25.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 138/131


DEĊIŻJONI (UE) 2017/899 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-17 ta' Mejju 2017

dwar l-użu tal-banda ta' frekwenzi 470–790 MHz fl-Unjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Fil-programm pluriennali tal-politika tal-ispettru tar-radju (“SPP” — radio spectrum policy programme) stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE (3), il-Parlament Ewropew u l-Kunsill stabbilixxew l-għanijiet li jiġu identifikati tal-inqas 1 200 MHz ta' spettru adatt għal servizzi ta' komunikazzjoni elettronika broadband mingħajr fili fl-Unjoni sal-2015, li jingħata appoġġ għall-iżvilupp ulterjuri ta' servizzi tax-xandir innovattivi billi jiġi żgurat spettru suffiċjenti għall-provvista satellitari u terrestri ta' tali servizzijekk il-ħtieġa tkun sostanzjata b'mod ċar, u li jiġi żgurat spettru suffiċjenti għal ħolqien ta' programmi u avvenimenti speċjali (“PMSE” — programme-making and special events).

(2)

Fil-Komunikazzjoni tas-6 ta' Mejju 2015 intitolata “Strateġija għas-suq uniku diġitali għall-Ewropa”, il-Kummissjoni enfasizzat l-importanza tal-banda ta' frekwenzi 694–790 MHz (“700 MHz”) biex tiżgura l-provvista ta' servizzi tal-broadband f'żoni rurali sabiex jiġu żgurati l-aċċess u l-konnettività, u enfasizzat il-ħtieġa għal rilaxx ikkoordinat ta' dik il-banda ta' frekwenzi, filwaqt li takkomoda l-ħtiġijiet speċifiċi tad-distribuzzjoni tas-servizzi tax-xandir. It-tnaqqis tad-distakk diġitali, f'termini kemm ta' kopertura kif ukoll ta' għarfien, huwa aspett importanti li jrid ikun prijorità, mingħajr ma jinħolqu distakki ġodda meta l-utenti jibdew jużaw teknoloġiji ġodda.

(3)

Il-ġestjoni effettiva tal-ispettru hija kondizzjoni għall-bidla industrijali għall-5G, li kieku tqiegħed lill-Unjoni fiċ-ċentru tal-innovazzjoni u toħloq ambjent favorevoli biex in-netwerks u s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika jiżviluppaw, u b'hekk jiġi massimizzat il-potenzjal ta' tkabbir tal-ekonomija diġitali. L-ekonomija tal-Unjoni ser ikollha dejjem iżjed lis-soċjetà diġitali fil-qalba tagħha, u dan jirrikjedi kopertura universali tan-netwerk sabiex jiġu żviluppati servizzi relatati mal-Internet tal-Oġġetti, il-kummerċ elettroniku, u s-servizzi ta' cloud Ewropej, u sabiex jinkisbu l-benefiċċji sħaħ ta' Industrija 4.0 madwar l-Unjoni.

(4)

Il-banda ta' frekwenzi 700 MHz tirrappreżenta opportunità għal spettru armonizzat u kkoordinat globalment għall-broadband mingħajr fili li joffri ekonomiji ta' skala. Jenħtieġ li din tippermetti li jiġu żviluppati servizzi diġitali innovattivi ġodda f'żoni urbani u f'żoni rurali jew remoti, bħas-Saħħa Elettronika u s-Saħħa Mobbli, appoġġati minn telefowns ċellulari, apparati għall-monitoraġġ tal-pazjenti u apparati oħra mingħajr fili, kif ukoll grilji intelliġenti tal-enerġija.

(5)

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 intitolata “Lejn Att dwar is-Suq Uniku Diġitali”, il-Parlament Ewropew fakkar lill-Istati Membri dwar l-impenn tagħhom li sal-2020, jilħqu l-introduzzjoni sħiħa ta' mill-inqas il-veloċitajiet minimi fil-mira ta' 30 Mbps, enfasizza li l-ispettru tar-radju huwa riżorsa kritika għas-suq intern għall-komunikazzjonijiet mingħajr fili, broadband mingħajr fili, kif ukoll għax-xandir, u huwa essenzjali għall-kompetittività futura tal-Unjoni u talab, bħala prijorità, għal qafas armonizzat li huwa favur il-kompetizzjoni għall-allokazzjoni tal-ispettru u għall-ġestjoni effettiva tal-ispettru.

