12.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 180/63


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1218

tat-23 ta' Ġunju 2017

li tistabbilixxi l-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għad-deterġenti għall-ħasil tal-ħwejjeġ

(notifikata bid-dokument C(2017) 4243)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar skema ta' Ekotikketta tal-UE (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 8(2) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Bord tal-Ekotikkettar tal-Unjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 66/2010, l-Ekotikketta tal-UE tista' tingħata lil dawk il-prodotti li għandhom impatt ambjentali mnaqqas tul iċ-ċiklu kollu ta' ħajjithom.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 jistipula li għandhom jiġu stabbiliti kriterji speċifiċi tal-Ekotikketta tal-UE għal kull grupp ta' prodotti.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/264/UE (2) stabbiliet il-kriterji ekoloġiċi u r-rekwiżiti ta' valutazzjoni u ta' verifika relatati magħhom għad-deterġenti għall-ħasil tal-ħwejjeġ, li huma validi sal-31 ta' Diċembru 2016.

(4)

Sabiex jitqiesu l-iżviluppi riċenti tas-suq u l-innovazzjoni li seħħet minn dak iż-żmien 'l hawn, qed jitqies li huwa xieraq li jiġi stabbilit sett rivedut ta' kriterji ekoloġiċi għal dak il-grupp ta' prodotti.

(5)

Il-kriterji riveduti, kif ukoll ir-rekwiżiti ta' valutazzjoni u ta' verifika relatati magħhom, għandhom ikunu validi għal sitt snin minn meta ssir in-notifika dwar din id-Deċiżjoni, filwaqt li jitqies iċ-ċiklu ta' innovazzjoni għal dak il-grupp ta' prodotti. L-għan ta' dawk il-kriterji huwa li jippromwovu prodotti li għandhom impatt imnaqqas fuq l-ekosistemi akkwatiċi, li fihom ammont limitat ta' sustanzi perikolużi, li huma effettivi meta jintużaw f'temperaturi baxxi u li jnaqqsu kemm jista' jkun il-produzzjoni tal-iskart billi jnaqqsu l-ammont ta' imballaġġ.

(6)

Għal raġunijiet ta' ċertezza legali, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/264/UE għandha titħassar.

(7)

Il-produtturi li l-prodotti tagħhom ingħataw l-Ekotikketta tal-UE għad-deterġenti għall-ħasil tal-ħwejjeġ abbażi tal-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/264/UE għandhom jingħataw perjodu ta' tranżizzjoni sabiex ikollhom biżżejjed żmien biex jadattaw il-prodotti tagħhom biex dawn ikunu jikkonformaw mal-kriterji u mar-rekwiżiti riveduti.

(8)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 66/2010,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-grupp ta' prodotti tad-“deterġenti għall-ħasil tal-ħwejjeġ” għandu jinkludi d-deterġenti għall-ħasil tal-ħwejjeġ u l-aġenti ta' pretrattament li jneħħu t-tbajja' li jidħlu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 648/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li huma effettivi meta jintużaw f'temperatura ta' 30 °C jew inqas u li huma kkummerċjalizzati u maħsubin biex jintużaw għall-ħasil tat-tessuti primarjament fil-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi iżda dan ma jeskludix l-użu tagħhom f'londrijiet awtomatiċi pubbliċi u f'londrijiet komuni.

L-aġenti ta' pretrattament li jneħħu t-tbajja' jinkludu l-aġenti li jneħħu t-tbajja' użati għat-trattament dirett tat-tebgħa fuq it-tessuti qabel ma dawn jinħaslu fil-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ, iżda ma jinkludux l-aġenti li jneħħu t-tbajja' ddożati fil-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ u l-aġenti li jneħħu t-tbajja' li għandhom użi oħra minbarra l-pretrattament.

Dan il-grupp ta' prodotti m'għandux jinkludi l-prodotti tat-tlaħliħ tal-ħwejjeġ, il-prodotti li huma ddożati permezz ta' trasportaturi bħal folji, biċċiet ta' drapp jew materjali oħra, jew l-aġenti awżiljarji għall-ħasil li jintużaw mingħajr ħasil sussegwenti bħal, pereżempju, l-aġenti li jneħħu t-tbajja' għat-twapet u għat-tapizzerija tal-għamara.

Artikolu 2

1.   Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“sustanzi mdaħħlin” tfisser sustanzi miżjudin bi ħsieb, prodotti sekondarji u impuritajiet mill-materja prima fil-formulazzjoni finali tal-prodott [(inkluż il-fojl li jdub fl-ilma, jekk jintuża)];

(2)

“deterġenti qawwija ħafna (heavy-duty)” tfisser deterġenti użati għall-ħasil normali ta' tessuti bojod fi kwalunkwe temperatura;

(3)

“deterġenti sikuri għall-kuluri (colour-safe)” tfisser deterġenti użati għall-ħasil normali ta' tessuti kkuluriti fi kwalunkwe temperatura;

(4)

“deterġenti mhux qawwija (light-duty)” tfisser deterġenti maħsubin għal tessuti delikati;

(5)

“imballaġġ primarju” tfisser:

(a)

għal dożi fi qratas individwali li jkunu maħsubin biex jitneħħew qabel l-użu, il-qratas tad-dożi individwali u l-imballaġġ maħsub biex jikkostitwixxi l-iżgħar unità tal-bejgħ għad-distribuzzjoni lill-utenti jew lill-konsumaturi finali fil-post fejn jinxtara, inkluża t-tikketta jekk dan ikun applikabbli;

(b)

għat-tipi l-oħra kollha ta' prodotti, l-imballaġġ maħsub biex jikkostitwixxi l-iżgħar unità tal-bejgħ għad-distribuzzjoni lill-utenti jew lill-konsumaturi finali fil-post fejn jinxtara, inkluża t-tikketta jekk dan ikun applikabbli;

(6)

“mikroplastiċi” tfisser partikoli tal-plastik makromolekulari li ma jinħallx b'daqs ta' inqas minn 5 mm, miksubin b'wieħed mill-proċessi li ġejjin:

(a)

proċess ta' polimerizzazzjoni bħalma huma l-poliaddizzjoni, il-polikondensazzjoni jew proċess simili ieħor li fih jintużaw il-monomeri jew sustanzi oħra ta' bidu;

(b)

il-modifika kimika ta' makromolekuli naturali jew sintetiċi;

(c)

il-fermentazzjoni bil-mikrobi;

(7)

“nanomaterjal” tfisser materjal naturali, inċidentali jew manifatturat li fih partikoli, fi stat maħlul jew bħala aggregat jew agglomerat, u fejn, għal 50 % jew iktar tal-partikoli fid-distribuzzjoni dimensjonali numerika, dimensjoni esterna waħda jew aktar hija fil-firxa ta' daqs 1 nm-100 nm (4).

