11.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 66/15


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/432

tas-7 ta' Marzu 2017

dwar ir-ritorni aktar effettivi fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) tistabbilixxi standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment.

(2)

Il-Mekkaniżmu ta' Evalwazzjoni ta' Schengen (2) u l-informazzjoni miġbura permezz tan-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni (3) ppermettew valutazzjoni komprensiva ta' kif l-Istati Membri jimplimentaw il-politika tal-Unjoni dwar ir-ritorn.

(3)

L-evalwazzjonijiet jindikaw li l-marġini ta' diskrezzjoni f'idejn l-Istati Membri skont id-Direttiva 2008/115/KE wassal għal traspożizzjoni inkonsistenti fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, b'impatt negattiv fuq l-effettività tal-politika ta' ritorn tal-Unjoni.

(4)

Mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2008/115/KE, u fid-dawl tal-pressjoni migratorja li dejjem tiżdied fuq l-Istati Membri, l-isfidi li l-politika ta' ritorn tal-Unjoni jeħtieġ li twieġeb għalihom żdiedu u taw priorità lil dan l-aspett tal-politika Ewropea tal-migrazzjoni komprensiva. Fil-Konklużjonijiet tiegħu tal-20-21 ta' Ottubru 2016 (4), il-Kunsill Ewropew sejjaħ għal tisħiħ tal-proċessi amministrattivi nazzjonali għar-ritorni.

(5)

Id-Dikjarazzjoni ta' Malta tal-Kapijiet ta' Stat jew Gvern (5) tat-3 ta' Frar 2017 enfasizzat il-ħtieġa għal rieżami tal-politika ta' ritorn tal-UE abbażi ta' analiżi oġġettiva tal-mod li bih l-għodod legali, operattivi, finanzjarji u prattiċi disponibbli fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni jiġu applikati. Din laqgħet l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta malajr Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar ir-Ritorn aġġornat u tipprovdi gwida għal ritorni aktar operazzjonali mill-UE u l-Istati Membri u r-riammissjoni effettiva abbażi tal-acquis eżistenti.

(6)

Fid-dawl taż-żieda attwali fin-numru ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jidħlu u joqogħdu illegalment fl-Istati Membri, u sabiex tiġi żgurata l-kapaċità xierqa li jiġu protetti dawk fil-bżonn, huwa meħtieġ li tintuża b'mod sħiħ il-flessibbiltà prevista fid-Direttiva 2008/115/KE. Implimentazzjoni aktar effettiva ta' dik id-Direttiva għandha tnaqqas il-possibbiltajiet ta' użu ħażin tal-proċeduri u tneħħi l-ineffiċjenzi, filwaqt li jiġi żgurat il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali kif minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(7)

Din ir-Rakkomandazzjoni tipprovdi gwida dwar kif id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115/KE għandhom jintużaw biex jinkisbu proċeduri aktar effettivi ta' ritorn, u ssejjaħ lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri neċessarji biex jitneħħew l-ostakli legali u prattiċi għar-ritorn.

(8)

Politika effettiva ta' ritorn tal-Unjoni tirrikjedi miżuri effiċjenti u proporzjonati għall-arrest u l-identifikazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi residenti illegalment, l-ipproċessar mgħaġġel tal-każijiet tagħhom, u l-kapaċità adegwata biex tiġi żgurata l-preżenza tagħhom fid-dawl tar-ritorn.

(9)

L-organizzazzjoni ta' ritorn teħtieġ organizzazzjoni effiċjenti u integrata sew tal-kompetenzi multidixxiplinari fuq livell nazzjonali. Barra minn hekk, din titlob proċeduri u strumenti li jippermettu li l-informazzjoni ssir disponibbli minnufih lill-awtoritajiet kompetenti, kif ukoll il-kooperazzjoni bejn l-atturi kollha li huma involuti fil-proċeduri differenti.

