24.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 92/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-21 ta’ Marzu 2017

dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro

(2017/C 92/01)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 136, flimkien mal-Artikolu 121(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

L-irkupru ekonomiku fiż-żona tal-euro għadu għaddej, iżda għadu fraġli. Sar progress sinifikanti fl-aħħar snin: mill-2015, il-prodott domestiku gross (PDG) taż-żona tal-euro mar lura għal-livell ta’ qabel il-kriżi f’termini reali u l-qgħad naqas għal-livell l-aktar baxx mill-2010-2011. Madankollu d-domanda aggregata għadha batuta, l-inflazzjoni qiegħda ‘l isfel sew mill-mira, minkejja politika monetarja akkomodanti ħafna mill-Bank Ċentrali Ewropew, u t-tkabbir hu mxekkel minn dak li ħalliet warajha l-kriżi, bħal żbilanċi makroekonomiċi persistenti u livell għoli ta’ dejn fis-setturi kollha tal-ekonomija, li jirrikjedu tnaqqis fl-ingranaġġ u jnaqqsu r-riżorsi disponibbli għall-konsum u l-investiment. Barra minn hekk, filwaqt li l-potenzjal ta’ tkabbir tal-ekonomija taż-żona tal-euro kellu t-tendenza ta’ tnaqqis fit-tul, din kienet kompliet tiġi aċċentwata mill-kriżi. Minkejja sinjali ta’ titjib, in-nuqqas persistenti tal-investimenti u l-livell għoli ta’ qgħad jirriskjaw li l-prospetti ta’ tkabbir ikomplu jiddgħajfu. Kompliet in-natura asimmetrika tal-ibbilanċjar mill-ġdid tal-ekonomija taż-żona tal-euro, u kienu biss il-pajjiżi debituri netti li kkoreġew l-iżbilanċi tagħhom, u dan qed iwassal għal żieda fis-surplus fil-kont kurrenti. Fil-qafas tal-ftehim globali fi ħdan il-G20, l-Istati Membri taż-żona tal-euro huma msejħa biex — individwalment u kollettivament — jużaw l-għodod politiċi kollha, inkluż dawk fiskali u strutturali, biex jiksbu tkabbir b’saħħtu, sostenibbli, ibbilanċjat u inklużiv.

(2)

Riformi strutturali ambizzjużi għandhom jiffaċilitaw ir-riallokazzjoni effiċjenti u bla xkiel tar-riżorsi umani kif ukoll tal-kapital u jgħinu biex jiġu indirizzati l-isfidi maħluqa minn bidliet teknoloġiċi u strutturali kontinwi. Huma meħtieġa riformi li joħolqu klima li tgħin lin-negozju, jikkompletaw is-Suq Uniku u jneħħu l-ostakli għall-investiment. Dawk l-isforzi huma kruċjali sabiex jiżdiedu l-produttività u l-impjiegi, tissaħħaħ il-konverġenza u jissaħħu t-tkabbir potenzjali u l-kapaċità ta’ aġġustament tal-ekonomija taż-żona tal-euro. L-implimentazzjoni tar-riforma strutturali, bil-ħolqien ta’ swieq effiċjenti b’mekkaniżmi reattivi ta’ prezzijiet, tappoġġa l-politika monetarja billi tiffaċilita t-trasmissjoni tagħha fl-ekonomija reali. Ir-riformi li jneħħu l-ostakli għall-investiment u jappoġġaw l-investiment jistgħu jagħtu benefiċċju doppju b’appoġġ għall-attività ekonomika fuq perijodu qasir ta’ żmien u ħolqien ta’ kapaċità għal tkabbir sostenibbli u inklużiv fit-tul. Ir-riformi li jtejbu l-produttività huma partikolarment importanti għall-Istati Membri bi bżonnijiet kbar ta’ tnaqqis fl-ingranaġġ marbuta ma’ dejn estern għoli, peress li tkabbir iktar mgħaġġel jikkontribwixxi għat-tnaqqis tad-dejn bħala proporzjon tal-PDG. It-tisħiħ tal-kompetittività tal-prezzijiet u ta’ dik li mhix marbuta mal-prezzijiet jikkontribwixxi ulterjorment għall-ibbilanċjar mill-ġdid estern f’dawk il-pajjiżi. L-Istati Membri b’surpluses kbar fil-kontijiet kurrenti jistgħu jikkontribwixxu għall-ibbilanċjar mill-ġdid fiż-żona tal-euro billi jintroduċu miżuri, inkluż riformi strutturali, li jiffaċilitaw it-trasmissjoni tat-tfaddil eċċessiv lejn id-domanda domestika, b’mod partikolari billi jissaħħaħ l-investiment. Il-kuntest attwali ta’ rati ta’ imgħax baxxi joffri wkoll opportunitajiet addizzjonali f’dak ir-rigward, b’mod partikolari fi Stati Membri bi spazju fiskali sinifikanti.