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1(2) u (3), deterġent għandu jitqies li huwa deterġent qawwi ħafna jew inkella li huwa deterġent sikur għall-kuluri ħlief meta jingħad biċ-ċar fuq l-imballaġġ tiegħu li l-prodott huwa maħsub biex jintuża għat-tessuti delikati (jiġifieri li huwa deterġent mhux qawwi).

Artikolu 3

Sabiex jingħataw l-Ekotikketta tal-UE skont ir-Regolament (KE) Nru 66/2010, id-deterġenti għall-ħasil tal-ħwejjeġ u l-aġenti ta' pretrattament li jneħħu t-tbajja' għandhom ikunu jiffurmaw parti mill-grupp ta' prodotti tad-“deterġenti għall-ħasil tal-ħwejjeġ” kif iddefinit fl-Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni u għandhom ikunu konformi mal-kriterji u mar-rekwiżiti ta' valutazzjoni u ta' verifika relatati magħhom stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 4

Il-kriterji għall-grupp ta' prodotti tad-“deterġenti għall-ħasil tal-ħwejjeġ” u r-rekwiżiti ta' valutazzjoni u ta' verifika relatati magħhom għandhom ikunu validi għal sitt snin mid-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

Għal finijiet amministrattivi, in-numru tal-kodiċi assenjat lill-grupp ta' prodotti tad-“deterġenti għall-ħasil tal-ħwejjeġ” għandu jkun “006”.

Artikolu 6

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/264/UE qed titħassar.

Artikolu 7

1.   B'deroga mill-Artikolu 6, l-applikazzjonijiet għall-Ekotikketta tal-UE għal prodotti li jiffurmaw parti mill-grupp ta' prodotti tad-“deterġenti għall-ħasil tal-ħwejjeġ” li jitressqu qabel id-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu evalwati skont il-kundizzjonjiiet stipulati fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/264/UE.

2.   L-applikazzjonijiet għall-Ekotikketta tal-UE għal prodotti li jiffurmaw parti mill-grupp ta' prodotti tad-“deterġenti għall-ħasil tal-ħwejjeġ” li jitressqu fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni jistgħu jissejsu jew fuq il-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/264/UE jew inkella fuq il-kriterji stabbiliti f'din id-Deċiżjoni. Dawk l-applikazzjonijiet għandhom jiġu evalwati skont il-kriterji li fuqhom jissejsu.

3.   Il-liċenzji tal-Ekotikketta tal-UE mogħtija skont il-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/264/UE jistgħu jintużaw għal 12-il xahar mid-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 8

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' Ġunju 2017.

Għall-Kummissjoni

Karmenu VELLA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 27, 30.1.2010, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/264/UE tat-28 ta' April 2011 dwar l-istabbiliment ta' kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE lil deterġenti għall-ħasil tal-ħwejjeġ (ĠU L 111, 30.4.2011, p. 34).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 648/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 dwar diterġenti (ĠU L 104, 8.4.2004, p. 1).

(4)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2011/696/UE tat-18 ta' Ottubru 2011 fuq id-definizzjoni tan-nanomaterjali (ĠU L 275, 20.10.2011, p. 38).


ANNESS

QAFAS

IL-KRITERJI TAL-EKOTIKKETTA TAL-UE

Kriterji għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għal deterġenti tal-ħwejjeġ

KRITERJI

1.

Rekwiżiti tad-dożaġġ

2.

Tossiċità għall-organiżmi akkwatiċi

3.

Bijodegradabbiltà

4.

Sorsi sostenibbli ta' żejt tal-palm, żejt tal-qalba tal-ġewż tal-palm u d-derivattivi tagħhom

5.

Sustanzi esklużi u ristretti

6.

Imballaġġ

7.

Adegwatezza għall-użu

8.

Informazzjoni għall-utenti

9.

Informazzjoni li tidher fuq l-Ekotikketta tal-UE

VALUTAZZJONI U VERIFIKA

(a)   Rekwiżiti

Ir-rekwiżiti speċifiċi tal-valutazzjoni u tal-verifika huma indikati f'kull kriterju.

Meta l-applikant jintalab jipprovdi lill-organi kompetenti dikjarazzjonijiet, dokumentazzjoni, analiżi, rapporti tat-testijiet, jew evidenza oħra sabiex juri li hemm konformità mal-kriterji, dawn jistgħu jiġu mingħand l-applikant u/jew mingħand il-fornitur(i) tiegħu, kif ikun xieraq.

Il-korpi kompetenti għandhom jirrikonoxxu preferenzjalment iċ-ċertifikazzjonijiet li joħorġu korpi akkreditati skont l-istandard armonizzat rilevanti għal-laboratorji tal-ittestjar u tal-ikkalibrar, u l-verifiki li jagħmlu korpi akkreditati skont l-istandard armonizzat rilevanti għall-korpi li jiċċertifikaw il-prodotti, il-proċessi u s-servizzi. L-akkreditament għandu jsir skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

Meta jkun jixraq, jistgħu jintużaw metodi oħra tal-ittestjar apparti dawk imniżżla għal kull kriterju, diment li l-korp kompetenti li jkun qed jivvaluta l-applikazzjoni jaċċetta l-ekwivalenza tagħhom.

Meta jkun jixraq, il-korpi kompetenti jistgħu jitolbu dokumentazzjoni ta' sostenn u jistgħu jagħmlu verifiki indipendenti jew żjarat fuq il-post.

Bħala prerekwiżit, il-prodott għandu jissodisfa r-rekwiżiti legali applikabbli kollha tal-pajjiż jew il-pajjiżi fejn il-prodott ikun intenzjonat li jitqiegħed fis-suq. L-applikant għandu jiddikjara l-konformità tal-prodott ma' dan ir-rekwiżit.

Il-lista “Il-Bażi tad-Dejta ta' Ingredjenti ta' Deterġenti” (il-lista DID), li tinsab fis-sit tal-Ekotikketta tal-UE, fiha l-aktar sustanzi li jintużaw fil-formulazzjonijiet ta' deterġenti u kożmetiċi. Din għandha tintuża biex tinkiseb id-dejta għall-kalkoli tal-Volum Kritiku tad-Dilwizzjoni (CDV) u għall-valutazzjoni tal-bijodegradabbiltà tas-sustanzi mdaħħla. Għas-sustanzi li mhumiex fil-lista DID, tingħata gwida dwar kif għandha tiġi kkalkolata jew estrapolata d-dejta rilevanti.

Il-lista tas-sustanzi mdaħħla kollha għandha tiġi ppreżentata lill-korp kompetenti, u tindika l-isem kummerċjali (jekk ikun jeżisti), l-isem kimiku, in-numru tal-CAS, in-numru DID, il-kwantità mdaħħla, il-funzjoni u l-forma preżenti fil-formulazzjoni finali tal-prodott (inkluż folj li jinħall fl-ilma, jekk ikun hemm).

