7.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 174/22


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/1226

tat-30 ta' Ġunju 2017

li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/544 li tapprova l-programm ta' aġġustament makroekonomiku tal-Greċja (2015/1411)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fis-16 ta' Lulju 2015, il-Bord tal-Gvernaturi tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (“MES”) stieden lill-Kummissjoni, b'kollaborazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew (“BĊE”), il-MES, l-awtoritajiet Griegi, u, meta jkun xieraq, il-Fond Monetarju Internazzjonali (“FMI”), biex jaqblu dwar programm ta' aġġustament makroekonomiku għall-Greċja f'forma ta' self. Il-programm tħejja f'konformità mal-proċedura prevista skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 472/2013. Fil-11 ta' Awwissu 2015, dawk l-istituzzjonijiet laħqu ftehim fuq livell tekniku dwar programm ta' aġġustament makroekonomiku (il-“Programm”) mal-gvern Grieg. Il-Programm ġie adottat mill-Kunsill, fuq il-bażi ta' proposta mill-Kummissjoni, fil-forma ta' deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (2).

(2)

Wara dak il-ftehim, il-Greċja adottat pakkett komprensiv ta' politika li kellu jiġi implimentat fl-ambitu ta' programm ta' aġġustament makroekonomiku tal-MES ta' tliet snin, fuq perijodu mit-tielet kwart tal-2015 sat-tielet kwart tal-2018.

(3)

Il-pakkett komprensiv ta' politika, stipulat fil-Memorandum ta' Qbil tal-MES dwar Kundizzjonalità ta' Politika Ekonomika Speċifika (il-“Memorandum ta' Qbil”) tad-19 ta' Awwissu 2015, għandu l-għan li jġib lura l-kunfidenza fis-swieq finanzjarji, li jerġa' jistabbilixxi bilanċi makroekonomiċi sodi u li jippermetti li l-ekonomija terġa' lura għal tkabbir sostenibbli. Dan hu bbażat fuq erba' pilastri: ir-ritorn għas-sostenibbiltà fiskali, is-salvagwardjar tal-istabbiltà finanzjarja, it-titjib tal-kompetittività u tat-tkabbir, u l-immodernizzar tal-amministrazzjoni pubblika u tal-Istat.

(4)

Wara li tlestiet l-ewwel analiżi tal-Programm, u wara d-dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro tal-25 ta' Mejju 2016, il-valutazzjoni pożittiva mill-Kummissjoni u l-BĊE għall-implimentazzjoni tal-Programm u l-approvazzjoni tal-MES, il-Greċja u l-Kummissjoni (f'isem il-MES) iffirmaw Memorandum ta' Qbil Supplimentari fis-16 ta' Ġunju 2016. Il-Memorandum ta' Qbil Supplimentari jaġġorna l-kundizzjonijiet politiċi stabbiliti fil-Memorandum ta' Qbil biex jirriflettu l-progress miksub fl-implimentazzjoni tal-Programm.

(5)

Fil-25 ta' Mejju 2016, il-Grupp tal-Euro kkunsidra wkoll is-sostenibbiltà tad-dejn Grieg. Huwa qabel fuq pakkett ta' miżuri ta' dejn li jrid jidħol progressivament f'fażijiet u kif ikun meħtieġ biex jintlaħaq il-parametru referenzjarju maqbul dwar il-ħtiġijiet ta' finanzjament gross. Il-Grupp tal-Euro qabel li l-ewwel sett ta' miżuri jkunu implimentati fit-terminu l-qasir, jiġifieri, minn wara li tingħalaq l-ewwel analiżi sa tmiem il-Programm. Fit-23 ta' Jannar 2017, il-Bord tad-Diretturi tal-MES u dak tal-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja adottaw ir-regoli relatati mas-sett ta' miżuri għal ħelsien mid-dejn għall-Greċja fit-terminu l-qasir, li l-implimentazzjoni tagħhom bdiet. Il-Grupp tal-Euro tal-25 ta' Mejju 2016 qabel ukoll li wara l-implimentazzjoni sew tal-Programm sa nofs l-2018, il-Grupp tal-Euro jistenna l-implimentazzjoni tat-tieni sett possibbli ta' miżuri, jekk ikun hemm bżonn biex jiġu sodisfatti l-parametri referenzjarji tas-sostenibbiltà tad-dejn.