(10)

Persunal multi-dixxiplinarju mħarreġ u kompetenti li jiġbor il-kompetenzi rilevanti kollha huwa meħtieġ biex ikun żgurat li l-awtoritajiet nazzjonali jkunu jistgħu jirrispondu għall-bżonnijiet, b'mod partikolari f'ċirkustanzi fejn l-Istati Membri huma kkonfrontati b'piż sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-obbligu ta' ritorn ta' ċittadini minn pajjiżi terzi residenti illegalment. Fl-organizzazzjoni ta' dan l-approċċ integrat u kkoordinat, l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu sħiħ mill-istrumenti finanzjarji, il-programmi u l-proġetti tal-Unjoni disponibbli fil-qasam tar-ritorn, b'mod partikolari l-Fond tal-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni. F'dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom iqisu wkoll il-pressjoni migratorja li l-awtoritajiet kompetenti qed jittrattaw.

(11)

Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115/KE, l-Istati Membri għandhom joħorġu b'mod sistematiku deċiżjoni ta' ritorn għal ċittadini ta' pajjiżi terzi b'residenza illegali fit-territorju tagħhom. Il-leġiżlazzjoni u l-prattika fl-Istati Membri ma jagħtux effett sħiħ lil dan l-obbligu fiċ-ċirkustanzi kollha, u b'hekk jimminaw l-effettività tas-sistema ta' ritorn tal-Unjoni. Pereżempju, ċerti Stati Membri ma joħorġux deċiżjonijiet ta' ritorn wara deċiżjoni negattiva dwar talba għall-ażil jew permess ta' residenza, jew ma joħroġux deċiżjonijiet bħal dawn lil ċittadini ta' pajjiżi terzi residenti illegalment li ma jkollhomx dokument ta' identità jew dokument tal-ivvjaġġar validu.

(12)

Skont l-istruttura istituzzjonali tal-Istati Membri, b'mod partikolari meta l-awtoritajiet differenti jittrattaw il-proċess, deċiżjoni ta' ritorn ma tkunx neċessarjament jew immedjatament segwita minn talba lill-awtoritajiet ta' pajjiżi terzi sabiex jivverifikaw l-identità taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi residenti illegalment u biex jikkunsinnaw dokument validu tal-ivvjaġġar.

(13)

Skont l-Artikolu 13 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen (6), persuna li tkun qasmet fruntiera illegalment u li ma jkollhiex dritt li tibqa' fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat għandha tkun arrestata u soġġetta għall-proċeduri li jirrispettaw id-Direttiva 2008/115/KE.

(14)

Id-Direttiva 2008/115/KE tistabbilixxi li l-istat tas-saħħa taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi kkonċernati għandu jiġi kkunsidrat fl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, u li l-kura tas-saħħa ta' emerġenza u t-trattament essenzjali ta' mard għandhom jiġu pprovduti sar-ritorn. Madankollu huwa essenzjali li jiġi żgurat li t-tneħħija ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi residenti illegalment tiġi infurzata u jittieħdu miżuri għall-prevenzjoni ta' mġiba mmirata lejn it-tfixkil jew il-prevenzjoni tar-ritorn, bħal dikjarazzjonijiet mediċi ġodda foloz. Barra minn hekk, huwa wkoll meħtieġ li jiġu stabbiliti miżuri li jindirizzaw b'mod b'aktar effiċjenti l-applikazzjonijiet għall-ażil magħmula biss sabiex jittardjaw jew ifixklu l-infurzar ta' deċiżjonijiet ta' ritorn.

(15)

Id-Direttiva 2008/115/KE, filwaqt li tobbliga liċ-ċittadin ta' pajjiż terz residenti illegalment li jitlaq mill-Unjoni, teħtieġ li deċizjonijiet ta' ritorn jiġu infurzati biss mill-Istati Membri li joħorġu d-deċiżjoni ta' ritorn. Proċess ta' ritorn jista' jiġi mniedi f'kull Stat Membru li jaqbad l-istess ċittadin ta' pajjiż terz residenti illegalment. Ir-rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjoni ta' ritorn, kif previst fid-Direttiva tal-Kunsill 2001/40/KE (7) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/191/KE (8), se jaċċellera l-proċess ta' ritorn u jiskoraġġixxi movimenti sekondarji mhux awtorizzati fl-Unjoni.