(3)

Koordinazzjoni aħjar tal-implimentazzjoni tar-riformi strutturali, inkluż dawk preskritti fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u dawk meħtieġa biex jikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM), tista’ tiġġenera effetti pożittivi fl-Istati Membri u ssaħħaħ l-effetti pożittivi tagħhom fuq perijodu qasir ta’ żmien. Id-diskussjonijiet tematiċi tal-Grupp tal-Euro fil-fatt kienu siewja biex jinbena fehim komuni tal-prijoritajiet ta’ riforma fiż-żona tal-euro, fejn kien hemm kondiviżjoni tal-aħjar prattiki, promozzjoni tal-implimentazzjoni tar-riforma u tal-konverġenza strutturali. Dawk id-diskussjonijiet għandhom jissoktaw fil-Grupp tal-Euro, u jissaħħu fejn possibbli, inkluż billi jsir użu effettiv mill-prinċipji u l-valutazzjoni komparattiva komuni u miftiehma. Dawk id-diskussjonijiet għandhom ikomplu bla ħsara għad-diskussjonijiet li għaddejjin fil-konfigurazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, u b’rikonoxximent tar-rilevanza u n-natura tal-isfidi u l-esperjenzi komuni mal-Unjoni kollha fejn dan japplika. B’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-Bordijiet Nazzjonali tal-Produttività (1) adottata fl-20 ta’ Settembru 2016, il-Bordijiet Nazzjonali tal-Produttività jistgħu jikkontribwixxu wkoll biex irawmu s-sjieda u l-implimentazzjoni tar-riformi meħtieġa fil-livell nazzjonali.

(4)

Hija essenzjali koordinazzjoni b’saħħitha ta’ politiki fiskali nazzjonali, ibbażati fuq regoli komuni, biex wieħed jasal għal pożizzjoni fiskali aggregata adatta u għall-funzjonament tajjeb tal-unjoni monetarja. Ir-regoli fiskali komuni huma mmirati lejn is-sostenibbiltà tad-dejn fil-livell nazzjonali, filwaqt li jiġi pprovdut spazju għal stabbilizzazzjoni makroekonomika. Konsegwentement, il-pożizzjonijiet fiskali nazzjonali u dawk aggregati taż-żona tal-euro għandhom jibbilanċjaw l-objettiv doppju tal-iżgurar tas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi nazzjonali u l-istabbilizzazzjoni makroekonomika fuq perijodu qasir ta’ żmien kemm fil-livell ta’ pajjiż kif ukoll fil-livell taż-żona tal-euro. Fl-istadju attwali ta’ inċertezza kbira dwar is-saħħa tal-irkupru u l-livell tal-kapaċità żejda fl-ekonomija, meta l-politika monetarja wasslet għal akkomodazzjoni sostanzjali, hi meħtieġa politika fiskali fil-livell taż-żona tal-euro biex tikkomplementa l-politika monetarja li tappoġġa d-domanda, b’mod partikolari fl-investiment, u li timxi lil hinn minn inflazzjoni baxxa waqt li jittieħed kont kif xieraq tat-tħassib attwali dwar is-sostenibbiltà tad-dejn. L-effettività tal-politika fiskali, inkluż l-effetti kollaterali madwar il-pajjiżi, hi msaħħa mill-kuntest ta’ rati baxxi ta’ imgħax. Fil-komunikazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Lejn pożizzjoni fiskali pożittiva għaż-żona tal-euro” maħruġa fis-16 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni tqis li għall-2017, hija mixtieqa espansjoni fiskali ta’ mhux anqas minn 0,5 % tal-PDG fil-livell taż-żona tal-euro kollha kemm hi fiċ-ċirkostanzi preżenti.