(6)

Fil-25 ta' Mejju 2016, il-Grupp tal-Euro laqa' l-intenzjoni tal-maniġment tal-FMI li jirrakkomanda li l-Bord Eżekuttiv tal-FMI japprova arranġament finanzjarju għall-Greċja. Il-Grupp tal-Euro kkonferma dik il-pożizzjoni fil-5 ta' Diċembru 2016, u enfasizza wkoll il-bżonn għal kondizzjonalità kondiviża, li jenħtieġ li ssir bi qbil bejn l-istituzzjonijiet kollha u l-Greċja. Fil-5 ta' Diċembru 2016, il-Grupp tal-Euro talab ukoll lill-istituzzjonijiet u lill-Greċja biex ikomplu malajr bin-negozjati sabiex jilħqu ftehim fil-livell tal-persunal (malajr kemm jista' jkun, abbażi ta' dik il-kondizzjonalità kondiviża), u awtorizza lill-Grupp ta' Ħidma tal-Grupp tal-Euro biex jivvaluta dak il-ftehim fil-livell tal-persunal. Dik il-kondizzjonalità tinkludi l-adozzjoni ta' pakkett fiskali preleġislat biex jgħin jiżgura surplus primarju ta' 3,5 % tal-PDG fit-terminu l-medju.

(7)

L-ekonomija Griega wriet grad għoli ta' reżiljenza għall-ambjent ta' inċertezza elevata u l-impożizzjoni ta' kontrolli fuq il-kapital, bil-PDG jonqos b'0,2 % biss fl-2015. Fl-2016, l-ekonomija Griega staġnat, hekk kif it-tkabbir naxxenti fil-konsum privat tpatta bi tnaqqis kemm fil-konsum pubbliku kif ukoll fl-esportazzjonijiet netti. It-tbassir tar-Rebbiegħa tal-2017 tal-Kummissjoni jipproġetta li l-ekonomija Griega se tikber bi 2,1 % u 2,5 % fl-2017 u fl-2018 rispettivament, bis-saħħa ta' sentiment ekonomiku li qed jitjieb u li jappoġġa l-investiment u l-konsum.

(8)

F'dak it-tbassir, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG jammonta għal 179,0 % fl-2016, 178,8 % fl-2017, 174,6 % fl-2018 u 165,2 % fl-2019. Il-proporzjon tad-dejn għall-PDG għalhekk jaqbad triq tan-niżla mill-2017. Il-Greċja kisbet surpluses primarji ta' 0,5 % tal-PDG fl-2015 u ta' 4,2 % tal-PDG fl-2016, fejn marret aħjar mill-miri tal-Programm ta' – 0,25 % u ta' 0,5 % of PDG, rispettivament. L-awtoritajiet Griegi jridu isegwu direzzjoni fiskali fuq il-bażi ta' miri ta' surplus primarju ta' 1,75 % tal-PDG fl-2017 u 3,5 % tal-PDG fl-2018 u tul it-terminu medju. It-trajettorja tal-miri fiskali hija konsistenti mar-rati ta' tkabbir mistennija tal-ekonomija Griega hekk kif tirkupra mill-akbar reċessjoni qatt irreġistrata tagħha.

