9.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 326/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/2269

tas-7 ta' Diċembru 2017

li tistabbilixxi Qafas Pluriennali għall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali għall-2018–2022

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 352 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxi f'konformità ma' proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)

Sabiex l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (“l-Aġenzija”) tkun tista' twettaq il-kompiti tagħha sew, jenħtieġ li jiġi adotatt Qafas Pluriennali li mill-Kunsill kull ħames snin, li jiddetermina l-oqsma tematiċi tal-attività tal-Aġenzija skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007 (2).

(2)

L-ewwel Qafas Pluriennali ġie stabbilit permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/203/KE (3). It-tieni Qafas Pluriennali ġie stabbilit permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 252/2013/UE (4).

(3)

Il-Qafas Pluriennali għandu jitwettaq biss fl-ambitu tal-liġi tal-Unjoni.

(4)

Il-Qafas Pluriennali għandu jkun allinjat mal-prijoritajiet tal-Unjoni, filwaqt li jittieħed kont dovut tal-orjentamenti li jirriżultaw mir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew u mill-konklużjonijiet tal-Kunsill fil-qasam tad-drittijiet fundamentali.

(5)

Il-Qafas Pluriennali għandu jagħti l-importanza dovuta lir-riżorsi finanzjarji u umani tal-Aġenzija.

(6)

Il-Qafas Pluriennali jinħtieġ li jinkludi dispożizzjonijiet bl-iskop li tiġi żgurata l-komplementarjetà mal-mandat ta' korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-Unjoni, u kif ukoll mal-Kunsill tal-Ewropa u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra attivi fil-qasam tad-drittijiet fundamentali. L-iktar korpi, uffiċċji u aġenziji rilevanti tal-Unjoni fir-rigward ta' dan il-Qafas Pluriennali huma: l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-Qasam tal-Ażil (EASO), stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 439/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5); l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 (6) u mogħtija l-isem il-ġdid bir- Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7); in-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni, stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/381/KE (8); l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE), stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1922/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9); il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta (EDPS), stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10); l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għas-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA), stabbilta bir-Regolament (KE) Nru 526/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11); il-Eurojust, stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI (12); l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol), stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI (13); l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL), stabbilita bir-Regolament (UE) 2015/2219 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14); il-Fondazzjoni Ewropea għat-titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol (Eurofound), stabbilita bir-Regolament (KEE) Nru 1365/75 tal-Kunsill (15); u l-Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva ta' sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja (eu-LISA), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16).

(7)

L-oqsma tematiċi ta' ħidmet l-Aġenzija jinħtieġ li jinkludu l-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija u l-intolleranza relatata.

(8)

Fid-dawl tal-importanza tal-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali għall-Unjoni, li għamlitha bħala waħda mill-ħames miri tal-istrateġija għat-tkabbir Ewropa 2020, l-Aġenzija għandha tqis il-prekondizzjonijiet ekonomiċi u soċjali li jippermettu tgawdija effettiva tad-drittijiet fundamentali meta tiġbor u tqassam data fi ħdan l-oqsma tematiċi stabbiliti minn din id-Deċiżjoni.

(9)

Fit-tħejjija tal-proposta tagħha, il-Kummissjoni kkonsultat lill-Bord tat-Tmexxija tal-Aġenzija u rċeviet opinjoni bil-miktub fl-1 ta' Marzu 2016. Il-Bord tat-Tmexxija tal-Aġenzija reġgħa ġie kkonsultat fil-laqgħa tiegħu fid-19 u l-20 ta' Mejju 2016.

(10)

L-Aġenzija, fuq talba tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni, u sakemm ir-riżorsi finanzjarji u umani tagħha jkunu jippermettu dan, tista' taħdem barra mill-oqsma tematiċi determinati mill-Qafas Pluriennali, skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 168/2007,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Qafas Pluriennali

1.   Qafas Pluriennali għall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (“l-Aġenzija”) huwa stabbilit għall-perjodu 2018–2022.

2.   L-Aġenzija għandha, f'konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 168/2007, twettaq il-kompiti ddefiniti fl-Artikolu 4(1) ta' dak ir-Regolament fl-ambitu tal-oqsma tematiċi stabbiliti fl-Artikolu 2 ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Oqsma tematiċi

L-oqsma tematiċi għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

il-vittmi tal-kriminalità u l-aċċess għall-ġustizzja;

(b)

l-ugwaljanza u diskriminazzjoni ibbażata, b'mod partikolari, fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali jew minħabba n-nazzjonalità;

(c)

is-soċjetà tal-informazzjoni u, b'mod partikolari, ir-rispett għall-ħajja privata u l-protezzjoni tad-dejta personali;

(d)

kooperazzjoni ġudizzjarja, ħlief f'materji ta' kriminalità;

(e)

il-migrazzjoni, il-fruntieri, l-ażil u l-integrazzjoni tar-refuġjati u l-migranti;

(f)

ir-razziżmu, il-ksenofobija u l-intolleranza relatata;

(g)

id-drittijiet tat-tfal;

(h)

l-integrazzjoni u l-inklużjoni soċjali tar-Rom.

