26.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 221/22


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2017/1504

tal-24 ta' Awwissu 2017

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-27 ta' Mejju 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 (1) dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (“ir-RDPK”), li ħassret id-Deċiżjoni 2013/183/PESK u, fost l-oħrajn, implimentat ir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013) u 2270 (2016).

(2)

Fil-5 ta' Awwissu 2017, il-KSNU adotta r-Riżoluzzjoni 2371 (2017) li tipprevedi miżuri ġodda kontra r-RDPK, inkluż id-deżinjazzjoni ta' persuni u entitajiet, inkluż il-Foreign Trade Bank u l-Korean National Insurance Company (“KNIC”), bħala soġġetti għall-iffriżar tal-assi.

(3)

Il-paragrafu 26 tal-UNSCR 2371 (2017) jipprevedi eżenzjoni speċifika mid-dispożizzjonijiet tal-iffriżar tal-assi għal tranżazzjonijiet finanzjarji mal-Foreign Trade Bank jew mal-KNIC f'ċerti ċirkostanzi.

(4)

Fl-10 ta' Awwissu 2017, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (PESK) 2017/1459 (2) li żiedet lill-Foreign Trade Bank u lill-KNIC fl-Anness I għad-Deċiżjoni (PESK) 2016/849. Jenħtieġ li l-eżenzjonijiet previsti fil-paragrafu 26 tal-UNSCR 2371 (2017) ukoll jingħataw effett.

(5)

Jenħtieġ li l-entrata għall-KNIC titneħħa mill-Anness II għad-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 peress li issa hija ddeżinjata taħt l-Anness I.

(6)

Hi meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati l-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni.

(7)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 hija emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 27, il-paragrafu 7 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“7.   Il-projbizzjoni fil-paragrafi 1(a) u (2) ma għandhiex tapplika:

(a)

meta l-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun iddetermina, każ b'każ, li hija neċessarja eżenzjoni biex tiġi ffaċilitata l-ħidma ta' organizzazzjonijiet internazzjonali u organizzazzjonijiet mhux governattivi li jwettqu attivitajiet ta' assistenza u ta' sokkors fir-RDPK għall-benefiċċju tal-popolazzjoni ċivili;

(b)

fir-rigward ta' tranżazzjonijiet finanzjarji mal-Foreign Trade Bank jew mal-Korean National Insurance Company (KNIC) jekk tali tranżazzjonijiet ikunu unikament għall-funzjonament ta' missjonijiet diplomatiċi fir-RDPK jew ta' attivitajiet umanitarji li jsiru min-Nazzjonijiet Uniti jew f'koordinazzjoni magħha.”.

(2)

L-Artikolu 36a huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 36a

B'deroga mill-miżuri imposti mill-UNSCRs 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013), 2270 (2016), 2321 (2016), 2356 (2017) u 2371 (2017), dment li l-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun iddetermina li hija neċessarja eżenzjoni biex tiġi ffaċilitata l-ħidma ta' organizzazzjonijiet internazzjonali u organizzazzjonijiet mhux governattivi li jwettqu attivitajiet ta' assistenza u ta' sokkors fir-RDPK għall-benefiċċju tal-popolazzjoni ċivili tar-RDPK, l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru għandha tagħti l-awtorizzazzjoni neċessarja.”.

(3)

L-Anness II għad-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 huwa emendat kif indikat fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Awwissu 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

M. MAASIKAS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/849 tas-27 ta' Mejju 2016 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/183/PESK (ĠU L 141, 28.5.2016, p. 79).

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1459 tal-10 ta' Awwissu 2017 li timplimenta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea (ĠU L 208, 11.8.2017, p. 38).


ANNESS

L-entrata li ġejja titħassar mill-Parti B (Entitajiet) tal-Parti II tal-Anness II għad-Deċiżjoni (PESK) 2016/849:

“3

Korea National Insurance Corporation (KNIC) u l-fergħat tagħha

Korea Foreign Insurance Company

Haebangsan-dong, Central District, Pyongyang, DPRK

Rahlstedter Strasse 83 a, 22149 Hamburg.

Korea National Insurance Corporation of Alloway, Kidbrooke Park Road, Blackheath,

London SE30LW

3.7.2015

Korea National Insurance Corporation (KNIC), li hija kumpannija tal-Istat u kkontrollata minnu, qed tiġġenera introjtu sostanzjali f'munita barranija li jista' jikkontribwixxi għal programmi tar-RDPK relatati mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi jew ma' armi oħra ta' qerda massiva.

Barra minn hekk, il-kwartieri ġenerali tal-KNIC fi Pyongyang huma konnessi mal-Office 39 tal-Partit tal-Ħaddiema Koreani, li huwa entità deżinjata.”