23.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 217/1


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1494

tad-19 ta' Diċembru 2016

dwar l-għajnuna mill-Istat għal kuntratt ta' investiment għall-konverżjoni tal-bijomassa tal-ewwel unità tal-impjant tal-enerġija ta' Drax SA.38760 (2016/C) li r-Renju Unit qed jippjana li jimplimenta

(notifikata bid-dokument C(2016) 8442)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li talbet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjoni(jiet) iċċitata/i hawn fuq (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Wara l-kuntatti ta' qabel in-notifika, fit-2 ta' April 2015 ir-Renju Unit innotifika lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat, bis-sostenn għall-konverżjoni għall-bijomassa tal-Unità 1 tal-Impjant tal-Enerġija ta' Drax. Il-Kummissjoni talbet lir-Renju Unit jipprovdi informazzjoni addizzjonali fl-20 ta' Mejju, fl-24 ta' Lulju u fit-23 ta' Ottubru 2015. Ir-Renju Unit ipprovda tweġiba lill-Kummissjoni fis-26 ta' Mejju, fil-25 ta' Awwissu u fil-5 ta' Novembru 2015.

(2)

Permezz ta' ittra datata l-5 ta' Jannar 2016, il-Kummissjoni informat lir-Renju Unit li kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat fir-rigward tal-għajnuna għall-konverżjoni għall-bijomassa tal-unità 1 tal-Impjant tal-Enerġija ta' Drax (id-Deċiżjoni ta' Ftuħ).

(3)

Fit-18 ta' Frar 2015, ir-Renju Unit ipprovda l-kummenti tiegħu dwar id-Deċiżjoni ta' Ftuħ lill-Kummissjoni.

(4)

Fil-5 ta' Frar 2016, id-Deċiżjoni ta' Ftuħ ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni stiednet ukoll lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar is-suġġett.

(5)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand 49 parti interessata. Fis-7 ta' April 2016, hija għaddiet dawn il-kummenti lir-Renju Unit, li ngħata l-opportunità li jwieġeb. Fid-9 ta' Mejju 2016, ir-Renju Unit wieġeb kif xieraq għall-kummenti.

2.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-MIŻURA

2.1.   Il-proġett ta' konverżjoni tal-bijomassa ta' Drax u l-benefiċjarju

(6)

Ir-Renju Unit għażel tmien proġetti ta' enerġija rinnovabbli skont il-proċess ta' Deċiżjoni Finali ta' Investiment li Tippermetti l-Enerġija Rinnovabbli (FIDeR — Final Investment Decision Enabling for Renewables) (2). Se jiġi pprovdut appoġġ għal dawn il-proġetti magħżula fuq il-bażi ta' kuntratti ta' investiment. Il-miżura nnotifikata dwar l-Unità 1 tal-Impjant tal-Enerġija ta' Drax hija waħda mit-tmien proġetti magħżula skont l-FIDeR (3).

(7)

L-għajnuna nnotifikata tikkonċerna l-għajnuna operatorja għall-elettriku ġġenerat f'unità waħda (Unità #1) tal-impjant tal-enerġija ta' Drax tal-kombustjoni tal-faħam ikkonvertita biex tkun tista' topera għalkollox fuq il-bijomassa. L-impjant tal-enerġija jinsab f'Selby, North Yorkshire fil-Grigal tal-Ingilterra u hija misjuda u operata minn Drax Power Limited (il-benefiċjarju), sussidarja akkwiżita totalment ta' Drax Holding Limited.

(8)

Drax hija impjant tal-enerġija tal-kombustjoni tal-faħam ta' 3 960 MW li bdiet l-operat kummerċjali fl-1974. Skont il-proposta attwali, waħda mis-sitt unitajiet fl-impjant tal-enerġija se tiġi mmodifikata biex topera esklużivament fuq il-bijomassa. Minħabba l-karatteristiċi tal-proċess ta' kombustjoni, l-impjant se jkun jista' jaħraq pelits tal-injam tal-grad industrijali biss. L-impjant se jipprovdi elettriku lill-grilja elettrika nazzjonali u r-Renju Unit jistma li l-proġett se jiġġenera 1,1 % tal-elettriku futur annwali medju tar-Renju Unit.

(9)

Skont l-istimi tar-Renju Unit, il-proġett innotifikat se jiffranka madwar 28,8 miljun tunnellata ta' emissjonijiet tas-CO2 matul il-ħajja tal-proġett u provvista ta' madwar 3,6 TWh ta' elettriku fis-sena. L-impjant se jipprovdi elettriku tat-tagħbija bażi b'livell baxx ta' karbonju.

(10)

Skont l-istimi tar-Renju Unit, l-unità ta' Drax hija ddisinjata biex topera f'enerġija elettrika nominali ta' 645 MW b'fattur tat-tagħbija medju ta' 78 % (4). L-unità se tuża madwar 2,4 miljun tunnellata ta' pelits tal-injam niexef fis-sena, li ħafna minnu se jkun importat mix-Xlokk tal-Istati Uniti. Id-disaggregazzjoni approssimali tas-sorsi tal-pelits tal-injam se tkun kif ġej: (a) 60 % se jiġu importati mix-Xlokk tal-Istati Uniti (5); (b) 13 % se jiġu importati mill-Brażil; (c) madwar 7 % se jinxtraw fis-suq spot tal-pelits tal-injam; (d) 4 % se jinkisbu mill-Ewropa. Is-sehem li jifdal ta' madwar 16 % se jinkiseb mix-Xlokk tal-Istati Uniti u l-Kanada, madankollu, volumi żgħar jistgħu jinkisbu wkoll mill-kumplament tal-Ewropa skont id-disponibbiltà. L-Unità 1 fi Drax mhix se tkun iddisinjata biex tikkonforma mal-liġijiet applikabbli dwar ir-regolamenti tal-inċinerazzjoni tal-iskart, u għaldaqstant l-impjant mhux ser ikun jista' jaħraq skart tal-injam. Il-miżura hija ddisinjata abbażi tar-regoli EU ETS applikabbli li ma jirrikjedux iċ-ċediment ta' xi kwoti ETS għall-emissjonijiet ta' gass serra mill-kombustjoni tal-bijomassa.

(11)

It-Tabella turi l-parametri operatorji mistennija tal-unità ta' Drax, aġġornata mir-Renju Unit wara l-ftuħ tal-proċedura ta' investigazzjoni formali. Skont ir-Renju Unit, il-fattur ta' tagħbija huwa ddefinit bħala l-multiplikazzjoni tal-ammont ta' żmien li fih l-impjant ikun teknikament disponibbli biex jiġġenera l-elettriku u ż-żmien li fih l-impjant huwa effettivament skedat biex jiġġenera l-elettriku. Il-fattur ta' tagħbija nett muri fit-Tabella huwa miksub bil-multiplikazzjoni tad-disponibbiltà teknika medja ta' 83,7 % u fattur ta' tagħbija gross ta' 93,1 % (6).

Parametri operatorji tal-impjant

Parametri operatorji tal-unità ta' Drax (aġġornati) (7)

Kostijiet tal-fjuwil (GBP/GJ)

Effiċjenza termali (%)

Fattur ta' tagħbija nett medju (%)

8,18

38,6

78

2.2.   Bażi ġuridika nazzjonali, finanzjament u baġit

(12)

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali tar-Renju Unit għall-miżura hija l-Energy Act 2013 (l-Att tal-2013 dwar l-Enerġija).

(13)

Il-baġit totali għall-proġett innotifikat huwa stmat għal GBP 1,3 biljun u r-Renju Unit ikkonferma li mhija se titħallas l-ebda għajnuna lill-benefiċjarju qabel id-data tal-kummissjonar.

(14)

L-għajnuna se titħallas mill-kontroparti misjuda mill-gvern, il-Low Carbon Contracts Company Ltd iffinanzjata permezz ta' imposta statutorja fuq il-fornituri liċenzjati kollha tal-elettriku, abbażi tas-sehem mis-suq tal-fornituri, ikkalkolat b'referenza għall-użu tal-elettriku mkejjel tal-klijenti. Il-fornituri tal-elettriku se jkunu meħtieġa jissodisfaw il-kost tal-obbligi tagħhom mir-riżorsi proprji tagħhom iżda se jkunu permessi jgħaddu l-kostijiet lill-konsumaturi bħala parti mill-istrateġiji ta' pprezzar globali.

2.3.   Il-forma tal-għajnuna, it-tul u l-kostijiet tal-produzzjoni

(15)

L-għajnuna għall-elettriku ġġenerat mill-proġett innotifikat se tingħata fil-forma ta' primjum varjabbli (magħruf bħala kuntratt għad-differenza jew CfD (contract for difference)), ikkalkolata bħala d-differenza bejn prezz stabbilit minn qabel (il-prezz tal-eżerċitar) u stima tal-prezz tas-suq għall-elettriku (il-prezz ta' referenza). Il-prezz ta' referenza huwa prezz ibbażat fuq prezzijiet tal-elettriku tas-suq bl-ingrossa forward għal perjodu partikolari. Il-benefiċjarju se jiġġenera dħul mill-bejgħ tal-elettriku tiegħu fis-suq (8), iżda meta l-prezz bl-ingrossa medju tal-elettriku jaqa' taħt il-prezz tal-eżerċitar, il-benefiċjarju se jirċievi pagament supplimentari mill-kontroparti misjuda mill-gvern, Low Carbon Contracts Company Ltd, (il-“Kontroparti CfD”) għad-differenza. Il-benefiċjarju, madankollu, se jżomm ir-riskju li ma jilħaqx il-prezz ta' referenza u riskju ta' volum li ma jilħaqx il-volumi tal-bejgħ imbassra tiegħu (9). Irrispettivament mid-data tal-kummissjonar, il-pagamenti tal-għajnuna se jintemmu fil-31 ta' Marzu 2027.

(16)

L-għajnuna għall-proġett għaldaqstant hija ddeterminata fuq il-bażi ta' prezz tal-eżerċitar stabbilit b'mod amministrattiv. Il-prezzijiet tal-eżerċitar kienu stabbiliti mir-Renju Unit f'tali livelli biex jiżgura li l-appoġġ skont l-FIDeR ikun ekwivalenti b'mod wiesa' għal dak ipprovdut skont l-iskema ta' Obbligu ta' Enerġija Rinnovabbli (10) sabiex jipprovdi tranżizzjoni bla xkiel bejn iż-żewġ skemi ta' appoġġ.

(17)

Għall-finijiiet tal-kalkolu tal-prezz tal-eżerċitar għal impjanti dedikati tal-konverżjoni tal-bijomassa, bħall-Unità ta' Drax, ir-Renju Unit qies il-firxiet ta' kostijiet livellati tal-elettriku (LCOE — levelised costs of electricity) fil-firxa ta' 105 GBP/MWh sa 115 GPB/MWh. Ir-Renju Unit spjega li l-livell tal-prezz tal-eżerċitar għall-proġetti ta' konverżjoni tal-bijomassa kien ikkalkolat b'kunsiderazzjoni tal-firxa ta' rati hurdle (11) ta' 8,8 % sa 12,7 %.

(18)

Il-prezz tal-eżerċitar applikabbli għall-proġett innotifikat huwa ta' 100 GBP/MWh (Prezzijiet tal-2012 — indiċjati kull sena għall-Indiċi tal-Prezzijiet għall-Konsumatur) u għaldaqstant taħt il-firxa ddefinita mir-Renju Unit bħala xierqa għall-proġetti ta' konverżjoni tal-bijomassa. Il-kostijiet livellati jinkludu l-kostijiet ta' finanzjament ta' impjanti ġodda tal-enerġija abbażi ta' rata ta' skont ta' 10 % għat-teknoloġiji kollha. Ir-Renju Unit ippreżenta fid-dettall kif ġew ikkalkolati dawn il-kostijiet, is-sorsi ta' data użati u r-rati hurdle meqjusa (12).

(19)

Is-suppożizzjonijiet ewlenin użati għall-kalkolu tal-prezzijiet tal-eżerċitar, inklużi dawk għall-kostijiet livellati, il-prezzijiet tal-fjuwils fossili, ir-rati tat-taxxa effettivi u s-suppożizzjonijiet ta' żvilupp massimu huma elenkati fir-rapport tal-gvern dwar il-kost livellat (13) u fir-rapporti mid-Dipartiment tal-Enerġija u t-Tibdil fil-Klima (14). Għal dan l-għan, il-prezz bl-ingrossa tal-elettriku huwa ssupponut li huwa ta' madwar 55 GBP/MWh f'termini reali li jiżdied għal 65 GBP/MWh fl-2020. Abbażi tal-prezz tal-eżerċitar, u l-parametri operatorji inizjali (15), ir-Rata ta' Redditu Interna (IRR) għall-proġett innotifikat kienet stmata għal 4,7 % fuq bażi reali, qabel it-taxxa.

2.4.   Kumulazzjoni

(20)

Ir-Renju Unit iċċara li l-proġetti li ngħataw kuntratti FIDeR mhumiex se jkunu eliġibbli biex jirċievu appoġġ għall-istess ġenerazzjoni tal-elettriku skont l-iskema ta' appoġġ CfD il-ġdida. Barra minn hekk, l-ebda proġett li jirċievi pagamenti skont il-kuntratti FIDeR mhu se jkun eliġibbli biex jirċievi ċertifikati ta' obbligu ta' enerġija rinnovabbli għall-istess ġenerazzjoni tal-elettriku. Fl-aħħar nett, il-ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli li tirċievi appoġġ permezz ta' kuntratt ta' investiment mhix se tkun eliġibbli biex tipparteċipa fis-suq tal-kapaċità jew tirċievi għajnuna għall-investiment matul it-terminu tal-kuntratt ta' investiment.

(21)

Abbażi tar-regoli deskritti fil-premessa 20, ir-Renju Unit ikkonferma li la l-benefiċjarju u lanqas xi parti kkonċernata diretta jew indiretta tiegħu ma rċivew, ingħataw jew applikaw għal xi appoġġ ieħor mir-Renju Unit jew minn xi Stat Membru ieħor.