(16)

Id-detenzjoni tista' tkun element essenzjali għat-tisħiħ tal-effettività tas-sistema ta' ritorn tal-Unjoni, li għandha tintuża biss jekk l-ebda miżuri suffiċjenti iżda inqas koersivi oħra ma jistgħu jiġu applikati b'mod effettiv skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115/KE. B'mod partikolari, fejn meħtieġ, sabiex jiġi żgurat li ċittadini ta' pajjiżi terzi residenti illegalment ma jaħarbux, id-detenzjoni tista' tippermetti għal tħejjija u organizzazzjoni b'suċċess tal-operazzjonijiet ta' ritorn.

(17)

Il-perjodu massimu ta' detenzjoni li qed jintuża bħalissa minn diversi Stati Membri huwa sinifikament iqsar minn dak permess mid-Direttiva 2008/115/KE u li huwa meħtieġ biex titlesta l-proċedura ta' ritorn b'suċċess. Dawn il-perjodi qosra ta' detenzjoni qed jipprekludu t-tneħħija effettiva.

(18)

L-iskadenzi stipulati biex isiru appelli kontra d-deċiżjonijiet relatati mar-ritorn ivarjaw b'mod sinifikanti fost l-Istati Membri, b'differenza ta' minn ftit jiem sa xahar jew aktar. F'konformità mad-drittijiet fundamentali, l-iskadenza għandha tipprovdi żmien biżżejjed biex tiżgura aċċess għal rimedju effettiv, filwaqt li tqis li skadenzi twal jista' jkollhom effett detrimentali fuq il-proċeduri ta' ritorn.

(19)

Iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi residenti irregolarment għandhom ikunu mogħtija d-dritt li jinstemgħu mill-awtoritajiet kompetenti qabel ma tittieħed kull miżura individwali li tolqothom.

(20)

Skont id-Direttiva 2008/115/KE, effett sospensiv awtomatiku tal-appelli kontra d-deċiżjonijiet ta' ritorn għandu jingħata meta hemm riskju li ċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikkonċernat ikun espost għal riskju reali ta' trattament ħażin fil-każ ta' ritorn, bi ksur tal-Artikoli 19(2) u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (9).

(21)

Numru kbir ta' Stati Membri jwettqu valutazzjonijiet ripetittivi tar-riskju ta' refoulement tul il-fażijiet kollha differenti tal-proċeduri ta' ażil u ritorn, li jistgħu jikkawżaw id-dewmien bla bżonn fir-ritorn ta' ċittadini minn pajjiżi terzi residenti illegalment.

(22)

Ir-ritorn ta' minuri mhux akkumpanjat lejn il-pajjiż terz ta' oriġini u r-riunifikazzjoni mal-familja jistgħu jkunu fl-aħjar interess tal-minuri. Il-projbizzjoni li joħorġu deċiżjonijiet ta' ritorn lil minuri mhux akkumpanjati, li teżisti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta' diversi Stati Membri, ma tagħtix effett sħiħ lill-obbligu tal-Istati Membri li jieħdu kont dovut tal-aħjar interessi tal-minuri, u biex jagħtu kas iċ-ċirkustanzi ta' kull każ individwali. Dawn il-projbizzjonijiet jistgħu joħolqu konsegwenzi mhux intenzjonati għall-immigrazzjoni illegali, u jinċitaw minuri mhux akkumpanjati biex jimbarkaw fuq vjaġġi perikoluż sabiex jilħqu l-Unjoni.

(23)

Id-deċiżjonijiet dwar l-istatus legali u dwar ir-ritorn ta' minuri mhux akkumpanjati għandhom dejjem ikunu bbażati fuq valutazzjonijiet individwali, multi-dixxiplinarji u robusti tal-aħjar interessi tagħhom, inklużi ir-rintraċċar tal-familja u l-valutazzjoni tad-dar. Tali valutazzjoni għandha tkun iddokumentata kif xieraq.

(24)

F'konformità mal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2008/115/KE li jiddefinixxi l-kundizzjonijiet li taħthom l-Istati Membri jistgħu jużaw id-detenzjoni fir-rigward tal-minuri mhux akkumpanjati u tal-familji b'minuri bħala l-aħħar miżura u għall-iqsar perjodu ta' żmien xieraq, l-Istati Membri għandhom jiżguraw id-disponibbiltà ta' alternattivi għad-detenzjoni tat-tfal. Meta madankollu, ma jeżistu l-ebda alternattivi bħal dawn, projbizzjoni assoluta tad-detenzjoni f'każi bħal dawn, tista' ma tagħtix effett sħiħ lill-obbligu li jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw ir-ritorn, li jwassal għall-annullament tal-operazzjonijiet ta' ritorn minħabba ħarba.