(6)

L-ispettru huwa bene pubbliku. Fil-banda ta' frekwenzi 470–790 MHz, huwa vantaġġ siewi għall-introduzzjoni kosteffiċjenti ta' netwerks mingħajr fili b'kopertura universali fuq ġewwa u fuq barra. Dak l-ispettru bħalissa qed jintuża fl-Unjoni kollha għat-televiżjoni diġitali terrestri (“DTT” — digital terrestrial television) u tal-PMSE tal-awdjo mingħajr fili. Għaldaqstant, huwa prerekwiżit għall-aċċess għal kontenut kulturali u ta' informazzjoni u ideat u d-disseminazzjoni tagħom. Huwa jappoġġa, b'mod parallel ma' forom ġodda ta' distribuzzjoni, l-iżvilupp tal-mezzi tal-midja, u tas-setturi kreattivi, kulturali u tar-riċerka, li jiddependu b'mod estensiv fuq din għall-provvista mingħajr fili tal-kontenut lill-utenti aħħarin.

(7)

Jenħtieġ li l-assenjazzjoni tal-banda ta' frekwenzi 700 MHz tkun strutturata b'tali mod li tiffaċilita l-kompetizzjoni u jenħtieġ li titwettaq b'mod li ma jxekkilx il-kompetizzjoni eżistenti.

(8)

Għar-Reġjun 1, li jinkludi l-Unjoni, ir-Regolamenti tar-Radju tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni adottati mill-Konferenza Dinjija dwar ir-Radjukomunikazzjoni fl-2015, jipprovdu għall-allokazzjoni tal-banda ta' frekwenzi 700 MHz għas-servizzi tax-xandir u tal-mowbajls (ħlief il-mowbajl aeronawtiku) fuq bażi koprimarja.,Il-banda ta' frekwenzi 470–694 MHz (“taħt 700 MHz”) tibqa' allokata esklużivament għas-servizzi tax-xandir fuq bażi primarja u għall-użu tal-awdjo mingħajr fili tal-PMSE fuq bażi sekondarja.

(9)

Minħabba t-traffiku tal-broadband mingħajr fili li qed jikber b'mod rapidu u l-importanza ekonomika, industrijali u soċjali dejjem akbar tal-ekonomija diġitali, il-kapaċità msaħħa tan-netwerk mingħajr fili saret neċessità. Spettru fil-banda ta' frekwenzi 700 MHz jipprovdi kemm kapaċità addizzjonali kif ukoll kopertura universali, b'mod partikolari għaż-żoni rurali, muntanjużi, u insulari ekonomikament diffiċli kif ukoll żoni remoti oħra, predeterminati skont żoni li huma prijorità nazzjonali, inkluż matul rotot tat-trasport terrestri kbar, u għall-użu ġewwa u għal komunikazzjonijiet tat-tip mekkanizzat fuq firxa wiesgħa. F'dak il-kuntest, jenħtieġ li l-miżuri koerenti u kkoordinati għal kopertura terrestri mingħajr fili ta' kwalità għolja madwar l-Unjoni, msejsa fuq l-aħjar prattiki nazzjonali għall-obbligi ta' liċenzja tal-operaturi, jimmiraw li jilħqu l-objettiv tal-RSPP li ċ-ċittadini kollha madwar l-Unjoni jkollhom aċċess, kemm ġewwa kif ukoll barra, għall-veloċitajiet l-aktar rapidi tal-broadband ta' mhux anqas minn 30 Mbps sal-2020, u jenħtieġ li jimmiraw li jiksbu viżjoni ambizzjuża għal soċjetà gigabit fl-Unjoni. Tali miżuri ser jippromwovu servizzi diġitali innovattivi u jiżguraw benefiċċji soċjoekonomiċi fit-tul.

