31.1.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 31/61


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-24 ta’ Jannar 2017

li tistabbilixxi l-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni dwar “Il-Pjattaforma dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali”

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2017/C 31/12)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Artikolu 13 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jagħraf li l-annimali huma esseri senzjenti u jesiġi li l-Unjoni u l-Istati Membri jikkunsidraw b’mod sħiħ il-ħtiġijiet tal-benessri tal-annimali fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-agrikoltura, tas-sajd, tat-trasport, tas-suq intern, tar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku u tal-politiki dwar l-ispazju tal-Unjoni, filwaqt li jiġu rispettati d-dispożizzjonijiet leġislattivi jew amministrattivi tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu partikolarment mar-riti reliġjużi, mat-tradizzjonijiet kulturali u mal-wirt reġjonali.

(2)

Skont l-Artikolu 11(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-istituzzjonijiet għandhom iżommu djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u mas-soċjetà ċivili.

(3)

L-Artikolu 26 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistipula li l-Unjoni għandha tadotta miżuri bil-ħsieb li tistabbilixxi u tiżgura li s-suq intern jiffunzjona għall-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital.

(4)

L-Artikolu 38 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jassenja l-kompitu lill-Unjoni li tiddefinixxi u timplimenta politika agrikola komuni.

(5)

L-Artikolu 179 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistipula li l-Unjoni għandha l-għan li ssaħħaħ il-bażijiet xjentifiċi u teknoloġiċi tagħha billi tikseb żona Ewropea tar-riċerka. Skont l-Artikolu 180(b) tat-Trattat imsemmi, l-Unjoni għandha tippromwovi l-kooperazzjoni fil-qasam tar-riċerka tal-Unjoni, l-iżvilupp u d-dimostrazzjoni teknoloġiċi ma’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali.

(6)

Fl-2011 il-Kummissjoni stabbiliet grupp ta’ esperti dwar it-trattament xieraq tal-annimali (1) biex dan jgħin lill-Kummissjoni u jagħtiha l-pariri dwar kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-leġiżlazzjoni dwar it-trattament xieraq tal-annimali u biex jiffaċilita t-tpartit tal-informazzjoni, tal-esperjenza u tal-prassi tajba fil-qasam tal-leġiżlazzjoni dwar it-trattament xieraq tal-annimali.

(7)

Il-Parlament Ewropew (2) u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (3) appellaw għall-istabbiliment ta’ pjattaforma tal-Unjoni dwar it-trattament xieraq tal-annimali biex jittejjeb id-djalogu fost il-partijiet ikkonċernati biex dawn jaqsmu l-esperjenzi, l-għarfien espert u l-opinjonijiet.

(8)

Biex iwieġeb għat-talbiet tal-Parlament u tal-Kunsill, grupp ġdid ta’ esperti “Il-Pjattaforma dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali” (“il-Pjattaforma”) għandu jassisti lill-Kummissjoni u jgħin biex jinżamm djalogu regolari dwar kwistjonijiet tal-Unjoni direttament marbuta mat-trattament xieraq tal-annimali, bħalma huma l-infurzar tal-leġiżlazzjoni, l-iskambju tal-għarfien xjentifiku, l-innovazzjonijiet u l-prattiki tajbin għall-benessri tal-annimali/inizjattivi, jew attivitajiet internazzjonali dwar it-trattament xieraq tal-annimali. Il-Pjattaforma għandha wkoll tgħin lill-Kummissjoni dwar suġġetti rilevanti tal-Unjoni li jistgħu jinteraġixxu ma’ kwistjonijiet ta’ trattament xieraq tal-annimali, bħalma huma l-kummerċ, ir-reżistenza antimikrobika, is-sikurezza fl-ikel, ir-riċerka u l-ambjent. Peress li l-Pjattaforma se jkollha l-istess mandat bħall-grupp ta’ esperti eżistenti dwar it-trattament xieraq tal-annimali ma hemmx għalfejn jinżamm l-ewwel grupp.

(9)

Fil-ħidma tagħha l-Pjattaforma għandha tqis l-attivitajiet ta’ gruppi jew netwerks ta’ djalogu rilevanti oħrajn dwar it-trattament xieraq tal-annimali, bħal gruppi ta’ ħidma u netwerks tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) jew il-Pjattaforma Reġjonali għall-Ewropa tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali dwar it-trattament xieraq tal-annimali.