(9)

Fid-dawl tat-tbassir aġġornat mis-servizzi tal-Kummissjoni u fid-dawl tar-riżultati tat-tieni analiżi li saret mill-Kummissjoni b'kollaborazzjoni mal-BĊE u, meta jkun xieraq, mal-FMI, jenħtieġ li jsir aġġornament għall-Programm eżistenti li jirrifletti r-riformi mwettqa mill-awtoritajiet Griegi fi tmiem l-ewwel kwart tal-2017. Fuq dik il-bażi, jenħtieġ li l-kondizzjonalità aġġornata tindika l-firxa ta' politiki meħtieġa għall-implimentazzjoni futura tal-Programm li tirnexxi, bl-għan li l-ekonomija Griega tmur lura għal tkabbir sostenibbli. Għalhekk huwa xieraq li d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/544 tiġi emendata.

(10)

Kwalunkwe forma ta' assistenza finanzjarja li tirċievi l-Greċja biex tgħinha fl-implimentazzjoni tal-politiki skont il-Programm tagħha jenħtieġ li tkun konformi mar-rekwiżiti legali u mal-politiki tal-Unjoni, b'mod partikolari mal-qafas ta' governanza ekonomika tal-Unjoni u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”). F'każ li kwalunkwe miżura prevista fil-programm ta' aġġustament makroekonomiku tkun tillimita l-eżerċizzju tad-drittijiet u l-libertajiet rikonoxxuti mill-Karta, dawk il-limitazzjonijiet iridu jkunu konformi mal-Artikolu 52(1) tagħha. Jenħtieġ li kwalunkwe intervent ta' appoġġ lill-istituzzjonijiet finanzjarji jitwettaq skont ir-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li kwalunkwe miżura stipulata f'Memorandum ta' Qbil fil-kuntest ta' assistenza finanzjarja mitluba tal-MES tkun kompletament konsistenti ma' din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/544 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 2

1.   Il-Greċja għandha ssegwi konsolidazzjoni fiskali permezz ta' miżuri permanenti ta' kwalità għolja filwaqt li timminimizza l-impatt ta' dawk il-miżuri fuq min hu żvantaġġat. L-awtoritajiet Griegi jimpenjaw ruħhom li jiżguraw finanzi pubbliċi sostenibbli u li jiksbu surpluses primarji mdaqqsa u sostenibbli fuq terminu medju li b'mod kostanti jnaqqsu l-proporzjon tad-dejn għall-PDG. Għaldaqstant, il-Greċja għandha ssegwi direzzjoni fiskali fuq il-bażi ta' miri ta' surplus primarju ta' 1,75 % tal-PDG fl-2017 u ta' 3,5 % tal-PDG fl-2018 u tul it-terminu medju. L-awtoritajiet Griegi jimpenjaw ruħhom li jdaħħlu iktar miżuri strutturali li jipproduċu 0,3 % tal-PDG sal-2018 sabiex tkun żgurata d-direzzjoni mixtieqa ta' surplus primarju. Il-miżuri biex jinkisbu dawk il-miri ta' surplus primarju, u kif maqbula bħala parti mit-tieni analiżi, għandhom jinkludu: is-semplifikazzjoni tal-benefiċċji soċjali u l-abolizzjoni ta' nfiq mit-taxxa bbażat fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Analiżi tal-Bank Dinji dwar il-Benefiċċji Soċjali; ir-razzjonalizzazzjoni tal-infiq fil-kura tas-saħħa permezz ta' twessigħ tal-kamp ta' applikazzjoni tal-qafas baġitarju magħluq u t-tnaqqis tal-limiti massimi ta' rkupru; l-introduzzjoni ta' taxxa fuq kirjiet qosra ta' akkomodazzjoni għat-turisti; u r-razzjonalizzazzjoni ta' ċerti inċentivi ta' prestazzjoni u benefiċċji fis-settur pubbliku.

