13.1.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 9/8


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/70

tal-25 ta' Lulju 2016

dwar l-għajnuna mill-Istat SA.37185 (2015/C) (ex 2013/N) li Spanja tat u parzjalment implimentat għall-finanzjament taċ-Centro de ensayos de alta tecnología ferroviaria de Antequera (CEATF)

(notifikata bid-dokument C(2016) 4573)

(It-test bl-Ispanjol biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li avżat lill-partijiet ikkonċernati biex jibagħtu l-kummenti tagħhom f'konformità mad-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   IL-PROĊEDURA

(1)

Permezz tal-ittra bid-data tal-5 ta' Awwissu 2013, Spanja bagħtet prenotifika lill-Kummissjoni dwar għajnuna għall-finanzjament ta' ċentru ta' ttestjar ferrovjarju ta' teknoloġija avvanzata f'Antequera (“Centro de Ensayos de Alta Tecnología Ferroviaria de Antequera”, is-“CEATF”). In-notifikazzjoni ġiet irreġistrata fit-30 ta' Settembru 2013. Il-Kummissjoni talbet informazzjoni supplimentari permezz tal-ittri bid-dati tat-28 ta' Novembru 2013, it-28 ta' Marzu, il-25 ta' Lulju u l-5 ta' Diċembru 2014, li għalihom l-awtoritajiet Spanjoli wieġbu bl-ittri bid-dati tas-6 ta' Frar, l-20 ta' Mejju, il-15 ta' Ottubru 2014 u t-23 ta' Jannar 2015.

(2)

Permezz tal-ittra bid-data tat-23 ta' Marzu 2015, il-Kummissjoni nnotifikat lil Spanja bid-deċiżjoni tagħha li jingħata bidu għall-proċeduri stipulati fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-miżura msemmija iktar 'il fuq.

(3)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li jingħata bidu għall-proċeduri (“id-deċiżjoni tal-ftuħ”) ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jibagħtu l-kummenti tagħhom dwar l-għajnuna.

(4)

Fuq talba tal-Kummissjoni, saret laqgħa mal-awtoritajiet Spanjoli fit-28 ta' Mejju 2015. Spanja bagħtet l-osservazzjonijiet tagħha dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ fit-2 ta' Lulju 2015. Il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali permezz tal-ittri bid-dati tat-8 ta' Settembru, il-15 ta' Ottubru 2015 u l-15 ta' Jannar 2016, li għalihom l-awtoritajiet Spanjoli wieġbu bl-ittri bid-dati tat-28 ta' Settembru, it-13 ta' Novembru 2015 u l-21 ta' Jannar 2016.

(5)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand kumpaniji li joperaw fis-settur tal-ferroviji fis-7, id-9, l-10, is-16, is-17 u t-23 ta' Lulju 2015. Dawn l-għaxar kumpaniji huma operaturi ferrovjarji, manifatturi tal-vetturi ferrovjarji u kumpaniji li jipprovdu faċilitajiet tal-ittestjar virtwali jew materjali tal-ittestjar.

(6)

Il-Kummissjoni bagħtet dawn il-kummenti lil Spanja b'ittra bid-data tal-24 ta' Settembru 2015, li għaliha Spanja wieġbet b'ittra bid-data tal-14 ta' Ottubru 2015.

(7)

Finalment, fis-26 ta' Lulju 2013, l-awtoritajiet Spanjoli ssottomettew il-proġett, fil-forma sussegwentement innotifikat lid-DĠ Kompetizzjoni fit-30 ta' Settembru 2013, lid-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana tal-Kummissjoni bħala “Proġett Maġġuri” biex jiġi ffinanzjat taħt Programm Operattiv Multireġjonali li kien fis-seħħ fi Spanja dak iż-żmien (3). Huma rtiraw il-proġett bl-ittra tal-14 ta' April 2015.

2.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-MIŻURA

2.1.   Objettiv u deskrizzjoni tal-proġett tas-CEATF

(8)

Il-miżura nnotifikata tikkonċerna l-finanzjament pubbliku ta' infrastruttura ta' riċerka maħsuba biex topera bħala ċentru għall-ittestjar ta' vetturi ferrovjarji ta' veloċità għolja u tagħmir relatat. L-objettiv tal-proġett tas-CEATF huwa li jipprovdi infrastruttura unika fl-Ewropa li tippermetti li jsiru l-proċessi meħtieġa ta' ttestjar, validazzjoni u approvazzjoni ta' vetturi ferrovjarji ta' veloċità għolja.