Priżervattivi, fwejjaħ u aġenti koloranti għandhom jiġu indikati irrispettivament mill-konċentrazzjoni tagħhom. Sustanzi mdaħħla oħra għandhom jiġu indikati meta jkunu f'konċentrazzjoni ta' 0,010 % jew iktar tal-piż skont il-piż.

Is-sustanzi mdaħħla kollha preżenti fil-forma ta' nanomaterjali għandhom jiġu indikati b'mod ċar fil-lista, bil-kelma “nano” miktuba fil-parentesi.

Għal kull sustanza mdaħħla elenkata, għandhom jiġu pprovduti l-Iskedi tad-Dejta dwar is-Sikurezza (SDS) skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Meta ma jkunx hemm SDS għal xi sustanza partikolari minħabba li tkun parti minn taħlita, l-applikant għandu jipprovdi l-SDS tat-taħlita.

(b)   Limiti tal-kejl

Il-konformità mal-kriterji ekoloġiċi hi meħtieġa għal kull sustanza mdaħħla kif speċifikat fit-Table 1.

Tabella 1

Limiti tal-kejl applikabbli għas-sustanzi mdaħħla skont il-kriterju għad-deterġenti tal-ħwejjeġ (% piż skont il-piż)

Isem il-kriterju

Aġenti tensjoattivi

Priżervattivi

Aġenti koloranti

Fwejjaħ

Oħrajn (pereż. enżimi)

Tossiċità għall-organiżmi akkwatiċi

≥ 0,010

l-ebda limitu (*1)

l-ebda limitu (*1)

l-ebda limitu (*1)

≥ 0,010

Bijodegradabbiltà

Aġenti tensjoattivi

≥ 0,010

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Sustanzi organiċi

≥ 0,010

l-ebda limitu (*1)

l-ebda limitu (*1)

l-ebda limitu (*1)

≥ 0,010

Sorsi sostenibbli ta' żejt tal-palm

≥ 0,010

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

≥ 0,010

Sustanzi esklużi jew limitati

Sustanzi esklużi u limitati speċifikati

l-ebda limitu (*1)

l-ebda limitu (*1)

l-ebda limitu (*1)

l-ebda limitu (*1)

l-ebda limitu (*1)

Sustanzi perikolużi

≥ 0,010

≥ 0,010

≥ 0,010

≥ 0,010

≥ 0,010

SVHCs

l-ebda limitu (*1)

l-ebda limitu (*1)

l-ebda limitu (*1)

l-ebda limitu (*1)

l-ebda limitu (*1)

Fwejjaħ

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

l-ebda limitu (*1)

Mhux applikabbli

Priżervattivi

Mhux applikabbli

l-ebda limitu (*1)

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Aġenti koloranti

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

l-ebda limitu (*1)

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Enżimi

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

l-ebda limitu (*1)

DOŻAĠĠ TA' REFERENZA

Dan id-dożaġġ għandu jitqies bħala d-dożaġġ ta' referenza għall-kalkoli intiżi li jiddokumentaw il-konformità mal-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE u għall-ittestjar tal-kapaċità ta' ħasil:

Deterġent qawwi ħafna, deterġent sikur għall-kuluri

Doża rakkomandata mill-manifattur għal kilogramm ta' ħwejjeġ għall-ħasil nexfin normalment maħmuġa (indikata bħala g/kg ta' ħwejjeġ għall-ħasil jew ml/kg ta' ħwejjeġ għall-ħasil) ikkalkolata fuq il-bażi tad-doża rakkomandata għal ħasla ta' 4,5 kg b'ebusija tal-ilma ta' 2,5 mmol CaCO3/l.

Deterġent ħafif

Doża rakkomandata mill-manifattur għal kilogramm ta' ħwejjeġ għall-ħasil delikati normalment maħmuġa (indikata bħala g/kg ta' ħwejjeġ għall-ħasil jew ml/kg ta' ħwejjeġ għall-ħasil) ikkalkolata fuq il-bażi tad-doża rakkomandata għal ħasla ta' 2,5 kg b'ebusija tal-ilma ta' 2,5 mmol CaCO3/l.

Aġent li jneħħi t-tbajja' (pretrattament biss)

Doża rakkomandata mill-manifattur għal kilogramm ta' ħwejjeġ għall-ħasil nexfin (indikata bħala g/kg ta' ħwejjeġ għall-ħasil jew ml/kg ta' ħwejjeġ għall-ħasil) ikkalkolata fuq il-bażi ta' 6 applikazzjonjiet għal ħasla ta' 4,5 kg.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi t-tikketta tal-prodott jew l-iskeda tal-istruzzjonijiet għall-utenti li tinkludi l-istruzzjonijiet dwar id-dożaġġ.

Kriterju 1 — Rekwiżiti tad-dożaġġ

Id-dożaġġ ta' referenza ma għandux jaqbeż l-ammonti li ġejjin.

Tip ta' prodott

Dożaġġ

(g/kg ta' ħwejjeġ għall-ħasil)

Deterġent qawwi ħafna, deterġent sikur għall-kuluri

16,0

Deterġent ħafif

16,0

Aġent li jneħħi t-tbajja' (pretrattament biss)

2,7

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi t-tikketta tal-prodott bl-istruzzjonijiet dwar id-dożaġġ u d-dokumentazzjoni li turi d-densità (g/ml) tal-prodotti likwidi u ġels.

Kriterju 2 — Tossiċità għall-organiżmi akkwatiċi

Il-volum kritiku tad-dilwizzjoni (CDVkroniku) tal-prodott ma għandux jaqbeż il-limiti li ġejjin għad-doża ta' referenza.

Tip ta' prodott

Limitu tas-CDV

(l/kg ta' ħwejjeġ għall-ħasil)

Deterġent qawwi ħafna, deterġent sikur għall-kuluri

31 500

Deterġent ħafif

20 000

Aġent li jneħħi t-tbajja' (pretrattament biss)

3 500

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi l-kalkolu tas-CDVkroniku tal-prodott. Spreadsheet għall-kalkolu tal-valur CDVkroniku tinsab fis-sit elettroniku tal-Ekotikketta tal-UE.

Is-CDVkroniku huwa kkalkulat għas-sustanzi kollha li jiddaħħlu (i) fil-prodott, bl-użu tal-ekwazzjoni li ġejja:

Formula

Fejn:

id-dożaġġ(i)

:

il-piż (g) tas-sustanza (i) fid-doża ta' referenza;

DF(i)

:

il-fattur ta' degradazzjoni tas-sustanza (i);

TFkroniku(i)

:

il-fattur ta' tossiċità kronika tas-sustanza (i).

