29.9.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 251/21


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/1774

tal-25 ta' Settembru 2017

li tissottoponi N-(1-fenetilpiperidin-4-il)-N-fenilakrilammid (akriloilfentanil) għal miżuri ta' kontroll

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI tal-10 ta' Mejju 2005 dwar l-iskambju ta' informazzjoni, il-valutazzjoni tar-riskju u l-kontroll fuq sustanzi psikoattivi ġodda (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(3) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (2),

Billi:

(1)

Tfassal rapport dwar il-valutazzjoni tar-riskji dwar is-sustanza psikoattiva ġdida N-(1-fenetilpiperidin-4-il)-N-fenilakrilammid (akriloilfentanil) skont id-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI minn sessjoni speċjali tal-Kumitat Xjentifiku estiż taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga, u sussegwentement dan intbagħat lill-Kummissjoni u lill-Kunsill fl-24 ta' Frar 2017.

(2)

L-akriloilfentanil huwa opjojde sintentiku. Huwa strutturalment simili għall-fentanil, sustanza kkontrollata użata fil-mediċina bħala adittiv fl-anestesija ġenerali waqt il-kirurġija u għall-immaniġġjar tal-uġigħ. Id-data disponibbli tissuġġerixxi li l-akriloilfentanil huwa aġent b'saħħtu li jwaqqaf l-uġigħ u b'effett li jdum li jaġixxi fuq is-sistema opjojde.

(3)

L-akriloilfentanil ilu disponibbli fl-Unjoni mill-inqas minn April 2016 u nstab f'sitt Stati Membri. F'ħafna mill-każijiet fejn ġie ssekwestrat, is-sustanza kienet f'forma likwida, iżda nstabu wkoll forom oħra bħal tablets, trab u kapsoli. Il-kwantitajiet misjubin huma relattivament żgħar, iżda għandhom jitqiesu fil-kuntest ta' potenza għolja tas-sustanza.

(4)

Tliet Stati Membri kollettivament irrappurtaw 47 mewt assoċjat mal-akriloilfentanil. F'tal-inqas 40 mewt l-akriloilfentanil kien il-kawża tal-mewt jew probabbilment kien kawża li kkontribwixxa għall-mewt. Barra minn hekk, ġew rappurtati aktar minn 20 intossikazzjoni akuta suspettati li kienu minħabba l-akriloilfentanil.

(5)

Ma hemm ebda informazzjoni li tissuġġerixxi l-involviment tal-kriminalità organizzata fil-manifattura, id-distribuzzjoni, it-traffikar jew il-forniment tal-akriloilfentanil fl-Unjoni. Id-data disponibbli tissuġġerixxi li l-biċċa l-kbira tal-akriloilfentanil fis-suq fl-Ewropa ġie prodott minn kumpaniji kimiċi bbażati fiċ-Ċina.

(6)

L-akriloilfentanil jinbiegħ bħala “kimika għar-riċerka”, tipikament bħala trab u jew bħala sprejs nasali lesti għall-użu. Jinbiegħ f'ammonti żgħar u bl-ingrossa. l-Informazzjoni limitata mis-sekwestri tissuġġerixxi li l-akriloilfentanil seta' wkoll kien mibjugħ fuq is-suq illeċitu tal-opjojdi.

(7)

L-akriloilfentanil mhuwiex elenkat għall-kontroll taħt il-Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1961 dwar id-Drogi Narkotiċi jew taħt il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1971 dwar Sustanzi Psikotropiċi. Is-sustanza bħalissa mhijiex qed tiġi vvalutata mis-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti.

(8)

L-akriloilfentanil ma għandu l-ebda użu mediku għall-bniedem jew veterinarju stabbilit jew rikonoxxut. Minbarra l-użu tiegħu f'materjali ta' referenza analitiċi u fir-riċerka xjentifika fil-kimika, il-farmakoloġija u t-tossikoloġija tiegħu b'reazzjoni għall-feġġ tiegħu fis-suq tad-droga, ma hemm l-ebda indikazzjoni li qed jintuża għal skopijiet oħra leġittimi.

(9)

Ir-rapport dwar il-valutazzjoni tar-riskji juri li hemm evidenza xjentifika limitata disponibbli fuq l-akriloilfentanil, u josserva li tkun meħtieġa aktar riċerka. Madankollu, l-evidenza u l-informazzjoni disponibbli dwar ir-riskji għas-saħħa u dawk soċjali li toħloq is-sustanza jipprovdu raġunijiet suffiċjenti biex l-akriloilfentanil jiġi sottopost għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha.

(10)

Disa' Stati Membri biss jikkontrollaw l-akriloilfentanil taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-kontroll tad-drogi, filwaqt li żewġ Stati Membri oħra jużaw miżuri leġiżlattivi oħrajn biex jikkontrollawh. Għalhekk, is-sottopożizzjoni ta' din is-sustanza għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha tista' tgħin biex jiġi evitat il-feġġ ta' ostakli fl-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja transkonfinali, u tgħin fil-protezzjoni mir-riskji li d-disponibbiltà u l-użu tiegħu jistgħu joħolqu.

(11)

Id-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI tikkonferixxi fuq il-Kunsill setgħat ta' implimentazzjoni biex jissottoponi sustanza psikoattiva ġdida għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha biex tiġi żgurata reazzjoni rapida u bbażata fuq kompetenza esperta fil-livell tal-Unjoni meta jfiġġu tali sustanzi li jkunu ġew individwati u rrappurtati mill-Istati Membri. Billi l-kondizzjonijiet u l-proċedura biex jiġi attivat l-eżerċizzju ta' tali setgħat ta' implimentazzjoni ġew issodisfati, għandha tiġi adottata deċiżjoni ta' implimentazzjoni sabiex l-akriloilfentanil jiġi sottopost għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha.

(12)

Id-Danimarka hi marbuta bid-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni li timplimenta d-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI.

(13)

L-Irlanda hi marbuta bid-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni li timplimenta d-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI.

(14)

Ir-Renju Unit mhuwiex marbut bid-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI u għalhekk mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni li timplimenta d-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI, u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-sostanza psikoattiva ġdida N-(1-fenetilpiperidin-4-il)-N-fenilakrilammid (akriloilfentanil) għandha tiġi sottoposta għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha.

Artikolu 2

Sat-30 ta' Settembru 2018 l-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji f'konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom, biex jissottoponi s-sustanza psikoattiva l-ġdida msemmija fl-Artikolu 1 għal miżuri ta' kontroll u pieni kriminali, kif previst taħt il-leġiżlazzjoni tagħhom b'mod konformi mal-obbligi tagħhom taħt il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1971 dwar is-Sustanzi Psikotropiċi.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika f'konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Settembru 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

M. MAASIKAS


(1)  ĠU L 127, 20.5.2005, p. 32.

(2)  Opinjoni tat-13 ta' Settembru 2017 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).