(10)

Il-Pjattaforma għandha tkun magħmula minn rappreżentanti tal-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri kollha, mill-organizzazzjonijiet tan-negozji involuti fil-katina tal-provvista tal-ikel u fiż-żamma tal-annimali għal għanijiet ta’ trobbija oħrajn, fil-livell tal-Unjoni Ewropea, għandha tkun magħmula minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili involuti fit-trattament xieraq tal-annimali, kif ukoll minn istituzzjonijiet akkademiċi u ta’ riċerka li jaħdmu fix-xjenzi tat-trattament xieraq tal-annimali. Is-sħubija tal-Pjattaforma għandha tkun miftuħa wkoll għal esperti mill-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi mhux membri tal-UE li huma partijiet kontraenti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea kif ukoll għal esperti minn organizzazzjonijiet intergovernattivi internazzjonali.

(11)

Għandhom jiġu stabbiliti r-regoli dwar l-iżvelar tal-informazzjoni minn membri tal-Pjattaforma.

(12)

Id-dejta personali għandha tiġi pproċessata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(13)

Jixraq li jiġi stipulat perjodu għall-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Meta jkun il-waqt, il-Kummissjoni se tqis jekk ikunx rakkomandabbli li din id-Deċiżjoni tiġi estiża.

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Suġġett

Grupp ta’ esperti “Il-Pjattaforma dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali” (“il-Pjattaforma”), huwa b’dan stabbilit.

Artikolu 2

Kompiti

Il-kompiti tal-Pjattaforma għandhom ikunu:

(a)

li tgħin lill-Kummissjoni fl-iżvilupp u fl-iskambju ta’ azzjonijiet ikkoordinati li l-għan tagħhom ikun li jikkontribwixxu lejn l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea li għandha x’taqsam mat-trattament xieraq tal-annimali u l-fehim, kemm fl-Unjoni, kif ukoll barra minnha, tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u tal-istandards internazzjonali dwar it-trattament xieraq tal-annimali;

(b)

li tiffaċilita l-iżvilupp u l-użu ta’ impenji volontarji ta’ titjib fit-trattament tal-annimali li jagħmlu n-negozji;

(c)

li tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-istandards tal-Unjoni dwar it-trattament xieraq tal-annimali u tivvalorizza l-valur fis-suq tal-prodotti tal-Unjoni f’livell globali;

(d)

li tinkoraġġixxi d-djalogu fost l-awtoritajiet kompetenti, in-negozji, is-soċjetà ċivili, id-dinja akkademika, ix-xjenzjati, u l-organizzazzjonijiet intergovernattivi internazzjonali dwar suġġetti marbuta mat-trattament xieraq tal-annimali rilevanti għall-Unjoni;

(e)

li tippromwovi skambju ta’ esperjenzi u prattiki tajba, l-għarfien xjentifiku u l-innovazzjoni marbuta mat-trattament xieraq tal-annimali rilevanti għall-Unjoni;

(f)

li taqsam l-informazzjoni dwar l-iżviluppi ta’ politiki fl-oqsma u dwar l-attivitajiet imsemmijin hawn fuq.

Artikolu 3

Konsultazzjoni

Il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta lill-Pjattaforma dwar kwalunkwe kwistjoni marbuta mat-trattament xieraq tal-annimali rilevanti għall-Unjoni.

Artikolu 4

Sħubija

1.   Il-Pjattaforma għandha tkun magħmula minn mhux iktar minn 75 membru.

2.   Il-Pjattaforma għandha tkun magħmula minn dawn il-membri li ġejjin:

a.

l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u ta’ dawk il-pajjiżi li mhumiex fl-UE li huma partijiet kontraenti tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-membri fiż-ŻEE”) li huma responsabbli mit-trattament xieraq tal-annimali;

b.

organizzazzjonijiet kummerċjali u professjonali li jaħdmu fil-katina tal-provvista alimentari li tinvolvi l-annimali jew il-prodotti tal-annimali u fit-trobbija tal-annimali għal-skopijiet oħrajn tal-biedja fil-livell tal-Unjoni;

c.

organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li għandhom attivitajiet marbuta mat-trattament xieraq tal-annimali fil-livell tal-Unjoni;

d.

esperti indipendenti minn istituzzjonijiet akkademiċi u ta’ riċerka li jaħdmu fix-xjenzi tat-trattament xieraq tal-annimali li għandhom impatt fuq il-politiki tal-Unjoni;

e.

organizzazzjonijiet intergovernattivi internazzjonali li jaħdmu fil-qasam tat-trattament xieraq tal-annimali (5);

f.

l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel.

3.   Il-membri elenkati fil-Paragrafu 2 (d) jinħatru fil-kapaċità personali tagħhom u għandhom jaġixxu b’mod indipendenti u fl-interess pubbliku.