Il-valuri tad-DF(i) u t-TFkroniku(i) għandhom ikunu kif mogħtija fil-Parti A l-iktar aġġornata tal-lista DID. Jekk sustanza mdaħħla ma tiġix inkluża fil-Parti A, l-applikant għandu jagħmel stima tal-valuri billi jsegwi l-approċċ deskritt fil-Parti B ta' dik il-lista u jehmeż id-dokumentazzjoni assoċjata.

Kriterju 3 — Il-bijodegradabbiltà

(a)   Il-bijodegradabbiltà tal-aġenti tensjoattivi

L-aġenti tensjoattivi kollha għandhom ikunu faċilment degrababbli (ajrobikament).

L-aġenti tensjoattivi kollha kklassifikati bħala perikolużi għall-ambjent akkwatiku: Il-Kategorija Akuta 1 (H400) jew il-Kategorija Kronika 3 (H412), skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), għandhom barra minn hekk ikunu bijodegradabbli anajrobikament.

(b)   Il-bijodegradabbiltà tal-komposti organiċi

Il-kontenut ta' sustanzi organiċi fil-prodott li huma ajrobikament mhux bijodegradabbli (mhux bijodegradabbli malajr, aNBO) jew anajrobikament mhux bijodegradabbli (anNBO) ma għandux jaqbeż il-limiti li ġejjin għad-doża ta' referenza:

 

aNBO

Tip ta' prodott

aNBO

(g/kg ta' ħwejjeġ għall-ħasil)

trab/tablets

aNBO

(g/kg ta' ħwejjeġ għall-ħasil)

likwidi, kapsoli, ġels

Deterġent tal-ħwejjeġ qawwi ħafna, deterġent sikur għall-kuluri

1,00

0,45

Deterġent ħafif

0,55

0,30

Aġent li jneħħi t-tbajja' (pretrattament biss)

0,10

0,10

 

anNBO

Tip ta' prodott

anNBO

(g/kg ta' ħwejjeġ għall-ħasil)

trab/tablets

anNBO

(g/kg ta' ħwejjeġ għall-ħasil)

likwidi, kapsuli, ġels

Deterġent tal-ħwejjeġ qawwi ħafna, deterġent sikur għall-kuluri

1,10

0,55

Deterġent ħafif

0,55

0,30

Aġent li jneħħi t-tbajja' (pretrattament biss)

0,10

0,10

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dokumentazzjoni għad-degradabbiltà tal-aġenti tensjoattivi, kif ukoll għall-kalkolu tal-aNBO u tal-anNBO għall-prodott. Spreadsheet għall-kalkolu tal-valuri aNBO u anNBO tinsab fis-sit elettroniku tal-Ekotikketta tal-UE.

Għad-degradabbiltà tal-aġenti tensjoattivi u għall-valuri aNBO u anNBO tal-komposti organiċi, għandha ssir referenza għal-lista DID l-iktar aġġornata.

Għas-sustanzi mdaħħla li ma jkunux fil-Parti A tal-lista DID, għandha tingħata informazzjoni rilevanti mil-letteratura teknika jew minn sorsi oħra, jew jingħataw ir-riżultati xierqa tat-testijiet, li jkunu juru li huma ajrobikament u anajrobikament bijodegradabbli, kif tiddeskrivi l-Parti B ta' dik il-lista.

Fin-nuqqas ta' dokumentazzjoni dwar id-degradabbiltà deskritta hawn fuq, sustanza mdaħħla li ma tkunx aġent tensjoattiv tista' tiġi eżentata mir-rekwiżit tal-degradabbiltà anajrobika diment li tiġi ssodisfata waħda minn dawn it-tliet alternattivi:

(1)

tkun faċilment degradabbli u jkollha assorbiment baxx (A < 25 %);

(2)

tkun faċilment degradabbli u jkollha desorbiment għoli (D > 75 %);

(3)

tkun faċilment degradabbli u ma tkunx bijoakkumulattiva (4).

L-ittestjar għall-assorbiment jew għad-desorbiment għandu jsir skont il-Linji Gwida tal-OECD Nru 106.

Kriterju 4 — Sorsi sostenibbli ta' żejt tal-palm, żejt tal-qalba tal-ġewż tal-palm u d-derivattivi tagħhom

Is-sustanzi mdaħħla li jintużaw fil-prodotti li ġejjin miż-żejt tal-palm jew miż-żejt tal-qalba tal-ġewż tal-palm għandhom jinkisbu minn pjantaġġuni li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' skema ta' ċertifikazzjoni għall-produzzjoni sostenibbli li hija bbażata fuq organizzazzjonijiet b'diversi partijiet interessati u li għandha sħubija mifruxa, inklużi l-NGOs, l-industrija u l-gvern u li tindirizza l-impatti ambjentali inklużi dawk fuq il-ħamrija, il-bijodiversità, il-ħażniet tal-karbonju organiku u l-konservazzjoni tar-riżorsi naturali.

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi evidenza permezz ta' ċertifikati mingħand partijiet terzi u katina ta' kustodja li ż-żejt tal-palm u ż-żejt tal-qalba tal-ġewż tal-palm li jintużaw fil-manifattura tas-sustanzi mdaħħla jkunu ġejjin minn pjantaġġuni li huma mmaniġġjati b'mod sostenibbli.

Ċertifikati aċċettati jinħtieġ li jinkludu d-Diskussjonijiet Madwar Mejda Tonda dwar iż-Żejt tal-Palm Sostenibbli msejħa “Roundtable for Sustainable Palm Oil (RSPO)” (b'identità ppriżervata, segregata jew bilanċ tal-massa) jew kwalunkwe skema ta' produzzjoni sostenibbli ekwivalenti jew aktar stretta.

Għad-derivattivi kimiċi taż-żejt tal-palm u għaż-żejt tal-qalba tal-ġewż tal-palm, għandu jkun biżżejjed li tintwera sostenibbiltà permezz ta' sistemi “book&claim” bħalma huma ċ-ċertifikati GreenPalm jew ekwivalenti billi jingħataw l-ammonti ddikjarati tal-ACOP (l-Kommunikazzjonijiet ta' Progress Annwali) taċ-ċertifikati GreenPalm akkwistati jew mifdija matul il-perjodu ta' negozjar annwali l-aktar riċenti.