F’Lulju 2016, il-Grupp tal-Euro, abbażi tal-analiżi tal-Kummissjoni, ikkonkluda li l-pożizzjoni fiskali aggregata ġeneralment newtrali fl-2017 sabet bilanċ xieraq. F’Diċembru 2016, il-Grupp tal-Euro ssottolinja l-importanza li jinstab bilanċ xieraq bejn il-ħtieġa li tiġi żgurata s-sostenibbiltà u l-ħtieġa li jiġi appoġġat l-investiment, biex jissaħħaħ l-irkupru fraġli, u b’hekk jikkontribwixxi għal taħlita ta’ politika aktar bilanċjata. Fl-istess ħin, id-dejn pubbliku għadu għoli u għad hemm il-ħtieġa ta’ finanzi pubbliċi sostenibbli f’terminu medju f’għadd ta’ Stati Membri. Għal dik ir-raġuni, huwa neċessarju li jiġi żgurat li jkun hemm divrenzjar xieraq ta’ sforzi fiskali fl-Istati Membri, b’kont meħud ta’ spazju fiskali skont ir-regoli u effetti kollaterali fost il-pajjiżi taż-żona tal-euro. L-Istati Membri li qed jaqbżu l-objettivi fiskali tagħhom jistgħu jużaw is-sitwazzjoni baġitarja favorevoli tagħhom għal aktar tisħiħ tad-domanda domestika u tal-potenzjal tat-tkabbir tagħhom, skont iċ-ċirkostanzi speċifiċi għall-pajjiżi, filwaqt li jiġu rrispettati l-objettiv fuq terminu medju, il-prerogattivi baġitarji nazzjonali u r-rekwiżiti nazzjonali.

Per eżempju, il-garanziji tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi stabbilit mir- Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) huma mezz partikolarment effettiv għall-Istati Membri bi spazju fiskali biex jimmassimizzaw l-impatt fuq l-ekonomija reali u l-irkupru fiż-żona tal-euro. L-Istati Membri li jeħtieġu aġġustamenti fiskali ulterjuri taħt il-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST) għandhom jiżguraw li jkunu konformi mar-rekwiżiti tal-PST għall-2017. Taħt il-parti korrettiva tal-PST, jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw korrezzjoni fil-ħin u dejjiema tad-defiċits eċċessivi tagħhom, li tipprovdi buffers fiskali għal ċirkostanzi imprevisti. L-Istati Membri għandhom jimxu fuq politiki fiskali b’rispett sħiħ tal-PST, filwaqt li jsir l-aħjar użu tal-flessibbiltà integrata fir-regoli eżistenti. Ir-riformi strutturali, b’mod partikolari dawk li jżidu l-produttività, jappoġġaw it-tkabbir u jtejbu s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Barra minn hekk, titjib deċiżiv tal-kompożizzjoni u l-ġestjoni tal-baġits nazzjonali, kemm fuq in-naħa tad-dħul kif ukoll fuq in-naħa tan-nefqa, billi jċaqilqu r-riżorsi lejn investiment tanġibbli u intanġibbli, iżidu l-impatt tal-baġits fuq id-domanda fuq perijodu qasir ta’ żmien qasir u fuq il-produttività fit-tul. Huma meħtieġa oqfsa fiskali nazzjonali effettivi biex tissaħħaħ il-kredibbiltà tal-politiki tal-Istati Membri u tingħata għajnuna biex jinstab l-aħjar bilanċ bejn l-istabbilizzazzjoni makroekonomika fuq perijodu qasir ta’ żmien, is-sostenibbiltà tad-dejn u t-tkabbir fit-tul.

(5)

Is-swieq tax-xogħol qed ikomplu jirkupraw gradwalment fiż-żona tal-euro, bi tnaqqis kostanti fil-qgħad. Madankollu, il-qgħad fit-tul u l-qgħad fost iż-żgħażagħ għadhom għoljin filwaqt li l-faqar, l-esklużjoni soċjali u l-inugwaljanza jibqgħu ta’ tħassib serju f’diversi Stati Membri. Minkejja l-progress fir-riformi biex titjieb ir-reżiljenza u l-kapaċità ta’ aġġustament tas-swieq tax-xogħol, għad hemm differenzi sinifikanti madwar iż-żona tal-euro, li qed ikompli jxekklu l-funzjonament tajjeb taż-żona tal-euro. Sistemi mfassla tajjeb, ġusti u inklużivi tas-suq tax-xogħol, tal-protezzjoni soċjali u tat-taxxa u dawk ta’ benefiċċju huma meħtieġa għal riallokazzjoni kostanti u bla xkiel tal-ħaddiema lejn attivitajiet aktar produttivi, biex jappoġġaw l-integrazzjoni jew ir-riintegrazzjoni ta’ dawk li huma affettwati minn transizzjonijiet bejn xogħlijiet jew li jiġu esklużi mis-suq tax-xogħol, biex titnaqqas is-segmentazzjoni, tiġi promossal-konverġenza ekonomika u soċjali, inkluż billi jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ impjiegi ta’ kwalità. Dawn ser iwasslu wkoll għal stabbilizzazzjoni awtomatika aktar effettiva u għal tkabbir u impjieg aktar b’saħħithom, sostenibbli u inklużivi li huma importanti biex jiġu indirizzati l-isfidi soċjali fiż-żona tal-euro.