(10)

Il-5G ser ikollu impatt kbir mhux biss fuq is-settur diġitali, iżda wkoll fuq l-ekonomiji b'mod ġenerali. It-tnedija b'suċċess tal-5G fl-Unjoni ser tkun kruċjali għall-iżvilupp ekonomiku u għall-kompetittività u l-produttività tal-ekonomija tal-Unjoni, b'mod partikolari fid-dawl tal-introduzzjoni bil-mod tal-4G u s-servizzi korrispondenti,. Għalhekk l-Unjoni teħtieġ tkun fuq quddiem billi tiżgura spettru suffiċjenti għat-tnedija u l-iżvilupp b'suċċess tal-5G. Barra minn hekk, jenħtieġ li meta jawtorizzaw l-użu tal-banda ta' frekwenzi 700 MHz, l-Istati Membri jikkunsidraw l-opportunità biex jiżguraw li l-operaturi ta' netwerk virtwali mobbli jkunu jistgħu jżidu l-kopertura ġeografika tagħhom. Jenħtieġ li l-Kummissjoni, fejn ikun fattibbli, tiffaċilita l-għażla li jsiru rkanti organizzati b'mod konġunt, meta Stat Membru hekk jitolb, biex b'hekk tikkontribwixxi għall-istrutturi pan-Ewropej.

(11)

Il-kondiviżjoni tal-ispettru fi ħdan banda ta' frekwenzi komuni bejn użu tal-broadband mingħajr fili bidirezzjonali għall-użu fuq żona wiesgħa (uplink u downlink), minn naħa, u xandir televiżiv unidirezzjonali jew użu tal-awdjo mingħajr fili tal-PMSE, min-naħa l-oħra, huwa teknikament diffiċli fejn iż-żoni ta' kopertura tagħhom jirkbu fuq xulxin jew huma qrib. Dan ifisser li l-għoti ta' skop ġdid għall-banda ta' frekwenzi 700 MHz għal servizzi ta' komunikazzjoni elettronika broadband mingħajr fili bidirezzjonali u terrestri, iċaħħad lill-utenti tad-DTT u tal-awdjo mingħajr fili tal-PMSE minn parti tar-riżorsi tal-ispettru tagħhom. Is-setturi tad-DTT u tal-PMSE għalhekk jeħtieġu prevedibbiltà regolatorja fit-tul fir-rigward tad-disponibbiltà ta' spettru suffiċjenti, sabiex ikunu jistgħu jħarsu l-għoti sostenibbli u l-iżvilupp tas-servizzi tagħhom, b'mod partikolari tat-televiżjoni free-to-view, filwaqt li jiżguraw ambjent xieraq għall-investimenti, sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-politika awdjoviżiva tal-Unjoni u nazzjonali bħall-koeżjoni soċjali, il-pluraliżmu tal-mezzi tal-informazzjoni u d-diversità kulturali. Huwa possibli li jkun hemm bżonn ta' miżuri fil-livell tal-Unjoni u f'dak nazzjonali biex jiġu żgurati riżorsi addizzjonali tal-ispettru għall-użu tal-awdjo mingħajr fili tal-PMSE barra l-banda ta' frekwenzi 470–790 MHz.

(12)

Fir-rapport tiegħu lill-Kummissjoni, Pascal Lamy, il-President tal-grupp ta' livell għoli dwar l-użu tal-banda UHF (470–790 MHz) fil-ġejjieni, irrakkomanda li l-banda ta' frekwenzi 700 MHz issir disponibbli għall-broadband mingħajr fili sal-2020 (+/- sentejn). Tali tnedija tgħin biex jintlaħaq l-għan fit-tul ta' prevedibbiltà regolatorja għad-DTT billi tagħmel disponibbli l-banda ta' frekwenzi ta' taħt 700 MHz sal-2030, għalkemm dan ikun irid jiġi rivedut sal-2025.

(13)

Il-Grupp għall-Politika dwar l-Ispettru tar-Radju irrakkomanda fl-opinjoni tiegħu għal strateġija fit-tul għall-użu tal-banda UHF (470–790 MHz) fil-ġejjieni fl-Unjoni Ewropea tad-19 ta' Frar 2015 li jiġi adottat approċċ koordinat fl-Unjoni kollha biex il-banda ta' frekwenzi 700 MHz issir disponibbli għal użu effettiv għal servizzi ta' komunikazzjoni elettronika broadband mingħajr fili sa tmiem l-2020, waqt li nnota li l-Istati Membri, għandhom ikunu jistgħu jiddeċiedu abbażi ta' raġunijiet ġustifikati kif xieraq li jipposponu d-disponibbiltà tal-banda għal mhux aktar minn sentejn. Barra minn hekk, jenħtieġ li d-disponibbiltà tal-banda ta' frekwenzi ta' taħt 700 MHz għall-għoti ta' servizzi tax-xandir tkun żgurata sal-2030.