Kriterju 5 — Sustanzi esklużi u ristretti

(a)   Sustanzi esklużi u ristretti speċifikati

(i)   Sustanzi esklużi

Is-sustanzi indikati hawn taħt ma għandhomx jiġu inklużi fil-formulazzjoni tal-prodott irrispettivament mill-konċentrazzjoni:

Alkilfenoletossilati (APEOs) u derivattivi oħra tal-alkilfenol;

Atranol;

Kloroatranol;

Aċidu dietilenetriamminapentaaċetiku (DTPA);

Aċidu etilendiamminatetraaċetiku (EDTA) u l-imluħa tiegħu;

Il-formaldeid u r-rilaxxaturi tiegħu (pereż. 2-bromo-2-nitropropan-1,3-diol, 5-bromo-5-nitro-1,3-diossan, idrossimetilgliċinat tas-sodju, diażolidinilurea) bl-eċċezzjoni ta' impuritajiet tal-formaldeid f'aġenti tensjoattivi bbażati fuq il-kimika tal-polialkoksi sa konċentrazzjoni ta' 0,010 % tal-piż skont il-piż fis-sustanza mdaħħla;

Glutaraldeid;

Idrossisoeżil 3-ċikloeżen karboksaldeid (HICC);

Mikroplastiċi;

Nanofidda;

Nitromiski u miski poliċikliċi;

Fosfati;

Alkaliti perfluworurati;

Imluħa kwaternarji tal-ammonju mhux faċilment bijodegradabbli;

Komposti reattivi tal-kloru;

Rodamina B;

Triklosan;

Butilkarbamat tat-3-jodo-2-propinil.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata u jekk ikun xieraq, bl-appoġġ ta' dikjarazzjonijiet tal-fornituri, li jikkonfermaw li s-sustanzi elenkati ma ġewx inklużi fil-formulazzjoni tal-prodott, irrispettivament mill-konċentrazzjoni.

(ii)   Sustanzi ristretti

Is-sustanzi indikati hawn taħt ma għandhomx jiġu inklużi fil-formulazzjoni tal-prodott f'konċentrazzjonijiet ikbar minn dawk indikati:

2-Metil-2H-iżotijażol-3-on: 0,0050 % tal-piż skont il-piż;

1,2-Benżiżotijażol-3(2H)-on: 0,0050 % tal-piż skont il-piż;

5-kloro-2-metil-4-iżotijażolin-3-on/2-metil-4-iżotijażolin-3-on: 0,0015 % tal-piż skont il-piż.

Il-kontenut totali ta' fosforu (P) ikkalkolat bħala P elementali għandu jkun limitat għal:

0,04 g/kg ta' ħwejjeġ għall-ħasil għad-deterġenti tal-ħwejjeġ;

0.005 g/kg ta' ħwejjeġ għall-ħasil għall-aġenti li jneħħu t-tbajja'.

Sustanzi tal-fwejjaħ soġġetti għar-rekwiżit ta' dikjarazzjoni stipulat fir-Regolament (KE) Nru 648/2004 ma għandhomx ikunu preżenti fi kwantitajiet ≥ 0,010 % tal-piż skont il-piż għal kull sustanza.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dawn id-dokumenti:

(a)

Jekk jintużaw l-isotijażolinoni, dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata u jekk ikun xieraq, bl-appoġġ ta' dikjarazzjonijiet tal-fornituri, li jikkonfermaw li l-kontenut ta' isotijażolinoni użati huwa ekwivalenti għal-limiti stabbiliti jew inqas;

(b)

Dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata u jekk ikun xieraq, bl-appoġġ ta' dikjarazzjonijiet tal-fornituri, li jikkonfermaw li l-ammont totali ta' P elementali huwa ekwivalenti għal-limiti stabbiliti jew inqas; Id-dikjarazzjoni għandha tiġi appoġġjata bil-kalkoli tat-total ta' kontenut P tal-prodott;

(c)

Dikjarazzjoni tal-konformità ffirmata, u jekk ikun xieraq, bl-appoġġ ta' dikjarazzjonijiet jew dokumentazzjoni mingħand il-fornituri, li jikkonfermaw li ma hemmx sustanzi tal-fwejjaħ soġġetti għar-rekwiżit tad-dikjarazzjoni stipulat fir-Regolament (KE) Nru 648/2004 li jaqbżu l-limiti stabbiliti.

(b)   Sustanzi perikolużi

(i)   Prodott finali

Il-prodott finali ma għandux jiġi klassifikat u tikkettat bħala tossiku akut, bħala sustanza tossika speċifika għal organi ta' mira, bħala sensitizzatur respiratorju jew tal-ġilda jew bħala prodott karċinoġenu, mutaġenu jew tossiku għar-riproduzzjoni, jew bħala prodott perikoluż għall-ambjent akkwatiku, kif definiti fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u skont il-lista fit-Tabella 2.

(ii)   Sustanzi mdaħħla

Il-prodott ma għandux ikollu sustanzi mdaħħla f'limitu tal-konċentrazzjoni ta' 0,010 % jew iktar tal-piż skont il-piż fil-prodott finali li jilħqu l-kriterji tal-klassifikazzjoni bħala tossiċi, perikolużi għall-ambjent akkwatiku, sensitizzaturi respiratorji jew tal-ġilda jew karċinoġeni, mutaġeni jew tossiċi għar-riproduzzjoni, skont l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u skont il-lista fit-Table 2.

Meta jkunu aktar stretti, il-limiti ġeneriċi jew speċifiċi tal-konċentrazzjoni ddeterminati skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 għandhom jieħdu preċedenza.

Tabella 2

Il-klassifikazzjonijiet ristretti tal-periklu u t-tqassim tagħhom f'kategoriji

Tossiċità akuta

Kategoriji 1 u 2

Kategorija 3

H300 Fatali jekk jinbela'

H301 Tossiku jekk jinbela'

H310 Fatali jekk imiss mal-ġilda

H311 Tossiku jekk imiss mal-ġilda

H330 Fatali jekk jinġibed man-nifs

H331 Tossiku jekk jinġibed man-nifs

H304 Jaf ikun fatali jekk jinbela' u jmur fil-pajp tan-nifs

EUH070 Tossiku jekk imiss mal-għajnejn

Tossiċità speċifika għal organi ta' mira

Kategorija 1

Kategorija 2

H370 Jagħmel ħsara lill-organi

H371 Jaf jagħmel ħsara lill-organi

H372 Jagħmel ħsara lill-organi jekk jiġu esposti għalih fit-tul jew kemm-il darba

H373 Jaf jagħmel ħsara lill-organi jekk jiġu esposti għalih fit-tul jew kemm-il darba

Sensitizzazzjoni respiratorja u tal-ġilda

Kategorija 1 A/1

Kategorija 1B

H317 Jistgħu jikkawżaw reazzjoni allerġika tal-ġilda

H317 Jistgħu jikkawżaw reazzjoni allerġika tal-ġilda

H334 Jistgħu jikkawżaw sintomi ta' allerġija jew ta' ażma jew diffikultajiet biex jittieħed in-nifs jekk jinxtammu

H334 Jistgħu jikkawżaw sintomi ta' allerġija jew ta' ażma jew diffikultajiet biex jittieħed in-nifs jekk jinxtammu

Karċinoġenu, mutaġenu jew tossiku għar-riproduzzjoni

Kategoriji 1 A u 1B

Kategorija 2

H340 Jaf jikkawża difetti ġenetiċi

H341 Suspettat li jikkawża difetti ġenetiċi

H350 Jaf jikkawża l-kanċer

H351 Suspettat li jikkawża l-kanċer

H350i Jaf jikkawża l-kanċer jekk jinġibed man-nifs

 