2.   B'appoġġ għar-riekwilibriju tal-baġit lejn politiki li jgħinu iktar it-tkabbir u ta' distribuzzjoni ġusta, filwaqt li jkun żgurat li l-miri fiskali tat-terminu medju jintlaħqu, l-awtoritajiet Griegi għandhom jieħdu l-azzjonijiet leġislattivi li ġejjin:

(i)

jadottaw l-istrateġija fiskali fuq terminu medju għall-2018-2021 b'konformità mal-miri tat-terminu medju maqbula, li jenħtieġ li jintlaħqu mingħajr miżuri li jkunu ta' detriment għat-tkabbir;

(ii)

jimplimentaw riforma tal-pensjonijiet li twassal għal iffrankar nett ta' 1 % tal-PDG fl-2019-2022 u riforma tat-taxxa fuq l-introjtu li għandha twassal għal iffrankar nett ta' 1 % tal-PDG fl-2020, 2021 u 2022;

(iii)

jadottaw pakkett tat-taxxa li jtejjeb it-tkabbir li, f'termini netti, ikun rikonċiljat mir-rendiment mir-riforma tat-taxxa fuq l-introjtu personali; il-pakkett irid jinkludi: (i) tnaqqis fir-rati tat-taxxa fuq l-introjtu personali u s-soprataxxa ta' solidarjetà, b'impatt fiskali fit-terminu medju ta' 0,8 % tal-PDG; (ii) tnaqqis fir-rati tat-taxxa fuq l-introjtu tal-kumpaniji b'impatt fiskali tat-terminu medju ta' 0,1 % tal-PDG, u (iii) tnaqqis tat-taxxa fuq il-proprjetà (ENFIA) b'impatt ta' 0,1 % tal-PDG;

(iv)

jadottaw pakkett ta' nfiq immirat li, f'termini netti, ikun rikonċiljat mir-rendiment mir-riforma fil-pensjonijiet li hi magħmula minn: (i) żieda fl-infiq tal-benefiċċji soċjali mmirati (benefiċċji tal-abitazzjoni; benefiċċji tat-tfal; ikliet tal-iskola; edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal/edukazzjoni preprimarja; tnaqqis skont test tal-mezzi fil-kopagamenti tas-saħħa) ta' 0,7 % tal-PDG, (ii) investiment f'infrastruttura pubblika ta' kwalità għolja ta' 0,15 % tal-PDG, u (iii) politiki attivi fis-suq tax-xogħol ta' 0,15 % tal-PDG;

(v)

jimplimentaw il-miżuri dwar it-taxxa fuq l-introjtu personali fl-2019 jekk, abbażi ta' valutazzjoni li tħares 'il quddiem fil-kuntest tal-analiżi finali tal-programm, tkun meħtieġa implimentazzjoni antiċipata sabiex tintlaħaq il-mira fiskali maqbula ta' surplus primarju ta' 3,5 % tal-PDG fl-2019, li jrid jintlaħaq mingħajr miżuri li jkunu ta' detriment għat-tkabbir;

(vi)

il-pakkett espansjonarju irid jibda jiġi implimentat fl-2019, bil-kundizzjoni ta' valutazzjoni u qbil fl-analiżi tal-programm finali, wara proċess trasparenti, bl-ammont li jrid jiġi implimentat b'konformità mal-ammont li permezz tiegħu l-istituzzjonijiet ibassru li l-Greċja ser teċċedi l-miri maqbula għat-terminu, sabiex ikun żgurat li dawn il-miri jinkisbu.

3.   L-awtoritajiet Griegi għandhom ilestu l-qafas meħtieġ għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Awtorità Indipendenti tal-Introjtu Pubbliku u għall-operat effikaċi tiegħu. Dawn għandhom jieħdu iktar miżuri biex itejbu l-konformità mar-regoli tat-taxxa, inkluża l-leġislazzjoni għall-promozzjoni u l-faċilitazzjoni tal-użu ta' pagamenti elettroniċi. Il-miżuri biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa għandu, fost affarijiet oħra, ikollhom l-għan li jtejbu l-mudell ta' kooperazzjoni bejn l-awtorità tal-ġustizzja u dik tat-taxxa.

