22.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 306/24


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2172

tal-20 ta' Novembru 2017

li temenda d-Deċiżjoni 2010/670/UE rigward l-użu ta' dħul mhux imqassam mill-ewwel serje ta' sejħiet għal proposti

(notifikata bid-dokument C(2017) 7656)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10a(8) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 10a(8) tad-Direttiva 2003/87/KE jistabbilixxi mekkaniżmu għall-finanzjament ta' proġetti ta' dimostrazzjoni kummerċjali li l-għan tagħhom huwa l-qbid u l-ħżin ġeoloġiku ta' CO2 (minn hawn 'il quddiem, “il-proġetti ta' dimostrazzjoni tas-CCS”) u proġetti ta' dimostrazzjoni ta' teknoloġiji innovattivi għall-enerġija rinnovabbli (minn hawn 'il quddiem, “il-proġetti ta' dimostrazzjoni tar-RES”), bl-użu ta' 300 miljun kwota mis-sistema tal-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Unjoni (“EU ETS”) li ġew riżervati għal entrati ġodda iżda ma ġewx allokati.

(2)

Fid-Deċiżjoni 2010/670/UE (2), il-Kummissjoni stabbiliet ir-regoli u l-kriterji għall-għażla u għall-implimentazzjoni ta' dawk il-proġetti kif ukoll il-prinċipji bażiċi għall-konverżjoni tal-kwoti f'valur monetarju u għall-ġestjoni tad-dħul.

(3)

Sa nofs l-2014, bħala riżultat tal-ewwel u tat-tieni sejħa għal proposti, kienu ngħataw fondi biex jappoġġaw l-implimentazzjoni ta' 39 proġett ta' dimostrazzjoni tar-RES u tas-CCS f'20 Stat Membru tal-UE. Madankollu, minħabba l-isfidi li joffri l-ambjent ekonomiku kemm fl-UE kif ukoll dak globali, madwar 20 proġett mogħtija finanzjament taħt l-ewwel sejħa għal proposti, sabuha diffiċli biex jiksbu biżżejjed kapital jew biex jattiraw finanzjaturi addizzjonali. B'riżultat ta' dan, sal-31 ta' Diċembru 2016, 14-il proġett laħqu d-deċiżjoni finali dwar l-investiment tagħhom f'konformità mal-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni 2010/670/UE u mill-inqas EUR 436 miljun b'rabta mal-proġetti mogħtija finanzjament għal din l-ewwel sejħa għal proposti ma ntużawx.

(4)

Il-fondi li ma tqassmux għandhom jintużaw biex jiffinanzjaw b'mod dirett proġetti fl-ambitu ddefinit fl-Artikolu 10a(8) tad-Direttiva 2003/87/KE. Barra minn hekk, meta wieħed jikkunsidra s-sitwazzjoni speċifika innovattiva ħafna fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli u l-proġetti ta' dimostrazzjoni tas-CCS, parti mill-ispejjeż ta' finanzjament għandhom jiġu pprovduti fil-forma ta' għotjiet.

(5)

Biex jiżdied l-investiment f'dawn il-proġetti innovattivi ħafna fis-settur tal-enerġija fl-UE, li hija prijorità rikonoxxuta mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha Aċċellerazzjoni tal-Innovazzjoni fil-qasam tal-Enerġija Nadifa (3), id-dħul mhux imqassam mill-ewwel sejħa għal proposti għandu jiġi organizzat mill-ġdid mingħajr dewmien, u bi prijorità, permezz tal-Faċilità tal-EDP InnovFin taħt Orizzont 2020 (4). Dan l-appoġġ għandu jkun komplementari għas-sostenn finanzjarju eżistenti u futur, bħall-għotjiet taħt Orizzont 2020.

(6)

Biex jiżdied l-investiment f'dawn il-proġetti innovattivi ħafna fis-settur tat-trasport, il-proġetti eliġibbli għandhom jippromovu biss l-użu innovattiv, replikabbli u skalabbli tal-enerġija rinnovabbli bl-użu tal-Faċilità ta' Dejn fis-settur tat-trasport taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (5).

(7)

Il-proġetti li jingħataw il-finanzjament taħt l-ewwel jew it-tieni sejħa għal proposti li jkunu laħqu deċiżjonijiet finali tal-investiment u jkunu qegħdin jiġu implimentati, se jitqiesu eliġibbli biex japplikaw għall-istrumenti finanzjarji rilevanti.