2.5.   Użu u disponibbiltà tal-bijomassa

(22)

Kif spjegat fil-premessa 8, l-unità ta' Drax se tkun tista' taħraq pelits tal-injam biss. Il-pelits tal-injam użati fl-unità ta' Drax se jkunu meħtieġa biex jissodisfaw il-kriterji ta' sostenibbiltà tar-Renju Unit inkluż minimu ta' ffrankar ta' 60 % ta' gassijiet serra (16) kontra l-intensità medja tal-grilja tal-fossili fl-Unjoni, partikolarment, kontra l-medja tal-faħam u l-gass fl-Unjoni. Dawn il-miri se jiżdiedu sa minimu ta' ffrankar ta' 72 % ta' gassijiet serra minn April 2020 u mbagħad ulterjoment sa minimu ta' ffrankar ta' 75 % minn April 2025. Il-kriterji ta' sostenibbiltà fihom ukoll dispożizzjonijiet biex jipproteġu l-bijodiversità u jevitaw prattiki mhux sostenibbli (17).

(23)

Id-domanda aggregata għal pelits tal-injam kienet stmata għal 25 miljun tunnellata (18) fis-sena fl-2014 u 17-il miljun fl-2012 (19). Id-domanda fl-Unjoni hija ogħla mill-produzzjoni li jfisser li l-pelits tal-injam jiġu importati fl-Unjoni. L-importazzjonijiet netti tal-pelits tal-injam fl-Unjoni fl-2012 kienu stmati għal 4 miljun tunnellata fis-sena u huwa mistenni li jiżdiedu għal madwar 5,3 miljun tunnellata fis-sena fl-2014 (20).

(24)

Madwar 18,8 miljun tunnellata ta' pelits tal-injam ġew ikkonsmati fl-Unjoni (21) fl-2014. Minn dawn it-18,8 miljun tunnellata, madwar 7,8 miljun tunnellata jintużaw għall-produzzjoni tal-enerġija fl-industrija. B'4,7 miljun tunnellata kkonsmati fl-2014, ir-Renju Unit huwa l-ikbar utent tal-pelits tal-injam fl-industrija.

2.6.   Trasparenza

(25)

Fir-rigward tar-rapportar u t-trasparenza, ir-Renju Unit indika li l-kuntratti kollha ta' investiment mogħtija permezz tal-proċess FIDeR ġew ippubblikati onlajn fil-forma li fiha dawn ġew konklużi (22).

2.7.   Id-deċiżjoni li jingħata bidu għall-investigazzjoni formali

(26)

Fil-5 ta' Jannar 2016, il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħti bidu għall-proċedura ta' investigazzjoni formali fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-għajnuna nnotifikata mas-suq intern, b'mod partikolari fid-dawl tal-proporzjonalità tal-għajnuna u r-riskju ta' distorsjoni fis-suq.

(27)

B'mod iktar speċifiku, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-riskju ta' kumpens żejjed ma setax jiġi eskluż minħabba inċertezzi fis-suppożizzjonijiet u abbażi ta' kalkolu tas-sensittività pprovdut mir-Renju Unit biex jiġi stmat l-impatt fuq l-IRR mill-bidliet fl-effiċjenza termali, il-fattur ta' tagħbija u l-kost tal-fjuwil medji tal-impjant. Kieku l-effiċjenza termali u l-fattur ta' tagħbija kellhom jiżdiedu b'5 % u l-ispejjeż tal-fjuwil jonqsu b'5 %, l-IRR (fuq bażi reali qabel it-taxxa) tiżdied mill-4,7 % stmata għal iktar minn 15,6 %. Il-Kummissjoni għaldaqstant esprimiet dubji dwar in-nuqqas ta' kumpens żejjed.

(28)

Il-Kummissjoni esprimiet tħassib ukoll li l-ammont ta' pelits tal-injam meħtieġ biex l-unità ta' Drax tiġi operata għalkollox fuq il-bijomassa jwassal għal effetti negattivi indebitu fuq parteċipanti oħra fis-suq tal-pelits tal-injam. Il-proġett ta' konverżjoni tal-bijomassa ta' Drax jikkonsma madwar 9 % tal-produzzjoni tal-pelits tal-injam globali u 16 % tal-konsum fl-Unjoni, abbażi taċ-ċifri tal-2012. Il-Kummissjoni esprimiet dubji li s-suq jista' jakkomoda tali żieda fid-domanda mingħajr distorsjonijiet żejda fis-suq.

(29)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-bijomassa tal-injam, bħala materja prima, għandha użijiet differenti. Iż-żieda fid-domanda għal pelits tal-injam tista' twassal ukoll għal distorsjonijiet fis-suq tal-fibra tal-injam li jaffettwaw lil industriji oħra, bħal dawk tal-polpa u l-karta jew il-manifattura tal-bord. Minħabba d-daqs tal-proġett ta' konverżjoni tal-bijomassa ta' Drax, il-Kummissjoni ma tistax, b'biżżejjed ċertezza, teskludi l-eżistenza ta' distorsjonijiet żejda fis-suq fis-suq tal-materja prima (jiġifieri s-suq tal-fibra tal-injam).

3.   KUMMENTI MINGĦAND IL-PARTIJIET INTERESSATI

(30)

Wara d-deċiżjoni ta' ftuħ, il-Kummissjoni rċeviet 49 kumment minn partijiet ikkonċernati. Il-Kummissjoni rċeviet ukoll kummenti minn trade unions u Membri tal-Parlamenti, kemm tal-Parlament Ewropew kif ukoll tal-Parlament tar-Renju Unit, li jappoġġaw il-proġett ta' konverżjoni tal-bijomassa ta' Drax, fejn jenfasizzaw l-importanza ekonomika u soċjali tal-proġett innotifikat. Barra minn hekk, il-Gvernatur ta' Mississippi esprima l-appoġġ tiegħu għall-proġett innotifikat filwaqt li semma l-benefiċċji tal-industrija tal-pelits tal-injam għal dak l-Istat. Waslu wkoll ittri li jappoġġaw il-proġett innotifikat minn diversi kumpaniji f'setturi differenti, bħal fil-manifattura ta' vaguni tal-merkanzija ferrovjarji, l-industrija tal-forestrija u l-industrija tal-pelits tal-injam (23).

(31)

Bħala total 33 parti kkonċernata (24) ssottomettew kummenti li jenfasizzaw l-impatt pożittiv tal-proġett ta' konverżjoni tal-bijomassa ta' Drax u r-riskju limitat ta' distorsjonijiet fis-suq tal-fibra tal-injam li jinvolvi l-proġett innotifikat. L-osservazzjonijiet koprew diversi suġġetti inkluż, fost oħrajn: id-disponibbiltà u s-sostenibbiltà tal-bijomassa; l-impatt ekonomiku tal-proġett innotifikat, ir-rwol tal-enerġija tal-bijomassa fl-ilħuq tal-miri tal-enerġija rinnovabbli stabbiliti fid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, il-parametri operatorji stmati tal-impjant u l-loġistika tal-provvista tal-fjuwil.

(32)

Diversi assoċjazzjonijiet ta' produtturi tal-pelits tal-injam industrijali enfasizzaw il-benefiċċji ambjentali tal-bijoenerġija u s-sostenibbiltà tal-pelits tal-injam prodotti fl-Istati Uniti. Dawn enfasizzaw li l-bijomassa għandha rwol importanti fit-tnaqqas tal-emissjoni ta' gass serra.

(33)

Il-European Pellet Council fil-kummenti tiegħu rrimarka li d-domanda għall-pelits tal-injam ma twassalx għal distorsjonijiet żejda fis-suq tal-pelits tal-injam u għal utenti oħra tal-bijomassa. Dawn ipprovdew data li turi li ż-żieda stmata fid-domanda għall-pelits tal-injam b'sitt miljun tunnellata bejn l-2013 u l-2015 ma wasslitx għal żidiet sinifikanti fil-prezz, iżda pjuttost uriet li l-prezzijiet ilhom jonqsu mill-2014. Dawn enfasizzaw ukoll l-insinifikanza (2,4 %) tat-tneħħija tal-fibra tal-injam għall-pelits tal-injam meta mqabbla mat-tneħħija tal-fibra tal-injam għal industriji oħra. Barra minn hekk, dawn irrimarkaw, inter alia, b'referenza għal studju (25), li ż-żieda fid-domanda għall-pelits tal-injam hija iżgħar mit-tnaqqis fid-domanda mis-suq tal-polpa.

(34)

Il-konsulent, Forest2Market, issottometta rapport lill-Kummissjoni (26) mħejji sabiex jiġu kkwantifikati u kkontestwalizzati l-manifattura, il-provvista tal-injam u x-xejriet tal-prezzijiet li seħħew fix-Xlokk tal-Istat Uniti, qabel u sa mit-tfaċċar tal-industrija tal-pelits tal-injam. Huma sabu li l-impatt tal-imtieħen tal-pelits tal-injam għall-esportazzjoni fuq l-inventarju tal-foresti u l-prezzijiet tal-fibra tal-injam fin-Nofsinhar tal-Istati Uniti kien minimu u li l-imtieħen tal-pelits tal-injam li jesportaw lejn l-Unjoni, weħidhom, ma jwasslux għal bidliet fil-prezz jew bidliet għall-inventarju u l-ġestjoni tal-foresti.

(35)

Forest2Market stmat li l-esportazzjonijiet addizzjonali ta' pelits tal-injam lejn l-Unjoni Ewropea jirrappreżentaw 1 % tal-inventarju tal-injam għall-polpa totali fil-parti tan-Nofsinhar tal-Istati Uniti u 0,3 % tal-inventarju totali tal-Istati Uniti. Barra minn hekk, huwa probabbli li l-prezzijiet tal-fibra tal-injam kienu jiżdiedu mingħajr iż-żieda fid-domanda mis-swieq għall-pelits tal-injam fl-Unjoni. Fost il-fatturi li jaffettwaw il-prezz tal-fibri tal-injam, Forest2Markets identifikat l-elementi li ġejjin: (a) tnaqqis fil-produzzjoni tal-laqx residwu tal-imtieħen tal-isserrar tal-injam, minħabba l-waqgħa tas-suq tad-djar, li rriżulta f'żieda fid-domanda għall-injam għall-polpa; (b) devjazzjonijiet qawwija minn tendenzi ta' preċipitazzjoni fit-tul medji; u (c) bidliet fis-sjieda tal-art.

(36)

Forest2Market ipprovdiet ukoll data dwar l-inventarju tal-forestrija. Skont din id-data, il-provvista medja tar-residwi bejn l-2007 u l-2014 kien 21 % inqas mill-provvista bejn l-2000 u l-2006, li kkawżat żieda fil-prezzijiet tar-residwi tal-arżnu bi 12,5 % u żieda fil-prezzijiet tar-residwi tal-injam iebes b'10,7 %, meta jitqabblu l-medji matul dawn iż-żewġ perjodi. Skont Forest2Market, dan juri l-impatt tad-disponibbiltà mnaqqsa tar-residwi tal-imtieħen tal-isserrar tal-injam fuq il-prezzijiet tal-injam.

(37)

L-operatur tas-suq tal-bijomassa, Evolution Markets, ipprovda informazzjoni dwar is-suq spot tal-pelits tal-injam. Skont Evolution Markets, is-suq spot tal-pelits tal-injam kien esperjenza ċerta volatilità matul l-24 xahar preċedenti, iżda l-prezz spot għall-pelits tal-injam industrijali laħaq livelli baxxi storiċi fl-2016. Is-suq spot tal-pelits tal-injam huwa wkoll illikwidu ħafna u l-volum ta' pelits tal-injam ikkummerċjalizzati f'kundizzjonijiet tas-suq spot jibqa' baxx meta mqabbel mal-volum ikkummerċjalizzat skont kuntratti fit-tul. Skont Evolution Markets, minkejja li l-ipprezzar spot bħalissa huwa orħos minn kuntratti fit-tul, il-ksib ta' biżżejjed volum għall-provvista ta' mqar nofs ir-rekwiżit ta' konsum tal-unità ta' Drax ikun diffiċli ferm.

(38)

Partijiet ikkonċernati oħra li jappoġġaw il-proġett ta' konverżjoni tal-bijomassa ta' Drax issottomettew argumenti simili għal dawk imsemmija fil-premessi 33 sa 37. Diversi partijiet (27) argumentaw li l-imtieħen tal-pelits tal-injam se jużaw prinċipalment residwi u fibri tal-injam ta' kwalità baxxa. Xi wħud minn dawn il-partijiet ikkonċernati (28) jsostnu li l-industrija tal-pelits tal-injam għandha l-iktar kapaċità baxxa biex tħallas għal fibri tal-injam u li l-kompetizzjoni ma' industriji tradizzjonali għaldaqstant se tkun limitata.

(39)

Partijiet ikkonċernati oħra (29) sostnew li l-industrija tal-pelits tal-injam tuża biss parti żgħira mill-inventarju tal-injam totali fix-Xlokk tal-Istati Uniti. Għaldaqstant, l-industrija tal-pelits tal-injam waħedha ma tmexxix id-dinamika tal-industrija tal-forestrija fix-Xlokk tal-Istati Uniti u ma għandha l-ebda effett jew ftit li xejn taffettwa l-prezzijiet. B'riżultat ta' dan, ma hemm l-ebda evidenza interessanti li tappoġġa l-argument li s-suq għall-esportazzjoni tal-pelits tal-injam wassal għall-għeluq tal-imtieħen tal-karti jew tal-ippakkjar (30).

(40)

Ċerti partijiet ikkonċernati (31) argumentaw li l-kuntratti fit-tul meħtieġa għall-iżgurar tal-katina ta' provvista tal-unità ta' konverżjoni tal-bijomassa ta' Drax jiswew iktar flus mill-pelits tal-injam fis-suq spot, li mhuwiex likwidu biżżejjed biex iforni proġett ta' dan id-daqs. Il-US Industrial Wool Pellet Association (USIPA) sostniet li hemm kummerċ limitat biss kemm ta' fibra tal-injam kif ukoll ta' prodotti tal-injam bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, il-possibbiltajiet għal distorsjonijiet żejda huma limitati.

(41)

Skont diversi partijiet ikkonċernati, id-domanda mill-industrija tal-pelits tal-injam hija ta' benefiċċju għall-industrija tal-forestrija affettwata mit-tnaqqis fl-industriji tradizzjonali (32). Għaldaqstant din jenħtieġ li ma titqiesx bħala distorsiva b'mod żejjed. Il-kumpanija Westervelt issottomettiet rapport minn Forest Research (33) li vvaluta r-riskju ta' bidla indiretta fl-użu tal-injam (IWUC — indirect wood use change) (34). Dan ir-rapport ikkonkluda li r-riskju ta' IWUC fix-Xlokk tal-Istati Uniti huwa żgħir, peress li s-surplus sinifikanti tal-bijomassa huwa mistenni li jippersisti u l-imtieħen il-ġodda tal-pelits tal-injam għandhom kapaċità limitata biex iħallsu għall-injam meta mqabbla ma' kapaċità tal-ipproċessar installata bħalissa.