4.   Il-membri elenkati fil-paragrafi 2 (b) u (c), għandhom jintgħażlu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 5. Dawn għandhom jaħtru r-rappreżentanti tagħhom fil-Pjattaforma f’livell għoli u għandhom ikunu responsabbli li jiżguraw li r-rappreżentanti tagħhom ikunu permanenti u jipprovdu livell ta’ għarfien espert għoli biżżejjed. Il-Kummissjoni tista’ tirrifjuta rappreżentant li jinħatar minn organizzazzjoni jekk tqis li, għal raġunijiet ġustifikati speċifikati fir-regoli tas-sejħa għall-applikazzjonijiet tal-Pjattaforma, il-ħatra ma tkunx xierqa. F’każijiet bħal dawn, l-organizzazzjoni kkonċernata għandha tintalab taħtar rappreżentant ieħor.

6.   Il-membri elenkati fil-paragrafu 2 (a), (e) u (f) għandhom jaħtru lir-rappreżentanti tagħhom li jkunu responsabbli mit-trattament xieraq tal-annimali u għandhom ikunu responsabbli li jiżguraw li r-rappreżentanti tagħhom jkollhom livell għoli biżżejjed ta’ għarfien espert.

7.   Il-membri li ma jibqgħux f’pożizzjoni li jikkontribwixxu b’mod effettiv fl-attivitajiet tal-grupp ta’ esperti, u li, fl-opinjoni tad-Direttorat Ġenerali għas-Sikurezza tas-Saħħa u tal-Ikel, ma jikkonformawx mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 339 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jew li jippreżentaw ir-riżenja tagħhom, ma għandhomx jibqgħu jiġu mistiedna biex jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Pjattaforma, u jistgħu jiġu sostitwiti għall-kumplament tal-perjodu taż-żmien li jkun fadallu l-mandat tagħhom.

Artikolu 5

Il-proċess tal-għażla

1.   L-għażla tal-membri tal-Pjattaforma elenkati fl-Artikolu 4(2)(b) sa (d) għandha ssir permezz ta’ sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet li tiġi ppubblikata fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni u entitajiet oħrajn simili (“ir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti”). Barra minn hekk, is-sejħa għall-applikazzjonijiet tista’ tiġi ppubblikata b’mezzi oħra, anki fuq siti web magħmula apposta.

Is-sejħa għall-applikazzjonijiet għandha turi b’mod ċar il-kriterji tal-għażla li jinkludu l-livell ta’ għarfien espert mistenni u l-interessi li għandhom ikunu rappreżentati rigward ix-xogħol li jrid jitwettaq. L-iskadenza minima għall-applikazzjonijiet għandha tkun ta’ erba’ ġimgħat.

2.   Il-membri elenkati fl-Artikolu 4(2)(d) għandhom jiżvelaw kull ċirkostanza li tista’ twassal għal kunflitt ta’ interess. B’mod partikolari, il-Kummissjoni teżiġi li bħala parti mill-applikazzjoni tagħhom dawk l-individwi jippreżentaw formola tad-dikjarazzjoni tal-interessi (“DOI”) bbażata fuq il-formola standard tad-dikjarazzjoni tal-interessi tal-gruppi ta’ esperti, flimkien ma’ curriculum vitae (CV) aġġornat. Għandha tinħtieġ il-preżentazzjoni tal-formola tad-DOI mimlija biex dak li jkun isir eliġibbli li jinħatar membru fil-kapaċità personali tiegħu. Il-valutazzjoni tal-kunflitt ta’ interess għandha ssir b’konformità mar-regoli orizzontali tal-Kummissjoni għall-gruppi ta’ esperti (“ir-regoli orizzontali”) (6).

3.   Ir-reġistrazzjoni fir-Reġistru ta’ Trasparenza hija meħtieġa biex jinħatru l-organizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(2)(b) u (c).

4.   Il-membri elenkati fl-Artikolu 4(2)(b) sa (d) għandhom jinħatru mid-Direttur Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari minn fost l-applikanti bil-kompetenza rilevanti fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 2 li jkunu wieġbu għas-sejħa għall-applikazzjonijiet.

5.   Il-membri għandhom jinħatru sal-31 ta’ Diċembru 2019. Dawn jibqgħu fil-kariga sa tmiem il-mandat tagħhom. Il-mandat tagħhom jista’ jiġġedded.