Ir-riformi neċessarji jinkludu: (i) bidliet fil-leġiżlazzjoni tal-ħarsien tal-impjiegi bl-għan li jintlaħqu arranġamenti kuntrattwali affidabbli, li jipprovdu flessibbiltà u sigurtà kemm għall-impjegati kif ukoll għal min iħaddem, jippromwovu transizzjonijiet tas-suq tax-xogħol u jippermettu aġġustament fil-kostijiet tax-xogħol meta jkun meħtieġ, qasam fejn l-isforzi ta’ riforma kienu partikolarment intensi f’dawn l-aħħar snin; (ii) it-titjib tal-ħiliet billi jitjiebu l-prestazzjoni u l-effiċjenza tas-sistemi tal-edukazzjoni u l-istrateġiji komprensivi ta’ tagħlim tul il-ħajja, li jiffokaw fuq il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol; (iii) politiki tas-suq tax-xogħol attivi effettivi, biex jgħinu lill-persuni bla impjieg, inkluż dawk qiegħda fit-tul, jidħlu lura fis-suq tax-xogħol u jżidu l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol; u (iv) sistemi ta’ protezzjoni soċjali moderni, sostenibbli u adegwati li jikkontribwixxu b’mod effettiv u effiċjenti matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja kemm għall-inklużjoni soċjali kif ukoll għall-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol. Barra minn hekk, meta t-taxxa titneħħa minn fuq ix-xogħol, partikolarment għal dawk b’introjtu baxx u l-iżgurar ta’ sistemi tat-taxxa l-istess għal kulħadd, ir-riżultati fis-suq tax-xogħol jistgħu jitjiebu. L-Istati Membri taż-żona tal-euro li jimplimentaw riformi bħal dawn huma aktar reżiljenti u juru prestazzjoni aħjar fil-qasam tal-impjiegi u dak soċjali. It-tfassil ta’ tali riformi jeħtieġ li jieħu kont tal-impatt soċjali potenzjali tagħhom.

(6)

L-istabbiliment tal-Unjoni Bankarja mexa ‘l quddiem, iżda għadu mhux lest. F’konformità mal-pjan direzzjonali ta’ Ġunju 2016, kif stipulat fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2016, ser tkompli l-ħidma biex titlesta l-Unjoni Bankarja fir-rigward tat-tnaqqis tar-riskji u l-kondiviżjoni tar-riskji, inkluż Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti u biex il-pjan ta’ emerġenza komuni għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni jsir operattiv sa mhux aktar tard minn tmiem il-perijodu transizzjonali tal-Fond kif definit fir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Filwaqt li l-flessibbiltà kumplessiva tas-settur bankarju taż-żona tal-euro żdiedet minħabba l-kriżi, il-pressjoni fuq il-banek akkumulat minħabba għadd ta’ fatturi, bħal livelli għolja ta’ self improduttiv, mudelli ta’ negozju ineffiċjenti u kapaċità żejda f’xi Stati Membri, li kollha jirriżultaw fi profitti baxxi u, f’xi każijiet, sfidi għall-vijabbiltà. Dik il-pressjoni ddgħajjef il-ħila tal-banek li jipprovdu self lill-ekonomija. Ir-riskji jinfirxu wkoll fuq l-ekonomija reali, fejn il-livell ta’ dejn pubbliku u dak privat mhux finanzjarju f’xi Stati Membri għadu għoli. Hemm ħtieġa għal tnaqqis ordnat u kontinwu fl-ingranaġġ fis-settur privat permezz ta’ ħidma, isservisjar u, jekk ikun hemm bżonn, ristrutturazzjoni tad-dejn ta’ debituri vijabbli f’diffikultà, u bir-riżoluzzjoni tal-istokks tad-dejn mhux vijabbli, sabiex il-kapital ikun jista’ jerġa’ jintuża aktar malajr u b’mod effiċjenti. F’dan il-kuntest, li jitnaqqsu l-livelli ta’ self improduttiv li għadhom għoljin u jiġu segwiti l-prinċipji komuni fit-tfassil ta’ oqfsa ta’ insolvenza għan-negozji u għall-unitajiet domestiċi, inkluż billi jittejbu l-proċeduri nazzjonali ta’ insolvenza u l-oqfsa ta’ riżoluzzjoni barra l-qrati, jikkostitwixxu l-komponenti ewlenin ta’ proċess ta’ tnaqqis fl-ingranaġġ li jirnexxi u li jiffavorixxi t-tkabbir.