Artikolu 3

Komplementarjetà u kooperazzjoni ma' korpi oħra

1.   Sabiex jiġi implimentat il-Qafas Pluriennali, l-Aġenzija għandha tiżgura kooperazzjoni u koordinazzjoni xierqa ma' istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji rilevanti tal-Unjoni, mal-Istati Membri, ma' organizzazzjonijiet internazzjonali u mas-soċjetà ċivili, f'konformità mal-Artikoli 6, 7, 8 u 10 tar-Regolament (KE) Nru 168/2007.

2.   L-Aġenzija għandha tittratta kwistjonijiet relatati mad-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru biss bħala parti minn, u sal-punt rilevanti għal, xogħolha li għandu jsir fuq il-kwistjonijiet ġenerali tad-diskriminazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 2, filwaqt li tieħu kont tal-fatt li huwa l-kompitu tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) li jiġbor id-dejta dwar l-ugwaljanza bejn il-sessi u d-diskriminazzjoni bejn is-sessi. L-Aġenzija u l-EIGE għandhom jikkooperaw f'konformità mal-ftehim ta' kooperazzjoni tat-22 ta' Novembru 2010.

3.   L-Aġenzija għandha tikkoopera ma' korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-Unjoni bħalma huma l-Fondazzjoni Ewropea għat-titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol (Eurofound), f'konformità mal-ftehim ta' kooperazzjoni tat-8 ta' Ottubru 2009; l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), f'konformità mal-ftehim ta' kooperazzjoni tas-26 ta' Mejju 2010; l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-Qasam tal-Ażil (EASO), f'konformità mal-ftehim ta' ħidma tal-11 ta' Ġunju 2013; il-Eurojust, f'konformità mal-memorandum ta' ftehim tat-3 ta' Novembru 2014; u l-Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operazzattiva ta' sistemi tal-IT fuq skala kbira fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja (eu-LISA), f'konformità mal-ftehim ta' ħidma tas-6 ta' Lulju 2016. Barra minn hekk, hija għandha tikkoopera mal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) u n-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni, f'konformità mal-ftehimiet ta' kooperazzjoni futuri. Il-kooperazzjoni ma' dawk il-korpi għandha tkun limitata għal attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu tal-oqsma tematiċi stabbiliti fl-Artikolu 2.

4.   L-Aġenzija għandha twettaq il-kompiti tagħha fir-rigward tas-soċjetà tal-informazzjoni u, b'mod partikolari, ir-rispett għall-ħajja privata u l-protezzjoni tad-dejta personali f'kooperazzjoni ma', u b'mod li jikkomplementa l-ħidma tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta (KEPD), il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għas-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA) u ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea(JRC).

5.   L-Aġenzija għandha tikkoordina l-attivitajiet tagħha ma' dawk tal-Kunsill tal-Ewropa f'konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 168/2007 u l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa dwar il-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali u l-Kunsill tal-Ewropa (17), imsemmi f'dak l-Artikolu.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2018.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Diċembru 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

A. ANVELT


(1)  Kunsens tal-1 ta' Ġunju 2017 (għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007 tal-15 ta' Frar 2007 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (ĠU L 53, 22.2.2007, p. 1).

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/203/KE tat-28 ta' Frar 2008 li timplimenta r-Regolament (KE) Nru 168/2007 fir-rigward tal-adozzjoni ta' Qafas Pluriennali għall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali għall-2007-2012 (ĠU L 63, 7.3.2008, p. 14).

(4)  Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 252/2013/UE tal-11 ta' Marzu 2013 li tistabbilixxi Qafas Multiannwali għall-2013-2017 għall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (ĠU L 79, 21.3.2013, p. 1).

(5)  Regolament (UE) Nru 439/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 li jistabbilixxi Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (ĠU L 132, 29.5.2010, p. 11).

(6)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 tas-26 ta' Ottubru 2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 349, 25.11.2004, p. 1).

(7)  Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE (ĠU L 251, 16.9.2016, p. 1).

(8)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/381/KE tal-14 ta' Mejju 2008 li tistabbilixxi Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni (ĠU L 131, 21.5.2008, p. 7).

(9)  Regolament (KE) Nru 1922/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (ĠU L 403, 30.12.2006, p. 9).

(10)  Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(11)  Regolament (UE) Nru 526/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 460/2004 (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 41).

(12)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI tat-28 ta' Frar 2002 li tistabbilixxi Eurojust bil-għan li tiġi msaħħa l-ġlieda kontra l-kriminalità serja (ĠU L 63, 6.3.2002, p. 1).

(13)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI tas-6 ta' April 2009 li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) (ĠU L 121, 15.5.2009, p. 37).

(14)  Regolament (UE) 2015/2219 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/681/ĠAI (ĠU L 319, 4.12.2015, p. 1).

(15)  Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1365/75 tas-26 ta' Mejju 1975 dwar il-ħolqien ta' Fondazzjoni Ewropea għal titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol (ĠU L 139, 30.5.1975, p. 1).

(16)  Regolament (UE) Nru 1077/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU L 286, 1.11.2011, p. 1).

(17)  Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa dwar kooperazzjoni bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali u l-Kunsill tal-Ewropa (ĠU L 186, 15.7.2008, p. 7).