(9)

Il-proġett tas-CEATF jikkonsisti f'ċirkwit ferrovjarju fejn il-ferroviji jkunu jistgħu joperaw b'veloċitajiet għoljin ħafna (sa 520 km/siegħa), u installazzjonijiet awżiljarji li jippermettu r-riċerka, l-approvazzjoni u l-ikkalibrar ta' tagħmir ferrovjarju mobbli, u elementi ta' infrastruttura u sovrastruttura. B'mod iktar speċifiku, il-faċilitajiet taċ-ċentru jippermettu r-riċerka fuq id-dinamika ferrovjarja, fuq il-ġenerazzjoni ġdida ta' trazzjoni u bbrejkjar tal-ferroviji, u fuq is-sistemi ta' sinjalar tal-infrastruttura ferrovjarja.

(10)

Iċ-ċirkwit ferrovjarju għandu forma ċirkolari twila 58 km b'sezzjoni dritta twila 9 km u jippermetti li jintlaħqu veloċitajiet sa massimu ta' 520 km/siegħa. Huwa jinkludi kurvaturi b'raġġ kbir, li kkombinati ma' sopraelevazzjoni speċifika, jippermetti ċertu veloċità u aċċelerazzjoni laterali.

(11)

Spanja indikat li ċ-ċirkwit ferrovjarju huwa maħsub li jintuża għall-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi ferrovjarji li jivvjaġġaw b'veloċità massima ta' 520 km/siegħa, u dan jikkorrispondi mal-approvazzjoni tat-tip ta' kurvaturi b'raġġ kbir u kbir ħafna (4).

(12)

Iċ-ċirkwit huwa mgħammar ukoll b'żewġ sezzjonijiet b'żewġ binarji u pjattaformi li jistgħu jintużaw għall-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi ferrovjarji li jivvjaġġaw b'veloċità ta' 250 km/siegħa (5) jew inqas, kif ukoll għal testijiet ta' infrastruttura u sovrastruttura.

(13)

Iċ-ċirkwit huwa mgħammar b'fergħat ta' konnessjoni li jistgħu jintużaw għall-approvazzjoni tat-tip fuq kurvaturi żgħar u żgħar ħafna.

(14)

L-installazzjonijiet awżiljarji jinkludu ċ-Ċentru Integrat għas-Servizzi Ferrovjarji (“Centro Integral de Servicios Ferroviarios”, “is-CISF”) li jospita laboratorji, uffiċini u kmamar għat-taħriġ. Il-laboratorji jikkonsistu f'workshop multifunzjonali u żona ta' preparazzjoni għat-testijiet li jiffaċilitaw l-immuntar u l-iżżarmar ta' tagħmir ferrovjarju, kompiti ta' żvilupp tad-diversi sistemi ta' abbord, u attivitajiet ta' riċerka, żvilupp u innovazzjoni (RŻI). Parti minn din iż-żona hija ddedikata għat-testijiet tal-imġiba ottimali tal-vetturi ferrovjarji għall-validazzjoni u l-approvazzjoni futuri ta' vetturi ferrovjarji.

(15)

L-installazzjoni awżiljarja tinkludi wkoll binarji għal ittestjar speċifiku, substazzjon ta' multitensjoni biex jipprovdi enerġija liċ-ċirkwiti, u ċentru tal-kontroll tat-traffiku.

(16)

Il-kostruzzjoni u l-operat taċ-ċirkwit ferrovjarju jiġu fdati lil Sħubija Pubblika Privata, li tiġbor flimkien lill-ADIF (Administrador de Infraestructura ferroviaria, ara l-premessa 24 hawn taħt) u konsorzju ta' impriżi. Il-konsorzju ta' impriżi jenħtieġ li jkollu l-forma legali ta' Veikolu bi Skop Speċjali (SPV- Special Purpose Vehicle, “Sociedad de Propósito Específico” — “SPE”) (6), li jkun responsabbli għall-kostruzzjoni taċ-ċentru ta' ttestjar u mbagħad għall-operat tiegħu għal 25 sena. L-ADIF inħatret bħala s-sid tas-CEATF.