(25)

Sakemm issir l-adozzjoni tal-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen għar-ritorn ta' ċittadini minn pajjiżi terzi residenti illegalment (10), l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu sħiħ mill-possibbiltà li jdaħħlu twissija dwar il-projbizzjoni ta' dħul skont l-Artikolu 24(3) tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).

(26)

Din ir-Rakkomandazzjoni għandha tiġi indirizzata lill-Istati Membri kollha marbuta bid-Direttiva 2008/115/KE.

(27)

L-Istati Membri għandhom jagħtu struzzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali tagħhom kompetenti li jwettqu kompiti relatati mar-ritorn biex japplikaw din ir-Rakkomandazzjoni meta jwettqu dmirijiethom.

(28)

Din ir-Rakkomandazzjoni tikkonforma mad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B'mod partikolari, din ir-Rakkomandazzjoni tiżgura r-rispett sħiħ għad-dinjità tal-bniedem u l-applikazzjoni tal-Artikoli 1, 4, 14, 18, 19, 24 u 47 tal-Karta u għandha tiġi implimentata kif xieraq,

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

KAPAĊITAJIET RINFURZAT U AĦJAR TA' RITORN

(1)

Biex jindirizzaw l-ostakli proċedurali, tekniċi, u operattivi eżistenti għal ritorni aktar effettivi, l-Istati Membri għandhom mill-1 ta' Ġunju 2017 jsaħħu l-kapaċità tagħhom li jwettqu r-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi residenti illegalment billi jiżguraw approċċ integrat u kkoordinat.

(2)

L-għanijiet ta' approċċ integrat u koordinat bħal dan fil-qasam tar-ritorn għandhom ikunu:

(a)

l-iżgurar ta' proċeduri ta' ritorn rapidi u ż-żieda sostanzjali tar-rata ta' ritorn;

(b)

l-immobilizzar, kif meħtieġ, tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-immigrazzjoni, u l-koordinazzjoni tal-azzjonijiet mal-awtoritajiet ġudizzjarji, l-awtoritajiet ta' detenzjoni, is-sistemi ta' tutela, is-servizzi mediċi u soċjali, biex tiġi żgurata d-disponibilità ta' tweġibiet multidixxiplinari rapidi u adegwati mill-awtoritajiet kollha involuti fil-proċeduri ta' ritorn;

(c)

l-iżgurar li numru biżżejjed ta' persunal imħarreġ u kompetenti, mill-awtoritajiet kollha b'kompetenzi fil-proċeduri ta' ritorn, ikun disponibbli biex jirrispondi malajr, u jekk ikun meħtieġ fuq bażi 24/7, speċjalment fl-iffaċċjar ta' piż dejjem akbar fl-implimentazzjoni tal-obbligu li jiġu ritornati ċittadini ta' pajjiżi terzi residenti illegalment;

(d)

skont is-sitwazzjoni speċifika tal-Istat Membru, l-użu ta' impjegati addizzjonali fil-fruntieri esterni tal-Unjoni bil-mandat u l-kapaċità li jieħdu miżuri immedjati biex jiddeterminaw u jivverifikaw l-identità u l-istatus legali ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi u jirrifjutaw immedjatament dħul jew joħorġu deċiżjonijiet ta' ritorn lil dawk li m'għandhom l-ebda dritt li jidħlu jew li jibqgħu fl-Unjoni.

(3)

L-approċċ integrat u kkoordinat fil-qasam tar-ritorn għandu jissodisfa, b'mod partikolari, il-kompiti li ġejjin:

(a)

it-twettiq ta' eżamijiet mediċi malajr sabiex jiġu evitati abbużi potenzjali fis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punt 9(b);

(b)

il-koordinazzjoni u l-iskambjar tal-informazzjoni operazzjonali rilevanti ma' Stati Membri oħra u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għat-twettiq tal-għanijiet u l-kompiti tagħhom;

(c)

l-użu sħiħ tas-sistemi tal-IT rilevanti, bħall-Eurodac, is-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS) u s-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS), biex tinkiseb informazzjoni f'waqtha dwar l-identità u s-sitwazzjoni legali taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi kkonċernati.

