5.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 255/10


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-3 ta’ Awwissu 2017

dwar il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ta’ applikazzjoni għal emenda fl-ispeċifikazzjoni ta’ denominazzjoni fis-settur tal-inbid skont l-Artikolu 105 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Montravel (DOP))

(2017/C 255/12)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 97(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Franza ressqet applikazzjoni għal emenda fl-ispeċifikazzjoni tad-denominazzjoni “Montravel”, skont l-Artikolu 105 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

(2)

Il-Kummissjoni eżaminat din l-applikazzjoni u sabet li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 93 sa 96, fl-Artikolu 97(1), kif ukoll fl-Artikoli 100, 101 u 102 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, huma ssodisfati.

(3)

Sabiex id-dikjarazzjonijiet ta’ oġġezzjoni jkunu jistgħu jsiru skont l-Artikolu 98 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-applikazzjoni għal emenda fl-ispeċifikazzjoni tad-denominazzjoni “Montravel” jeħtieġ li tiġi pppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

IDDEĊIEDIET KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

L-applikazzjoni għal emenda fl-ispeċifikazzjoni tad-denominazzjoni “Montravel” (DOP) skont l-Artikolu 105 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, tinsab fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Skont l-Artikolu 98 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, id-dritt ta’ oġġezzjoni għall-emenda fl-ispeċifikazzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu ta’ dan l-artikolu jingħata għal xahrejn li jibdew jiskorru mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Awwissu 2017.

Għall-Kummissjoni

Phil HOGAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.


ANNESS

“MONTRAVEL”

AOP-FR-A0923-AM01

Data tat-tressiq tal-applikazzjoni: it-22 ta’ Diċembru 2014

APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA TAL-ISPEĊIFIKAZZJONI

1.   Regoli applikabbli għall-emenda

L-Artikolu 105 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 — emenda mhux minuri

2.   Deskrizzjoni u spjegazzjoni tal-emenda

2.1.   Żona ġeografika

Fl-ewwel taqsima tal-punt IV tal-Kapitlu 1 tal-ispeċifikazzjonijiet, iż-żona ġeografika tal-produzzjoni hija mibdula: il-muniċipalità “Saint-Seurin de Prats” tneħħiet u ġew miżjuda tnejn: “Le Fleix” u “Monfaucon”. Dawn iż-żewġ muniċipalitajiet għandhom għoljiet li jkomplu maż-żona ġeografika oriġinali u għandhom profil ġeoloġiku identiku, li mhuwiex il-każ għall-muniċipalità ta’ “Saint-Seurin-de-Prats”, li jinsab kollu kemm hu fil-pjanura alluvjali tad-Dordogne.

Il-punt 6 tad-dokument uniku ġie emendat.

2.2.   Ir-roqgħa tar-raba’ demarkata

Fil-punt 2 tat-Taqsima IV tal-Kapitolu 1 dwar id-demarkazzjoni tar-roqgħa tar-raba’, tiżdied id-data tal-approvazzjoni mill-awtorità nazzjonali kompetenti tal-modifika tar-roqgħa tar-raba’ demarkata fiż-żona ġeografika tal-produzzjoni definita l-ġdida. Dan irriżulta fiż-żieda tad-data tal-Kumitat Nazzjonali li ta l-approvazzjoni mal-ispeċifikazzjoni. Ta’ min ifakkar li d-demarkazzjoni tar-roqgħa tar-raba’ tikkonsisti fl-identifikazzjoni fi ħdan iż-żona ġeografika tal-produzzjoni, l-irqajja’ tar-raba’ tajbin għall-produzzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata li qed tiġi meqjusa.

Id-dokument uniku mhuwiex affettwat minn din il-bidla.

2.3.   Żona fil-viċinanza immedjata

Minħabba l-emenda tad-definizzjoni taż-żona ġeografika, it-taqsima 3 tal-punt IV tal-Kapitolu 1 dwar iż-żona fil-viċinanza immedjata fejn jistgħu jsiru l-produzzjoni, l-preparazzjoni u l-maturazzjoni tal-inbid, ġiet emendata. Fil-fatt, l-integrazzjoni fiż-żona ġeografika taż-żewġ muniċipalitajiet ġodda ta’ “Le Fleix” u “Monfaucon” timplika t-tneħħija tagħhom miż-żona fil-viċinanza immedjata.

Min-naħa l-oħra, il-muniċipalità ta’ “Saint-Seurin-de-Prats” li tneħħiet miż-żona ġeografika hija integrata fiż-żona fil-viċinanza immedjata, u reġgħet ġiet miżjuda mal-lista tal-muniċipalitajiet b’kunsiderazzjoni tal-prattiki eżistenti tal-produzzjoni tal-inbid.