(42)

L-International Trade Administration (ITA) tal-US Department of Commerce pprovdiet data tan-negozju dwar esportazzjonijiet mill-Istati Uniti ta' pelits tal-injam. L-ITA ma siltet l-ebda konklużjoni mid-data, iżda indikat post fuq blogg tal-Ekonomist Kap tal-US Department of Agriculture li tenfasizza l-impatti ekonomiċi pożittivi tal-produzzjoni tal-pelits tal-injam.

(43)

It-tliet partijiet ikkonċernati argumentaw li l-appoġġ għall-proġett ta' konverżjoni tal-bijomassa ta' Drax iwassal għal kumpens żejjed u distorsjonijiet fis-suq fis-suq tal-fibra tal-injam. Renewable Energy Systems Ltd (RES) sostniet li l-parametri operatorji tal-impjant ta' Drax kienu sottovalutati, u hija rreferiet b'mod speċifiku għall-fattur ta' tagħbija nett. Hija rrakkomandat l-introduzzjoni ta' klawżola ta' rkupru u limitu massimu fuq in-numru ta' MWh li jirċievu għajnuna. RES indikat ukoll li proċess ta' offerti kompetittiv seta' naqqas il-prezz tal-eżerċitar.

(44)

Fern issottomettiet kummenti f'isem seba' organizzazzjonijiet (35) li indikaw li stimi baxxi użati għall-fattur ta' tagħbija u stimi għolja għall-kostijiet tal-fjuwil se jirriżultaw f'kumpens żejjed. Barra minn hekk, dawn il-kummenti rrimarkaw li, minħabba d-daqs kbir tiegħu, il-proġett ta' konverżjoni tal-bijomassa ta' Drax jista' joħloq distorsjoni fis-suq tal-fibra tal-injam. Dawn is-sottomissjonijiet ikkontestaw ukoll l-istqarrijiet ta' ffrankar tas-CO2 mill-proġett innotifikat.

(45)

Barra minn hekk, Fern irrimarkat, billi kkwotat data mill-konsulent RISI, li mill-2011 sal-2015 il-prezzijiet fin-Nofsinhar tal-Istati Uniti żdiedu b'27 % għall-injam artab u b'56 % għall-injam iebes. Is-sottomissjoni minn Fern ikkwotat analiżi tas-suq mill-konsulent indipendenti FORISK (36). Din l-analiżi ssupponiet li d-domanda aggregata għall-fibra tal-injam mill-pelits tal-injam industrijali tiżdied minn 10,6 għal 25 miljun tunnellata fis-sena fil-perjodu mill-2014 sal-2019 u l-analiżi ma qisitx l-effett ta' residwi tal-imtieħen tal-isserrar tal-injam. Din sussegwentement għamlet is-sejba li l-prezzijiet tal-injam mhux maqtugħ (37) fix-Xlokk tal-Istati Uniti jista' jiżdied bi 30 % sa 40 %.

(46)

F'sottomissjoni separata, Biofuelwatch tenniet li l-appoġġ għall-proġett ta' konverżjoni tal-bijomassa ta' Drax iwassal għal kumpens żejjed minħabba fattur ta' tagħbija sottovalutat u kostijiet tal-fjuwil sopravalutati. Din is-sottomissjoni sostniet ukoll li, minħabba d-daqs tiegħu, il-proġett innotifikat joħloq distorsjoni fis-suq fix-Xlokk tal-Istati Uniti u fl-Amerka t'Isfel minn fejn Drax tikseb madwar 16 % tal-fjuwil tagħha, filwaqt li ssemmi r-riskju ta' ħtif tal-art minn operazzjonijiet irregolati b'mod dgħajjef fl-Amerka t'Isfel.

(47)

Tliet partijiet ikkonċernati (38) appoġġaw il-fehma li l-proġett ta' konverżjoni tal-bijomassa ta' Drax jista' joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-materja prima għall-fibra tal-injam. AFPA pprovdiet stimi ta' produzzjoni u esportazzjonijiet tal-pelits tal-injam fix-Xlokk tal-Istati Uniti abbażi ta' studju mill-konsulent indipendenti RISI. L-esportazzjonijiet tal-pelits tal-injam lejn l-Unjoni Ewropea żdiedu minn 1,8 għal 4,5 miljun tunnellata fis-sena matul il-perjodu mill-2012 sal-2015. Skont l-ipproġettar minn RISI, l-esportazzjonijiet jistgħu jiżdiedu iktar għal 10,6 miljun tunnellata fis-sena fl-2019. Il-Figura 1 turi l-produzzjoni tal-pelits tal-injam stmata tal-Istati Uniti.

Figura 1

Produzzjoni tal-pelits tal-injam stmata tal-Istati Uniti (miljun tunnellata qasira; sors, RISI)

Image

(48)

Skont AFPA, iż-żieda fil-produzzjoni tal-pelits tal-injam diġà qiegħda tikkawża żieda fil-prezzijiet tal-injam mhux maqtugħ fix-Xlokk tal-Istati Uniti. Il-Figura 2 turi l-prezzijiet tal-injam mhux maqtugħ għall-polpa fix-Xlokk tal-Istati Uniti għall-perjodu mill-2006 sal-2015 sottomessi minn AFPA.

Figura 2

Prezzijiet tal-injam mhux maqtugħ għall-polpa fix-Xlokk tal-Istati Uniti (USD/katasta, sors RISI)

Image

(49)

L-istudju ta' RISI fih ukoll disaggregazzjoni dettaljata tal-kostijiet tal-produzzjoni tal-pelits tal-injam fix-Xlokk tal-Istati Uniti (39) u tal-esportazzjoni tagħhom lejn ir-Renju Unit. Abbażi ta' din id-data, RISI stmat l-abbiltà massima tal-benefiċjarju li jħallas għall-fibri tal-injam skont kuntratt CfD. Impjant tal-enerġija li jirċievi prezz tal-eżerċitar CfD ta' 105 GBP/MWh ikun kapaċi jħallas sa USD 275 għal kull tunnellata ta' pelits tal-injam. Meta jitqiesu t-trasportazzjoni, il-produzzjoni u l-ħsad, dan jammonta għal USD 57,9 għal kull tunnellata ta' injam mhux maqtugħ, li jkun iktar minn 4,7 darbiet il-prezz medju tal-injam mhux maqtugħ. Għaldaqstant, il-benefiċjarju jkun kapaċi jħallas iktar minn kemm jifilħu utenti oħra tal-fibri tal-injam.

(50)

Barra minn hekk, RISI stmat li l-kompożizzjoni tal-pelits tal-injam min-Nofsinhar tal-Istati Uniti hija magħmula minn 64 % ta' injam artab għall-polpa, 12 % ta' injam iebes għall-polpa, 12 % ta' residwi tal-imtieħen u 12 % tal-bijomassa tal-foresti, jiġifieri, residwi tal-foresti jew materjal residwu tal-ħsad li huma żgħar wisq jew ta' kwalità baxxa biex jintużaw għall-polpa. Għaldaqstant, il-pelits tal-injam ikunu magħmula l-iktar minn materjal li qegħdin jużaw industriji oħra wkoll.

(51)

B'mod simili, Graphic Package International Inc. (GPII) irrapportat li l-injam użat għall-manifattura tal-pelits tal-injam fix-Xlokk tal-Istati Uniti huwa prinċipalment injam tond fid-daqs ta' injam għall-polpa u residwi tal-imtieħen, bir-residwu tal-foresti jammonta għal frazzjoni żgħira biss tal-injam totali meħtieġ ta' inqas minn 20 %. Il-konsum tal-fibra tal-injam fix-Xlokk tal-Istati Uniti, mill-industrija tal-prodotti tal-foresti huwa pproġettat li jiżdied mill-170 miljun tunnellata metrika ta' injam imnixxef fl-2014 għal 182 miljun tunnellata fl-2019, jiġifieri, żieda ta' madwar 1,4 % fis-sena.

(52)

GPII żiedet ukoll li ż-żieda fl-użu tal-fibra tal-injam mill-industrija tal-pelits tal-injam qiegħda żżid il-prezz tal-injam mhux maqtugħ fix-Xlokk tal-Istati Uniti, filwaqt li ssemmi data mill-konsulent, Forest2Market. GPII rrapportat li l-prezzijiet tal-injam mhux maqtugħ għall-polpa tal-arżnu fin-Nofsinhar tal-Istati Uniti żdiedu fuq medja bi 11 % fl-2013 u b'10 % fl-2014.

(53)

GPII pprovdiet mapep b'impjanti eżistenti u ppjanati ta' pelits tal-injam li jinsabu viċin tnejn mill-imtieħen tal-bords tal-karti tagħhom. Filwaqt li fiż-żona kkonċernata għalqu ċerti mtieħen ta' prodotti tal-polpa, tal-karti u tal-injam, l-impjanti tal-pelits tal-injam jirrappreżentaw iktar min-numru ta' mtieħen ta' prodotti tal-polpa, tal-karti u tal-injam li ngħalqu. GPII, għaldaqstant, issostni li dawn l-imtieħen tal-pelits tal-injam joħolqu distorsjonijiet addizzjonali.

(54)

Finalment, GPII ssottomettiet ukoll studju (40) ffinanzjat mill-US Department of Agriculture (USDA) dwar l-impatt tal-esportazzjonijiet tal-pelits tal-injam fuq il-prezzijiet tal-fibra tal-injam fix-Xlokk tal-Istati Uniti. Skont dan ir-rapport, għall-perjodu mill-2016 sal-2017, 40 miljun tunnellata qasira ta' injam umduż (GST), daqs 16,9 tunnellata metrika ta' injam imnixxef, se jintużaw għall-bijoenerġija fin-Nofsinhar tal-Istati Uniti, inkluż 8,4 miljun tunnellata ta' pelits tal-injam. B'riżultat ta' dan, il-mudell ekonomiku ta' Drax Power Limited jissuġġerixxi li l-prezzijiet tal-injam mhux maqtugħ għal ċerti tipi ta' injam, jiġifieri, injam tal-arżnu mhux għall-isserrar, jistgħu jiżdiedu b'iktar mid-doppju.

(55)

Westrock, li ssemmi l-istudju RISI, irrimarkat ukoll li s-sehem ta' residwi tal-bijomassa tal-foresti fil-pelits tal-injam min-Nofsinhar tal-Istati Uniti ma jaqbiżx it-12 %. Abbażi tal-istudju ta' RISI, Westrock sostniet ukoll li l-konsum tal-fibra tal-injam mill-produtturi tal-pelits tal-injam huwa mbassar li jiżdied b'14 % fis-sena sal-2019. Matul l-istess perjodu, il-provvista totali tal-fibra tal-injam hija pproġettata li tiżdied bi 2,0 % biss fis-sena. Dan potenzjalment iżid b'mod sinifikanti l-prezz tal-injam mhux maqtugħ bi żvantaġġ għall-industriji tradizzjonali tal-injam.

4.   KUMMENTI MIR-RENJU UNIT

(56)

Bi tweġiba għad-deċiżjoni li tinfetaħ investigazzjoni formali, ir-Renju Unit ipprovda informazzjoni aġġornata dwar il-parametri operatorji tal-unità ta' konverżjoni tal-bijomassa ta' Drax. Il-fattur ta' tagħbija medju żdied minn 70,5 % għal 78 %. Ir-Renju Unit spjega li d-disponibbiltà stmata tal-impjant ta' Drax tirrifletti l-esperjenza miksuba f'unità simili kkonvertita għall-bijomassa u kienet appoġġata minn parir indipendenti. Madankollu, ir-Renju Unit żied iż-żmien li fih l-impjant huwa skedat li jopera, jekk teknikament disponibbli, għal 93,3 % taż-żmien disponibbli f'sena minn 84,1 %. Dan kien ir-riżultat tal-eliminazzjoni tal-fatturi ta' tagħbija grossi baxxi li kienu inklużi bl-għan tar-restrizzjonijiet potenzjali tal-provvista tal-fjuwil. Din l-eliminazzjoni tirrifletti ż-żieda fil-livell ta' fiduċja fil-kapaċità li jinkisbu biżżejjed provvisti ta' pelits tal-injam u fil-ġestjoni tar-riskju li jifdal bijomassa żejda fi tmiem il-ħajja tal-impjant.

(57)

Barra minn hekk, ir-Renju Unit irrieżamina l-istima għall-effiċjenza termali tal-konverżjoni tal-bijomassa ta' Drax, li tikkonferma l-istima preċedenti ta' effiċjenza termali ta' 38,6 %, peress li din tirrifletti l-esperjenza fi proġetti ta' konverżjoni tal-bijomassa appoġġata minn parir indipendenti li rċeviet Drax.

(58)

Ir-Renju Unit ipprovda wkoll disaggregazzjoni aġġornata tal-kostijiet tal-provvista tal-fjuwil. Il-kostijiet medji tal-fjuwil issa huma stmati għal 8,18 GBP/GJ, tnaqqis mit-8,40 (41) GBP/GJ. L-istima l-ġdida tal-kostijiet tal-fjuwil tirrifletti l-kuntratti addizzjonali ta' pelits tal-injam, l-ottimizzazzjoni ta' xi kostijiet relatati mal-fjuwil u bidliet fil-varjabbli makroekonomiċi. B'mod partikolari, ir-Renju Unit jinnota li s-suq spot għall-pelits tal-injam mhuwiex likwidu biżżejjed biex impjanti kbar ta' konverżjoni tal-bijomassa jibbażaw fuqu.