4.   L-awtoritajiet Griegi għandhom jieħdu l-miżuri biex ikomplu jsaħħu l-proċess tal-baġit u l-ġestjoni finanzjarja pubblika. Huma għandhom jiżguraw li l-leġislazzjoni nazzjonali tkun kollha kemm hi konformi mat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja (il-Patt Fiskali). L-awtoritajiet Griegi għandhom jippreżentaw ukoll pjan ta' azzjoni għat-terminu medju biex ikun żgurat li l-pagamenti jsiru b'mod konformi mad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1). Huma għandhom isaħħu l-qafas tal-akkwisti pubbliċi, inkluż bit-trawwim ta' akkwisti ċentrali.

5.   L-awtoritajiet Griegi għandhom jimplimentaw bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet leġislattivi l-ġodda tar-riforma tal-pensjonijiet komprensiva tal-2016. Biex l-infiq tas-saħħa pubblika jkun razzjonalizzat, l-awtoritajiet Griegi għandhom jieħdu miżuri strutturali li jiffukaw fuq it-titjib tal-effikaċja, inkluż baġit magħluq (limitu massimu ta' rkupru) biex ikopri affarijiet li qabel ma kinux taħt l-irkupru. Huma għandhom jippubblikaw bulettin aġġornat tal-prezzijiet biex jonqsu l-prezzijiet farmaċewtiċi, jaġġornaw u jippubblikaw fuq bażi regolari l-listi pożittivi u negattivi, u jadottaw miżuri biex titjieb il-penetrazzjoni tal-mediċini ġeneriċi.

6.   L-awtoritajiet Griegi għandhom jiżguraw l-introduzzjoni u l-implimentazzjoni bla intoppi tal-iskema l-ġdida ta' Introjtu mis-Solidarjetà Soċjali. Huma għandhom jagħmlu riforma kbira tas-sistema ta' protezzjoni soċjali, abbażi tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Analiżi tal-Benefiċċji Soċjali pprovduta mill-Bank Dinji. Dik ir-riforma għandha l-għan li tissemplifika s-sistema u torjentaha iktar lejn il-bżonnijiet tal-iktar vulnerabbli, inkluż riorjentament tar-riżorsi għall-finanzjament tal-introduzzjoni nazzjonali tal-iskema l-ġdida tal-Introjtu mis-Solidarjetà Soċjali.

7.   Biex tkun salvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja, l-awtoritajiet Griegi għandhom jippubblikaw pjan direzzjonali għat-tnaqqis tal-kontrolli tal-kapital u b'hekk ikun evitat dewmien bla bżonn mingħajr ma tkun kompromessal-istabbiltà finanzjarja. Huma għandhom jivvalutaw u jindirizzaw l-ostakli għas-suq sekondarju għal self improduttiv identifikat fir-rapport dwar l-analiżi tal-implimentazzjoni tal-Liġi 4354/2015, sabiex ikun issemplifikat il-proċess ta' liċenzjar għas-servizzjanti ta' self improduttiv. L-awtoritajiet Griegi għandhom jistabbilixxu skema ta' soluzzjoni ekstraġudizzjarja għal self improduttiv u jiżguraw l-implimentazzjoni bla intoppi tagħha. L-iskema għandha tippermetti li kemm debituri kbar u kemm dawk żgħar b'dejn li jaqbeż livell limitu minimu jkunu jistgħu jirrikorru għall-mekkaniżmu ta' ristrutturar tad-dejn, u l-elementi kollha tad-dejn, inkluż dejn privat u dejn pubbliku imma esklużi l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u t-taxxi miżmuma, ikunu suġġetti għall-mekkaniżmu ta' ristrutturar tad-dejn. L-awtoritajiet Griegi għandhom ukoll jimmodernizzaw il-qafas tal-insolvenza korporattiva u jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tiegħu, b'enfasi ewlenija fuq ir-rwol tal-amministraturi tal-insolvenza. L-awtoritajiet Griegi għandhom jirrevedu l-Kodiċi ta' Proċedura, bil-ħsieb li jġibuh konformi mal-aħjar prattiki tal-Unjoni.

