21.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 304/55


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2165

tas-17 ta' Novembru 2017

li tapprova l-pjanijiet għall-eradikazzjoni tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-ħnieżer selvaġġi f'ċerti żoni tar-Repubblika Ċeka

(notifikata bid-dokument C(2017) 7536)

(It-test biċ-Ċek biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/60/KE tas-27 ta' Ġunju 2002 li tistabbilixxi miżuri għall-kontroll tad-deni Afrikan tal-qżieqeż u temenda d-Direttiva 92/119/KEE għar-rigward tal-marda Teschen u d-deni Afrikan tal-qżieqeż (1), u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(1)(b) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2002/60/KE tistabbilixxi l-miżuri minimi tal-Unjoni li għandhom jittieħdu għall-kontroll tad-deni Afrikan tal-ħnieżer, fosthom dawk li għandhom jiġu applikati jekk jiġi kkonfermat każ tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-ħnieżer selvaġġi.

(2)

Fl-2017 ir-Repubblika Ċeka nnotifikat lill-Kummissjoni l-każijiet tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-ħnieżer selvaġġi u ħadet il-miżuri għall-kontroll tal-mard rikjesti mid-Direttiva 2002/60/KE.

(3)

Fid-dawl tal-qagħda epidemjoloġika attwali u f'konformità mad-Direttiva 2002/60/KE, ir-Repubblika Ċeka ppreżentat lill-Kummissjoni pjan għall-eradikazzjoni tad-deni Afrikan tal-ħnieżer (il-pjan ta' eradikazzjoni).

(4)

Fl-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/709/UE (2) ġiet stabbilita lista tal-Unjoni ta' żoni ta' riskju għoli bl-għan li jiġu stabbiliti l-miżuri xierqa għall-kontroll tas-saħħa tal-annimali u biex ikun evitat it-tixrid ulterjuri tal-marda. Reċentement, l-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/709/UE ġie emendat bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1850 (3) sabiex iqis, inter alia, il-każijiet reċenti tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-ħnieżer selvaġġi fir-Repubblika Ċeka u l-Partijiet I u II ta' dak l-Anness issa jinkludu ż-żoni infettati fir-Repubblika Ċeka.

(5)

Il-pjan ta' eradikazzjoni ġie eżaminat mill-Kummissjoni u ġie konkluż li dan jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/60/KE. Għalhekk jenħtieġ li jiġi approvat kif xieraq.

(6)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pjan imressaq mir-Repubblika Ċeka fl-24 ta' Ottubru 2017 għall-eradikazzjoni tad-deni Afrikan tal-ħnieżer mill-popolazzjonijiet tal-ħnieżer selvaġġi fiż-żoni infettati ta' dak l-Istat Membru huwa b'dan approvat.

Artikolu 2

Ir-Repubblika Ċeka għandha ddaħħal fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi għall-implimentazzjoni tal-pjan ta' eradikazzjoni msemmi fl-Artikolu 1 sal-1 ta' Diċembru 2017.

Artikolu 3

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ċeka.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Novembru 2017.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 192, 20.7.2002, p. 27.

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/709/UE tad-9 ta' Ottubru 2014 dwar miżuri ta' kontroll tas-saħħa tal-annimali marbutin mad-deni Afrikan tal-ħnieżer f'ċertu Stati Membri u li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/178/UE (ĠU L 295, 11.10.2014, p. 63).

(3)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1850 tal-11 ta' Ottubru 2017 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/709/UE dwar miżuri ta' kontroll tas-saħħa tal-annimali marbutin mad-deni Afrikan tal-ħnieżer f'ċerti Stati Membri (ĠU L 264, 13.10.2017, p. 7).