(4)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-unitajiet jew il-korpi inkarigati biex jiżguraw l-approċċ integrat u kkoordinat ikunu allokati r-riżorsi umani, finanzjarji u materjali kollha meħtieġa.

ĦRUĠ SISTEMATIKU TA' DEĊIŻJONIJIET TA' RITORN

(5)

Għall-iskop li jkun żgurat li deċiżjonijiet ta' ritorn jinħarġu b'mod sistematiku lil ċittadini ta' pajjiżi terzi li jew ma jkollhomx jew m'għadx għandhom id-dritt li jibqgħu fl-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri għandhom:

(a)

idaħħlu miżuri biex jillokalizzaw b'mod effettiv u jaqbdu ċ-ċittadini minn pajjiżi terzi residenti illegalment;

(b)

joħorġu deċiżjonijiet ta' ritorn irrispettivament minn jekk iċ-ċittadin ta' pajjiż terz residenti illegalment ikollux dokument ta' identità jew ivvjaġġar;

(c)

jagħmlu l-aħjar użu mill-possibbiltà prevista fl-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 2008/115/KE li jingħaqdu f'att wieħed jew li jadottaw simultanjament id-deċiżjoni dwar it-tmiem ta' soġġorn legali u d-deċiżjoni ta' ritorn, sakemm is-salvagwardji rilevanti u d-dispożizzjonijiet għal kull deċiżjoni individwali jkunu rispettati.

(6)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li deċiżjonijiet ta' ritorn ikollhom perjodu mhux limitat, sabiex ikunu jistgħu jiġu infurzati f'kull mument mingħajr il-ħtieġa għal tnedija mill-ġdid ta' proċeduri ta' ritorn wara ċertu perjodu ta' żmien. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-obbligu li jittieħed kont ta' kull bidla fis-sitwazzjoni individwali taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi kkonċernati, inkluż ir-riskju ta' refoulement.

(7)

L-Istati Membri għandhom jintroduċu b'mod sistematiku fid-deċiżjonijiet ta' ritorn l-informazzjoni li ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jridu jħallu t-territorju tal-Istat Membru biex jilħqu pajjiż terz, biex jiskoraġġixxu u jevitaw movimenti sekondarji mhux awtorizzati.

(8)

L-Istati Membri għandhom jagħmlu użu mid-deroga prevista fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115/KE meta dan jista' jipprovdi għal proċeduri aktar effettivi, b'mod partikolari fl-iffaċċjar ta' pressjoni migratorja sinifikanti.

L-INFURZAR EFFETTIV TAD-DEĊIŻJONIJIET TA' RITORN

(9)

Għall-iskop li jiġi żgurat ritorn rapidu taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi residenti illegalment, l-Istati Membri għandhom:

(a)

skont id-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), jorganizzaw proċeduri għall-eżami rapidu tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali fi proċedura aċċellerata jew, fejn dan ikun xieraq, proċedura tal-fruntieri, inkluż fejn applikazzjoni għall-ażil tkun magħmula biss biex tittardja jew tfixkel l-infurzar ta' deċiżjoni ta' ritorn;

(b)

jieħdu passi biex jipprevjenu l-abbużi potenzjali relatati ma' dikjarazzjonijiet mediċi ġodda foloz immirati lejn il-prevenzjoni ta' tneħħija, pereżempju billi jiżguraw li jkun disponibbli persunal mediku maħtur mill-awtorità nazzjonali rilevanti biex jipprovdi opinjoni oġġettiva u indipendenti;

(c)

jiżguraw li d-deċiżjonijiet ta' ritorn ikunu segwiti mingħajr dewmien minn talba lill-pajjiż terz ta' ammissjoni mill-ġdid biex jagħti dokumenti tal-ivvjaġġar validi jew li jaċċetta l-użu tad-dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn maħruġ skont ir-Regolament (UE) 2016/1953 tal-Parlament Ewropew u tal- Kunsill (13);

(d)

jagħmlu użu mill-istrument ta' rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ta' ritorn previst mid-Direttiva 2001/40/KE u Deċiżjoni 2004/191/KE.