H360F Jaf jagħmel ħsara lill-fertilità

H361f Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità

H360D Jaf jagħmel ħsara lit-tarbija fil-ġuf

H361d Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija fil-ġuf

H360FD Jaf jagħmel ħsara lill-fertilità. Jaf jagħmel ħsara lit-tarbija fil-ġuf

H361fd Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità. Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija fil-ġuf

H360Fd Jaf jagħmel ħsara lill-fertilità. Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija fil-ġuf

H362 Jaf jagħmel ħsara lit-tfal imreddgħa

H360Df Jaf jagħmel ħsara lit-tarbija fil-ġuf. Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità

 

Perikoluż għall-ambjent akkwatiku

Kategoriji 1 u 2

Kategoriji 3 u 4

H400 Tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi

H412 Jagħmel ħsara lill-organiżmi akkwatiċi u jħalli effetti fit-tul

H410 Tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi u jħalli effetti fit-tul

H413 Jaf iħalli effetti fil-tul lill-organiżmi akkwatiċi

H411 Tossiku għall-organiżmi akkwatiċi u jħalli effetti fit-tul

 

Perikoluż għas-saff tal-ożonu

H420 Perikoluż għas-saff tal-ożonu

 

Dan il-kriterju ma japplikax għal sustanzi mdaħħla li jkopri l-Artikolu 2(7)(a) u (b) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, li jistabbilixxi kriterji għall-eżenzjoni ta' sustanzi li hemm l-Annessi IV u V ta' dan ir-Regolament mir-reġistrazzjoni, mill-obbligi tal-utent downstream u mir-rekwiżiti tal-evalwazzjoni. Sabiex isib jekk dik l-esklużjoni tkunx tapplika, l-applikant għandu jgħarrex għal kull sustanza mdaħħla li tkun preżenti f'konċentrazzjoni aktar minn 0,010 % tal-piż skont il-piż.

Is-sustanzi u t-taħlitiet fit-Table 3 huma eżentati mill-punt (b)(ii) tal-Kriterju 5.

Tabella 3

Sustanzi derogati

Sustanza

Dikjarazzjoni tal-Periklu

Aġenti tensjoattivi

H400 Tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi

H412 Jagħmel ħsara lill-organiżmi akkwatiċi u jħalli effetti fit-tul

Subtiliżina

H400 Tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi

H411 Tossiku għall-organiżmi akkwatiċi u jħalli effetti fit-tul

Enżimi (*2)

H317 Jistgħu jikkawżaw reazzjoni allerġika tal-ġilda

H334 Jistgħu jikkawżaw sintomi ta' allerġija jew ta' ażma jew diffikultajiet biex jittieħed in-nifs jekk jinxtammu

ε-aċidu ftalimido perossieżanoiku (PAP) użat bħala aġent għall-ibbliċjar f'konċentrazzjoni massima ta' 0,6 g/kg ta' ħwejjeġ għall-ħasil

H400 Tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi

H412 Jagħmel ħsara lill-organiżmi akkwatiċi u jħalli effetti fit-tul

NTA bħala impurità f'MGDA u GLDA (*3)

H351 Suspettat li jikkawża l-kanċer

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu juri konformità ma' dan il-kriterju għall-prodott finali u għal kull sustanza mdaħħla li jkun hemm f'konċentrazzjoni akbar minn 0,010 % tal-piż skont il-piż fil-prodott finali. L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata u jekk ikun xieraq, bl-appoġġ tad-dikjarazzjonijiet tal-fornituri, jew SDS li jikkonfermaw li l-ebda waħda minn dawn is-sustanzi ma tissodisfa l-kriterji għall-klassifikazzjoni b'waħda jew aktar mid-dikjarazzjonijiet tal-periklu elenkati fit-Table 2 fil-forma jew forom u fl-istat(i) fiżiku/fiżiċi kif inhuma preżenti fil-prodott.

Għas-sustanzi mniżżla fl-Annessi IV u V tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, li huma eżentati mill-obbligi tar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 2(7)(a) u (b) ta' dak ir-Regolament, ikun biżżejjed li tingħata dikjarazzjoni tal-applikant għall-konformità.

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata u jekk ikun xieraq, bl-appoġġ ta' dikjarazzjonijiet tal-fornituri, li jikkonfermaw il-preżenza ta' sustanzi mdaħħla li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tad-deroga.

(c)   Sustanzi ta' tħassib serju ħafna (SVHCs)

Il-prodott finali ma għandux ikun fih sustanzi mdaħħla li ġew identifikati skont il-proċedura deskritta fl-Artikolu 59(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, li jistabbilixxi l-lista tal-kandidati għal sustanzi ta' tħassib serju ħafna.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata u jekk ikun xieraq, bl-appoġġ ta' dikjarazzjonijiet tal-fornituri, jew SDS li jikkonfermaw li ebda waħda mis-sustanzi fil-lista tal-kandidati mhi preżenti.

Fid-data tal-applikazzjoni għandha ssir referenza għall-aħħar aġġornament tal-lista tas-sustanzi identifikati bħala sustanzi ta' tħassib serju ħafna.

(d)   Fwejjaħ

Kull sustanza mdaħħla miżjuda mal-prodott bħala fwieħa għandha tkun immanifatturata u mmaniġġjata skont il-kodiċi tal-prattika tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Fwejjaħ (IFRA) (5). Il-manifattur għandu jimxi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Istandards tal-IFRA fejn jidħlu l-projbizzjoni, l-użu ristrett u l-kriterji tal-purità speċifikati għas-sustanzi.

Valutazzjoni u verifika: il-fornitur jew il-manifattur tal-fwejjaħ, skont kif xieraq, għandu jipprovdi dikjarazzjoni tal-konformità ffirmata.

(e)   Priżervattivi

(i)

Il-prodott jista' jinkludi biss priżervattivi sabiex jippreżervaw il-prodott, u fid-dożaġġ xieraq għal dan l-iskop biss. Dan ma japplikax għall-aġenti tensjoattivi, li jista' jkollhom ukoll proprjetajiet bijoċidali.

(ii)

Il-prodotti jista' jkun fihom priżervattivi diment li dawn ma jkunux bijoakkumulattivi. Priżervattiv jitqies mhux bijoakkumulattiv jekk il-valur BCF ikun < 100 jew il-valur log Kow ikun < 3,0. Jekk il-valur BCF u l-valur log Kow ikunu disponibbli t-tnejn, għandu jintuża l-ogħla valur BCF imkejjel.