(59)

Il-prezzijiet ibbażati fuq kuntratti ta' provvista fit-tul ta' pelits tal-injam ikunu normalment ogħla mill-prezz spot. Fis-sottomissjoni aġġornata, il-kostijiet tal-fjuwil issa huma bbażati fuq il-medja peżata tal-kuntratti fit-tul eżistenti, li jammontaw għal madwar 77 % tar-rekwiżiti tal-pelits tal-injam, il-kuntratti fit-tul li għadhom iridu jiġu ffinalizzati li jammontaw għal madwar 15 % tar-rekwiżiti tal-pelits tal-injam, u l-prezzijiet spot stmati, li jammontaw għal 7 % tar-rekwiżiti tal-pelits tal-injam. Il-kostijiet tal-immaniġjar tal-fjuwil, bħall-kostijiet tal-port tar-Renju Unit, il-kostijiet tal-ferrovija tar-Renju Unit, il-ħżin, il-kostijiet ta' sostenibbiltà, l-iħħeġġjar kontra r-riskju u l-munita barranija, huma stmati li jammontaw għal 1,49 GBP/GJ. Il-kostijiet tal-pelits tal-injam tal-bijomassa kkunsinnati lill-port tar-Renju Unit, għaldaqstant, jammontaw għal […] GBP/GJ bi tnaqqis ta' […] GBP/GJ b'riżultat ta' […] GBP/GJ. Dan jirrifletti l-kostijiet tal-pelits tal-injam ta' 181 USD għal kull tunnellata (inklużi kostijiet ta' assigurazzjoni u nol (CIF)). Ir-Renju Unit spjega wkoll li dan il-prezz huwa konformi mal-kostijiet irrapportati mill-fornituri tal-Istati Uniti li huwa fil-firxa minn 6,27 GBP/GJ sa 8,24 GBP/GJ (kif stmat mill-konsulent indipendenti, Ricardo Energy & Environment).

(60)

Ir-Renju Unit enfasizza li l-istimi għall-parametri operatorji tal-impjant ta' Drax huma robusti, peress li kienu vverifikati minn esperti indipendenti (42). Barra minn hekk, ir-Renju Unit innota li t-tliet parametri operatorji mhumiex ikkorrelatati. Għaldaqstant, varjazzjonijiet simultanji kbar fid-direzzjoni ta' żieda fil-profitt fuq perjodu ta' 20 sena huma improbabbli.

(61)

Skont ir-Renju Unit, dawn l-iżviluppi affettwaw b'mod sinifikanti l-profittabbiltà tal-proġett ta' konverżjoni tal-bijomassa ta' Drax. L-IRR stmata issa hija ta' [4-12] % fuq bażi reali, qabel it-taxxa, abbażi ta' parametri robusti u fi ħdan rati hurdle.

(62)

Ir-Renju Unit ikkonferma li l-benefiċjarju mhux se jikseb fibra tal-injam minn foresti verġni. F'konformità mar-rekwiżiti tar-regolament tar-Renju Unit dwar l-Istandard tal-Injam, l-injam se jittieħed biss minn foresti maħduma li huma ġestiti b'mod sostenibbli u attiv.

(63)

Fir-rigward tal-intenzjoni tal-benefiċjarju biex jakkwista pelits tal-injam mill-Amerka t'Isfel, ir-Renju Unit iċċara li l-materjal miksub mill-Brażil se jiġi minn kumpanija waħda bbażata fl-Istat tan-Nofsinhar ta' Rio Grande do Sul. Ċerta fibra tal-injam żejda se tintuża biex isiru l-pelits tal-injam. Il-materjal li se jinkiseb se jkun iċċertifikat mis-sistema ta' Ġestjoni tal-Foresti tal-Forest Stewardship Council (FSC) jew iċċertifikat bħala FSC Controlled Wood u l-kumpanija tal-pelits tal-injam ikollha ċ-ċertifikazzjoni FSC Chain of Custody. Ir-Renju Unit ikkonferma li l-kumpanija u l-operat tagħha ġew awditjati indipendentement biex jiġi żgurat li din tissodisfa r-rekwiżiti ta' sostenibbiltà legali tar-Renju Unit għall-bijomassa.

(64)

Bi tweġiba għad-data tal-AFPA dwar il-kompożizzjoni tal-pelits tal-injam, ir-Renju Unit spjega li l-fibra tal-injam li ġejja minn prattiki tal-forestrija tammonta għal ftit iktar minn 80 % tal-materjal tal-input tal-imtieħen tal-pelits tal-injam tal-Istati Uniti. Ir-Renju Unit jinnota li din iċ-ċifra hija konformi mad-data rrapportata minn RISI meta jintużaw definizzjonijiet komparabbli għat-tipi differenti ta' injam.

(65)

Ir-Renju Unit ipprovda data wkoll dwar id-daqs relattiv tal-industrija tal-pelits tal-injam tal-Istati Uniti. Skont analiżi minn Forest2Market (43), l-inventarju tal-foresti fin-Nofsinhar tal-Istati Uniti żdied bi kważi 1,2 biljun tunnellata bejn l-2000 u l-2014. L-industrija tal-esportazzjoni tal-pelits tal-injam f'dik iż-żona kibret minn żero għal 3,6 miljun tunnellata bejn l-2008 u l-2014. Dan jirrappreżenta 0,3 % tat-total tal-inventarju tal-injam tal-arżnu għall-polpa fin-Nofsinhar tal-Istati Uniti u 0,09 % tal-inventarju totali tal-arżnu, jiġifieri injam għall-polpa u injam għall-isserrar.

(66)

Ir-rekwiżit tal-fibra tal-injam ta' 2,4 miljun tunnellata ta' pelits tal-injam mill-unità ta' konverżjoni tal-bijomassa ta' Drax irrappreżenta 0,2 % tal-inventarju totali tal-injam iebes għall-polpa u 0,06 % tal-inventarju totali tal-injam iebes partikolarment injam għall-polpa u injam għall-isserrar. It-tneħħija totali tal-fibri tal-injam, għall-konsumaturi kollha, fin-Nofsinhar tal-Istati Uniti fl-2014 kienet ta' 250,2 miljun tunnellata, 3,3 % tal-inventarju totali tal-foresti.

(67)

Fir-rigward tal-post tal-imtieħen tal-pelits tal-injam (ara s-sottomissjoni ta' GPII), ir-Renju Unit isostni li l-imtieħen il-ġodda tal-pelits tal-injam se jeħtieġu li jitqiegħdu f'żoni fejn ma jkunx meħtieġ li dawn jikkompetu direttament ma' utenti oħra tal-materja prima tal-injam biex jiżguraw finanzjament għall-kostruzzjoni ta' dawn l-impjanti. B'referenza għal rapport mill-konsulent, Forest2market (44), ir-Renju Unit isostni li l-post tal-imtieħen tal-pelits tal-injam jiddependi minn numru ta' fatturi bħal domanda vakanti, inċentivi għall-iżvilupp ekonomiku, tnaqqis fit-taxxa, provvista u prezz tal-fibra, prossimità għall-provvista tal-fibra u prossimità għall-infrastruttura ferrovjarja li taqdi port tal-ilma fond. Ir-rapport juri li 61 % tal-imtieħen tal-pelits tal-injam fin-Nofsinhar tal-Istati Uniti jinsabu iktar minn 30 mil minn kompetitur. L-istess rapport sab ukoll li l-imtieħen kollha tal-pelits tal-injam mistħarrġa jinsabu fi ħdan 65 mil minn kompetitur. Skont ir-rapport, din hija prattika komuni wkoll għal utenti oħra tal-fibra tal-injam li, storikament, ma operawx fin-nuqqas ta' xi kompetizzjoni oħra. Fl-istess ħin, 72 % tal-esportazzjonijiet mill-imtieħen tal-pelits tal-injam mistħarrġa minn Forest2Markets jinsabu fi ħdan 65 mil minn faċilità magħluqa li jindika li l-esportazzjonijiet mill-imtieħen tal-pelits tal-injam jinsabu fil-prossimità ta' siti magħluqa.

(68)

Filwaqt li indirizza l-istudji minn FORISK u USDA li jorbtu ż-żieda fl-użu tal-bijomassa ma' żieda fil-prezz tal-injam mhux maqtugħ, ir-Renju Unit issuġġerixxa li l-ipproġettar li jikkonċerna l-produzzjoni tal-pelits tal-injam huwa sopravalutat. Pereżempju, l-istudju ta' USDA sottomess minn GPII jassumi domanda ta' 'l fuq minn 40 miljun GST ta' fibra tal-injam fil-parti kostali tan-Nofsinhar tal-Istati Uniti sal-2017, b'żieda ta' madwar 20 miljun GST fl-2015. Dan jirriżulta f'madwar 18-il miljun tunnellata ta' pelits tal-injam li jiġu prodotti sal-2017 fil-parti kostali tan-Nofsinhar tal-Istati Uniti biss. Dan huwa ferm ogħla mill-istimi pprovduti minn FORISK ta' 11,6 miljun tunnellata sal-2019. Barra minn hekk, fatturi oħra bħad-disponibbiltà miżjuda ta' residwi mhumiex meqjusa.

(69)

Fir-rigward tal-istqarrijiet li jikkonċernaw l-abbiltà tal-benefiċjarju li jħallas għall-fibra tal-injam, ir-Renju Unit jinnota li l-istimi pprovduti minn RISI ma jqisux il-prezz tal-eżerċitar aġġornat ta' 100 GBP/MWh minflok 105 GBP/MWh u ċerti kostijiet relatati mal-fjuwil żejjed. Il-kostijiet medji tal-fjuwil aġġornati għall-Unità 1 huma ta' 8,18 GBP/GJ. Il-kostijiet tal-pelits tal-bijomassa jammontaw għal […] GBP/GJ, filwaqt li kostijiet oħra relatati mal-fjuwil, partikolarment kostijiet għall-użu tal-port, it-trasport bil-ferrovija, il-ħżin, iċ-ċertifikazzjoni tas-sostenibbiltà, l-iħħeġġjar u l-munita barranija, jammontaw għal […] GBP/GJ (ara l-premessa 51 iktar 'il fuq). Ir-Renju Unit iqis li din iċ-ċifra tinsab fi ħdan il-firxa tal-prezzijiet tal-fornituri tal-pelits tal-injam tal-Istati Uniti stmata minn konsulent indipendenti, Ricardo Energy & Environment f'madwar 6,27 — 8,24 GBP/GJ.

(70)

Ir-Renju Unit sostna li fatturi oħra, inkluża provvista mnaqqsa ta' residwi mill-imtieħen tal-isserrar tal-injam wara l-waqgħa tas-suq tad-djar, ikkontribwixxew għaż-żieda reċenti fil-prezzijiet irreġistrati tal-injam mhux maqtugħ. Biex jissostanzja dal-punt, ir-Renju Unit sostna li ma kien hemm l-ebda korrelazzjoni viżibbli bejn il-bidla fil-prezzijiet tal-injam mhux maqtugħ għall-arżnu jew l-injam iebes u l-preżenza ta' produzzjoni sinifikanti tal-pelits tal-injam.

(71)

Ir-Renju Unit sostna wkoll li l-volumi tal-kummerċ għall-injam industrijali mill-Istati Uniti lejn l-Unjoni Ewropea huma limitati. Fl-2013, minn produzzjoni totali ta' madwar 270 miljun tunnellata ta' injam tond industrijali umduż, l-Istati Uniti esportaw madwar 3,3 miljun tunnellata ta' injam umduż (45) lejn il-kontinent Ewropew. Bi tqabbil ma' dan, fl-2013 l-Unjoni Ewropea importat madwar 31 miljun tunnellata ta' injam tond umduż u 15-il miljun tunnellata ta' laqx u ċana umdużi b'mod predominanti minn pajjiżi Ewropej oħra. Għaldaqstant hemm dipendenza limitata fuq materja prima mhux tal-enerġija kkummerċjalizzata mill-Istati Uniti lejn l-Unjoni Ewropea.

5.   VALUTAZZJONI TAL-MIŻURA

(72)

Miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat jekk hija “għajnuna […] mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi […] sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri”.

(73)

Kif stabbilit fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ, il-benefiċjarju (Drax Power Limited) se jirċievi għajnuna operatorja fil-forma ta' primjum varjabbli minn kontroparti CfD misjuda mill-gvern għall-elettriku ġġenerat mill-unità kkonvertita. Il-miżura tiffavorixxi l-ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli (f'dan il-każ bijomassa) mill-benefiċjarju magħżul. L-elettriku huwa kkummerċjalizzat b'mod wiesa' bejn l-Istati Membri. Il-miżura nnotifikata tista' għaldaqstant toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-elettriku u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, l-impjant se jikkompeti wkoll għall-fjuwil tal-bijomassa fis-suq tal-materja prima peress li, minħabba nuqqas ta' biżżejjed riżorsi tal-forestrija lokali, il-maġġoranza tal-pelits tal-injam meħtieġa biex iħaddmu l-unità ta' Drax se tiġi importata minn barra 'l pajjiż (ara l-premessa 11 iktar 'il fuq).

(74)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura nnotifikata tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat (46).

5.1.   Legalità tal-għajnuna

(75)

Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mir-Renju Unit, il-Kummissjoni tinnota li għadha ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni finali dwar l-investiment u li mhuma se jsiru l-ebda pagamenti qabel ma tinkiseb l-approvazzjoni għall-għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni tqis għaldaqstant li r-Renju Unit ssodisfa l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

5.2.   Il-kompatibbiltà tal-għajnuna

(76)

Il-Kummissjoni tinnota li l-miżura nnotifikata għandha l-għan li tippromwovi l-ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli, partikolarment mill-bijomassa solida. Il-miżura nnotifikata taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014-2020 (EEAG) (47). Il-Kummissjoni għaldaqstant ivvalutat il-miżura nnotifikata f'konformità mad-dispożizzjonijiet ta' kompatibbiltà ġenerali, stabbiliti fit-Taqsima 3.2 tal-EEAG u f'konformità mal-kriterji ta' kompatibbiltà speċifiċi għall-għajnuna operatorja mogħtija għall-elettriku minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli, stabbiliti fit-Taqsima 3.3.2.1 tal-EEAG.

5.2.1.   Objettiv ta' interess komuni

(77)

Bħalma ġie konkluż mid-Deċiżjoni ta' Ftuħ, il-Kummissjoni tinnota li l-għan tal-miżura ta' għajnuna nnotifikata huwa li tgħin lir-Renju Unit jikseb il-miri tal-enerġija rinnovabbli (48) u l-objettivi tat-tnaqqis tas-CO2 stabbiliti mill-Unjoni bħala parti mill-istrateġija UE 2020 tagħha (49). Kif deskritt fil-premessa 9, u skont il-paragrafi 30, 31 u 33(a) tal-EEAG, ir-Renju Unit stima b'mod espliċitu l-iffrankar tas-CO2 u l-kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli mistennija mill-proġett innotifikat. Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura ta' għajnuna nnotifikata hija mmirata lejn objettiv ta' interess komuni skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat.