(10)

Għall-iskop li tkun żgurata effettivament it-tneħħija taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi residenti illegalment, l-Istati Membri għandhom:

(a)

jużaw id-detenzjoni kif meħtieġ u kif xieraq fil-każijiet previsti fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115/KE, u b'mod partikolari fejn hemm riskju ta' ħarba kif previst fil-punti 15 u 16 ta' din ir-Rakkomandazzjoni;

(b)

jipprovdu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali perjodu inizjali massimu ta' detenzjoni ta' sitt xhur li jista' jiġi adattat mill-awtoritajiet ġudizzjarji fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, u l-possibbiltà li tittawwal id-detenzjoni sa 18-il xahar fil-każijiet previsti fl-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2008/115/KE;

(c)

iġibu l-kapaċità ta' detenzjoni konformi mal-bżonnijiet attwali, inkluż bl-użu fejn ikun meħtieġ tad-deroga għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza kif provdut fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2008/115/KE.

(11)

Fir-rigward taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi residenti illegalment li intenzjonalment jostakolaw il-proċessi ta' ritorn, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw l-użu ta' sanzjonijiet skont il-liġi nazzjonali. Dawn is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi u m'għandhomx ifixklu l-kisba tal-għan tad-Direttiva 2008/115/KE.

SALVAGWARDJI PROĊEDURALI U RIMEDJI

(12)

L-Istati Membri għandhom:

(a)

jgħaqqdu fi stadju proċedurali wieħed, sa fejn hu possibbli, seduti amministrattivi li jkunu twettqu mill-awtoritajiet kompetenti għal skopijiet differenti, bħal għall-għoti ta' permess ta' residenza, għar-ritorn jew għad-detenzjoni. Metodi ġodda ta' kif jitwettqu tali seduti ta' smigħ ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi, bħall-użu ta' vidjokonferenzi, għandhom jiġu żviluppati wkoll;

(b)

jipprovdu l-iqsar skadenza possibbli għall-preżentazzjoni ta' appelli kontra deċiżjonijiet ta' ritorn stabbilita mil-liġi nazzjonali f'sitwazzjonijiet paragunabbli, biex jiġi evitat l-użu ħażin tad-drittijiet u l-proċeduri, b'mod partikolari l-appelli ppreżentati ftit qabel id-data skedata tat-tneħħija;

(c)

jiżguraw li l-effett sospensiv awtomatiku tal-appelli kontra deċiżjonijiet ta' ritorn jingħata biss meta dan ikun meħtieġ għall-konformità mal-Artikoli 19(2) u 47 tal-Karta;

(d)

jevitaw valutazzjonijiet ripetittivi tar-riskju tal-ksur tal-prinċipju ta' non-refoulement, jekk ir-rispett ta' dak il-prinċipju diġà jkun ġie vvalutat fi proċeduri oħrajn, il-valutazzjoni hija finali u m'hemm l-ebda bidla fis-sitwazzjoni individwali taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi kkonċernati.

FAMILJA U TFAL

(13)

Biex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tat-tfal, u jitqiesu b'mod sħiħ l-aħjar interessi tat-tfal u l-ħajja tal-familja skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115/KE, l-Istati Membri għandhom:

(a)

jistabbilixxu regoli ċari dwar l-istatus legali ta' minuri mhux akkumpanjati li jippermettu jew li jinħarġu deċiżjonijiet ta' ritorn u jitwettqu r-ritorni jew li jingħatalhom dritt ta' soġġorn;

(b)

jiżguraw li d-deċiżjonijiet dwar l-istatus legali ta' minuri mhux akkumpanjati jkunu dejjem ibbażati fuq valutazzjoni individwali tal-aħjar interessi tagħhom. Din il-valutazzjoni għandha tqis b'mod sistematiku jekk ir-ritorn ta' minuri mhux akkumpanjat lejn il-pajjiż ta' oriġini u r-riunifikazzjoni mal-familja tiegħu huwiex fl-aħjar interess tiegħu;

(c)

jimplimentaw linji politiċi mmirati ta' integrazzjoni mill-ġdid għall-minuri mhux akkumpanjati;

(d)

jiżguraw li l-valutazzjoni tal-aħjar interessi tat-tfal titwettaq sistematikament mill-awtoritajiet kompetenti fuq il-bażi ta' approċċ multi-dixxiplinarju, li l-minuri mhux akkumpanjat jiġi mismugħ u li tutur ikun involut kif dovut.

