7.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 322/29


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/2242

tat-30 ta' Novembru 2017

li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati għall-emendar tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207, flimkien mal-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Unjoni hija Parti għall-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 (1) (l-“ISA”) u membru tal-Organizzazzjoni Internazzjonali taz-Zokkor (l-“ISO”).

(2)

L-Unjoni ilha mill-1995 tapprova l-estensjoni tal-ISA għal perjodi ta' sentejn. Fil-25 ta' Settembru 2017, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tadotta pożizzjoni favur l-estensjoni tal-ISA għal perjodu ulterjuri ta' mhux aktar minn sentejn, li jintemm fil-31 ta' Diċembru 2019.

(3)

Skont l-Artikolu 8 tal-ISA, il-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor iwettaq jew iħejji għat-twettiq ta' funzjonijiet kollha bħal dawn li jkunu meħtieġa biex jitwettqu d-dispożizzjonijiet tal-ISA. Skont l-Artikolu 13 tal-ISA, id-deċiżjonijiet kollha tal-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor jittieħdu, fil-prinċipju, b'kunsens.. Fin-nuqqas ta' kunsens, id-deċiżjonijiet isiru permezz ta' vot ta' maġġoranza sempliċi, sakemm l-ISA ma jipprevedix vot speċjali.

(4)

Skont l-Artikolu 25 tal-ISA, il-membri tal-ISO għandhom 2 000 vot b'kollox. Kull membru tal-ISO għandu għadd speċifiku ta' voti li kull sena jiġi aġġustat skont il-kriterji stiuplati fl-ISA.

(5)

Huwa fl-interess tal-Unjoni li tipparteċipa fi ftehim internazzjonali dwar iz-zokkor, meta titqies l-importanza ta' dak is-settur għal għadd ta' Stati Membri u għall-ekonomija tas-settur taz-zokkor Ewropew.

(6)

Madankollu, il-qafas istituzzjonali tal-ISA, u speċjalment id-distribuzzjoni tal-voti fost il-membri tal-ISO li tiddetermina wkoll il-kontribuzzjoni finanzjara tal-membri lill-ISO, ma għadux jirrifletti r-realtajiet tas-suq dinji taz-zokkor.

(7)

Skont ir-regoli tal-ISA dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji lill-ISO, is-sehem tal-Unjoni baqa' l-istess mill-1992 'il hawn, għalkemm is-suq dinji taz-zokkor, u b'mod partikolari l-pożizzjoni relattiva tal-Unjoni fih, inbidlu b'mod sostanzjali minn dak iż-żmien. B'riżultat ta' dan, f'dawn l-aħħar snin l-Unjoni assumiet sehem sproporzjonatament kbir tal-ispejjeż baġitarji u tar-responsabbiltà fl-ISO.

(8)

Ir-regoli tal-ISA dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja lill-ISO jistgħu jiġu emendati f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 44 tal-ISA. Skont dak l-Artikolu, il-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor jista', permezz ta' vot speċjali, jirrakkomanda emenda għall-ISA lill-Membri tal-ISO. Bħala membru tal-Kunsill Internazzjonali dwar iz-Zokkor, b'konformità mal-Artikolu 7 tal-ISA, jenħtieġ li l-Unjoni tkun tista' tniedi negozjati, u li tipparteċipa fihom, bl-għan li jiġi emendat il-qafas istituzzjonali tal-ISA.

(9)

Għalhekk huwa xieraq li l-Kummissjoni tiġi awtorizzata tagħti bidu għal negozjati fil-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor biex jiġi emendat l-ISA, li jiġu stabbiliti linji gwida għan-negozjati u li jinħatar kumitat speċjali li jiġi kkonsultat mill-Kummissjoni meta jkunu qed isiru n-negozjati,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kummissjoni hija b'dan awtorizzata li tiftaħ negozjati, f'isem l-Unjoni, biex temenda l-Ftehim Internazzjonali taz-Zokkor tal-1992.

Artikolu 2

In-negozjati għandhom jitmexxew abbażi tad-direttivi tan-negozjati tal-Kunsill stabbiliti fl-Addendum għal din id-Deċżjoni.

Artikolu 3

In-negozjati għandhom jitmexxew b'konsultazzjoni mal-Grupp ta' Ħidma dwar Prodotti Bażiċi.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta' Diċembru 2019.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Novembru 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

K. SIMSON


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/580/KEE tat-13 ta' Novembru 1992 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 (ĠU L 379, 23.12.1992, p. 15).