(78)

Numru ta' organizzazzjonijiet ambjentali qajmu tħassib dwar l-effetti ambjentali tal-proġett innotifikat. Ir-Renju Unit ikkonferma li l-għajnuna nnotifikata se tingħata biss għall-bijomassa, kif iddefinit fil-paragrafu 19(6) tal-EEAG. Il-Kummissjoni tfakkar li l-għajnuna nnotifikata se tgħin lir-Renju Unit jilħaq il-miri tal-klima u tal-enerġija tal-Unjoni għall-2020. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li l-pelits tal-injam li għandhom jintużaw mill-impjant ta' konverżjoni tal-bijomassa ta' Drax se jkunu meħtieġa li jissodisfaw il-kriterji ta' sostenibbiltà proprji tar-Renju Unit, inkluż l-iffrankar minimu tas-CO2 ikkalkolat fuq bażi taċ-ċiklu tal-ħajja. Il-kriterji ta' sostenibbiltà tar-Renju Unit fihom ukoll dispożizzjonijiet biex jiġu evitati effetti ambjentali negattivi oħra, bħat-telfien tal-bijodiversità.

5.2.2.   Il-ħtieġa għal intervent mill-Istat, l-effett ta' inċentiv u l-adegwatezza tal-għajnuna

(79)

Il-Kummissjoni kkonkludiet fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ tagħha li l-għajnuna nnotifikata hija neċessarja, li din għandha effett ta' inċentiv u li hija strument xieraq. B'mod partikolari, b'referenza għall-paragrafi 38, 107, 115 tal-EEAG, il-Kummissjoni tinnota li l-fallimenti tas-suq, partikolarment il-falliment li jiġu inklużi b'mod sħiħ l-esternalitajiet kollha ġġenerati bl-użu tal-fjuwils fossili fil-prezz tal-enerġija, mhumiex indirizzati biżżejjed mill-qafas ta' politika eżistenti u li fin-nuqqas ta' għajnuna operatorja vvalutata f'din id-Deċiżjoni, il-proġett ta' konverżjoni tal-bijomassa ma jkunx finanzjarjament vijabbli.

(80)

B'referenza għall-paragrafi 49 u 58 tal-EEAG, ir-Renju Unit wera li l-LCOE ġġenerati fl-unità kkonvertita ta' Drax huma ferm ogħla mill-prezz tas-suq tal-elettriku mistenni u dawn ipprovdew ukoll analiżi finanzjarja li turi li mingħajr l-għajnuna vvalutata, l-IRR tal-proġett innotifikat tkun negattiva. F'tali sitwazzjoni, l-atturi tas-suq ma jkunux iridu jinvestu fil-proġett ta' konverżjoni tal-bijomassa ta' Drax. L-għajnuna nnotifikata għaldaqstant tibdel l-imġiba tal-benefiċjarju. Ir-Renju Unit ikkonferma li l-benefiċjarju kien meħtieġ li jissottometti applikazzjonijiet u li dawn l-applikazzjonijiet kienu sottomessi qabel ma beda x-xogħol fuq il-proġett innotifikat, f'konformità mal-paragrafu 51 tal-EEAG.

(81)

B'referenza għall-paragrafi 40 u 116 tal-EEAG, ir-Renju Unit wera li l-għajnuna nnotifikata hija strument xieraq. Kif spjegat fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ, l-LCOE huma ogħla mill-prezz tas-suq tal-elettriku mistenni u l-IRR mistennija, mingħajr għajnuna mill-Istat, tkun negattiva. Sabiex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' dħul suffiċjenti biex tiġi ffinanzjata l-konverżjoni għall-bijomassa ta' unità fl-impjant ta' Drax, ir-Renju Unit beħsiebu jagħti għajnuna mill-Istat, li hija mmirata b'mod partikolari u din tindirizza l-ħtiġijiet tal-proġett mingħajr ma tinqabeż ir-rata hurdle. Il-proġett innotifikat kien magħżul fost diversi oħra bl-għan li jintlaħqu l-miri tal-enerġija rinnovabbli tal-Unjoni (50), permezz tal-għoti ta' għajnuna operatorja fil-forma ta' CfD. Il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha fil-każ SA.36196 (2014/N), Riforma tas-Suq tal-Elettriku tar-Renju Unit — Kuntratt għad-Differenza għall-Enerġija Rinnovabbli (C(2014) 5079 final) (51), ikkonkludiet li s-CfD huwa strument xieraq għall-ilħuq tal-objettiv ta' interess komuni.

(82)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna għall-proġett innotifikat hija neċessarja, li din għandha effett ta' inċentiv u li din tingħata permezz ta' strument xieraq.

5.2.3.   Proporzjonalità

(83)

Il-Kummissjoni tfakkar li l-LCOE għal tali proġetti tal-bijomassa, abbażi ta' rata ta' redditu ta' 10 %, kienu kkalkulati mir-Renju Unit bħala li jkunu tal-inqas 105 GBP/MWh (52). Il-Kummissjoni tqis l-LCOE bħala xierqa għal dan it-tip ta' proġett peress li l-kost kien diġà ġie kkonfermat fid-deċiżjonijiet preċedenti (53). Ir-Renju Unit wera li l-għajnuna nnotifikata għal kull unità ta' enerġija ma taqbiżx id-differenza bejn l-LCOE u l-prezz tas-suq mistenni tal-elettriku, peress li l-prezz tal-eżerċitar, li jirrifletti l-prezz tas-suq flimkien mal-primjum, stabbilit f'100 GBP/MWh ma jaqbiżx l-LCOE (54). Barra minn hekk, ir-Renju Unit ikkonferma li l-għajnuna nnotifikata se tkompli tingħata sad-deprezzament tal-investiment skont r-regoli tal-kontabbiltà normali u li l-għajnuna nnotifikata mhix se tiġi kkumulata b'xi għajnuna oħra.

(84)

Ir-rata hurdle għall-proġett innotifikat hija bejn 8,8 % u 12,7 % fuq bażi reali, qabel it-taxxa (55) u din kienet aċċettata mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ tagħha. Din kienet konformi mar-rati approvati preċedentement mill-Kummissjoni għall-proġetti tal-bijomassa fir-Renju Unit (56). Il-Kummissjoni se tivvaluta f'din id-Deċiżjoni jekk l-IRR tal-proġett tirrispettax ir-rata hurdle.

(85)

Fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet dubji li l-għajnuna mill-Istat ma twassalx għal kumpens żejjed abbażi ta' analiżi tas-sensittività pprovduta mir-Renju Unit (57). L-IRR, fuq bażi reali qabel it-taxxa, kienet tiżdied mill-4,7 % smata għal iktar minn 15,6 % jekk l-effiċjenza termali u l-fattur ta' tagħbija jiżdiedu b'5 % u l-kostijiet tal-fjuwil jonqsu b'5 %. Il-Kummissjoni tinnota l-inċertezzi f'dawn is-suppożizzjonijiet u b'mod partikolari l-fattur ta' tagħbija mnaqqas matul ċerti snin tal-operat, minħabba tħassib loġistiku bil-provvista ta' pelits tal-injam, u l-livell tal-kostijiet tal-fjuwil (peress li l-kuntratti ta' provvista ma koprewx ir-rekwiżiti tal-provvista sħiħa tal-unità tal-bijomassa).

(86)

Wara d-Deċiżjoni ta' Ftuħ, ir-Renju Unit issottometta informazzjoni aġġornata dwar il-proġett innotifikat u b'mod partikolari rrieżamina u aġġorna l-parametri operatorji. Abbażi ta' din l-informazzjoni aġġornata, l-IRR għall-proġett innotifikat issa hija ta' madwar [4-12] % fuq bażi reali qabel it-taxxa li hija konformi mar-rata hurdle.

(87)

Kif deskritt fil-premessa 11, ir-Renju Unit elimina l-fatturi ta' tagħbija grossi baxxi li kienu ġew inklużi u żied il-fattur ta' tagħbija nett medju minn 71 % għal 78 % wara d-Deċiżjoni ta' Ftuħ. Ir-Renju Unit issostanzja l-fattur ta' tagħbija ġdid abbażi ta' tqabbil ma' impjanti oħra simili. Il-Kummissjoni tinnota li ż-żieda hija ikbar minn kemm kien issupponut fl-analiżi tas-sensittività u li l-fattur ta' tagħbija smat ta' 78 % issa huwa konformi ma' dak li ġie osservat fl-impjanti komparabbli (58).

(88)

Ir-reviżjoni tal-fattur ta' tagħbija tindirizza wkoll tħassib sottomess minn partijiet terzi dwar il-kalkolu tal-fattur ta' tagħbija baxx (59). RES Ltd issuġġerixxiet li proċess ta' offerti kompetittiv kien jirriżulta fi ħtieġa ta' ammont ta' għajnuna iktar baxx abbażi tal-esperjenza ġenerali bil-proċessi ta' offerti (60). Il-Kummissjoni tinnota li proċess ta' offerti kompetittiv mhuwiex meħtieġ u li l-miżura attwali ma twassalx għal kumpens żejjed.

(89)

Fir-rigward tal-kostijiet tal-fjuwil, kif iddikjarat fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-provvista tal-pelits tal-injam għall-proġett innotifikat tiġi akkwistata b'mod wiesa' minn kuntratti fit-tul fejn il-prezzijiet jistgħu jkunu ogħla mill-prezzijiet spot. Madankollu, il-Kummissjoni nnotat li kien għad hemm xi inċertezzi peress li l-kuntratti ta' provvista eżistenti fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ ma koprewx il-provvista sħiħa meħtieġa għall-proġett innotifikat.

(90)

Ir-Renju Unit spjega fid-dettall il-kostijiet tal-fjuwil ta' provvisti suffiċjenti ta' pelits tal-injam u aġġorna l-istimi tal-kostijiet tal-fjuwil tagħhom. Il-kostijiet tal-fjuwil tnaqqsu minn 8,40 USD/GJ għal 8,18 USD/GJ, lil hinn mill-analiżi tas-sensittività ta' 5 % ta' 8,23 USD/GJ. Ir-Renju Unit issottometta li l-istimi tal-kostijiet tal-fjuwil issa huma bbażati fuq kuntratti iktar fit-tul li jindirizzaw ħafna mir-rekwiżiti tal-pelits tal-injam kif ukoll l-istimi għall-kuntratti ta' provvista futuri u prezzijiet spot futuri (61).

(91)

Id-dokumentazzjoni pprovduta mir-Renju Unit inkludiet ukoll disaggregazzjoni dettaljata tal-elementi prinċipali tal-kostijiet fil-katina ta' provvista tal-unità ta' konverżjoni tal-bijomassa ta' Drax inklużi kostijiet relatati mal-fjuwil bħall-użu tal-port, it-trasport bil-ferrovija, il-ħżin, iċ-ċertifikazzjoni tas-sostenibbiltà, l-iħħeġġjar u l-munita barranija. Skont l-opinjoni ta' esperti indipendenti, sottomessa wkoll mir-Renju Unit, il-kostijiet medji tal-fjuwil stmati għall-unità ta' konverżjoni tal-bijomassa ta' Drax huma fi ħdan il-firxa ta' prezzijiet tal-fornituri tal-pelits tal-injam tal-Istati Uniti (62). Il-kostijiet tal-fjuwil aġġornati jirriflettu prezz tal-pelits tal-injam (CIF) ta' 181 USD għal kull tunnellata li huwa wkoll konformi mal-istima minn RISI (63).

(92)

Sabiex jissostanzja l-istqarrija ta' effiċjenza termali, ir-Renju Unit ipprovda data li turi li l-effiċjenza termali ta' dan it-tip ta' proġett ta' konverżjoni tal-bijomassa tista' tiżdied b'madwar 38 % sa 39 %. Il-Kummissjoni tinnota li ma tqajjem l-ebda dubju speċifiku f'dan ir-rigward fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ u hija tqis li r-rata ta' effiċjenza hija konformi mar-rati ta' effiċjenza tipiċi osservati f'impjanti komparabbli (64).

(93)

Finalment, l-IRR għall-proġett innotifikat inbidlet bħala konsegwenza ta' numru ta' fatturi inkluż it-telfien ta' madwar sena ta' għajnuna peress li l-kuntratt ta' investiment ippropost se jispiċċa fil-31 ta' Marzu 2027 irrispettivament mid-data tal-bidu tal-miżura u anke minħabba l-iżviluppi sfavorevoli tar-rata tal-kambju. Din l-IRR, għaldaqstant, hija ogħla mill-valur ta' 4,7 % stmat fin-notifika oriġinali lill-Kummissjoni. Id-differenza hija minħabba l-istimi riveduti tal-parametri operatorji tal-impjant.

(94)

Fid-dawl tal-kwistjonijiet imsemmija iktar 'il fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-IRR stmata tal-proġett innotifikat hija bbażata fuq stimi sodi tal-kostijiet u l-parametri operatorji tal-impjant. Barra minn hekk, l-IRR stmata hija fi ħdan il-firxa ta' rati hurdle meħtieġa għal dan it-tip ta' proġett. Għaldaqstant, l-għajnuna ma twassalx għal kumpens żejjed u hija proporzjonata biex tilħaq l-objettiv ta' interess komuni.

5.2.4.   Evitar ta' effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ

(95)

Fil-valutazzjoni tal-kompatibbiltà ta' miżura ta' għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni trid tistabbilixxi li “l-effetti negattivi tal-miżura ta' għajnuna f'termini ta' distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri jridu jkunu limitati u ssuperati mill-effetti pożittivi f'termini ta' kontribut lejn l-objettiv ta' interess komuni” (65).

(96)

B'referenza għall-paragrafi 94, 95 u 96 tal-EEAG, il-Kummissjoni ssib li l-miżura nnotifikata ma twassalx għal effetti manifestament negattivi, peress li l-għajnuna hija proporzjonata u ma twassalx purament għal rilokazzjoni tal-attività mingħajr effett ambjentali. L-għajnuna se tassisti fil-konverżjoni tal-unità ta' Drax mill-faħam għall-bijomassa, fejn jiżdied is-sehem ta' enerġija rinnovabbli fir-Renju Unit (66).

(97)

Sabiex tivvaluta l-effetti negattivi tal-miżura ta' għajnuna, il-Kummissjoni ffokat fuq id-distorsjonijiet li jirriżultaw mill-impatt prevedibbli li l-għajnuna jkollha fuq il-kompetizzjoni fis-swieq tal-prodotti milquta u fuq il-post tal-attività ekonomika (67).