(14)

Fir-rigward tad-drittijiet fundamentali u tal-kundizzjonijiet stabbiliti mid-Direttiva 2008/115/KE, l-Istati Membri ma għandhomx jipprekludu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom il-possibbiltà li jqiegħdu l-minuri f'detenzjoni, fejn dan hu strettament meħtieġ biex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni ta' deċiżjoni finali ta' ritorn safejn l-Istati Membri ma jkunux jistgħu jiżguraw li miżuri inqas koersivi mid-detenzjoni jistgħu jiġu applikati b'mod effettiv sabiex ikun żgurat ritorn effettiv.

IR-RISKJU TA' ĦARBA

(15)

Kull waħda miċ-ċirkustanzi oġġettivi li ġejjin għandhom jikkostitwixxu preżunzjoni konfutabbli li hemm riskju ta' ħarba:

(a)

ir-rifjut tal-kooperazzjoni fil-proċess ta' identifikazzjoni, l-użu ta' dokumenti ta' identità foloz jew falsifikati, il-qerda jew disponiment ta' xort'oħra minn dokumenti eżistenti, ir-rifjut tal-għoti tal-marki tas-swaba;

(b)

l-opponiment vjolenti jew frawdolenti tal-operazzjoni ta' ritorn;

(c)

in-nuqqas ta' konformità ma' miżura maħsuba biex tevita l-ħarba imposta bl-applikazzjoni tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2008/115/KE, bħan-nuqqas tar-rapportar lill-awtoritajiet kompetenti jew li wieħed jibqa' f'ċertu post;

(d)

in-nuqqas ta' konformità ma' projbizzjoni ta' dħul eżistenti;

(e)

movimenti sekondarji mhux awtorizzati lejn Stat Membru ieħor.

(16)

L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-kriterji li ġejjin jitqiesu kif xieraq bħala indikazzjoni li ċittadin ta' pajjiż terz residenti illegament jippreżenta riskju ta' ħarba:

(a)

espressjoni espliċita tal-intenzjoni tan-nuqqas ta' konformità ma' deċiżjoni ta' ritorn;

(b)

nuqqas ta' konformità mal-perjodu għat-tluq volontarju;

(c)

kundanna eżistenti għal reat kriminali serju fl-Istati Membri.

TLUQ VOLONTARJU

(17)

L-Istati Membri għandhom jagħtu biss it-tluq volontarju wara talba miċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikkonċernat, filwaqt li jiżguraw li ċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikun infurmat tajjeb dwar il-possibbiltà li jippreżenta tali applikazzjoni.

(18)

L-Istati Membri għandhom jipprovdu fid-deċiżjoni ta' ritorn l-iqsar perjodu possibbli għat-tluq volontarju meħtieġ biex ikun organizzat u jitmexxa r-ritorn, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkustanzi individwali tal-każ.

(19)

Fid-determinazzjoni tat-tul tal-perjodu għat-tluq volontarju, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw iċ-ċirkostanzi individwali tal-każ, b'mod partikolari l-prospetti tar-ritorn u r-rieda taċ-ċittadin ta' pajjiż terz residenti illegalment li jikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti bil-ħsieb ta' ritorn.

(20)

Perjodu itwal minn sebat ijiem għandu jingħata biss meta ċ-ċittadin ta' pajjiż terz residenti illegalment jikkopera b'mod attiv fid-dawl tar-ritorn.

(21)

L-ebda perijodu għat-tluq volontarju m'għandu jingħata fil-każijiet previsti fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/115/KE, b'mod partikolari meta ċ-ċittadin ta' pajjiż terz residenti illegalment jippreżenta riskju ta' ħarba kif previst fil-punti 15 u 16 ta' din ir-Rakkomandazzjoni u f'każijiet ta' kundanni preċedenti għal reati kriminali serji fi Stati Membri oħra.