(14)

Xi Stati Membri diġà nedew jew lestew proċess nazzjonali biex jawtorizzaw l-użu tal-banda ta' frekwenzi 700 MHz għal servizzi ta' komunikazzjoni elettronika broadband mingħajr fili terrestri u bidirezzjonali. Hemm bżonn ta'approċċ koordinat fir-rigward tal-użu futur tal-banda ta' frekwenzi 700 MHz, li jipprovdi ukoll prevedibbiltà regolatorja, jibbilanċja d-diversità bejn l-Istati Membri mal-għanijiet ta' suq uniku diġitali u jippromwovi tmexxija Ewropea fir-rigward tal-iżviluppi tat-teknoloġija internazzjonali. F'dak il-kuntest, jenħtieġ li l-Istati Membri jintalbu li jagħtu skop ġdid lill-banda ta' frekwenzi 700 MHz b'mod f'waqtu skont il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali.

(15)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipposponu, abbażi ta' raġunijiet debitament ġustifikati, li jippermettu l-użu tal-banda ta' frekwenzi 700 MHz għal sistemi terrestri kapaċi li jipprovdu servizzi ta' komunikazzjoni elettronika broadband mingħajr fili lil hinn mill-iskadenza komuni tal-Unjoni tal-2020 għal perijodu massimu ta' sentejn. Jenħtieġ li r-raġunijiet għal tali posponiment ikunu limitati għal kwistjonijiet ta' koordinazzjoni transkonfinali mhux solvuti li jirriżultaw f'interferenzi dannużi, il-ħtieġa li tiġi żgurata migrazzjoni teknika ta' parti kbira tal-popolazzjoni għal standards tax-xandir avvanzati u l-kumplessità tal-iżgurar tagħha, l-ispejjeż finanzjarji tat-transizzjoni li jaqbżu d-dħul mistenni ġġenerat minn proċeduri tal-għoti u l-forza maġġuri. Jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jimminimizzaw l-interferenza dannuża fl-Istati Membri milquta. F'każ li Stati Membri jdewmu l-permess għall-użu tal-banda ta' frekwenzi 700 MHz, jenħtieġ li huma jinformaw lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni b'dan u jinkludu r-raġunijiet debitament ġustifikati għal dan fil-pjanijiet direzzjonali nazzjonali tagħhom. Jenħtieġ li tali Stati Membri u kwalunkwe Stati Membri milquta mid-dewmien jikkooperaw bil-ħsieb li jikkoordinaw il-proċess tar-rilaxx tal-banda ta' frekwenzi 700 MHz u jinkludu informazzjoni dwar din il-koordinazzjoni fil-pjani direzzjonali nazzjonali tagħhom.

(16)

L-użu tal-banda ta' frekwenzi 700 MHz minn applikazzjonijiet oħra f'pajjiżi terzi, kif permess minn ftehimiet internazzjonali jew f'partijiet tat-territorju nazzjonali barra l-kontroll effettiv tal-awtoritajiet tal-Istati Membri, jista' jillimita l-użu tal-banda tal-frekwenza 700 MHz għas-servizzi ta' komunikazzjoni elettronika terrestri broadband mingħajr fili f'xi Stati Membri. Dan jipprevjeni lil dawk l-Istati Membri milli jikkonformaw mal-iskeda komuni stabbilita fil-livell tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-Istati Membri konċernati jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jimminimizzaw id-durata u l-firxa ġeografika ta' dawk il-limitazzjonijiet u jfittxu l-għajnuna tal-Unjoni, fejn meħtieġ, taħt l-Artikolu 10(2) tad-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE. Jenħtieġ li huma jinnotifikaw ukoll lill-Kummissjoni dwar dawn il-limitazzjonijiet skont l-Artikolu 6(2) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), u li l-informazzjoni tiġi ppubblikata f'konformità mal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE.

(17)

Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-miżuri li jittieħdu fil-livell nazzjonali, skont il-liġi tal-Unjoni, li jfittxu li jilħqu għanijiet ta' interess ġenerali, relatati mad-dritt tal-Istati Membri li jorganizzaw u jużaw l-ispettru tagħhom għall-finijiet tal-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika u d-difiża.