Il-punt 9 tad-dokument uniku ġie emendat.

2.4.   Rabta mal-oriġini

Minħabba l-emenda tad-definizzjoni taż-żona ġeografika, saret korrezzjoni lill-ewwel subparagrafu tal-punt 1, “Informazzjoni dwar iż-żona ġeografika” ta’ X “Rabta maż-żona ġeografika” tal-Kapitolu 1 tal-ispeċifikazzjonijiet. L-għadd ta’ muniċipalitajiet li jinsabu fiż-żona tal-produzzjoni ġie kkoreġut: in-numru “14” ġie mibdul bin-numru: “15”.

Barra minn hekk, il-muniċipalitajiet miżjuda maż-żona ġeografika għandhom profil ġeoloġiku identiku għal dak deskritt fir-rabta mal-oriġini u, għalhekk, dan tal-aħħar ma ġiex emendat.

DOKUMENT UNIKU

1.   Denominazzjoni(jiet)

Montravel

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

DOP - Denominazzjoni ta’ oriġini protetta

3.   Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli

1.

Inbid

4.   Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed

Inbejjed bojod

Dawn l-inbejjed bojod isiru billi millinqas żewġ varjetajiet ewlenin ta’ għeneb jew inbejjed jitħalltu flimkien. Il-varjetajiet bojod ġeneralment jispikkaw minħabba d-diversità tat-taħlitiet, l-aromi eżotiċi tagħhom, il-vivaċità tagħhom, il-kwalità minerali tagħhom u t-togħma tagħhom li tibqa’ fil-ħalq. Imrobbija fuq il-karfa fina, xi drabi fi btieti tal-ballut, dawn l-inbejjed bojod mhux misjurin huma apprezzati ħafna għall-qawwa tagħhom, u fuq kollox għall-freskezza minerali li jżommu għal ħafna snin.

Is-saħħa alkoħolika naturali minima hija ta’ 10,5 %

Is-saħħa alkoħolika naturali totali hija ta’ 13 % wara l-arrikkament.

Il-kontenut taz-zokkor fermentabbli (glukożju u fruttożju) tal-inbejjed ikun inqas minn 3 grammi kull litru.

Inbejjed ħomor

L-inbejjed ħomor isiru mit-taħlit tal-għeneb jew tal-inbejjed. Il-kulur tagħhom huwa intens u skur ħafna. Għandhom noti ta’ frott iswed u aroma kemxejn mixwija, li maż-żmien tevolvi f’noti ta’ pjanti u ħwawar. Ġeneralment, ikunu kemm potenti kif ukoll eleganti fil-ħalq, b’tanini misjura ħafna u b’finezza rimarkabbli. Huma nbejjed distinti u jistgħu jinxtorbu tajjeb ħafna wara xi snin ta’ maturazzjoni.

Is-saħħa alkoħolika naturali minima hija ta’ 11 %

Is-saħħa alkoħolika naturali totali hija ta’ 13,5 % wara l-arrikkament.

Il-kontenut massimu ta’ aċidu maliku huwa ta’ 0,4 gramma kull litru.

Il-kontenut taz-zokkor fermentabbli (glukożju u fruttożju) tal-inbejjed ikun inqas minn 3 grammi kull litru.

5.   Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid

a.   Metodi enoloġiċi essenzjali

Prattika tal-kultivazzjoni

Id-densità minima tat-tħawwil tad-dwieli hija ta’ 5 000 pjanta għal kull ettaru. Id-distanza bejn ir-ringieli ma tistax tkun ikbar minn 2 metri u d-distanza bejn il-pjanti fl-istess ringiela ma tistax tkun inqas minn 0,8 metri.

Il-vinji jridu jinżabru skont il-metodu Guyot, il-metodu Cordon de Royat jew bl-użu taż-żabra qasira, b’massimu ta’ 10 blanzuni kull vinja.

L-irrigazzjoni hija pprojbita.

Metodi enoloġiċi speċifiċi

Huwa pprojbit kull trattament termiku tal-ħsad tal-għeneb għall-inbid fejn it-temperatura taqbeż l-40 °C. L-użu tal-laqx tal-injam huwa pprojbit għat-tkabbir tal-għeneb. Iż-żieda ta’ tannini hija pprojbita. Wara l-arrikkament, is-saħħa alkoħolika totali tal-inbejjed ma tistax tisboq it-13,5 % għall-inbejjed ħomor u t-13 % għall-inbejjed bojod. Barra d-dispożizzjonijiet t’hawn fuq, il-prattiki enoloġiċi applikati għal dawn l-inbejjed għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati fil-livell tal-UE u fil-Kodiċi Rurali.