(7)

Matul l-2016, sar xi progress fl-inizjattivi ppreżentati fir-Rapport tal-Ħames Presidenti “Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa” tat-22 ta’ Ġunju 2015 imħejji mill-President tal-Kummissjoni Ewropea, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Presidenti tal-Kunsill Ewropew, tal-Bank Ċentrali Ewropew, tal-Grupp tal-Euro u tal-Parlament Ewropew, bħar-rwol akbar tad-dimensjoni taż-żona tal-euro tas-Semestru Ewropew, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill fuq il-Bordijiet Nazzjonali għall-Produttività u l-istabbiliment ta’ Bord Fiskali Ewropew fi ħdan il-Kummissjoni. Għaddejja wkoll ħidma fuq it-titjib fit-trasparenza u t-tnaqqis tal-kumplessità tar-regoli fiskali u, f’Novembru 2015, il-Kummissjoni ħarġet proposta għal Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti. Barra minn hekk, hemm sfidi usa’ x’jiġu indirizzati fid-dawl tar-Rapport tal-Ħames Presidenti. Fl-1 ta’ Marzu 2017, il-Kummissjoni ħarġet White Paper dwar il-Futur tal-Ewropa, li tinkludi wkoll il-futur tal-UEM. Il-qbil dwar it-triq operazzjonali ‘l quddiem tirrikjedi sens kondiviż ta’ sjieda u sens ta’ impenn komuni fost l-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, kif ukoll fost l-Istati Membri mhux fiż-żona tal-euro, u UEM b’saħħitha ser tgħin biex jiġu indirizzati l-isfidi li għandha quddiemha l-Unjoni b’mod iktar b’saħħtu u jkollha impatt pożittiv fuq Stati Membri mhux fiż-żona tal-euro. F’dak ir-rigward, huwa importanti li d-diskussjonijiet dwar it-tlestija tal-UEM jitmexxew b’mod miftuħ u trasparenti għall-Istati Membri barra ż-żona tal-euro, b’rispett sħiħ tas-suq intern tal-Unjoni, u li, fejn xieraq, inizjattivi rilevanti jkunu miftuħa għall-Istati Membri barra ż-żona tal-euro fuq bażi ekwivalenti.

(8)

Il-Kumitat tal-Impjiegi u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali ġew ikkonsultati dwar l-aspetti relatati mal-impjiegi u l-aspetti soċjali ta’ din ir-Rakkomandazzjoni,

B’DAN JIRRAKKOMANDA li fil-perijodu 2017-2018, l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni fil-Grupp tal-Euro, b’mod individwali u kollettiv biex:

1.

Isegwu politiki li jappoġġaw it-tkabbir sostenibbli u inklużiv fuq perijodu ta’ żmien qasir u fit-tul, u jtejbu l-kapaċità ta’ aġġustament, l-ibbilanċjar mill-ġdid u l-konverġenza. Jipprijoritizzaw ir-riformi li jżidu l-produttività, itejbu l-ambjent tan-negozju u dak istituzzjonali, jitneħħew l-ostakli għall-investiment, u jappoġġaw il-ħolqien tal-impjiegi. L-Istati Membri b’defiċits fil-kontijiet kurrenti u dejn estern għoli għandhom iżidu l-produttività filwaqt li jillimitaw l-ispejjeż tal-unitajiet lavorattivi. L-Istati Membri b’surpluses kbar fil-kont kurrenti għandhom, bħala prijorità, jimplimentaw miżuri, inkluż riformi strutturali u trawwim ta’ investiment, li jgħinu fit-tisħiħ tad-domanda domestika tagħhom u l-potenzjal għat-tkabbir.

2.