(iii)

Huwa pprojbit li jkun iddikjarat jew issuġġerit fuq l-imballaġġ jew bi kwalunkwe komunikazzjoni oħra li l-prodott jaġixxi kontra l-mikrobi jew għandu effett diżinfettanti.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata u jekk ikun xieraq, bl-appoġġ ta' dikjarazzjonijiet tal-fornituri, flimkien mal-SDS ta' kull priżervattiv miżjud, u informazzjoni dwar il-valur BCF jew log Kow tiegħu. L-applikant għandu wkoll jipprovdi l-grafika tal-imballaġġ.

(f)   Aġenti koloranti

L-aġenti koloranti fil-prodott ma għandhomx ikunu bijoakkumulattivi.

Aġent kolorant jitqies mhux bijoakkumulattiv jekk il-valur tal-BCF ikun < 100 jew il-valur log Kow ikun < 3,0. Jekk il-valur BCF u l-valur log Kow ikunu disponibbli t-tnejn, għandu jintuża l-ogħla valur ta' BCF imkejjel. Jekk l-aġenti koloranti jkunu approvati biex jintużaw fl-ikel, mhemmx bżonn li titressaq dokumentazzjoni dwar il-potenzjal bijoakkumulattiv.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata u jekk ikun xieraq, bl-appoġġ ta' dikjarazzjonijiet tal-fornituri, flimkien mal-SDS ta' kull aġent kolorant miżjud, u informazzjoni dwar il-valur BCF jew log Kow tiegħu, jew dokumentazzjoni li tiżgura li l-aġent kolorant huwa approvat biex jintuża fl-ikel.

(g)   Enżimi

Għandhom jintużaw biss enżimi inkapsulati (f'forma solida) u enżimi f'forma likwida jew sospensjonijiet magħquda.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata u jekk ikun xieraq, bl-appoġġ ta' dikjarazzjonijiet tal-fornituri, flimkien mal-SDS ta' kull enżima miżjuda.

Kriterju 6 — L-imballaġġ

(a)   Proporzjon piż/utilità (weight/utility ratio, WUR)

Il-proporzjon piż/utilità (WUR) tal-prodott għandu jiġi kkalkulat għall-imballaġġ primarju biss u ma għandux jaqbeż dawn il-valuri għad-dożaġġ ta' referenza.

Tip ta' prodott

WUR

(g/kg ta' ħwejjeġ għall-ħasil)

Deterġenti tal-ħwejjeġ fil-forma ta' trab

Deterġenti tal-ħwejjeġ fil-forma ta' tablet jew kapsula

1,2

Deterġenti tal-ħwejjeġ fil-forma ta' likwidu/ġel (mhux tablets jew kapsuli)

1,4

Aġent li jneħħi t-tbajja' (pretrattament biss)

1,2

Imballaġġ primarju magħmul minn iktar minn 80 % ta' materjal riċiklat huwa eżentat minn dan ir-rekwiżit.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi kalkolu tal-WUR tal-prodott. Jekk il-prodott jinbiegħ f'imballaġġi differenti, jiġifieri b'volumi differenti, għandu jitressaq il-kalkolu għal kull daqs tal-imballaġġ li għalih trid tingħata l-Ekotikketta tal-UE.

Il-WUR jiġi kkalkulat kif ġej:

WUR = Σ [(Wi + Ui)/(Di * Ri)]

Fejn:

Wi

:

il-piż (g) tal-imballaġġ primarju (i);

Ui

:

il-piż (g) tal-imballaġġ riċiklat mhux wara l-użu fl-imballaġġ primarju (i). Ui = Wi sakemm l-applikant ma jistax juri mod ieħor;

Di

:

l-għadd ta' dożi ta' referenza fl-imballaġġ primarju (i);

Ri

:

indiċi tar-rikariki. Ri = 1 (l-imballaġġ ma jerġax jintuża għall-istess skop) jew Ri = 2 (jekk l-applikant ma jiddokumentax li l-kontenut tal-imballaġġ jista' jerġa' jintuża għall-istess skop u jinbiegħu r-rikariki).

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata li tikkonferma l-kontenut ta' materjal riċiklat wara l-użu, flimkien mad-dokumentazzjoni rilevanti. L-imballaġġ jitqies bħala riċiklat wara l-użu jekk il-materja prima li tintuża għall-imballaġġ tkun inġabret minn manifatturi tal-imballaġġ fl-istadju tad-distribuzzjoni jew fl-istadju tal-konsumatur.

(b)   Disinjar għar-riċiklaġġ

L-imballaġġ tal-plastik għandu jiġi ddisinjat b'mod li jiffaċilita r-riċiklaġġ effettiv billi jiġu evitati kontaminanti u materjali inkompatibbli potenzjali li huma magħrufin li jfixklu s-separazzjoni jew l-ipproċessar mill-ġdid jew li jnaqqsu l-kwalità tal-materjal riċiklat. Weħidhom jew flimkien, it-tikketta jew “Shrink wrap”, it-tapp u meta applikabbli, il-kisjiet tal-protezzjoni ma għandhomx jinkludu l-materjali u l-komponenti mniżżlin fit-Table 4. Il-mekkaniżmi tal-pompi (inklużi dawk tal-isprejs) huma eżentati minn dan ir-rekwiżit.

Tabella 4

Materjali u komponenti li ma għandux ikun hemm fost l-elementi tal-imballaġġ

Element tal-imballaġġ

Materjali u komponenti esklużi (*4)

Tikketta jew “Shrink wrap”

Tikketta jew “Shrink wrap” PS flimkien ma' flixkun PET, PP jew HDPE

Tikketta jew “Shrink wrap” PVC flimkien ma' flixkun PET, PP jew HDPE

Tikketta jew “Shrink wrap” PETG flimkien ma' flixkun PET

Kwalunkwe materjal tal-plastik ieħor għal “Shrink wraps”/għat-tikketti b'densità > 1 g/cm3 użat għal flixkun PET

Kwalunkwe materjal tal-plastik ieħor għal “Shrink wraps”/għat-tikketti b'densità < 1 g/cm3 użat għal flixkun PP jew HDPE

Tikketti jew “Shrink wraps” metallizzati jew iwweldjati mal-qafas tal-imballaġġ (tikketta fonduta)

Tapp

Tapp PS flimkien ma' flixkun PET, HDPE jew PP

Tapp PVC flimkien ma' flixkun PET, PP jew HDPE

Tappijiet jew materjal tat-tappijiet PETG b'densità > 1 g/cm3 flimkien ma' flixkun PET

Tappijiet tal-metall, tal-ħġieġ, tal-EVA, li ma jisseparawx ruħhom faċilment minn mal-flixkun

Tappijiet tas-silikon. Ħlief tappijiet tas-silikon b'densità < 1 g/cm3 flimkien ma' flixkun PET u tappijiet tas-silikon b'densità > 1 g/cm3 flimkien ma' flixkun PEHD jew PP.