(18)

Jenħtieġ li l-użu tal-banda ta' frekwenzi 700 MHz għal servizzi ta' komunikazzjoni elettronika broadband mingħajr fili terrestri jkun soġġett għal sistema ta' awtorizzazzjoni flessibbli mill-aktar fis possibbli. Jenħtieġ li dan jinkludi l-possibbiltà għad-detenturi tad-drittijiet tal-użu tal-ispettru li jittrasferixxu u jwellu d-drittijiet eżistenti tagħhom fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikoli 9, 9a u 9b tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), filwaqt li jitqies l-obbligu li tiġi promossa kompetizzjoni effettiva u mingħajr distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern għas-servizzi ta' komunikazzjoni elettronika skont l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE. Jenħtieġ li matul il-valutazzjonijiet rispettivi tagħhom meta jkunu qegħdin jagħtu liċenzja tal-ispettru, l-Istati Membri iqisu d-durata tal-liċenzji, il-pjan tan-negozju tal-operaturi u l-kontribut tiegħu biex jintlaħqu l-objettivi tal-Aġenda Diġitali, u l-promozzjoni ta' servizzi diġitali innovattivi u benefiċċji soċjoekonomiċi fuq medda twila ta' żmien.

(19)

Huwa importanti li tinkiseb prevedibbiltà regolatorja fit-tul għad-DTT fir-rigward tal-aċċess għall-banda ta' frekwenzi ta' taħt 700 Mhz, filwaqt li jitqies l-eżitu tal-Konferenza Dinjija dwar ir-Radjukomunikazzjoni fl-2015. Jenħtieġ li, f'konformità mal-Artikoli 9 u 9a tad-Direttiva 2002/21/KE, l-Istati Membri japplikaw approċċ flessibbli fejn ikun possibbli u jenħtieġ li jkunu jistgħu jippermettu l-introduzzjoni ta' użi alternattivi bħas-servizzi ta' komunikazzjoni elettronika broadband mingħajr fili terrestri fil-banda ta' frekwenzi ta' taħt 700 MHz skont il-ħtiġijiet nazzjonali għad-distribuzzjoni tas-servizzi tax-xandir awdjoviżiv, inkluż għal inizjattivi innovattivi mmexxija mill-utenti. Jenħtieġ li tali użi alternattivi jkun jiggarantixxi aċċess kontinwu għall-ispettru għax-xandir, bħala l-utent primarju, soġġett għad-domanda nazzjonali. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-Istati Membri jippromwovu l-kooperazzjoni bejn ix-xandara, l-operaturi tax-xandir u l-operaturi tas-servizzi mobbli sabiex jiffaċilitaw il-konverġenza tal-pjattaformi awdjoviżivi u tal-internet u l-kondiviżjoni tal-użu tal-ispettru. Jenħtieġ li, meta jippermettu l-użu alternattiv fil-banda ta' frekwenzi ta'taħt 700 Mhz għal servizzi ta' komunikazzjoni elettroniċi broadband mingħajr fili terrestri, l-Istati Membri jiżguraw li dan l-użu ma jikkawżax interferenza dannuża għax- xandir terrestri diġitali fi Stati Membri ġirien, kif previst fil-ftehim milħuq fil-Konferenza Reġjonali dwar it-Radjukomunikazzjoni tal-2006.

(20)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jadottaw pjanijiet direzzjonali nazzjonali koerenti biex jiffaċilitaw l-użu tal-banda ta' frekwenzi 700 MHz għal servizzi ta' komunikazzjoni elettronika broadband mingħajr fili terrestri filwaqt li jiżguraw il-kontinwità tas-servizzi tax-xandir bit-televiżjoni li jiżgombraw il-banda. Jenħtieġ li, ladarba tali pjanijiet direzzjonali nazzjonali jiġu adottati, l-Istati Membri jagħmluhom disponibbli b'mod trasparenti fi ħdan l-Unjoni. Jenħtieġ li l-pjanijiet direzzjonali nazzjonali jkopru attivitajiet u perijodi ta' żmien għall-ippjanar mill-ġdid tal-frekwenzi, l-iżviluppi tekniċi għal tagħmir ta' netwerk u tal-utent aħħari, il-koeżistenza bejn tagħmir tar-radju u tagħmir mhux tar-radju, reġimi eżistenti u ġodda ta' awtorizzazzjoni, mekkaniżmi biex tiġi evitata interferenza dannuża mal-utenti tal-ispettru f'baned adjaċenti u informazzjoni dwar il-possibbiltà ta' kumpens għal spejjeż ta' migrazzjoni, fejn jinqalgħu tali spejjeż, sabiex jiġu evitati, fost l-oħrajn, l-ispejjeż għall-utenti finali jew għax-xandara. Jenħtieġ li meta l-Istati Membri jkollhom l-intenzjoni li jżommu d-DTT, l-pjanijiet direzzjonali nazzjonali jikkunsidraw l-għażla li jiffaċilitaw upgrades ta' tagħmir tax-xandir għal aktar teknoloġiji effiċjenti fl-ispettru bħal formati vidjo avvanzati (eż. HEVC) jew teknoloġiji ta' trażmissjoni tas-sinjal (eż. DVB-T2).

