11.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 36/59


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/246

tas-7 ta' Frar 2017

li tikkostitwixxi Rakkomandazzjoni għall-estensjoni ta' kontroll temporanju fil-fruntieri interni f'ċirkostanzi eċċezzjonali li jqiegħdu l-funzjonament ġenerali taż-żona Schengen f'riskju

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

F'konformità mal-Artikolu 29 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, fit-12 ta' Mejju 2016 il-Kunsill adotta, fuq proposta tal-Kummissjoni, Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni li tikkostitwixxi Rakkomandazzjoni għal kontroll temporanju fil-fruntieri interni f'ċirkostanzi eċċezzjonali li jqiegħdu l-funzjonament ġenerali taż-żona Schengen f'riskju (2).

(2)

Il-Kunsill irrakkomanda li ħames Stati ta' Schengen (l-Awstrija, il-Ġermanja, id-Danimarka, l-Iżvezja u n-Norveġja) iżommu kontroll proporzjonat temporanju fil-fruntieri f'numru limitat ta' taqsimiet tal-fruntieri interni tagħhom għal perjodu ta' sitt xhur, biex jindirizzaw it-theddida serja għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà interna f'dawn l-Istati permezz tal-kombinament ta' nuqqasijiet fil-kontroll tal-fruntiera esterna fil-Greċja u l-movimenti sekondarji ta' immigranti irregolari li deħlin mill-Greċja u li beħsiebhom jiċċaqilqu lejn Stati ta' Schengen oħra. Dan il-perjodu ġie estiż mill-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għal tliet xhur oħra fil-11 ta' Novembru 2016.

(3)

Skont l-Artikoli 25 u 29 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, il-perjodu inizjali taż-żmien irrakkomandat mill-Kunsill jista' jkompli jiġi estiż jekk iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali jippersistu.

(4)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-11 ta' Novembru 2016 tirrikjedi li l-Istati ta' Schengen ikkonċernati għandhom jirrapportaw kull xahar lill-Kummissjoni dwar l-eżitu tal-kontrolli mwettqa u dwar il-valutazzjoni fir-rigward tal-ħtieġa kontinwa ta' tali kontrolli, fejn applikabbli. Il-Kummissjoni rċeviet rapporti bħal dawn mill-Istati ta' Schengen kollha kkonċernati. L-informazzjoni li tinsab f'dawn ir-rapporti turi li l-kontrolli baqgħu skont il-kondizzjonijiet stabbiliti mir-Rakkomandazzjoni. Barra minn hekk, tikkonferma l-istabbilizzazzjoni tas-sitwazzjoni b'mod progressiv f'dawn l-Istati, bi tnaqqis kontinwu fin-numru ta' persuni li lilhom jiġi rrifjutat id-dħul, kif ukoll in-numru ta' applikazzjonijiet għall-asil riċevuti.

(5)

Madankollu, minkejja dan il-progress, għadhom ma ġewx issodisfati għalkollox il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Pjan Direzzjonali “Lura lejn Schengen” li jippermettu t-tneħħija tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni kollha u biex il-funzjonament taż-żona Schengen jerġa' lura għan-normal. Barra minn hekk, minkejja l-progress li għaddej u t-titjib sinifikanti relatat mal-ġestjoni tal-fruntiera esterna li sar min-naħa tal-Greċja fl-2016, għad hemm numru importanti ta' migranti irregolari fil-Greċja. Abbażi tax-xejriet osservati fil-passat, l-Istati Membri l-aktar affettwati mill-movimenti sekondarji tal-migranti irregolari ġejjin mill-Greċja għadhom esposti għar-riskju relatat mal-movimenti irregolari tagħhom.

(6)

Fil-Komunikazzjoni tagħha “Lura lejn Schengen — Pjan Direzzjonali”, il-Kummissjoni identifikat id-diversi politiki li għandhom jiġu implimentati għal Żona Schengen li tiffunzjona bis-sħiħ. L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta issa qiegħda rapidament issir operattiva, sabiex din tkun tista' tagħti assistenza lill-Greċja fuq il-fruntiera esterna Griega tat-Tramuntana minn Frar 2017.