Folji jew siġilli tal-metall li meta jinfetaħ il-prodott xorta jibqgħu mwaħħla mal-flixkun jew mat-tapp tiegħu

Kisjiet tal-protezzjoni

Poliammid, poliolefini funzjonali, kisjiet ta' lqugħ metallizzati u ħfief

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata u li tispeċifika l-kompożizzjoni tal-materjal tal-imballaġġ inklużi l-kontenitur, it-tikketta jew “Shrink wrap”, il-kolol, it-tapp, u l-kisja tal-protezzjoni, jekk ikun xieraq, kif ukoll ritratti jew disinni tal-imballaġġ primarju.

Kriterju 7 — Adegwatezza għall-użu

Il-prodott għandu jkollu prestazzjoni ta' ħasil sodisfaċenti fl-inqas temperatura u dożaġġ rakkomandati mill-manifattur għall-ebusija tal-ilma skont “Il-protokoll tal-Ekotikketta tal-UE għall-ittestjar tad-deterġenti tal-ħwejjeġ” (6) jew “Il-protokoll tal-Ekotikketta tal-UE għall-ittestjar tal-aġenti li jneħħu t-tbajja” (7), kif ikun xieraq, disponibbli fis-sit elettroniku tal-Ekotikketta tal-UE.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dokumentazzjoni li turi li l-prodott ġie ttestjat fil-kundizzjonijiet imniżżla fil-protokoll u li r-riżultati wrew li l-prodott laħaq tal-inqas il-prestazzjoni minima tal-ħasil meħtieġa. L-applikant għandu jipprovdi wkoll dokumentazzjoni li turi l-konformità mar-rekwiżiti tal-laboratorju li hemm fl-istandards armonizzati rilevanti tal-laboratorji tal-ittestjar u l-kalibrazzjoni, jekk ikun xieraq.

Jista' jintuża test tal-prestazzjoni ekwivalenti jekk l-ekwivalenza tiġi vvalutata u aċċettata mill-korp kompetenti.

Kriterju 8 — Informazzjoni għall-utenti

Il-prodott għandu jkollu miegħu struzzjonijiet dwar l-użu xieraq biex tittejjeb kemm jista' jkun il-prestazzjoni tal-prodott u jitnaqqas kemm jista' jkun l-iskart, filwaqt li t-tniġġis tal-ilma u l-użu tar-riżorsi jitnaqqsu wkoll. Dawn l-istruzzjonijiet għandhom ikunu jistgħu jinqraw faċilment jew jinkludu disinni jew simboli, u għandu jkollhom informazzjoni dwar dawn:

(a)

Struzzjonijiet dwar id-dożaġġ

L-applikant għandu jieħu passi xierqa biex jgħin lill-konsumaturi jirrispettaw id-doża rakkomandata, billi jipprovdilhom struzzjonijiet dwar id-dożaġġ u sistema ta' ddożar konvenjenti (pereż. tappijiet).

L-istruzzjonijiet dwar id-dożaġġ għandhom jinkludu infomazzjoni dwar id-doża rakkomandata għal ħasla standard għal mill-inqas żewġ livelli ta' ħmieġ u dwar l-impatt tal-ebusija tal-ilma fuq id-doża.

Għandhom jingħataw indikazzjonijiet dwar l-ikbar prevalenza tal-ebusija tal-ilma fiż-żona fejn il-prodott ikun maħsub li jitqiegħed fis-suq jew fejn tista' tinstab din l-infomazzjoni.

(b)

Informazzjoni dwar ir-rimi tal-imballaġġ

L-imballaġġ primarju għandu jinkludi informazzjoni dwar l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u r-rimi korrett tal-imballaġġ.

(c)

Informazzjoni ambjentali

Fuq l-imballaġġ primarju għandu jkun hemm test li jispjega l-importanza li jintużaw id-dożaġġ korrett u l-inqas temperatura rakkomandata (li ma għandhiex tkun ogħla minn 30 °C) u ħasliet sħaħ biex jitnaqqsu kemm jista' jkun il-konsum tal-enerġija u tal-ilma u t-tniġġis tal-ilma.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata flimkien ma' kampjun tat-tikketta tal-prodott.

Kriterju 9 — L-informazzjoni li tidher fuq l-Ekotikketta tal-UE

Il-logo għandu jkun viżibbli u leġibbli. In-numru tar-reġistrazzjoni/tal-liċenzja tal-Ekotikketta tal-UE għandhom jidhru fuq il-prodott u għandhom ikunu leġibbli u viżibbli b'mod ċar.

L-applikant jista' jagħżel li jinkludi fuq it-tikketta kaxxa testwali bil-kliem li ġej:

Impatt limitat fuq l-ambjent akkwatiku;

Ammont ristrett ta' sustanzi perikolużi;

Ittestjat għall-prestazzjoni tal-ħasil tiegħu f'temperatura ta' 30 °C (*).

(*)

Jekk il-prodott ġie ttestjat f'temperatura ta' 15 jew 20 °C fil-Kriterju 7, l-applikant jista' jibdel it-temperatura indikata skont dan.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni tal-konformità ffirmata flimkien ma' kampjun tat-tikketta tal-prodott jew tal-grafika tal-imballaġġ fejn titqiegħed l-Ekotikketta tal-UE, flimkien ma' dikjarazzjoni tal-konformità ffirmata.


(1)  Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).

(*1)  “l-ebda limitu” tfisser: irrispettivament mill-konċentrazzjoni, is-sustanzi kollha miżjuda bi ħsieb, prodotti sekondarji u impuritajiet mill-materja prima

N/A mhux applikabbli

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, it-tikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).

(4)  Sustanza titqies mhux bijoakkumulattiva jekk il-valur tal-BCF ikun < 100 jew il-valur log Kow ikun < 3,0. Jekk il-valur BCF u l-valur log Kow ikunu disponibbli t-tnejn, għandu jintuża l-ogħla valur ta' BCF imkejjel.

(*2)  Inklużi stabbilizzaturi u sustanzi awżiljari oħrajn fil-preparazzjonijiet.

(*3)  F'konċentrazzjonijiet aktar baxxi minn 0,2 % fil-materja prima sakemm il-konċentrazzjoni totali fil-prodott finali tkun aktar baxxa minn 0,10 %.

(5)  Disponibbli fis-sit elettroniku tal-IFRA: http://www.ifraorg.org.

(*4)  EVA — Etilenvinilaċetat, HDPE — Polietilen b'densità għolja, PET — Poli etilentereftalat, PETG — Polietilentereftalat glikol-modifikat, PP — Polipropilen, PS — Polistiren, PVC — Polivinilklorur

(6)  Disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/environment/ecolabel/documents/Performance%20Test%20Laundry%20Detergents.pdf.

(7)  Disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/environment/ecolabel/documents/Performance%20Test%20stain%20removers.pdf.