(21)

Jenħtieġ li l-ambitu ta' kumpens possibbli sabiex titlesta t-transizzjoni fl-użu tal-ispettru, b'mod partikolari għall-utenti aħħarin, u l-mekkaniżmu għalih, jiġu analizzati skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti, kif previst mill-Artikolu 14 tad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), u jenħtieġ li jkunu konsistenti mal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea sabiex, pereżempju, jiffaċilitaw it-transizzjoni għal teknoloġiji aktar effiċjenti fl-użu tal-ispettru. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista' tipprovdi gwida lill-Stat Membru, fuq it-talba tiegħu, biex tiffaċilita t-transizzjoni fl-użu tal-ispettru.

(22)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri, tirrapporta lill- Parlament u lill-Kunsill dwar l-iżviluppi fl-użu tal-banda ta' frekwenzi ta' taħt 700 MHz, bil-ħsieb li jiġi żgurat l-użu effiċjenti tal-ispettru, skont il-lliġi tal-Unjoni applikabbli. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis l-aspetti soċjali, ekonomiċi, kulturali u internazzjonali li jaffettwaw l-użu tal-banda ta' frekwenzi ta' taħt 700 MHz, aktar żviluppi teknoloġiċi ulterjuri, tibdil fl-imġiba tal-konsumaturi u l-ħtiġijiet fil-konnettività biex jitrawmu t-tkabbir u l-innovazzjoni fl-Unjoni.

(23)

Minħabba li l-għan ta' din id-Deċiżjoni, jiġifieri l-iżgurar ta' approċċ koordinat fl-użu tal-banda ta' frekwenzi 470–790 MHz fl-Unjoni skont għanijiet komuni, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista', minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dak l-għan,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Sat-30 ta' Ġunju 2020, l-Istati Membri għandhom jippermettu l-użu tal-banda ta' frekwenzi 694–790 MHz (“700 MHz”) għas-sistemi terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta' komunikazzjoni elettronika broadband mingħajr fili biss taħt kondizzjonijiet tekniċi armonizzati stabbiliti mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE.

L-Istati Membri jistgħu, madankollu, idewmu li jippermettu l-użu tal-banda ta' frekwenzi 700 MHz sa massimu ta' sentejn abbażi ta' raġuni ġustifikata kif xieraq waħda jew aktar stipulati fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni. Fil-każ ta' tali dewmien, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni b'dan u għandu jinkludi dawk ir-raġunijiet debitament ġustifikati fil-pjan direzzjonali nazzjonali tiegħu adottat skont l-Artikolu 5 ta' din id-Deċiżjoni. Fejn meħtieġ, l-Istati Membri għandhom iwettqu l-proċess ta' awtorizzazzjoni jew jemendaw id-drittijiet eżistenti rilevanti għall-użu tal-ispettru skont id-Direttiva 2002/20/KE, sabiex jippermettu t-tali l-użu.

Stat Membru li jdewwem li jippermetti l-użu tal-banda ta' frekwenzi 700 MHz taħt it-tieni subparagrafu u l-Istati Membri affettwati minn dak id-dewmien għandhom jikkooperaw ma' xulxin bil-ħsieb li jikkoordinaw il-proċess tar-rilaxx tal-banda ta' frekwenzi 700 MHz għas-servizzi ta' komunikazzjoni elettronika broadband mingħajr fili u għandhom jinkludu informazzjoni dwar tali koordinazzjoni fil-pjanijiet direzzjonali nazzjonali tagħhom adottati skont l-Artikolu 5.