5.2.4.1.   L-effetti negattivi fuq is-suq tal-elettriku

(98)

Peress li l-għajnuna tingħata għall-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli, is-suq tal-prodotti milqut huwa s-suq tal-elettriku. B'referenza għall-paragrafu 89 tal-EEAG, il-Kummissjoni tidentifika żewġ distorsjonijiet potenzjali prinċipali kkawżati mill-għajnuna, partikolarment distorsjonijiet fis-suq tal-prodott u l-effetti tal-lokalizzazzjoni.

(99)

B'referenza għall-paragrafu 101 tal-EEAG, il-Kummissjoni tinnota li l-proġett jikkonsisti mill-modifika ta' unità f'impjant tal-enerġija eżistenti tal-kombustjoni tal-faħam. Peress li l-proġett jikkonverti impjant eżistenti dan mhux se jżid mal-kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-benefiċjarju fis-suq tal-enerġija. Għaldaqstant, il-miżura mhix se żżid is-sehem tal-benefiċjarju tas-suq tal-ġenerazzjoni.

(100)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tfakkar li l-kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-elettriku tal-unità ta' konverżjoni tal-bijomassa ta' Drax tikkorrispondi għal madwar 1,1 % tas-suq tal-ġenerazzjoni tal-elettriku tar-Renju Unit. Għaldaqstant, il-miżura mhux se jkollha l-effett negattiv li ttejjeb is-saħħa fis-suq tal-benefiċjarju.

(101)

B'referenza għall-paragrafi 94 — 96 tal-EEAG, il-Kummissjoni tqis li l-proġett ma jinvolvix rilokazzjoni tal-attività, u dan lanqas ma jkollu impatt sinifikanti fuq il-kompetizzjoni fis-suq tal-ġenerazzjoni tal-elettriku tar-Renju Unit. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura ma jkollha l-ebda impatt sinifikanti fuq il-kompetizzjoni fis-suq tal-elettriku. Barra minn hekk, l-għajnuna nnotifikata — minħabba l-livell ta' interkonnessjoni tar-Renju Unit — mhix se taffettwa b'mod avvers il-kundizzjonijiet tan-negozjar fi ħdan is-Suq Intern tal-Enerġija.

(102)

Fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ tagħha, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk il-proġett innotifikat joħloqx distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-pelits tal-injam u upstream ulterjuri fis-suq tal-materja prima sa ċertu punt li tmur kontra l-interess komuni. Fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi ta' dan il-proġett innotifikat individwalment, il-Kummissjoni estendiet l-analiżi għall-effetti indiretti fuq is-swieq tal-input li hawnhekk huma swieq sekondarji (ara iktar 'l isfel).

5.2.4.2.   L-effetti negattivi fuq is-suq tal-pelits tal-injam

(103)

Il-Kummissjoni l-ewwel nett tinnota li l-unità ta' Drax inkwistjoni se tkun tista' tuża biss pelits tal-injam ta' grad industrijali bħala fjuwil tal-input. Filwaqt li ċerti impjanti jaf ikunu jistgħu jissostitwixxu parzjalment il-pelits tal-injam bi fjuwils oħra, mhuwiex mistenni li l-unità ta' Drax tkun tista' tissostitwixxi l-pelits tal-injam għal prodotti oħra fid-dawl tad-disinn tagħha. Għaldaqstant, għall-finijiet ta' analiżi ulterjuri tal-iskala tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ tal-għajnuna operatorja mogħtija lill-elettriku ġġenerat mill-unità ta' Drax immodifikata, is-suq tal-pelits tal-injam industrijali jikkostitwixxi s-suq tal-prodotti xieraq.

(104)

Il-Kummissjoni, bħal fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ, tikkonkludi, abbażi tal-flussi tal-kummerċ, il-volum tal-importazzjonijiet lejn l-Unjoni u t-tkabbir tas-suq fis-snin reċenti li, għall-valutazzjoni tad-distorsjonijiet fis-suq, is-suq tal-pelits tal-injam mhuwiex limitat għal Stat Membru wieħed jew għall-Unjoni Ewropea iżda għandu jitqies għas-suq globali. Dan huwa kkonfermat mill-volum kbir ta' pelits tal-injam importat minn barra mill-pajjiż biex tiġi fornuta l-unità ta' Drax u konformi mal-konklużjoni milħuqa fil-każ SA.38762 (2014/N).

(105)

Il-Kummissjoni tinnota li l-maġġoranza tal-provvista tal-pelits tal-injam bħalissa tinġieb taħt kuntratti fit-tul innegozjati individwalment. Barra minn hekk, l-ostakli tas-suq għall-faċilitajiet tal-produzzjoni l-ġodda jidhru li huma baxxi. Iż-żieda reċenti fil-kapaċità tal-produzzjoni tal-pelits tal-injam kemm fix-Xlokk tal-Istati Uniti kif ukoll fl-Unjoni (68) tappoġġa din l-osservazzjoni kif ukoll il-konklużjoni ta' kuntratti fit-tul minn Drax biex tiżgura l-provvista għall-unità.

(106)

B'kunsiderazzjoni tax-xejriet fil-passat, huwa nnotat ukoll li l-prezz spot fix-Xlokk tal-Istati Uniti, is-sors prinċipali antiċipat tal-pelits tal-injam għall-proġett innotifikat, ma nbidilx b'mod sinifikanti meta żdiedu l-importazzjonijiet lejn l-Unjoni minn dan ir-reġjun. Dan huwa appoġġat ukoll minn data sottomessa mill-European Pellet Council (69)

(107)

Il-konverżjoni tal-unità ta' Drax se toħloq 2,4 miljun tunnellata ta' domanda addizzjonali għall-pelits tal-injam. Dan huwa ekwivalenti għal 12,8 % tal-konsum totali tal-pelits tal-injam fl-Unjoni fl-2014 (70). Madankollu, il-konsum annwali fl-Unjoni żdied bi kważi 25 %, jew bi 3,7 miljun tunnellata, mill-2012 sal-2014. Barra minn hekk, il-kapaċità tal-produzzjoni tal-pelits tal-injam fix-Xlokk tal-Istati Uniti żdiedet b'mod rapidu u hija mistennija li tiżdied ukoll fil-futur (71).

(108)

Ma ħarġet l-ebda indikazzjoni mill-proċedura ta' investigazzjoni formali li tissuġġerixxi li s-suq tal-pelits tal-injam mhux se jkun jista' jespandi f'rati simili fis-snin li ġejjin biex jakkomoda żieda fid-domanda mill-proġett ta' Drax.

5.2.4.3.   L-effetti negattivi fis-suq tal-materja prima

(109)

Il-Kummissjoni nnotat fil-premessi 81 sa 84 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ li żieda fid-domanda għall-pelits tal-injam tista' twassal għal iktar distorsjonijiet fis-suq tal-materja prima, li huwa s-suq tal-fibra tal-injam.

(110)

Għal raġunijiet ekonomiċi, l-impjanti tal-manifattura tal-prodotti nofshom maħduma tal-injam għall-polpa jiksbu l-provvista tal-injam tagħhom minn fi ħdan distanza medja ta' madwar 100 km sa 150 km, imsemmija bħala r-radjus ta' qbid tal-impjant. Għal din ir-raġuni l-fibri tal-injam huma prodott lokali filwaqt li l-pelits huma ttrasportati fuq distanzi twal u għandhom suq globali. B'riżultat ta' dan, sabiex jiġi vvalutat l-impatt tal-miżura nnotifikata fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ, huwa neċessarju li jiġi ddeterminat minn liema suq lokali se jew x'aktarx li jinkisbu l-pelits tal-injam.

(111)

Kif spjegat fil-premessa 10, meta mqabbla mad-Deċiżjoni ta' Ftuħ, l-unità ta' Drax ċċarat il-provvista tal-fjuwil tagħha u se tikseb 60 % mir-rekwiżiti totali tagħha tal-fibra tal-injam mill-Istati Uniti; madwar 13 % tar-rekwiżiti tal-fjuwil tagħha se jinkisbu mill-Brażil; 7 % tar-rekwiżiti tal-fjuwil tagħha se jinxtraw fis-suq spot; madwar 4 % tar-rekwiżiti tal-fjuwil tagħha se jinkisbu mill-Istati Baltiċi fl-Ewropa; madwar 15 % tar-rekwiżiti tal-fjuwil tagħha se jinxtraw mingħand negozjanti, li jinsabu fix-Xlokk tal-Istati Uniti. Il-kumplament tar-rekwiżiti tal-fjuwil se jinkisbu mill-Kanada u potenzjalment minn Stati Membri oħra. Dan jimplika li madwar 100 000 tunnellata ta' injam niexef fis-sena se jinkiseb minn Stati Membri oħra permezz ta' kuntratti fit-tul. Dan jammonta għal madwar 0,7 % tal-produzzjoni tal-pelits tal-injam tal-Unjoni fl-2014 li kienet stmata għal 13,5 miljun tunnellata (72).

(112)

Il-Kummissjoni tinnota li ħafna mill-pelits tal-injam huma miksuba minn barra mill-Unjoni u s-suq għall-materja prima huwa lokali. L-effetti taż-żieda fid-domanda tal-pelits tal-injam fis-suq tal-materja prima b'hekk se sseħħ fil-biċċa l-kbira barra mill-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant huwa improbabbli li l-proġett innotifikat jaffettwa l-prezzijiet tas-suq tal-materja prima fl-Unjoni.

(113)

Peress li l-maġġoranza tal-provvista tal-pelits tal-injam għall-proġett se tkun importata mix-Xlokk tal-Istati Uniti, il-fokus ta' distorsjonijiet potenzjali fis-suq fis-suq tal-fibra tal-injam bħala materja prima huwa f'dan ir-reġjun (73).

(114)

Il-maġġoranza tas-sottomissjonijiet irċevuti matul il-proċedura ta' investigazzjoni formali jappoġġaw il-fehma li l-pelits tal-injam industrijali mix-Xlokk tal-Istati Uniti se jkunu magħmula prinċipalment minn fibra tal-injam li toriġina minn prattiki tal-forestrija. Il-Kummissjoni tinnota li sal-2019 it-tkabbir stmat tal-industrija tal-pelits tal-injam (ta' madwar 14 % fis-sena (74)) huwa ferm għola minn dak tal-industrija tal-forestrija tradizzjonali li huwa stmat għal madwar 1,4 % fis-sena (75). Madankollu, minħabba s-sehem baxx tal-manifatturi tal-pelits tal-injam fis-suq tal-fibra tal-injam (76), it-tneħħija totali tiżdied b'rata komposta ta' inqas minn 1,8 % fis-sena sal-2019. Abbażi tal-istimi sottomessi minn Westrock, il-provvista totali tal-fibra tal-injam hija pproġettata li tiżdied bi 2,0 % fis-sena u għaldaqstant inqas mit-tkabbir stmat. L-impatt li jirriżulta mill-appoġġ lill-unità ta' Drax huwa għaldaqstant mistenni li jkun limitat.

(115)

Skont id-data sottomessa mir-Renju Unit (77) l-ammont ta' materja prima meħtieġa mill-unità ta' Drax, jiġifieri 2,4 miljun tunnellata fis-sena, se jkun inqas minn 1 % tat-tneħħija totali mill-foresti fin-Nofsinhar tal-Istati Uniti fl-2014 li kienet madwar 250 miljun tunnellata. Min-naħa l-oħra, dan huwa biss frazzjoni żgħira tal-inventarju totali tal-forestrija. Anke jekk jitqiesu r-rekwiżiti addizzjonali minn proġetti oħra tal-bijomassa, bħall-proġett ta' Lynemouth, dawn il-perċentwali baxxi ma jagħtux indikazzjonijiet qawwija ta' distorsjonijiet żejda fis-suq tal-materja prima.

(116)

Fern et al. u GPII issottomettew studji ta' mmudellar tas-suq li juru żieda fil-prezz tal-injam mhux maqtugħ ikkawżat minn żieda fil-produzzjoni tal-pelits tal-injam. Pereżempju, skont l-istudju ta' FORISK, żieda fid-domanda globali għall-pelits tal-injam industrijali minn 10,6 miljun tunnellata fis-sena fl-2014 għal 25 miljun tunnellata fl-2019, filwaqt li jiġi injorat l-effett ta' residwi tal-imtieħen tal-isserrar tal-injam, tista' żżid il-prezzijiet tal-injam mhux maqtugħ fix-Xlokk tal-Istati Uniti bi 30 % sa 40 % (78). Skont rapport tal-USDA sottomess minn GPII, iż-żieda fil-produzzjoni tal-bijomassa għall-bijoenerġija għal 16,9 miljun tunnellata sal-2016 tista' żżid b'iktar mid-doppju l-prezzijiet ta' ċerti tipi ta' injam, prinċipalment l-injam tal-arżnu mhux għall-isserrar (79).

(117)

Madankollu, bħalma ġie sottomess mir-Renju Unit (80), id-domanda għall-pelits tal-injam użata bħala input għal dawn l-istudji ma tirriflettix id-domanda mill-proġett ta' konverżjoni tal-bijomassa ta' Drax, iżda pjuttost l-istimi aggregati u d-domanda aggregata. Barra minn hekk, id-domanda aggregata kif stmata fl-istudju tal-USDA hija iktar baxxa minn fi studji iktar reċenti. Pereżempju, l-istudju tal-USDA jistma li madwar 13-il miljun tunnellata ta' injam jintużaw għall-bijoenerġija fix-Xlokk tal-Istati Uniti fl-2015 u dan huwa ogħla minn dak irrapportat minn RISI, li kien inqas minn 8 miljun tunnellata għall-istess sena. Barra minn hekk, iż-żieda allegata fil-prezz mid-domanda kollha stmata tkun limitata wkoll fiż-żmien skont ir-rapport tal-USDA hekk kif jiżdiedu r-risponsi tal-inventarju tal-forestrija għal tali domanda.

(118)

Numru ta' partijiet terzi ssottomettew li ż-żieda fil-produzzjoni tal-pelits tal-injam diġà wasslet għal żieda fil-prezzijiet tal-injam mhux maqtugħ fix-Xlokk tal-Istati Uniti. Pereżempju, GPII tikkwota data mill-konsulenti Forest2Market biex tappoġġa l-istqarrija li l-prezzijiet tal-injam mhux maqtugħ għall-polpa tal-arżnu fin-Nofsinhar tal-Istati Uniti żdiedu fuq medja bi 11 % fl-2013 u b'10 % fl-2014. Fern at al. irrapportat li, mill-2011 sal-2015, il-prezzijiet fin-Nofsinhar tal-Istati Uniti żdiedu b'27 % għall-injam artab u b'56 % għall-injam iebes. AFPA għamlet stqarrijiet simili wkoll (81).