b.   Rendimenti massimi

inbid aħmar

60 ettolitru għal kull ettaru

inbid abjad

70 ettolitru għal kull ettaru

6.   Żona demarkata

Il-ħsad tal-għeneb, il-produzzjoni, l-ipproċċessar, il-maturazzjoni, u, esklussivament għall-inbejjed ħomor, l-ibbottiljar isiru biss fit-territorju tal-muniċipalitajiet tad-dipartiment tad-Dordogne ta’ Bonneville-et-Saint-Avit-de-Fumadières, Le Fleix, Fougueyrolles, Lamothe-Montravel, Monfaucon, Montcaret, Montazeau, Montpeyroux, Nastringues, Port-Sainte-Foy-et-Ponchapt, Saint-Antoine-de-Breuilh, Saint-Méard-de-Gurçon, Saint-Michel-de-Montaigne, Saint-Vivien et Vélines

7.   Id-dwieli ewlenin tal-inbid

 

Cabernet-Sauvignon N

 

Cabernet franc N

 

Cot N

 

Muscadelle B

 

Merlot N

 

Semillon B

 

Sauvignon gris G

 

Sauvignon B

8.   Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet

Iż-żona ġeografika tad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata “Montravel” hija differenti mill-bqija tar-reġjun ta’ Bergerac minħabba l-għamla ġeomorfoloġika taż-żrieżaq tiegħu fejn hemm saffi mikxufin tal-ġebla tal-franka “Astéries”. Iż-żona tal-irqajja’ tar-raba dermarkati hija fil-biċċa l-kbira magħmula minn irqajja’ tar-raba’ tat-tafal u tal-franka, li ma jżommux ilma, fuq il-plateau u kif ukoll fuq iż-żrieżaq li jħarsu fid-direzzjoni tan-Nofsinhar.

Ix-xewqa li jutilizzaw kemm jista’ jkun dan il-patrimonju tidher - fil-każ tal-inbejjed ħomor - minn densità ikbar tat-tħawwil milli hemm fiż-żoni l-oħra tar-reġjun tal-Bergerac, taħlita partikolari fejn tiddomina l-varjetà Merlot N; u xewqa li jiġu prodotti nbejjed li jimmaturaw tajjeb fuq perjodu twil. Dan isir filwaqt li jiġu pprojbiti prattiki bħall-użu tal-laqx tal-injam matul il-maturazzjoni tal-inbejjed, iż-żieda tat-tannini, it-trattament bis-sħana tal-ħsad fejn it-temperatura togħla iktar minn 40 °C u wkoll l-użu tal-magni tal-pressa kontinwa jew kontenituri b’pompi bil-paletti.

L-inbejjed ħomor jiġu mmaturati għal millinqas 18-il xahar, li minnhom minimu ta’ tliet xhur għandhom ikunu fil-flixkun. Il-kulur tagħhom huwa intens u skur ħafna. Għandhom noti ta’ frott iswed u aroma kemxejn mixwija, li maż-żmien tevolvi f’noti ta’ pjanti u ħwawar. Ġeneralment, ikunu kemm potenti kif ukoll eleganti fil-ħalq, b’tanini misjura ħafna u b’finezza rimarkabbli. Għalkemm dawn l-inbejjed ħomor jistgħu jinxtorbu fl-ewwel snin minħabba l-freskezza u t-togħma ta’ frott tagħhom, dawn huma inbejjed distinti u, wara xi snin ta’ maturazzjoni, ikollhom espressjoni sabiħa. Bl-inklużjoni fil-kundizzjonijiet ta’ perjodu ta’ maturazzjoni fil-flixkun fiż-żona ġeografika definita u fiż-żona fil-viċinanza immedjata, il-komunità qed tipprova tħares il-kwalità u l-karatteristiċi speċifiċi tal-prodott u, għalhekk, ir-reputazzjoni tad-denonominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata.

Għall-inbejjed bojod mhux misjura, minħabba l-klima oċeanika, li dejjem ikollha livell għoli ta’ umdità, u minħabba t-tafal li hemm fil-ħamrija, huwa possibbli li jiġi evitat l-istress tan-nixfa u l-perjodi ta’ sħana fis-sajf sabiex b’hekk l-għenba tilħaq issir sal-punt ottimali. Dawn l-inbejjed jiġu prodotti minn taħlita ta’ varjetajiet, b’varjetajiet dominanti bħal Sémillon B and Sauvignon B jewSauvignon Gris G. Dawn il-varjetajiet bojod ġeneralment jispikkaw minħabba d-diversità tat-taħlitiet, l-aromi eżotiċi tagħhom, il-vivaċità tagħhom, il-kwalità minerali tagħhom u t-togħma tagħhom li tibqa’ fil-ħalq. Imrobbija fuq il-karfa fina, xi drabi fi btieti tal-ballut, dawn l-inbejjed bojod mhux misjurin huma apprezzati ħafna għall-qawwa tagħhom, u fuq kollox għall-freskezza minerali li jżommu għal ħafna snin.