(17)

Qabel is-sejħa għall-offerti li ġiet ippubblikata fil-ġurnal uffiċjali Spanjol fit-2 ta' Lulju 2013 (7), l-awtoritajiet Spanjoli indikaw li saru laqgħat ma' kumpaniji potenzjalment interessati u sar ukoll stħarriġ koordinat. Skont huma, it-tweġibiet ikkonfermaw livell għoli ta' interess fis-settur privat fl-implimentazzjoni tal-proġett (8). Il-kumpaniji li l-iktar urew interess fil-proġett huma kumpaniji mis-settur tal-bini (40,43 % tal-kwestjonarji riċevuti) u manifatturi ta' vetturi ferrovjarji (12,76 % tal-kwestjonarji riċevuti). Huma wrew l-interess tagħhom li jipparteċipaw fil-proġett u jieħdu riskji bil-kundizzjoni ta' xi garanziji fuq l-investiment tagħhom, peress li meta sar l-istudju ma kienx hemm biżżejjed informazzjoni disponibbli fuq il-profittabilità biex jikkommettu ruħhom fermament (9).

(18)

Madankollu, l-ewwel sejħa għall-offerti biex jingħażel l-SPV ġiet iddikjarata nulla f'Ottubru 2013, peress li l-ebda offerent ma wera interess fil-proġett. Il-proċess tal-għażla ta' offerent imbagħad ġie sospiż sakemm il-Kummissjoni ħadet id-deċiżjoni finali dwar il-proġett.

(19)

L-awtoritajiet Spanjoli kkonfermaw li fis-CEATF kellhom jitwettqu biss attivitajiet ekonomiċi. Kieku l-ADIF jew is-sussidjarja tagħha ADIF Alta Velocidad kellhom jużaw iċ-ċentru għat-testijiet tagħhom stess, huma kienu jagħmlu dan bl-istess kundizzjonijiet bħal utenti oħra, matul il-25 sena tal-perjodu tal-kuntratt.

(20)

L-awtoritajiet Spanjoli indikaw li attwalment hemm tliet ċentri ta' ttestjar ferrovjarju li qed jitħaddmu fl-Ewropa (Cerhenice (Velim) fir-Repubblika Ċeka, Wildenrath fil-Ġermanja u Valenciennes fi Franza). Skont huma, dawk il-faċilitajiet jippermettu biss ittestjar b'veloċitajiet iktar baxxi (ara t-Tabella 1 hawn taħt).

Tabella 1

Paragun bejn ċentri tal-ittestjar ferrovjarju operattivi oħra fl-Ewropa, wieħed fl-Istati Uniti u s-CEATF

 

Velim

(ir-Repubblika Ċeka)

Wegberg-Wildenrath (il-Ġermanja)

Valenciennes (10)

(Franza)

TTCI — Puebla

(l-Istati Uniti tal-Amerka)

CEATF

Spanja

Sena tal-kostruzzjoni

1963

1997

1999

1998

Għandu jinbena

Għadd ta' ċirkwiti

2

5

4

4

1

Tul (km)

3,9 u 13,3

Minn 0,4 sa 6,1

Minn 1,6 sa 2,7

Minn 5,6 sa 21,7

9 dritti

58 ċirkolari

Veloċità massima (km/siegħa)

210

160 (ċirkwit kbir)

110

265 (ċirkwit kbir)

520

Sid

Railway Research Institute (Istitut tar-Riċerka Ferrovjarja), fergħa tal-operatur ferrovjarju nazzjonali

Siemens

CEF SA (61 % proprjetà ta' Alstom)

Association of American railroads (Assoċjazzjoni tal-Ferroviji Amerikani)

Operatur ferrovjarju nazzjonali — ADIF

Sors: l-awtoritajiet Spanjoli.

(21)

L-awtoritajiet Spanjoli indikaw li l-manifatturi Spanjoli tal-vetturi ferrovjarji ħafna drabi jużaw il-faċilitajiet offruti minn Velim and Wildenrath għall-ittestjar fuq il-binarji, iżda anke ċ-ċentru ta' ttestjar TTCI ta' Puebla fl-Istati Uniti.