(119)

Il-Kummissjoni tinnota f'dan ir-rigward li, fuq terminu itwal il-prezz medju tal-injam mhux maqtugħ mhuwiex 'il barra mill-firxa storika (82). Barra minn hekk, is-sottomissjoni minn Forest2Market (83) ikkonkludiet li diversi fatturi kkontribwixxew għaż-żieda fil-prezz osservata. B'mod partikolari Forest2Market semmiet tnaqqis fil-produzzjoni ta' residwi tal-imtieħen tal-isserrar tal-injam, avvenimenti relatati mat-temp u bidliet fis-sjieda tal-art li hija ddikjarat li huma fatturi li kkontribwixxew. Forest2Market ikkonkludiet li “x'aktarx li l-prezzijiet tal-fibra tal-injam kienu jiżdiedu mingħajr domanda inkrementali mis-swieq tal-pelits għall-esportazzjoni…” (84). Il-fatt li l-prezzijiet tal-injam mhux maqtugħ żdiedu maż-żmien jidher għaldaqstant li huwa r-riżultat ta' diversi żviluppi tas-suq.

(120)

Fir-rigward tal-istqarrijiet magħmula fir-rigward tal-kapaċità tal-benefiċjarju li jħallas għall-fibra (85) l-Kummissjoni tinnota li kostijiet (86) tal-fjuwil rieżaminati u mnaqqsa jirriżultaw fi prezz tal-pelits tal-injam ta' USD 181 għal kull tunnellata CIF. Dan huwa ekwivalenti għall-prezz CIF tal-pelits tal-injam irrapportat minn RISI (87)

(121)

Fir-rigward tal-post tal-imtieħen tal-pelits tal-injam, il-Kummissjoni tinnota s-sejba li l-imtieħen tal-pelits tal-injam għall-esportazzjoni li qegħdin joperaw bħalissa fix-Xlokk tal-Istati Uniti ġeneralment jinsabu fi ħdan radjus ta' 65 mil minn xulxin u b'mod predominanti fi ħdan radjus ta' bejn 30 u 65 mil (88). Għaldaqstant, iż-żona ta' qbid ta' tali mtieħen tal-pelits tal-injam se jirkbu fuq dawk ta' industriji oħra li jikkompetu magħhom. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li l-maġġoranza l-kbira ta' tali mtieħen tal-pelits tal-injam għall-esportazzjoni jinsabu fi ħdan 65 mil minn faċilità magħluqa tal-ipproċessar tal-injam. Barra minn hekk, kien ġie ċċarat li tqiesu diversi kunsiderazzjonijiet sabiex jiġi ddeterminat il-post ta' mitħna tal-pelits tal-injam. Skont ir-rapport ikkwotat mir-Renju Unit (89), il-maġġoranza tal-imtieħen tal-polpa u tal-karti li għalqu fir-reġjun tax-Xlokk tal-Istati Uniti għamlu dan qabel l-2010 b'hekk dan ftit li xejn juri korrelazzjoni mat-tkabbir tal-industrija tal-pelits tal-injam (90).

(122)

Finalment, ir-rapport ta' Poyry (91) ta ħarsa lejn ir-riskju ta' kompetizzjoni inġusta għall-fibri tal-injam bejn l-industrija tal-pelits tal-injam u industriji tradizzjonali li jużaw fibri tal-injam. Ir-rapport ma qiesx biss id-domanda għall-pelits tal-injam li toriġina mill-unità ta' konverżjoni tal-bijomassa ta' Drax appoġġata iżda wkoll minn impjanti oħra, inkluż l-impjant f'Lynemouth. Ir-rapport ikkonkluda li l-kapaċità tal-mitħna tal-pelits tal-injam eżistenti u ppjanata fix-Xlokk tal-Istati Uniti għandha tkun biżżejjed biex tiġi indirizzata ż-żieda fid-domanda tal-pelits tal-injam u li r-riskju ta' IWUC għandu jkun żgħir.

(123)

Għaldaqstant għandu jiġi konkluż li l-miżura nnotifikata mhijiex mistennija li twassal għal distorsjonijiet żejda fis-suq tal-materja prima. B'mod partikolari, il-Kummissjoni tinnota li d-distorsjonijiet lokali fis-suq, sal-punt li dawn iseħħu, qegħdin iseħħu fix-Xlokk tal-Istati Uniti u li għaldaqstant ikollhom effett limitat, jekk ikollhom, fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. F'dan ir-rigward, jitfakkar ukoll li l-għajnuna nnotifikata tingħata għall-produzzjoni tal-elettriku minn bijomassa solida u li kwalunkwe effett tal-għajnuna fuq is-suq tal-materja prima jkun indirett.

5.2.4.4.   Test ta' bbilanċjar

(124)

Kif stabbilit fil-paragrafu 97 tal-EEAG, għal miżuri ta' għajnuna mill-Istat li huma mmirati sew lejn il-falliment tas-suq li għandhom l-għan li jindirizzaw, ir-riskju li l-għajnuna toħloq distorsjoni żejda tal-kompetizzjoni huwa iktar limitat. Il-Kummissjoni tinnota li l-għajnuna nnotifikata hija mmirata direttament lejn l-ilħuq tal-miri tal-klima u tal-enerġija tal-Unjoni għall-2020 b'mod proporzjonat u xieraq. Għaldaqstant ir-riskju ta' distorsjonijiet żejda tal-kompetizzjoni fis-suq tal-elettriku huwa iktar limitat kif spjegat fit-Taqsima 5.2.4.1. Kif stabbilit fit-Taqsima 5.2.4.2, il-Kummissjoni ma sabitx distorsjonijiet żejda fis-suq tal-prodotti tal-pelits tal-injam affettwat, u lanqas fis-suq tal-materja prima upstream. Il-Kummissjoni tfakkar li d-distorsjonijiet potenzjali fis-suq tal-materja prima ma jirriżultawx direttament mill-għajnuna operatorja, iżda miż-żieda fid-domanda għall-pelits tal-injam bħala fjuwil għall-ġenerazzjoni tal-elettriku. Barra minn hekk, l-effetti fuq is-suq tal-materja prima huma indiretti meta mqabbla mad-distorsjonijiet fis-suq tal-pelits tal-injam.

(125)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija meħtieġa tivvaluta jekk il-miżura toħloqx distorsjoni jew theddidx li toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni sa fejn din taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. L-effetti fis-suq tal-materja prima huma lokali u fil-biċċa l-kbira jseħħu 'l barra mill-Unjoni peress li l-maġġoranza tal-pelits tal-injam għall-unità ta' Drax se jiġu importati minn barra mill-Ewropa (ara l-premessa 10). Għaldaqstant, il-Kummissjoni tinnota li kwalunkwe effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri li jirriżultaw minn żieda fil-prezz tal-injam mhux maqtugħ fix-Xlokk tal-Istati Uniti, fi kwalunkwe każ, ikun limitat.

(126)

Il-Kummissjoni tikkonkludi minn dak iktar 'il fuq li l-effetti negattivi tal-għajnuna nnotifikata għall-elettriku ġġenerat fil-proġett ta' konverżjoni tal-bijomassa ta' Drax, f'termini ta' distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u s-suq tal-elettriku iżda anke fuq is-swieq sekondarji, huma limitati u inferjuri għall-effetti pożittivi f'dak li jikkonċerna l-kontribut għall-objettiv ta' interess komuni, partikolarment il-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u t-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 fil-ġenerazzjoni tal-elettriku sabiex il-bilanċ globali jkun pożittiv.

5.2.5.   Aspetti oħra — konformità mal-Artikoli 30 u 110 TFUE

(127)

Fil-kuntest tad-deċiżjoni fil-Kawża SA.36196 (2014/N) dwar CfD għall-enerġija rinnovabbli, id-deċiżjoni fil-Kawżi SA.38758 (2014/N), SA.38759 (2014/N), SA.38761 (2014/N), SA.38763 (2014/N) u SA.38812 (2014/N) rigward l-għajnuna FIDeR għal ħames proġetti eoliċi fuq il-baħar, u l-Kawżi SA.38762(2015/C)(2014/N) u SA.38796(2014/N) relatati mal-proġetti tal-bijomassa ta' Lynemouth u Teesside, ir-Renju Unit ħa l-impenn li jaġġusta l-mod li bih l-obbligazzjonijiet tal-fornituri tal-elettriku għal pagamenti CfD jiġu kkalkolati biex jiġi żgurat li l-elettriku rinnovabbli eliġibbli ġġenerat fl-Unjoni Ewropea 'l barra mir-Renju Unit u fornut lill-klijenti fi ħdan ir-Renju Unit ma jitqiesx bħala parti minn dawk l-ishma tas-suq tal-fornituri.

(128)

Ir-Renju Unit se jiżgura li ma jsir l-ebda pagament CfD qabel ma jiġi implimentat dan l-aġġustament, jew jekk dan ma jkunx possibbli, li r-Renju Unit se jimplimenta mekkaniżmu ta' rimborż lill-fornituri tal-elettriku għal kwalunkwe elettriku rinnovabbli eliġibbli importat fornut qabel ma tidħol fis-seħħ l-eżenzjoni iżda mhux wara li jkunu bdew isiru l-pagamenti CfD.

(129)

L-impenn mir-Renju Unit imsemmi fil-premessa 127 se japplika wkoll għall-miżura nnotifikata. Fid-dawl ta' dan l-impenn, il-Kummissjoni tqis li l-mekkaniżmu ta' finanzjament tal-miżura ta' għajnuna nnotifikata ma għandu jintroduċi l-ebda diskriminazzjoni kuntrarja għall-Artikolu 30 jew l-Artikolu 110 tat-Trattat.

(130)

Fid-dawl tal-kwistjonijiet imsemmija iktar 'il fuq, il-Kummissjoni tqis li l-miżura ta' għajnuna insostenn tal-unità ta' konverżjoni tal-bijomassa ta' Drax nnotifikata mir-Renju Unit fil-15 ta' April 2015 tfittex objettiv ta' interess komuni b'mod neċessarju u proporzjonat f'konformità mal-EEAG u li għaldaqstant din hija kompatibbli mas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat innotifikata mir-Renju Unit fit-2 ta' April 2015 li dan l-Istat Membru qiegħed jippjana li jimplimenta favur Drax Power Limited insostenn ta' għotja għall-konverżjoni tal-bijomassa tal-Unità 1 tal-impjant tal-enerġija ta' Drax hija kompatibbli mas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Diċembru 2016.

Għall-Kummissjoni

Margrethe VESTAGER

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 46, 5.2.2016, p. 19.

(2)  Il-Kummissjoni adottat deċiżjoni dwar seba' mit-tmien proġetti ta' enerġija rinnovabbli. Fit-23 ta' Lulju 2014, ġiet adottata deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet (C(2014)5074 final) għal ħames proġetti eoliċi fuq il-baħar (każijiet ta' għajnuna mill-Istat: SA.38758 (2014/N), SA.38759 (2014/N), SA.38761 (2014/N), SA.38763 (2014/N) u SA.38812 (2014/N) — Sostenn tar-Renju Unit għal ħames Parks Eoliċi Fuq il-Baħar: Walney, Dudgeon, Hornsea, BurboBank u Beatrice) (ĠU C 393, 7.11.2014, p. 1); fit-22 ta' Jannar 2015, ġiet adottata deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet (C(2015)168 cor) fil-każ ta' għajnuna mill-Istat: SA.38796 (2014/N) — proġett tar-Renju Unit ta' Bijomassa Dedikata CHP (ĠU C 406, 4.11.2016, p. 1) u ġiet adottata deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet finali (C(2015)8441 final) fil-każ ta' għajnuna mill-Istat: SA.38762 (2015/C) (2014/N) — ir-Renju Unit, Kuntratt ta' Investiment għall-Konverżjoni tal-Bijomassa tal-Impjant tal-Enerġija ta' Lynemouth fl-1 ta' Diċembru 2015 (deċiżjoni li għadha ma ġietx ippubblikata).

(3)  L-impjanti tal-enerġija tal-kombustjoni simultanja tal-bijomassa akkreditati skont l-iskema ta' appoġġ ta' Obbligu ta' Enerġija Rinnovabbli li jgħaddu minn konverżjoni sħiħa għall-bijomassa huma eliġibbli biex jipparteċipaw fil-proċess FIDeR.

(4)  Din hija ċifra aġġornata wara l-ftuħ tal-proċedura ta' investigazzjoni formali fi Frar 2016. Il-fattur ta' tagħbija fil-bidu kien stmat għal 70,5 %.

(5)  L-informazzjoni sottomessa mir-Renju Unit bi tweġiba għad-Deċiżjoni ta' Ftuħ tiċċara wkoll l-istrateġija ta' provvista intiża tal-benefiċjarju.

(6)  Il-fattur ta' tagħbija nett medju, qabel l-aġġornament mir-Renju Unit wara l-ftuħ tal-proċedura ta' investigazzjoni (70,5 %), kien il-multiplikazzjoni ta' disponibbiltà teknika medja ta' 83,7 % u fattur ta' tagħbija gross medju ta' 83,7 %.

(7)  Il-parametri operatorji inizjali kif stabbiliti fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ huma: (a) kostijiet tal-fjuwil ta' 8,39 (GBP/GJ); (b) effiċjenza termali ta' 38,6 %; u (c) fattur ta' tagħbija nett medju ta' 70,5 %.

(8)  Ir-Renju Unit iċċara li l-kundizzjoni mmodifikata fuq in-nuqqas ta' inċentivi għal ġenerazzjoni fi prezzijiet negattivi introdotti għall-iskema CfD ġenerali (SA.36196) ma tapplikax għall-proġett innotifikat.

(9)  Għal iktar informazzjoni dwar il-mekkaniżmu ta' remunerazzjoni tas-CfD, ara l-premessi 17 sa 31 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Lulju 2014 fil-każ ta' għajnuna mill-Istat: SA.36196 (2014/N) Riforma tas-Suq tal-Elettriku tar-Renju Unit — Kuntratt għad-Differenza għall-Enerġija Rinnovabbli (C(2014) 5079 final). (ĠU C 393, 7.11.2014, p. 1).