L-eqdem referenza għat-tradizzjoni tal-inbid f’Montravel tmur lura għall-1080, meta l-Benedittini mill-monasteru ta’ Saint-Florent de Saumur ġew joqogħdu f’Montcaret, Breuilh, Bonneville u Montravel. Hemmhekk, huma ħadmu l-art mhux ikkultivata biex ikabbru d-dwieli u l-qamħ, iż-żewġ prodotti li jiġu kkonsagrati fil-quddiesa.

L-aktar produttur famuż tal-“Montravel” huwa bla dubju l-filosfu Michel Eyquem de Montaigne, li kien is-sindku ta’ Bordeaux u li d-dwieli tiegħu kienu jaslu sat-torri fejn kien iħobb imur jikteb għall-kwiet: “Id-dwieli li huma ġonna, u postijiet li jagħtu gost u li għandhom sbuħija kbira u fejn tgħallimt sa liema punt tista’ tuża l-ħila f’post li huwa mħarbat, immewweġ u mħattab.”

Fl-1903, Edouard Féret, li kien l-editur tal-ktieb “Bergerac u l-inbejjed tiegħu”, għamel l-osservazzjonijiet li ġejjin dwar iż-żona ġeografika ta’ “Montravel”: “L-inbejjed il-ħomor huma robusti, vibranti u ċari fit-togħma u ċerti nbejjed jixbħu ħafna l-inbejjed eċċellenti ta’ Castillon.”

Id-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata “Montravel”, permezz tal-kapitali storika u s-siti speċjali tagħha, hija għalhekk xhieda ta’ konnessjoni profonda mal-produzzjoni tal-inbid. Kemm l-inbejjed bojod kif ukoll l-inbejjed ħomor, fil-biċċa l-kbira mibjugħa bil-fliexken, għandhom l-għeruq f’territorju li fih il-komunità umana użat l-għarfien tagħha u ħadmet biex ittejjeb prodott oriġinali u personali li jgawdi minn reputazzjoni mistħoqqa.

9.   Kundizzjonijiet essenzjali oħra

Żona fil-viċinanza immedjata

Qafas legali

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ kundizzjoni supplementari

Derogi dwar il-produzzjoni fiż-żona ġeografika definita

Deskrizzjoni tal-kundizzjoni

Iż-żona fil-viċinanza immedjata, definita bid-deroga għall-produzzjoni, għall-ipproċessar, għall-maturazzjoni, u, esklussivament għall-inbejjed ħomor, l-ibbottiljar, hija rrappreżentata mit-territorju tal-muniċipalitajiet li ġejjin:

id-Dipartiment ta’ Dordogne: Bergerac, Saint-Laurent-des-Vignes, Saint-Seurin-de-Prats

id-Dipartiment tal-Gironde: Francs, Gardegan-et-Tourtirac, Gensac, Landerrouat, Les Lèveset-Thoumeyragues, Pineuilh, Saint-Avit-Saint-Nazaire u Saint-Emilion.

Unità ġeografika usa’

Qafas legali

Leġiżlazzjoni Nazzjonali

Tip ta’ kundizzjoni supplementari

Dispożizzjonijiet addizzjonali dwar it-tikkettar

Deskrizzjoni tal-kundizzjoni

L-inbejjed bid-denominazzjoni ta’ oriġini kontrollata “Montravel” jistgħu jispeċifikaw fuq it-tikketti tagħhom l-unità ġeografika usa’ ta’ “Sud-Ouest”. Din l-unità ġeografika usa’ tista’ tidher ukoll fuq kwalunkwe fuljett jew reċipjent. Id-daqs tal-ittri għall-unità ġeografika usa’ ma għandux ikun akbar, fl-għoli jew fil-wisa’, mid-daqs tal-ittri li jiffurmaw l-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini kontrollata.

Ibbottiljar

Qafas legali

Leġiżlazzjoni Nazzjonali

Tip ta’ kundizzjoni supplementari

L-ibbottiljar fiż-żona ġeografika demarkata

Deskrizzjoni tal-kundizzjoni

L-inbejjed ħomor jiġu mmaturati millinqas sal-31 ta’ Marzu tat-tieni sena wara dik tal-ħsad u, minn dan iż-żmien, ikun hemm minimu ta’ tliet xhur fil-fliexken.

Referenza tal-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

https://info.agriculture.gouv.fr/gedei/site/bo-agri/document_administratif-0d52a671-4b5e-4158-ab9f-a37fc2394688