8.   Biex ikunu promossi t-tkabbir, il-kompetittività u l-investiment, l-awtoritajiet Griegi għandhom ikomplu jfasslu u jimplimentaw firxa wiesgħa ta' riformi fis-swieq tal-prodotti. Dawn ir-riformi għandhom l-għan li jiksbu l-aħjar prattiki tal-Unjoni. Ir-riformi għandhom jinkludu: implimentazzjoni ulterjuri tar-rakkomandazzjonijiet tal-istrumenti tal-OECD biex jitneħħew l-ostakli għall-kompetizzjoni f'firxa wiesgħa ta' setturi; riformi għal-liberalizzazzjoni tal-liċenzjar tal-investiment u biex jitnaqqas il-piż amministrattiv biex jinfetaħ negozju; passi għal-liberalizzazzjoni tal-professjonijiet regolati; riformi għall-immodernizzar tal-qafas għall-użu tal-art, inkluż ġestjoni tat-territorju u katast; u miżuri li jsaħħu l-funzjonament tas-setturi tal-ilma u tat-trasport.

9.   Rigward is-swieq tax-xogħol, il-Greċja għandha tadotta leġislazzjoni li tiċċara li r-riformi ta' negozjar kollettiv tal-2011 ikunu estiżi sa tmiem il-Programm. L-awtoritajiet Griegi għandhom jissostitwixxu l-qafas amministrattiv attwali għas-sensji kollettivi bi proċedura ta' notifika ta' mhux iktar minn tliet xhur, li ma għandhiex tinvolvi approvazzjoni ex ante, u għandhom jemendaw il-leġislazzjoni dwar l-azzjonijiet industrijali. L-awtoritajiet Griegi għandhom ukoll jieħdu passi ulterjuri biex jiġġieldu x-xogħol mhux iddikjarat, isaħħu l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u għandhom jimplimentaw il-pjan ta' azzjoni fuq tliet snin dwar l-edukazzjoni.

10.   L-awtoritajiet Griegi għandhom ikomplu l-implimentazzjoni tar-riformi fuq firxa wiesgħa fis-swieq tal-enerġija, biex jiġu allinjati mal-leġislazzjoni u mal-politiki tal-Unjoni, biex isiru aktar moderni u kompetittivi, biex inaqqsu l-kirjiet monopolistiċi u l-ineffiċjenzi, biex jippromwovu l-innovazzjoni, biex jiffavorixxu l-adozzjoni aktar estensiva tal-enerġija rinnovabbli u tal-gass, u biex jiżguraw li l-benefiċċji ta' dawn il-bidliet kollha jmorru għand il-konsumaturi. Fis-suq tal-elettriku, sabiex is-sehem mis-suq tal-fornitur storiku jinġieb għall-miri maqbula, l-awtoritajiet Griegi għandhom ikomplu l-implimentazzjoni ta' rkanti tal-elettriku, u għandhom jipproponu miżuri strutturali inkondizzjonati biex jiġi ċedut sehem tal-kapaċità ta' ġenerazzjoni tal-fornitur storiku, b'konformità mad-Deċiżjonijiet rilevanti tal-Kummissjoni li ġew milqugħa mill-Qorti Ġenerali (*2). L-awtoritajiet Griegi għandhom ikomplu wkoll il-proċess li jwassal għas-separazzjoni tas-sjieda sħiħa tal-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni mill-fornitur storiku, għandhom ikomplu l-implimentazzjoni tar-riforma tal-inċentivi għall-enerġiji rinnovabbli u għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni f'waqtha tar-riformi l-oħra tas-suq. Fis-suq tal-gass, l-implimentazzjoni kontinwa tar-riformi eżistenti għandhom, fost affarijiet oħra, iwasslu għall-eliġibbiltà sħiħa biex sal-2018 kull konsumatur ikollu l-possibbiltà li jibdel il-fornitur tiegħu, kif ippjanat. L-awtoritajiet Griegi għandhom jieħdu azzjoni ulterjuri biex ineħħu l-ostakli li jifdal għal kompetizzjoni effikaċi fis-swieq tal-gass bl-ingrossa u bl-imnut, u biex jippromwovu l-interkonnessjonijiet, kif ukoll id-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-forniment.