(10)  L-iskema ta' obbligu ta' enerġija rinnovabbli kienet approvata oriġinarjament mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Frar 2001 fil-każ ta' għajnuna mill-Istat N 504/2000 — Ir-Renju Unit — Obbligu ta' Enerġija Rinnovabbli u Għotjiet ta' Kapital għat-Teknoloġiji tal-Enerġija Rinnovabbli C(2001)3267 fin (ĠU C 30, 2.2.2002, p. 14) u sussegwentement emendata diversi drabi. Fil-forma attwali tagħha, l-iskema ta' obbligu ta' enerġija rinnovabbli kienet approvata mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tagħha tat-2 ta' April 2013 fil-każ ta' għajnuna mill-Istat SA.35565 (2013/N) — Emendi tar-Renju Unit għall-iskema ta' Obbligu ta' Enerġija Rinnovabbli (RO — Renewables Obligation) (ĠU C 167, 13.6.2013, p. 5). Ċerti elementi speċifiċi kienu approvati iktar tard għall-Irlanda ta' Fuq fil-każ ta' għajnuna mill-Istat SA.36084 (13/N) Obbligu ta' Enerġija Rinnovabbli fl-Irlanda ta' Fuq (ĠU C 167, 13.6.2013, p. 1) u l-Iskozja fil-każ ta' għajnuna mill-Istat SA.37453 (2014/N) Emenda għal SA.35565 — Skema ta' Obbligu ta' Enerġija Rinnovabbli (RO) (ĠU C 172, 6.6.2014, p. 1).

(11)  Ir-rata hurdle hija ddefinita bħala r-rata minima ta' redditu meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' proġett ta' dan it-tip.

(12)  Dawn l-elementi kollha ġew ippubblikati mill-awtoritajiet tar-Renju Unit fid-dokument “Electricity Generation Costs” (Kostijiet tal-Ġenerazzjoni tal-Elettriku), disponibbli fuq https://www.gov.uk/government/publications/electricity-generation-costs.

(13)  “Electricity Generation Costs December 2013” DECC (2013), www.gov.uk/government/publications/electricity-generation-costs.

(14)  www.gov.uk/government/publications/electricity-market-reform-delivery-plan.

(15)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 4 tal-premessa 10.

(16)  L-emissjonijiet mill-bijomassa jiġu kkalkolati fuq bażi ta' ċiklu tal-ħajja.

(17)  Għal iktar informazzjoni, ara: www.gov.uk/government/consultations/ensuring-biomass-affordability-and-value-for-money-under-the-renewables-obligation.

(18)  Sakemm mhux speċifikat mod ieħor, l-unità ta' tunnellata tirreferi dejjem għal tunnellati metriċi ta' injam imnixxef fil-fran.

(19)  RISI Global Pellet Demand Outlook (Ħarsa Ġenerali tad-Domanda Aggregata tal-Pelits tal-RISI): www.risiinfo.com/product/2015-global-pellet-demand-outlook-study/.

(20)  Ir-Rapport Annwali tal-AEBIOM 2015.

(21)  Ir-Rapport Statistiku tal-AEBIOM 2015.

(22)  www.gov.uk/government/publications/final-investment-decision-fid-enabling-for-renewables-investment-contracts. Wara l-pubblikazzjoni tal-kuntratt ta' investiment, ir-Renju Unit baxxa l-prezz tal-eżerċitar minn 105 GBP/MWh għal 100 GBP/MWh. F'dan ir-rigward, il-kuntratti ta' investiment ippubblikati onlajn ma jirriflettux il-verżjoni finali tagħhom.

(23)  Pereżempju, id-Davis Group u TANAC.

(24)  Shaw Resources; CANFOR; FIBRECO; Pinnacle; Smart Green Shipping; Astec; European Pellet Council; Pacific bioenergy; Georgia Biomass; Hancock Group; Onex; DB Cargo; Fram; Enviva; Renewable Energy Association; Highland Pellets; Forest2Market; CM Biomass Partners; Westervelt Renewable Energy; Weyerhaeuser; AEBIOM; FEDNAV; SGSF; Evolution Markets; USIPA; Scotia Atlantic; Drax; Beasley Forest Products; Cosan; NAFO; WPAC; Port of Tyne; American Forest Foundation.

(25)  Forest2Market; Xejriet tas-Suq fil-Provvista tal-Injam fin-Nofsinhar tal-Istati Uniti 1995 — 2015: www.theusipa.org/Documents/USSouthWoodSupplyTrends.pdf.

(26)  Forest2Market; Xejriet tas-Suq fil-Provvista tal-Injam fin-Nofsinhar tal-Istati Uniti 1995 — 2015: www.theusipa.org/Documents/USSouthWoodSupplyTrends.pdf.

(27)  Canfor Pacific Bioenergy; Pinnacle; Onex; FRAM Renewable Fuels; Georgia Biomass; Hancock Natural Resources; Enviva; Highlands Pellets; USIPA u Weyerhaeuser.

(28)  Highlands Pellets; Drax; Weyerhaeuser; CM biomass partners.

(29)  Enviva; NAFO; Drax; Astec; Baesley; Drax; AEBIOM u REA.

(30)  Baesley; Astec li tikkwota rapport minn Forest2Market; FRAM Renewable Fuels; NAFO.

(31)  Hancock Natural Resources Group; US pellet industry u Highlands Pellets.

(32)  Pinnacle; Onex; Scotia Atlantic biomass; Georgia Biomass; Westervelt Renewable Energy; American Forest Foundation; Drax; Weyerhaeuser; Southern Group of State Foresters; CM biomass partners u Smart Green shipping alliance.

(33)  Ir-riskju ta' bidla indiretta fl-użu tal-injam (Mejju 2014): https://ec.europa.eu/energy/sites/ener/files/2014_biomass_forest_research_report_.pdf.

(34)  Ir-riskju li l-produzzjoni tal-pelits tal-injam għal ġenerazzjoni tal-elettriku u tas-sħana fuq skala kbira se timbotta lil utenti oħra tal-istess materja prima tal-bijomassa 'l barra mis-suq.

(35)  Biofuelwatch; Dogwood Alliance; BirdLife; European Environmental Bureau; FERN; NRDC u Southern Environmental Law Center.

(36)  “How can global demand for wood pellets affect local timber markets in the U.S. South?” (Kif tista' d-domanda aggregata għall-pelits tal-injam taffettwa s-swieq lokali tal-injam fin-Nofsinhar tal-Istati Uniti?) Forisk Consulting, Mejju 2015: www.forisk.com/blog/2015/06/02/how-can-global-demand-for-wood-pellets-affect-local-timber-markets-in-the-u-s-south/.

(37)  Partikolarment, il-prezz imħallas għad-dritt għall-ħsad tas-siġar.

(38)  Graphic Package International Inc. — GPII; American Forest & Paper Association — AFPA u Westrock.

(39)  Matul il-perjodu mill-2009 sal-2015, il-prezz medju għall-importazzjonijiet ta' pelits tal-injam fir-Renju Unit kien ta' 194 USD/tunnellata (175 USD/tunnellata f'CIF). Il-kost medju tat-trasport barrani (inklużi n-nol, it-tagħbija u t-trasport għall-port) ammonta għal 46 USD/tunnellata matul l-istess perjodu. Meta jitqiesu l-profitti tal-imtieħen, il-kost tal-injam (maħsud, fil-grada tal-mitħna tal-pelits) kien, fuq medja, ta' 34 % tal-prezz tal-importazzjoni. Skont l-istess rapport, il-kost tal-ħsad u t-trasport lejn il-mitħna jammonta għal USD 22 għal kull Tunnellata Qasira ta' Injam Umduż (GST — Green Short Tonne, ekwivalenti għal USD 49,3 għal kull tunnellata metrika ta' injam imnixxef).

(40)  Karen Lee Abt, Robert C. Abt, Christopher S. Galik, u Kenneth E. Skogn. 2014. “Effect of Policies on Pellet Production and Forests in the U.S. South” (L-Effett tal-Politiki dwar il-Produzzjoni tal-Pelits u l-Foresti fin-Nofsinhar tal-Istati Uniti): www.srs.fs.usda.gov/pubs/47281.

(41)  Il-kostijiet tal-fjuwil kienu rrapportati bħala 8,39 GBP/GJ fin-notifika mir-Renju Unit ta' April 2015, u mbagħad ġew aġġornati għal 8,40 GBP/GJ fl-informazzjoni addizzjonali sottomessa f'Awwissu 2015.

(42)  Ir-Renju Unit issottometta rapport minn Ricardo Energy&Environment.

(43)  http://biomassmagazine.com/articles/13137/export-industryundefineds-impacts-on-southern-forests-markets.

(44)  www.usendowment.org/images/Forests2Market_Pellet_Report_11.2015.pdf.

(45)  Li jikkonsistu f'0,25 miljun tunnellata ta' laqx u ċana umdużi; kważi 2 miljun tunnellata ta' injam umduż għall-polpa, madwar 0,97 miljun tunnellata ta' injam tond industrijali umduż, u 0,056 miljun tunnellata ta' zkuk tal-isserrar umdużi.

(46)  Ara wkoll id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-każijiet SA.38758 (2014/N), SA.38759 (2014/N), SA.38761 (2014/N), SA.38763 (2014/N) u SA.38812 (2014/N); C(2014)5074 final; ĠU C 393, 7.11.2014, p. 1) u każijiet SA.38796 (2014/N); SA.387962 (2015/C)(2014/N) (deċiżjoni li għadha ma ġietx ippubblikata) li jibbenefikaw minn għajnuna CfD simili.

(47)  ĠU C 200, 28.6.2014, p. 1.

(48)  Ir-Renju Unit għandu mira ta' 15 % tar-rekwiżiti tal-enerġija li għandhom jiġu prodotti minn riżorsi rinnovabbli u s-sehem tal-enerġija rinnovabbli fl-2013 ammonta għal 5,1 % (2013) — (SWD (2015)117 final).

(49)  Ara d-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16) u d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32) u anke l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar il-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 (COM(2011) 885 final).

(50)  Ara l-premessa 6 ta' din id-Deċiżjoni.

(51)  ĠU C 393, 7.11.2014, p. 1.

(52)  Ara l-premessa 17.

(53)  Ara, pereżempju, id-deċiżjoni għall-każijiet SA.38758 (2014/N), SA.38759 (2014/N), SA.38761 (2014/N), SA.38763 (2014/N) u SA.38812 (2014/N) — Sostenn tar-Renju Unit għal ħames Parks Eoliċi Fuq il-Baħar: Walney, Dudgeon, Hornsea, Burbo Bank u Beatrice — C(2014) 5074 final, (ĠU C 393, 7.11.2014, p. 1); u d-deċiżjoni għall-każijiet SA.38796 (2014/N) — proġett tar-Renju Unit ta' Bijomassa Dedikata CHP (ĠU C 406, 4.11.2016, p. 1); u d-deċiżjoni tal-1 ta' Diċembru 2015 fil-każ SA.38762 (2015/C) (2014/N) — ir-Renju Unit, Kuntratt ta' Investiment għall-Konverżjoni tal-Bijomassa tal-Impjant tal-Enerġija ta' Lynemouth (deċiżjoni li għadha ma ġietx ippubblikata).

(54)  Ara l-premessi 26 sa 29 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ għal iktar informazzjoni dwar l-LCOE tal-proġett innotifikat.

(55)  Ara l-premessa 17.

(56)  Ara, pereżempju, il-każ ta' għajnuna mill-Istat: SA.37453 (2014/N) Emenda għal SA.35565 — Skema ta' Obbligu ta' Enerġija Rinnovabbli (RO) (ĠU C 172, 6.6.2014, p. 1).

(57)  Ara l-premessa 27.

(58)  Pereżempju, ara li l-Kummissjoni approvat fattur ta' tagħbija nett medju ta' 77 % għall-impjant ta' Lynemouth fil-każ SA.38762 (2015/C) (2014/N) — ir-Renju Unit, Kuntratt ta' Investiment għall-Konverżjoni tal-Bijomassa tal-Impjant tal-Enerġija ta' Lynemouth (deċiżjoni li għadha ma ġietx ippubblikata).

(59)  Ara l-premessa 44.

(60)  Ara l-premessa 43.

(61)  Ara l-premessa 59.

(62)  Ara l-premessa 59.

(63)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 38 ta' din id-Deċiżjoni.

(64)  Ara pereżempju d-deċiżjoni tal-Kummissjoni SA.38762 (2014/N).

(65)  Ara l-paragrafu 88 tal-EEAG.

(66)  Ara l-premessa 9.

(67)  Ara l-paragrafu 97 tal-EEAG.

(68)  Ir-Rapport Statistiku tal-AEBIOM “2013 European Bioenergy Outlook” (Ħarsa Ġenerali tal-Bijoenerġija Ewropea tal-2013): www.aebiom.org/2013-european-bioenergy-outlook-aebiom-statistical-report/.

(69)  Ara l-premessa 33.

(70)  Ir-Rapport Statistiku tal-AEBIOM “2015 European Bioenergy Outlook” (Ħarsa Ġenerali tal-Bijoenerġija Ewropea tal-2015): www.aebiom.org/library/statistical-reports/statistical-report-2015/.

(71)  Ara l-Figura 1.

(72)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 20.

(73)  Fir-rigward tal-pelits tal-injam miksuba mill-Brażil u r-riskju ta' operat irregolari fl-Amerka t'Isfel, il-Kummissjoni tinnota li l-pelits kollha se jinkisbu minn pjantaġġun wieħed stabbilit sew li għandu ċ-ċertifikazzjoni FSC (ara l-premessa 63).

(74)  Ara l-premessa 55.

(75)  Ara l-premessa 51.

(76)  Ara l-premessa 65.

(77)  Ara l-premessa 65.

(78)  Ara l-premessa 45.

(79)  Ara l-premessa 54.

(80)  Ara l-premessa 68.

(81)  Ara l-Figura 2 fil-premessa 48.

(82)  Ara l-Figura 2 fil-premessa 48.

(83)  Ara l-premessa 34.

(84)  Forest2Market; Xejriet tas-Suq fil-Provvista tal-Injam fin-Nofsinhar tal-Istati Uniti 1995 — 2015: www.theusipa.org/Documents/USSouthWoodSupplyTrends.pdf.

(85)  Ara l-premessa 49.

(86)  Ara l-premessa 69.

(87)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 38.

(88)  Ara l-premessa 67.

(89)  Ara l-premessa 67.

(90)  Ara l-figura 1 fil-premessa 47.

(91)  Ara l-premessa 41.