6.   Fir-rigward tal-membri elenkati fil-Punt (2) (d) tal-Artikolu 4, id-Direttur Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari għandu jaħtar membri supplenti, skont l-istess kundizzjonijiet tal-membri, u dawn awtomatikament għandhom jieħdu post kwalunkwe membru li jkun assenti jew indispost. Id-Direttur Ġenerali għandu jistabbilixxi wkoll, lista ta’ riżerva ta’ kandidati xierqa, wara li jikseb il-kunsens tagħhom, li tkun tista’ tintuża biex jinħatru sostituti tal-membri.

Artikolu 6

Il-president

Il-Pjattaforma għandha tkun ippreseduta mid-Direttur Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari jew mir-rappreżentant tiegħu/tagħha.

Artikolu 7

Il-ħidma

1.   Il-Pjattaforma għandha taġixxi fuq talba tal-President, skont ir-regoli orizzontali.

2.   Fil-prinċipju, il-grupp għandu jiltaqa’ mill-inqas darbtejn fis-sena fil-kwartieri tal-Kummissjoni, u kull darba li l-Kummissjoni tħoss il-bżonn li ssir laqgħa.

3.   Is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom jipprovdu s-servizzi segretarjali. Jistgħu jattendu l-laqgħat tal-Pjattaforma u tas-sottogruppi tagħha uffiċjali minn dipartimenti oħrajn tal-Kummissjoni li jkollhom interess fil-ħidmiet tal-Pjattaforma.

4.   Bi ftehim mal-President, il-Pjattaforma tista’, permezz ta’ maġġoranza sempliċi tal-membri tagħha, tiddeċiedi li tiftaħ il-laqgħat tagħha għall-pubbliku.

5.   Il-minuti tad-diskussjoni dwar kull punt fl-aġenda u l-konklużjonijiet tad-dibattiti għandhom ikunu siewja u sħaħ. Il-minuti għandhom jitħejjew mis-segretarjat taħt ir-responsabbilità tal-President.

6.   Il-Pjattaforma għandha tadotta r-rapporti jew il-konklużjonijiet permezz tal-kunsens. Meta ssir votazzjoni, ir-riżultat tal-votazzjoni għandu jkun deċiż b’maġġoranza sempliċi tal-membri. Il-membri li jkunu vvutaw kontra għandhom id-dritt li jkollhom dokument li jiġbor fil-qosor ir-raġunijiet għall-pożizzjoni tagħhom mehmuż mar-rapport jew mal-konklużjoni rilevanti.

Artikolu 8

Sottogruppi

1.   Id-Direttur Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari jista’ jistabbilixxi s-sottogruppi biex jeżaminaw kwistjonijiet speċifiċi abbażi ta’ termini ta’ referenza ddefiniti mill-Kummissjoni. Is-sottogruppi għandhom jaħdmu skont ir-regoli orizzontali u jirrapportaw lura lill-Pjattaforma. Dawn is-sottogruppi għandhom jiġu xolti malli jintlaħaq l-għan tal-mandat tagħhom.

2.   Il-membri tas-sottogruppi li ma jkunux membri tal-Pjattaforma għandhom jintagħżlu permezz ta’ sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet, b’konformità mal-Artikolu 5 u mar-regoli orizzontali (7).

Artikolu 9

L-esperti mistiedna

Fuq bażi ad hoc, il-President jista’ jistieden lil xi esperti li għandhom kompetenza speċifika dwar suġġett fl-aġenda biex jieħdu sehem fil-ħidma tal-grupp jew tas-sottogrupp.

Artikolu 10

Osservaturi

1.   Individwi, organizzazzjonijiet u entitajiet pubbliċi jistgħu jingħataw status ta’ osservatur, skont ir-regoli orizzontali, bi stedina diretta jew wara sejħa għall-applikazzjonijiet.

2.   L-organizzazzjonijiet jew l-entitajiet pubbliċi li jinħatru bħala osservaturi għandhom jaħtru lir-rappreżentanti tagħhom.

3.   L-osservaturi u r-rappreżentanti tagħhom jistgħu jkunu awtorizzati mill-President biex jieħdu sehem fid-diskussjonijiet tal-Pjattaforma u jipprovdu l-għarfien espert. Madankollu, ma jkollhomx id-dritt tal-vot u ma għandhomx jieħdu sehem fit-tfassil ta’ rakkomandazzjonijiet jew ta’ konklużjonijiet tal-Pjattaforma.

4.   Il-Pjattaforma ma għandhiex ikollha aktar minn ħames osservaturi.

Artikolu 11

Ir-regoli ta’ proċedura

Il-Pjattaforma għandha tadotta r-regoli ta’ proċedura tagħha b’maġġoranza sempliċi tal-membri, abbażi tar-regoli standard ta’ proċedura għall-gruppi ta’ esperti, b’konformità mar-regoli orizzontali, fuq proposta mill-President u bi ftehim miegħu.