11.   L-awtoritajiet Griegi għandhom ikomplu jimplimentaw programm ta' privatizzazzjoni ambizzjuż u jimplimentaw politiki li jsostnu l-investiment. L-awtoritajiet Griegi jimpenjaw ruħhom li jiffaċilitaw il-proċess ta' privatizzazzjoni u li jlestu l-azzjonijiet governattivi kollha meħtieġa biex l-offerti jkunu jistgħu jiġu eżegwiti sew. F'dak ir-rigward, l-awtoritajiet Griegi għandhom ilestu l-azzjonijiet kollha meħtieġa kif maqbul fuq bażi ta' kull kwart ta' sena bejn il-Fond għall-Iżvilupp tal-Assi tar-Repubblika Ellenika (“HRADF”), l-istituzzjonijiet u l-gvern Grieg. Il-Lista tal-Azzjonijiet Pendenti tal-Gvern ġiet approvata mill-Bord tad-Diretturi tal-HRADF. Wara t-twaqqif tal-Korporazzjoni Ellenika tal-Assi u l-Partiċipazzjonijiet (HCAP), li se jkollha fil-pussess tagħha assi Griegi ta' valur, l-awtoritajiet Griegi għandhom jiżguraw li r-regoli interni u ta' ġestjoni tal-HCAP jikkonformaw mal-istandards u l-aħjar prattiki internazzjonali, inklużi l-Linji Gwida tal-OECD dwar il-Governanza ta' Intrapriżi tal-Istat. L-għan globali tal-HCAP għandu jkun li jġestixxi assi Griegi ta' valur; u li jipproteġi, joħloq u finalment jimmassimizza l-valur tagħhom, li għandu jimmonetizza permezz ta' privatizzazzjonijiet u mezzi oħrajn.

12.   Stat u amministrazzjoni pubblika moderni għandhom jibqgħu jkunu prijorità ewlenija tal-Programm. L-awtoritajiet Griegi għandhom jagħtu partikolarment każ l-implimentazzjoni tal-miżuri li diġà ttieħdu fil-Programm biex iżidu l-effikaċja tas-settur pubbliku fit-twassil ta' prodotti u servizzi pubbliċi essenzjali, b'attenzjoni speċjali għar-reklutaġġ u d-depolitiċizzazzjoni tal-maniġers, il-valutazzjonijiet tal-prestazzjoni, u l-mobbiltà. Għandhom jittieħdu miżuri li jsaħħu l-effikaċja tas-sistema ġudizzjarja, inkluż billi jkunu jistgħu jsiru rkanti elettroniċi, u biex itejbu l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. L-indipendenza istituzzjonali u operattiva tal-istituzzjonijiet ewlenin, bħall-amministrazzjoni tal-introjtu u l-istitut tal-istatistika (Elstat), għandha tkun imsaħħa permezz tal-implimentazzjoni ulterjuri tar-riformi li diġà ġew adottati.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Ġunju 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

H. DALLI


(1)  ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1.

(2)  Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/544 tal-15 ta' Frar 2016 li tapprova l-programm ta' aġġustament makroekonomiku tal-Greċja (2015/1411) (ĠU L 91, 7.4.2016, p. 27).