PROGRAMMI TA' RITORN VOLONTARJU ASSISTIT

(22)

L-Istati Membri għandu jkollhom programmi ta' ritorn volontarju assistit operattivi sal-1 ta' Ġunju 2017, li għandhom ikunu konformi mal-istandards komuni dwar il-Programmi ta' Ritorn u Reintegrazzjoni Volontarji Assistiti żviluppati mill-Kummissjoni b'kooperazzjoni mal-Istati Membri u approvati mill-Kunsill (14).

(23)

L-Istati Membri għandhom jieħdu azzjoni biex itejbu l-proċess tagħhom ta' tixrid ta' informazzjoni dwar ir-ritorn volontarju u l-programmi ta' ritorn volontarju assistit lil ċittadini minn pajjiżi terzi residenti illegalment, b'kooperazzjoni mas-servizzi nazzjonali tal-edukazzjoni, is-servizzi soċjali u dawk tas-saħħa.

PROJBIZZJONIJIET TA' DĦUL

(24)

Għall-iskop li jsir użu sħiħ tal-projbizzjonijiet ta' dħul, l-Istati Membri għandhom:

(a)

jiżguraw li l-projbizzjonijiet ta' dħul jibdew ikunu validi fil-jum li fih iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jitilqu mill-UE sabiex id-dewmien effettiv tagħhom ma jiġix imqassar bla bżonn; dan għandu jiġi żgurat fil-każijiet fejn id-data tat-tluq tkun magħrufa mill-awtoritajiet nazzjonali, b'mod partikolari fil-każijiet ta' tneħħija u ta' tluq flimkien ma' programm ta' ritorn volontarju assistit;

(b)

jistabbilixxu mezzi biex jivverifikaw jekk ċittadin ta' pajjiż terz residenti illegalment fl-Unjoni Ewropea jkunx telaq fil-perijodu għat-tluq volontarju, u biex jiżguraw segwitu effettiv fil-każ li din il-persuna ma tkunx telqet, inkluż bil-ħruġ ta' projbizzjoni ta' dħul;

(c)

idaħħlu sistematikament twissija dwar projbizzjoni ta' dħul fis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 24(3) tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006; u

(d)

jistabbilixxu sistema għall-ħruġ ta' deċiżjoni ta' ritorn fil-każijiet fejn is-soġġorn illegali jiġi skopert waqt verifika tal-ħruġ. Fejn ikun ġustifikat, wara valutazzjoni individwali u fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta' proporzjonalità, projbizzjoni ta' dħul għandha tinħareġ sabiex jiġu evitati r-riskji futuri ta' soġġorn illegali.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Marzu 2017.

Għall-Kummissjoni

Dimitris AVRAMOPOULOS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, 24.12.2008, p. 98).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1053/2013 tas-7 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta' evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta' Schengen u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tas-16 ta' Settembru 1998 li stabbilixxiet Kumitat Permanenti għall-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni ta' Schengen (ĠU L 295, 6.11.2013, p. 27).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/381/KE tal-14 ta' Mejju 2008 li tistabbilixxi Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni (ĠU L 131, 21.5.2008, p. 7).

(4)  Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20-21 ta' Ottubru 2016, EUCO 31/16.

(5)  L-istqarrija għall-istampa tal-Kunsill Ewropew 43/17 tat-3 ta' Frar 2017.

(6)  Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu, 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) (ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1).

(7)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/40/KE tat-28 ta' Mejju 2001 dwar ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet dwar l-espulsjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi (ĠU L 149, 2.6.2001, p. 34).

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/191/KE tat-23 ta' Frar 2004 li tistabbilixxi l-kriterji u l-arranġamenti prattiċi għall-kumpens tal-iżbilanċi finanzjarji li jirriżultaw mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/40/KE dwar ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet dwar l-espulsjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi (ĠU L 60, 27.2.2004, p. 55).

(9)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, każ C-562/13 tat-18 ta' Diċembru 2014.

(10)  COM(2016) 881 final.

(11)  Ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 20 ta' Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta' informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU L 381, 28.12.2006, p. 4).

(12)  Id-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, 2013.6.29, p. 60).

(13)  Ir-Regolament (UE) 2016/1953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2016 dwar l-istabbiliment ta' dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, u li jħassar ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 1994 (ĠU L 311, 2016.11.17, p. 13).

(14)  Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9-10 ta' Ġunju 2016.