2.   Sabiex jippermettu l-użu tal-banda ta' frekwenzi 700 MHz skont il-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom, sal-31 ta' Diċembru 2017, jikkonkludu l-ftehimiet ta' koordinazzjoni tal-frekwenza transfruntiera kollha meħtieġa fl-Unjoni.

3.   L-Istati Membri ma għandhomx ikunu marbutin mill-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 f'żoni ġeografiċi fejn il-koordinazzjoni tal-frekwenzi ma' pajjiżi terzi tibqa' mhux solvuta, dment li l-Istati Membri jagħmlu kull sforz possibbli biex jiġu mminimizzati d-durata u l-ambitu ġeografiku ta' tali koordinazzjoni mhux solvuta u jirrapportaw kull sena r-riżultati lill-Kummissjoni sakemm il-kwistjonijiet tal-koordinazzjoni pendenti jkunu ġew solvuti.

L-ewwel subparagrafu għandu japplika għall-problemi ta' koordinazzjoni tal-ispettru fir-Repubblika ta' Ċipru li jirriżultaw mill-fatt li l-Gvern ta' Ċipru ma jistax jeżerċita kontroll effettiv f'parti mit-territorju tiegħu.

4.   Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jorganizzaw u jużaw l-ispettru tagħhom għall-finijiet tal-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika u d-difiża.

Artikolu 2

Mal-għoti tad-drittijiet tal-użu fil-banda ta' frekwenzi 700 MHz għal sistemi terrestri li kapaċi jipprovdu servizzi ta' komunikazzjoni elettronika broadband mingħajr fili, l-Istati Membri għandhom jippermettu t-trasferiment jew it-twellija ta'tali drittijiet skont proċeduri miftuħa u trasparenti f'konformità mal-liġi tal-Unjoni applikabbli.

Artikolu 3

1.   Meta l-Istati Membri jawtorizzaw l-użu tal-banda ta' frekwenzi 700 MHz jew jemendaw id-drittijiet eżistenti, huma għandhom jieħdu kont xieraq tal-ħtieġa li tinkiseb il-veloċità mixtieqa u l-għanijiet tal-kwalità stipulati fl-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE, inkluż il-kopertura f'oqsma ta' prijorità nazzjonali ddeterminati minn qabel fejn meħtieġ, bħal tul rotot ewlenin tat-trasport terrestri, għall-fini li jiġu permessi applikazzjonijiet mingħajr fili u biex it-tmexxija Ewropea f'servizzi diġitali ġodda jikkontribwixxu b'mod aktar effettiv għat-tkabbir ekonomiku tal-Unjoni. Tali miżuri jistgħu jinkludu kondizzjonijiet biex jiffaċilitaw jew jinkoraġġixxu l-kondiviżjoni tal-infrastruttura tan-netwerk jew tal-ispettru skont il-liġi tal-Unjoni.

2.   Meta japplikaw il-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw il-ħtieġa li jintehmżu kondizzjonijiet għad-drittijiet ta' użu għal frekwenzi fil-banda ta' frekwenzi 700 MHz u, fejn xieraq, għandhom jikkonsultaw mal-partijiet ikkonċernati rilevanti f'dak ir-rigward.

Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom jiżguraw id-disponibbiltà tal-anqas sal-2030 tal-banda ta' frekwenzi 470–694 MHz (“taħt 700 MHz”)għall-provvista terrestri ta' servizzi tax-xandir, inkluż it-televiżjoni mingħajr ħlas u għall-użu mill-awdjo mingħajr fili tal-PMSE, abbażi tal-ħtiġijiet nazzjonali, filwaqt li jittieħed kont tal-prinċipju tan-newtralità teknoloġika. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe użu ieħor tal-banda ta' frekwenzi ta' taħt 700 MHz fit-territorju tagħhom ikun kompattibbli mal-ħtiġijiet tax-xandir nazzjonali fl-Istat Membru rilevanti u la jikkawża interferenza dannuża lill-provvista terrestri tas-servizzi tax-xandir fi Stat Membru ġar u lanqas jitlob protezzjoni minnha. Użu bħal dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi li jirriżultaw minn ftehimiet internazzjonali, bħal ftehimiet ta' koordinazzjoni tal-frekwenza transkonfinali.