(7)

Element ieħor identifikat fil-Pjan Direzzjonali “Lura lejn Schengen” hija l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni bejn l-UE u t-Turkija. Ir-raba' rapport ta' progress (3) jikkonferma x-xejra ta' kisba kostanti ta' riżultati, minkejja l-bosta sfidi iffaċċati. Madankollu, jeħtieġ li din l-implimentazzjoni tiġi ssorveljata b'mod kostanti. L-istess japplika għall-kooperazzjoni miftiehma fid-Dikjarazzjoni tal-laqgħa tal-Mexxejja tar-Rotta tal-Balkani tal-Punent.

(8)

Għalhekk iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li jikkostitwixxu theddida serja għall-ordni pubbliku u s-sigurtà interna u li jpoġġu f'riskju l-funzjonament ġenerali taż-żona Schengen kollha għadhom hemm.

(9)

Fid-dawl tal-fatti ta' hawn fuq, jidher għaldaqstant iġġustifikat, bħala l-aħħar miżura, li jingħata permess għal estensjoni oħra tal-kontrolli temporanji, fil-fruntieri interni kkonċernati, mill-Istati ta' Schengen li bħalissa qed iwettqu dawn il-kontrolli, jiġifieri l-Awstrija, il-Ġermanja, id-Danimarka, l-Iżvezja u l-pajjiż assoċjat in-Norveġja, f'konformità mal-Artikolu 29 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen.

(10)

Abbażi tal-indikaturi fattwali disponibbli f'dan l-istadju, jenħtieġ li din l-estensjoni ma teċċedix tliet xhur mid-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni.

(11)

Jenħtieġ li l-Istati Membri li jiddeċiedu li jibqgħu jwettqu kontroll fil-fruntieri interni skont din id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni jinnotifikaw lill-Istati Membri l-oħra, lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni kif xieraq.

(12)

Qabel ma jagħżlu kontrolli bħal dawn, jenħtieġ li l-Istati Membri kkonċernati jeżaminaw jekk setgħux jintużaw miżuri alternattivi oħra flok kontrolli fuq il-fruntieri bħala rimedju effettiv għat-theddida identifikata, bħal pereżempju l-eżerċizzju tal-poteri tal-pulizija b'mod konformi mal-Artikolu 23 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, u jiddeċiedu li jintroduċu mill-ġdid kontrolli fuq il-fruntieri fil-fruntieri interni kkonċernati biss bħala l-aħħar miżura, meta tali miżuri anqas restrittivi għat-traffiku transfruntier ma jkunux biżżejjed biex jindirizzaw it-theddidiet identifikati. Jenħtieġ li l-Istati Membri kkonċernati jinformaw bl-eżitu ta' din ir-riflessjoni u r-raġunijiet għaliex għażlu l-kontrolli fil-fruntieri fin-notifiki tagħhom.

(13)

Jenħtieġ li l-kontrolli taħt din id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni jibqgħu jitwettqu biss sal-limitu meħtieġ, fejn l-intensità tagħhom tkun ristretta għal-livell minimu assolut meħtieġ u aġġustata għaċ-ċirkostanzi. F'dawn iċ-ċirkostanzi, jista' jiġi previst li kwalunkwe tnaqqis ulterjuri ta' fluss għandu jwassal għas-sospensjoni tal-kontrolli f'taqsimiet tal-fruntiera partikolari. Jenħtieġ li jitwettqu biss kontrolli mmirati, abbażi tal-analiżi tar-riskju u l-intelligence aġġornati b'mod kostanti, sabiex jiġu ottimizzati l-benefiċċji tagħhom u jiġu limitati l-effetti negattivi tagħhom fuq il-moviment liberu. L-Istati ta' Schengen li ġew milquta minn dawn il-kontrolli fit-taqsimiet rilevanti tal-fruntiera għandhom jitħallew jesprimu regolarment il-fehmiet tagħhom dwar il-ħtieġa tagħhom; jenħtieġ li l-Istat ta' Schengen li ddeċieda li jintroduċi mill-ġdid kontrolli bħal dawn jikkunsidra dawk il-fehmiet meta jeżamina u jirrevedi l-ħtieġa ta' verifiki bħal dawn, bl-għan li jnaqqashom progressivament.