Artikolu 12

Is-segretezza professjonali u t-trattament ta’ informazzjoni kklassifikata

Il-membri tal-Pjattaforma u r-rappreżentanti tagħhom, kif ukoll l-esperti u l-osservaturi mistiedna, għandhom jikkonformaw mal-obbligi tas-segretezza professjonali li skont it-Trattati u r-regoli ta’ implimentazzjoni tagħhom, japplikaw għall-membri kollha tal-istituzzjonijiet u l-persunal tagħhom, u mar-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà fir-rigward tal-protezzjoni tal-informazzjoni kklassifikata tal-Unjoni, stabbiliti fid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 (8) u (UE, Euratom) 2015/444 (9). F’każ li dawn l-obbligi ma jiġux rispettati, il-Kummissjoni tista’ tieħu l-miżuri xierqa kollha.

Artikolu 13

Ir-relazzjoni mal-Parlament Ewropew

Il-Parlament Ewropew għandu jinżamm infurmat dwar il-ħidma tal-Pjattaforma. Jekk jitlob il-Parlament Ewropew, u skont il-modalitajiet stabbiliti fil-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea (10), il-Kummissjoni tista’ tistieden lill-Parlament jibgħat l-esperti jattendu l-laqgħat.

Artikolu 14

It-trasparenza

1.   Il-Pjattaforma u s-sottogruppi għandhom jiġu rreġistrati fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti.

2.   F’dak li jirrigwarda l-kompożizzjoni tal-grupp, id-dejta li ġejja għandha tiġi ppubblikata fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti:

(a)

l-ismijiet tal-individwi li jinħatru f’kapaċità personali;

(b)

l-ismijiet tal-organizzazzjonijiet membri; għandu jkun iddikjarat l-interess rappreżentat;

(c)

l-ismijiet ta’ entitajiet pubbliċi oħrajn;

(d)

l-ismijiet tal-osservaturi.

3.   Id-dokumenti rilevanti kollha, bħalma huma l-aġendi, il-minuti u s-sottomissjonijiet tal-parteċipanti, għandhom ikunu disponibbli fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti jew inkella permezz ta’ link bejn ir-Reġistru u sit web apposta, fejn tkun tista’ tinsab din l-informazzjoni. L-aċċess għal siti web speċifiċi ma għandux ikun soġġett għar-reġistrazzjoni tal-utent jew xi restrizzjoni oħra. B’mod partikolari, l-aġenda u d-dokumenti ta’ sfond rilevanti oħra għandhom jiġu ppubblikati fi żmien xieraq qabel il-laqgħa, segwiti minn pubblikazzjoni f’waqtha tal-minuti. L-eċċezzjonijiet għall-pubblikazzjoni għandhom jiġu previsti biss meta d-divulgazzjoni ta’ dokument iddgħajjef il-protezzjoni ta’ interess pubbliku jew privat kif iddefinit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).

Artikolu 15

Spejjeż tal-laqgħat

1.   Dawk li jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-Pjattaforma u tas-sottogruppi ma għandhomx jitħallsu għas-servizzi li jagħtu.

2.   L-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza tal-parteċipanti fl-attivitajiet tal-Pjattaforma u tas-sottogruppi għandhom jiġu rimborżati mill-Kummissjoni. Ir-rimborż għandu jsir skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-Kummissjoni u fil-limiti tal-approprjazzjonijiet disponibbli allokati lid-dipartimenti tal-Kummissjoni skont il-proċedura annwali għall-allokazzjoni tar-riżorsi.

Artikolu 16

L-applikabbiltà

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2019.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Jannar 2017.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Il-grupp ta’ esperti dwar it-trattament xieraq tal-annimali E02668.

(2)  Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar Strateġija ġdida għall-Benessri tal-Annimali għall-2020–2016 tal-24 ta’ Novembru 2015 (2015/2957 (RSP)).

(3)  It-3464 laqgħa tal-Kunsill — Agrikoltura u Sajd - is-17 ta’ Mejju 2016.

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.).

(5)  pereżempju, l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE), l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO),

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30.5.2016 li tistabbilixxi regoli orizzontali dwar il-ħolqien u l-funzjonament tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni.

(7)  Ara l-Artikoli 10 u 14.2 tar-regoli orizzontali.

(8)  ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41.

(9)  ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53.

(10)  ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.

(11)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).