Artikolu 5

1.   Malajr kemm jista' jkun u mhux iktar tard mit-30 ta' Ġunju 2018, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-pjan u l-iskeda nazzjonali tagħhom (“pjan direzzjonali nazzjonali”), inklużi passi dettaljati biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikoli 1 u 4. L-Istati Membri għandhom ifasslu l-pjanijiet direzzjonali nazzjonali tagħhom wara li jikkonsultaw lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha.

2.   Sabiex jiġi żgurat li l-użu tal-banda ta' frekwenzi 700 MHz huwa f'konformità mal- Artikolu 1(1), l-Istati Membri għandhom jinkludu fil-pjanijiet direzzjonali nazzjonali tagħhom, fejn xieraq, informazzjoni dwar miżuri, inkluż kull miżura ta' appoġġ, biex jillimitaw l-impatt tal-proċess ta' transizzjoni li jmiss fuq il-pubbliku u fuq l-użu tal-awdjo mingħajr fili tal-PMSE u biex jiffaċilitaw id-disponibbiltà f'waqtha ta' tagħmir u ta' riċevituri interoperabbli tan-netwerk ta' xandir televiżiv fis-suq intern.

Artikolu 6

L-Istati Membri jistgħu, meta jkun xieraq u b'konformità mal-liġi tal-Unjoni, jiżguraw li jiġi pprovdut fil-pront u b'mod trasparenti kumpens adegwat għall-ispejjeż diretti, b'mod partikolari għall-utenti finali, tal-migrazzjoni jew tal-allokazzjoni mill-ġdid tal-użu tal-ispettru sabiex, fost oħrajn, jiffaċilitaw it-transizzjoni lejn teknoloġiji aktar effiċjenti fl-użu tal-ispettru.

Fuq talba tal-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni tista' tipprovdi gwida dwar tali kumpens lil Stat Membru sabiex tiffaċilita t-transizzjoni fl-użu tal-ispettru.

Artikolu 7

Il-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri, għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-iżviluppi fl-użu tal-banda ta' frekwenzi ta' taħt 700 MHz, bil-ħsieb li jiġi żgurat l-użu effiċjenti tal-ispettru, skont il-liġi applikabbli tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha tqis l-aspetti soċjali, ekonomiċi, kulturali u internazzjonali li jaffettwaw l-użu tal-banda ta' frekwenzi ta' taħt 700 MHz skont l-Artikoli 1 u 4, aktar żviluppi teknoloġiċi, tibdil fl-imġiba tal-konsumaturi iżda wkoll il-ħtiġijiet fil-qasam tal-konnettività biex jitrawmu t-tkabbir u l-innovazzjoni fl-Unjoni.

Artikolu 8

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 9

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, is-17 ta' Mejju 2017.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

C. ABELA


(1)  ĠU C 303, 19.8.2016, p. 127.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 2017 (għandha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta' April 2017.

(3)  Id-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2012 li tistabbilixxi programm pluriennali tal-politika tal-ispettru tar-radju (ĠU L 81, 21.3.2012, p. 7).

(4)  Id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (Id-Deċiżjoni dwar l-Ispettri tar-radju) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 1).

(5)  Id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Id-Direttiva Kwadru) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33).

(6)  Id-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi (Id-Direttiva ta' Awtorizzazzjoni) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 21).


ANNESS

Raġunijiet ġustifikati għal dewmien f'li jiġi permess l-użu tal-banda ta' frekwenzi 700 MHz għal sistemi terrestri li kapaċi jipprovdu servizzi ta' komunikazzjoni elettronika broadband mingħajr fili wara t-30 ta' Ġunju 2020 (Artikolu 1(1)):

(1)

kwistjonijiet ta' koordinazzjoni transkonfinali mhux solvuti li jirriżultaw f'interferenzi dannużi;

(2)

il-ħtieġa li tiġi żgurata, u l-kumplessità tal-iżgurar, il-migrazzjoni teknika ta' parti kbira mill-popolazzjoni għal standards tax-xandir avvanzati;

(3)

l-ispejjeż finanzjarji tat-transizzjoni jkunu jaqbżu d-dħul mistenni ġġenerat mill-proċeduri tal-għoti;

(4)

forza maġġuri.