(14)

Fl-aħħar ta' kull xahar tal-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni, jenħtieġ li jintbagħat minnufih lill-Kummissjoni u lill-Kunsill rapport komplut dwar ir-riżultati tal-verifiki mwettqa, flimkien ma' valutazzjoni tal-bżonn kontinwu tagħhom fejn applikabbli. Jenħtieġ li dan ir-rapport jinkludi n-numru totali ta' persuni vverifikati, in-numru totali ta' rifjuti ta' dħul wara l-verifiki, in-numru totali ta' deċiżjonijiet ta' ritorn maħruġa wara l-verifiki u n-numru totali ta' applikazzjonijiet għall-asil riċevuti fil-fruntieri interni fejn ikunu saru l-verifiki.

(15)

Il-Kunsill jieħu nota li l-Kummissjoni ħabbret li hija ser tkompli taħdem mal-Istati ta' Schengen ikkonċernati biex jitneħħew gradwalment il-kontrolli fil-fruntieri interni bl-għan li nerġgħu lura lejn funzjonament normali taż-żona Schengen mill-aktar fis possibbli.

(16)

Il-Kunsill jieħu nota li l-Kummissjoni ddikjarat li hija ser tissorvelja mill-qrib l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni.

B'DAN JIRRAKKOMANDA LI:

1.

L-Awstrija, il-Ġermanja, id-Danimarka, l-Iżvezja u n-Norveġja jestendu l-kontrolli proporzjonali u temporanji fil-fruntieri għal perjodu massimu ta' tliet xhur, li jibda mill-11 ta' Frar 2017, fil-fruntieri interni li ġejjin:

l-Awstrija fil-fruntiera fuq l-art bejn l-Awstrija u l-Ungerija u fil-fruntiera fuq l-art bejn l-Awstrija u s-Slovenja;

il-Ġermanja fil-fruntiera fuq l-art bejn il-Ġermanja u l-Awstrija;

id-Danimarka fil-portijiet Daniżi b'konnessjonijiet bil-lanċa lejn il-Ġermanja u fil-fruntiera fuq l-art bejn id-Danimarka u l-Ġermanja;

l-Iżvezja fil-portijiet Żvediżi fir-Reġjun tal-Pulizija tan-Nofsinhar u tal-Punent u fuq il-pont Öresund;

in-Norveġja fil-portijiet Norveġiżi b'konnessjonijiet bil-lanċa lejn id-Danimarka, il-Ġermanja u l-Iżvezja.

2.

Qabel ma wieħed jiddeċiedi fuq estensjoni ulterjuri ta' tali kontrolli bbażati fuq din ir-Rakkomandazzjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri kkonċernati jagħmlu skambju ta' fehmiet mal-Istat(i) Membru/i rilevanti bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-kontrolli fil-fruntieri interni jsiru biss fejn huwa meqjus neċessarju u proporzjonat. Barra minn dan, jenħtieġ li l-Istati Membri kkonċernati jiżguraw li l-kontrolli fil-fruntieri interni huma mwettqa biss bħala miżura aħħarija meta miżuri alternattivi oħra ma jistgħux jiksbu l-istess effett, u biss f'dawk il-partijiet tal-fruntiera interna fejn huwa meqjus neċessarju u proporzjonat, f'konformità mal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen. Jenħtieġ li l-Istati Membri kkonċernati jinnotifikaw lill-Istati Membri l-oħra, lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni kif xieraq.

3.

Il-kontroll fil-fruntiera jeħtieġ jibqa' immirat, ikun ibbażat fuq analiżi tar-riskju u intelligence aġġornati kontinwament u jkun limitat fl-iskop, fil-frekwenza, fil-post u fil-ħin, għal dak li huwa strettament meħtieġ għall-indirizzar tat-theddid serju u s-salvagwardja tal-ordni pubbliku u s-sigurtà interna. Jenħtieġ li l-Istat Membru li jwettaq kontrolli fil-fruntieri interni skont din id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni jirrieżamina kull ġimgħa l-ħtieġa, il-frekwenza, il-post u l-ħin tal-kontrolli, jaġġusta l-intensità tal-kontrolli għal-livell tat-theddida indirizzata, filwaqt li jneħħihom b'mod progressiv kull fejn xieraq, u jirrapporta lill-Kummissjoni u l-Kunsill kull xahar.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Frar 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

L. GRECH


(1)  ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1.

(2)  ĠU L 151, 8.6.2016, p. 8.

(3)  Ir-Raba' Rapport dwar il-Progress imwettaq fl-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija (COM(2016) 792).