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha.

(b)

Il-ħaddiema jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom id-dritt li jiġu infurmati u kkonsultati fi żmien xieraq dwar kwistjonijiet rilevanti għalihom, b'mod partikolari dwar it-trasferiment, ir-ristrutturar u l-fużjoni ta' impriżi u dwar sensji kollettivi.

(c)

Għandu jiġi mħeġġeġ l-appoġġ għal żieda fil-kapaċità tas-sħab soċjali biex jippromwovu d-djalogu soċjali.

9.   Bilanċ bejn il-ħajja privata u x-xogħol

Ġenituri u nies b'responsabbiltajiet ta' kura għandhom id-dritt għal liv xieraq, arranġamenti tax-xogħol flessibbli u aċċess għal servizzi ta' kura. In-nisa u l-irġiel għandu jkollhom aċċess ugwali għal liv speċjali sabiex jissodisfaw ir-responsabbiltajiet ta' kura tagħhom u għandhom jiġu mħeġġa jużawhom b'mod bilanċjat.

10.   Ambjent tax-xogħol tajjeb għas-saħħa, sigur u adattat u protezzjoni tad-data personali

(a)

Il-ħaddiema għandhom id-dritt għal livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tagħhom fuq ix-xogħol.

(b)

Il-ħaddiema għandhom id-dritt għal ambjent tax-xogħol adattat għall-bżonnijiet professjonali tagħhom u li jippermettilhom itawlu l-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(c)

Il-ħaddiema għandhom id-dritt li d-dejta personali tagħhom tkun protetta fil-kuntest tax-xogħol.

KAPITOLU III

Protezzjoni u inklużjoni soċjali

11.   Kura tat-tfal u appoġġ għat-tfal

(a)

It-tfal għandhom id-dritt għal edukazzjoni bikrija tat-tfal affordabbli u kura ta' kwalità tajba.

(b)

It-tfal għandhom id-dritt għall-protezzjoni mill-faqar. It-tfal li ġejjin minn sfondi żvantaġġati għandhom id-dritt għal miżuri speċifiċi biex jissaħħu l-opportunitajiet indaqs.

12.   Protezzjoni soċjali

Irrispettivament mit-tip u mid-durata tar-relazzjoni tax-xogħol tagħhom, il-ħaddiema, u f'ċerti kundizzjonijiet simili, il-ħaddiema għal rashom, għandhom id-dritt għal protezzjoni soċjali adegwata.

13.   Benefiċċji tal-qgħad

Dawk qiegħda għandhom id-dritt għal appoġġ ta'attivazzjoni adegwat mis-servizzi pubbliċi tal-impjiegi sabiex jintegraw (mill-ġdid) fis-suq tax-xogħol u għal benefiċċji adegwati tal-qgħad ta' durata raġonevoli, f'konformità mal-kontribuzzjonijiet u mar-regoli ta' eliġibbiltà nazzjonali tagħhom. Dawn il-benefiċċji m'għandhomx jikkostitwixxu diżinċentiv għal ritorn lura ta' malajr għax-xogħol.

14.   L-introjtu minimu

Kull min m'għandux riżorsi suffiċjenti għandu d-dritt għal benefiċċji ta' introjtu minimu adegwati li jiżguraw ħajja f'dinjità fl-istadji kollha tal-ħajja, u għal aċċess effettiv li jippermetti prodotti u servizzi. Għal dawk li jistgħu jaħdmu, il-benefiċċji ta' introjtu minimu għandhom jitħalltu ma' inċentivi għall-integrazzjoni (mill-ġdid) fis-suq tax-xogħol.

15.   L-introjtu u l-pensjoni tal-irtirar

(a)

Il-ħaddiema u l-ħaddiema għal rashom li ritraw għandhom id-dritt għal pensjoni proporzjonali għall-kontribuzzjonijiet tagħhom u li tiżgura introjtu adegwat. In-nisa u l-irġiel għandu jkollhom opportunitajiet indaqs biex jakkwistaw id-drittijiet għall-pensjoni.

(b)

Kull min irtira għandu d-dritt għal riżorsi li jiżguraw l-għajxien b'dinjità.

16.   Kura tas-saħħa

Kulħadd għandu d-dritt għal aċċess f'waqtu għal kura tas-saħħa affordabbli, preventiva u kurattiva ta' kwalità tajba.

17.   L-inklużjoni ta' persuni b'diżabbiltà

Il-persuni b'diżabbiltà għandhom id-dritt għal appoġġ għall-introjtu li jiżgura l-għajxien b'dinjità, servizzi li jippermettulhom jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà, u ambjent tax-xogħol adattat għall-bżonnijiet tagħhom.

18.   Kura fit-tul

Kulħadd għandu d-dritt għal servizzi ta' kura fit-tul affordabbli ta' kwalità tajba, b'mod partikolari għal servizzi ta' kura fid-djar u bbażati fil-komunità.

19.   Akkomodazzjoni u għajnuna għall-persuni mingħajr dar

(a)

Għandu jiġi provdut aċċess għal akkomodazzjoni soċjali jew għajnuna għall-akkomodazzjoni ta' kwalità tajba għal dawk fil-bżonn.

(b)

Persuni vulnerabbli għandhom id-dritt għal għajnuna u protezzjoni xierqa kontra t-tkeċċija sfurzata.

(c)

Għandhom jiġu provduti kenn u servizzi adegwati lill-persuni mingħajr dar sabiex tiġi promossal-inklużjoni soċjali tagħhom.

20.   Aċċess għas-servizzi essenzjali

Kulħadd għandu d-dritt li jkollu aċċess għal servizzi essenzjali ta' kwalità tajba, inkluż l-ilma, is-sanitazzjoni, l-enerġija, it-trasport, is-servizzi finanzjarji u l-komunikazzjonijiet diġitali. Għandu jkun disponibbli appoġġ għall-aċċess għal dawn is-servizzi għal dawk fil-bżonn.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta' April 2017.

Għall-Kummissjoni

Marianne THYSSEN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2017 dwar Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (2016/2095(INI)).

(2)  Id-Dikjarazzjoni ta' Bratislava tas-16 ta' Settembru 2016.

(3)  Id-Dikjarazzjoni ta' Ruma tal-25 ta' Marzu 2017.

(4)  L-istqarrija konġunta tas-sħab soċjali tal-24 ta' Marzu 2017.