(8)

Sabiex titqajjem kuxjenza pubblika wiesgħa dwar l-istrumenti finanzjarji rilevanti, il-Kummissjoni u l-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment se jkomplu jorganizzaw workshops tekniċi apposta b'mod regolari għall-Istati Membri u għall-isponsers tal-proġetti.

(9)

Il-Kummissjoni se tirrapporta kmieni biżżejjed lill-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima dwar l-iżvilupp tal-Ftehimiet ta' Delega rilevanti bejn il-Kummissjoni u l-Bank Ewropew tal-Investiment, b'mod partikolari għal dak li għandu x'jaqsam mal-kriterji tal-eliġibbiltà, l-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji rilevanti, speċjalment l-iżvilupp ta' sensiela ta' proġetti, il-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet tal-proġett u fl-aħħar nett dwar l-użu tad-dħul allokat mill-ġdid, u se tikkunsidra l-fehmiet tal-Istati Membri kif xieraq.

(10)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2010/670/UE hija emendata kif ġej:

1.

Fl-Artikolu 2, jiddaħħal il-paragrafu 4 li ġej:

“4.   Kwalunkwe dħul mhux imqassam mill-ewwel serje ta' sejħiet għal proposti għandu jkun disponibbli biex jappoġġja proġetti li qatt ma saru qabel, innovattivi, replikabbli u lesti li juru fuq skala id-dimostrazzjoni tas-CCS u tar-RES, bl-użu tal-istrumenti finanzjarji rilevanti ġestiti mill-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment, bi prijorità mogħtija lill-Faċilità tal-EDP InnovFin u l-Istrument ta' Dejn fis-settur tat-trasport taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.

Il-paragrafu preċedenti, l-Artikoli 6, 8, 11(1) sa (5), l-ewwel u t-tieni sottoparagrafi tal-Artikolu 11(6) u l-Artikolu 13 ma għandhomx japplikaw għall-użu ta' dan id-dħul.

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta kmieni biżżejjed lill-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima dwar l-iżvilupp tal-Ftehimiet ta' Delega rilevanti bejn il-Kummissjoni u l-Bank Ewropew tal-Investiment, b'mod partikolari għal dak li għandu x'jaqsam mal-kriterji tal-eliġibbiltà, mal-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji rilevanti, speċjalment l-iżvilupp ta' sensiela ta' proġetti, mal-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet tal-proġett u fl-aħħar nett dwar l-użu mill-ġdid tad-dħul, u għandha tikkunsidra l-fehmiet tal-Istati Membri kif xieraq”.

2.

Il-paragrafu li ġej jiżdied mal-Artikolu 14:

“Il-Kummissjoni għandha tirrapporta regolarment lill-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima dwar l-użu tad-dħul imsemmi fl-Artikolu 2(4), inkluż informazzjoni bil-quddiem dwar l-appoġġ ippjanat għal proġetti u l-parti mill-appoġġ li għandha tkun disponibbli fil-forma ta' għotjiet, id-distribuzzjoni ġeografika tal-proġetti, l-iskala tal-proġetti u l-kopertura teknoloġika, l-informazzjoni ex-post dwar il-progress fit-twettiq ta' proġetti, l-evitar ta' emissjonijiet tas-CO2, l-ingranaġġ finanzjarju, is-sensibilizzazzjoni u t-tagħlimiet meħuda, kif xieraq.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Novembru 2017.

Għall-Kummissjoni

Miguel ARIAS CAÑETE

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/670/UE tat-3 ta' Novembru 2010 li tistabbilixxi l-kriterji u l-miżuri għall-finanzjament ta' proġetti kummerċjali ta' dimostrazzjoni li l-għan tagħhom huwa l-qbid u l-ħżin ġeoloġiku ta' CO2, f'kundizzjonijiet ta' sigurtà għall-ambjent, kif ukoll ta' proġetti ta' dimostrazzjoni ta' teknoloġiji innovattivi ta' enerġija rinnovabbli, fl-ambitu tal-iskema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità, stabbilita bid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 290, 6.11.2010, p. 39).

(3)  C(2016) 763 final.

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/743/UE tat-3 ta' Diċembru 2013 li tistabbilixxi l-programm speċifiku li jimplimenta Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li tħassar id-Deċiżjonijiet 2006/971/KE, 2006/972/KE, 2006/973/KE, 2006/974/KE u 2006/975/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 965).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010 (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129).