9.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 326/53


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2277

tat-8 ta' Diċembru 2017

li tiddetermina li s-sospensjoni temporanja tad-dazju doganali preferenzjali skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 19/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill mhijiex adegwata għall-importazzjonijiet tal-banana li toriġina mill-Perù

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 19/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2013 li jimplimenta l-klawsola ta' salvagwardja bilaterali u l-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Kolombja, il-Perù u l-Ekwador, min-naħa l-oħra (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ġie introdott mekkaniżmu ta' stabbilizazzjoni għall-banana n introduced bil-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa, u l-Kolombja, il-Perù u l-Ekwador fuq in-naħa l-oħra, li japplika b'mod provviżorju fir-rigward tal-Perù mill-1 ta' Marzu 2013.

(2)

Skont dan il-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni, kif implimentat mir-Regolament (UE) Nru 19/2013, ġaladarba jinqabeż volum ta' skattar definit għall-importazzjonijiet tal-banana friska (l-intestatura 0803 00 19 tan-Nomenklatura Magħquda tal-Unjoni Ewropea tal-1 ta' Jannar 2012) minn wieħed mill-pajjiżi kkonċernati, il-Kummissjoni, permezz ta' att ta' implimentazzjoni li jrid jiġi adottat permezz tal-proċedura ta' urġenza stabbilita fl-Artikolu 14(4) tar-Regolament (UE) Nru 19/2013, tista' tissospendi temporanjament id-dazju doganali preferenzjali applikat fuq l-importazzjonijiet tal-banana friska għal dak il-pajjiż jew tiddetermina li tali sospensjoni mhix xierqa.

(3)

L-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' banana friska, li toriġina mill-Perù, qabżu l-limitu ta' 93 750 tunnellata kif definit mill-Ftehim fis-16 ta' Ottubru 2017.

(4)

F'dan il-kuntest, skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament (UE) Nru 19/2013, il-Kummissjoni qieset l-impatt tal-importazzjonijiet ikkonċernati fuq il-qagħda tas-suq tal-banana tal-Unjoni sabiex tiddeċiedi jekk id-dazju doganali preferenzjali jinħtiġx li jiġi sospiż. Il-Kummissjoni eżaminat l-effett tal-importazzjonijiet ikkonċernati fuq il-livell tal-prezzijiet fl-Unjoni, l-iżvilupp tal-importazzjonijiet minn sorsi oħra u l-istabbiltà ġenerali tas-suq tal-banana friska tal-Unjoni.

(5)

L-importazzjonijiet tal-banana friska mill-Perù rrappreżentaw biss 2,7 % tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' banana friska li kienet suġġetta għall-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni tal-banana meta l-importazzjonijiet qabżu l-livell limitu tagħhom għall-2017. Barra minn hekk, il-Perù tirrappreżenta biss 2,25 % tal-importazzjonijiet totali tal-banana friska fl-Unjoni.

(6)

L-importazzjonijiet minn pajjiżi esportaturi kbar li magħhom l-Unjoni għandha wkoll Ftehim ta' Kummerċ Ħieles, speċjalment il-Kolombja, l-Ekwador u l-Costa Rica ammontaw għal 58,7 %, 61,4 % u 60,4 % tal-limiti rispettivi tagħhom. Il-kwantitajiet “mhux użati” fl-ambitu tal-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni (madwar 2,3 miljun tunnellata) huma ogħla sew mill-importazzjonijiet totali mill-Perù sa issa (93 800 tunnellata).

(7)

F'termini ta' prezzijiet, l-importazzjoni ta' banana mill-Perù ma kellhiex effett negattiv fuq il-prezz ta' importazzjoni tal-banana tal-oriġini kollha. Fil-fatt, il-prezz ta' importazzjoni tal-banana mill-Perù kien f'medja ta' EUR 732 għal kull tunnellata għall-ewwel tmien xhur tal-2017, u dan huwa ogħla mill-prezz ta' importazzjoni tal-Unjoni tal-medja (peżata) tal-banana tal-oriġini kollha (madwar EUR 720 għal kull tunnellata). Barra minn hekk, dan l-aħħar prezz isegwi x-xejra annwali u kien relattivament stabbli.

(8)

Il-valutazzjoni sussegwenti tal-effett ta' dawn l-importazzjonijiet fuq prezzijiet bl-ingrossa fil-mument li l-Perù qabeż il-limitu, huwa ċar li għalkemm il-prezz bl-ingrossa tal-Unjoni tal-medja peżata għall-banana (tal-oriġini kollha) f'Settembru 2017 (EUR 861 għal kull tunellata) kien 9,5 % aktar baxx minn Settembru 2016 (EUR 952 għal kull tunnellata), il-prezz bl-ingrossa għall-banana prodotta fl-UE kien relattivament stabbli, b'EUR 910 għal kull tunnellata f'Settembru 2017 meta mqabbel ma' EUR 915 għal kull tunnellata f'Settembru 2016.

(9)

Għaldaqstant, f'dan l-istadju, la hemm indikazzjoni li l-istabbiltà tas-suq tal-Unjoni kienet affettwata mill-importazzjonijiet ta' banana friska mill-Perù li jaqbżu l-volum ta' importazzjoni ta' skattar annwali definit, u lanqas li dan kellu xi impatt sinifikanti fuq is-sitwazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni.

(10)

Ma hemm l-ebda indikazzjoni li hemm it-theddida ta' deterjorament serju jew ta' deterjorament serju fis-sitwazzjoni ekonomika fir-reġjuni periferiċi tal-Unjoni f'Ottubru 2017.

(11)

Għaldaqstant, is-sospensjoni tad-dazju doganali preferenzjali fuq l-importazzjonijiet tal-banana li toriġina mill-Perù ma tidhirx li hija xierqa f'dan l-istadju,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-sospensjoni temporanja tad-dazji doganali preferenzjali fuq l-importazzjonijiet tal-banana friska kklassifikata taħt l-intestatura 0803 00 19 tan-Nomenklatura Magħquda tal-Unjoni Ewropea u li toriġina mill-Perù mhijiex xierqa.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Diċembru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 17, 19.1.2013, p. 1.