Jimmiraw għal bilanċ xieraq fil-politiki fiskali bejn il-ħtieġa li tiġi żgurata s-sostenibbiltà u l-ħtieġa li l-investiment jiġi appoġġat biex jissaħħaħ l-irkupru, b’hekk jikkontribwixxu għal pożizzjoni fiskali aggregata xierqa u għal taħlita ta’ politika aktar bilanċjata. L-Istati Membri li, skont il-valutazzjoni tal-Kummissjoni, huma f’riskju li fl-2017 ma jissodisfawx l-obbligi tagħhom taħt il-PST għandhom, fuq dik il-bażi, jieħdu miżuri addizzjonali f’waqthom biex tiġi żgurata l-konformità. Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri li qabżu l-objettivi tagħhom għall-perijodu medju huma mistiedna biex ikomplu jagħtu prijorità lill-investimenti sabiex jagħtu spinta lit-tkabbir potenzjali filwaqt li jħarsu s-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi. L-Istati Membri li fl-2017 huma mistennija li jkunu ġeneralment konformi mal-PST għandhom jiżguraw il-konformità mal-PST fil-proċessi baġitarji nazzjonali tagħhom. Jimxu fuq politiki fiskali b’rispett sħiħ tal-PST, filwaqt li jsir l-aħjar użu mill-flessibbiltà integrata fir-regoli eżistenti. B’mod globali, l-Istati Membri għandhom itejbu l-kompożizzjoni tal-finanzi pubbliċi billi joħolqu aktar spazju għal investiment tanġibbli u intanġibbli, u jiżguraw il-funzjonament effettiv tal-oqfsa fiskali nazzjonali.

3.

Jimplimentaw riformi li jippromwovu l-kompetittività, il-ħolqien tal-impjiegi, il-kwalità tal-impjiegi, ir-reżiljenza, u l-konverġenza ekonomika u soċjali, mirfuda minn djalogu soċjali effettiv. Għandhom jgħaqqdu flimkien: (i) kuntratti ta’ xogħol affidabbli li jipprovdu flessibbiltà u sigurtà għall-impjegati u għal min iħaddem; (ii) sistemi ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ ta’ kwalità u effiċjenti u strateġiji komprensivi ta’ tagħlim tul il-ħajja mmirati lejn il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol; (iii) politiki attivi tas-suq tax-xogħol effettivi biex tkun appoġġata l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol; (iv) sistemi ta’ protezzjoni soċjali moderni, sostenibbli u adegwati li jikkontribwixxu b’mod effettiv u effiċjenti matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja kemm għall-inklużjoni soċjali kif ukoll għall-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol. It-taxxi jiġu spostati lil hinn mix-xogħol, partikolarment għal dawk bi dħul baxx u fl-Istati Membri fejn il-kompetittività f’termini ta’ spejjeż hi inqas mill-medja taż-żona tal-euro, u dak l-ispostament tat-taxxi jsir b’mod li jkun newtrali fuq il-baġit fil-pajjiżi mingħajr spazju fiskali fejn jimmanuvraw.

4.

F’konformità mal-pjan direzzjonali ta’ Ġunju 2016, ikomplu l-ħidma biex titlesta l-Unjoni Bankarja fir-rigward tat-tnaqqis tar-riskji u l-kondiviżjoni tar-riskji, inkluż Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti u biex il-pjan ta’ emerġenza komuni għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni jsir operattiv sa mhux aktar tard minn tmiem il-perijodu transizzjonali tal-Fond. Ifasslu u jimplimentaw strateġija effettiva għaż-żona kollha tal-euro, biex tikkomplementa azzjoni superviżorja prudenzjali li tindirizza r-riskji għall-vijabbiltà fis-settur bankarju, inkluż fir-rigward tal-livell għoli ta’ self improduttiv, mudelli ineffiċjenti ta’ negozju u kapaċità żejda. Fl-Istati Membri bi stokkijiet kbar ta’ dejn privat, jippromwovu tnaqqis ordnat fl-ingranaġġ.

5.

Jagħmlu progress lejn it-tlestija tal-UEM, b’rispett sħiħ għas-suq intern tal-Unjoni u b’mod miftuħ u trasparenti għall-Istati Membri barra ż-żona tal-euro. Imexxu iżjed ‘il quddiem l-inizjattivi li għaddejjin u l-ħidma fuq il-kwistjonijiet fuq perijodu twil għall-UEM, b’kont meħud kif xieraq tal-White Paper tal-Kummissjoni dwar il-Futur tal-Ewropa.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Marzu 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

E. SCICLUNA


(1)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Settembru 2016 dwar l-istabbiliment ta’ Bordijiet Nazzjonali tal-Produttività (2016/C 349/01) (ĠU C 349, 24.9.2016, p. 1).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta’ Proġetti ta’ Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 — il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (ĠU L 169, 1.7.2015, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar- Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1).