(22)

L-ittestjar ta' vetturi ferrovjarji ta' veloċità għolja isir ukoll fuq binarji li jintużaw kummerċjalment li huma ddisinjati għal veloċità massima ta' 350 km/siegħa fejn it-testijiet isiru b'sa veloċità massima ta' 385 km/siegħa kif rikjest fl-istandard (10 % iktar mill-veloċità nominali tal-ferrovija). It-testijiet isiru billejl meta ma jkunx hemm servizzi ta' ferroviji kummerċjali tal-passiġġieri.

2.2.   Il-benefiċjarju

(23)

L-ADIF, bħala s-sid intiż taċ-Ċentru, talbet finanzjament pubbliku għall-bini tas-CEATF.

(24)

L-ADIF hija kumpanija 100 % proprjetà tal-gvern, maħluqa fl-2005, li topera taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u t-Trasport (“Ministerio de Fomento”). L-ADIF hija s-sid tal-infrastruttura ferrovjarja Spanjola u hija responsabbli mill-immaniġġjar tagħha (bini, manutenzjoni, tiswija u amministrazzjoni).

(25)

Kumpaniji ġdida proprjetà tal-gvern bl-isem ta' ADIF-Alta Velocidad inħolqot permezz tad-Digriet Amministrattiv Irjali 15 tat-13 ta' Diċembru 2013 fuq ir-rikostruzzjoni tal-ADIF (11). B'riżultat ta' dan, il-fergħa responsabbli mill-bini u l-immaniġġjar tan-netwerk ferrovjarju nazzjonali konvenzjonali (ADIF) issa hija separata mill-fergħa responsabbli mill-immaniġġjar tal-linji ferrovjarji ta' veloċità għolja (ADIF-Alta Velocidad).

(26)

Skont l-awtoritajiet Spanjoli, l-attivitajiet tal-ADIF jinkludu l-bini u l-amministrazzjoni tal-infrastruttura ferrovjarja li tinkludi l-binarji, l-istazzjonijiet u t-terminals tal-merkanzija, l-immaniġġjar tat-traffiku ferrovjarju, id-distribuzzjoni tal-kapaċità tal-operaturi ferrovjarji, il-ġbir tat-tariffi għall-infrastruttura, l-użu tal-istazzjon u t-terminal tal-merkanzija u l-operat tal-assi tagħha stess (bħall-portafoll tal-proprjetà industrijali u intellettwali). Dawn l-attivitajiet jikkostitwixxu attivitajiet ekonomiċi. Attivitajiet ekonomiċi oħra jinkludu l-kiri tal-ispazju għal ħwienet, fieri kummerċjali, wirjiet, stands, promozzjonijiet jew spettakli fl-istazzjonijiet tal-ADIF (12). Dawn l-attivitajiet jirrappreżentaw 99,97 % tad-dħul tal-ADIF. L-awtoritajiet Spanjoli madankollu indikaw li l-ADIF tista' twettaq ukoll attivitajiet oħra li fil-fehma tagħhom huma ta' natura mhux ekonomika, pereżempju riċerka u żvilupp (R&D).

2.3.   Deskrizzjoni tal-miżura ta' għajnuna

2.3.1.   Disinn tal-proġett, bażi legali u finanzjament

(27)

Fi Frar 2009, il-Ministeru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u t-Trasport inkariga lill-ADIF bil-kompitu li tidentifika l-possibilitajiet fattibbli għal faċilità ta' ttestjar ferrovjarju li tippermetti RŻI għal soluzzjonijiet avvanzati fis-settur tal-ferroviji ta' veloċità għolja.

(28)

Fil-15 ta' Diċembru 2009, l-ADIF u l-Kunsill ta' Andalucía (“Junta de Andalucía”, permezz tal-Kunsill ta' Innovazzjoni, Xjenza u Intrapriżi tiegħu) ifformalizzaw Memorandum ta' Qbil, li fih stabbilixxew l-impenn taż-żewġ istituzzjonijiet biex joħolqu ċ-Ċentru tat-Teknoloġija Ferrovjarja (“Centro de Tecnologías Ferroviarias”, “is-CTF” (13)) fil-Park tat-Teknoloġija ta' Andalucía u faċilità ta' ttestjar ferrovjarju, jiġifieri s-CEATF, fil-provinċja ta' Malaga.

(29)

L-ewwel verżjoni tal-proġett li ġiet ippreżentata lill-Ministeru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u t-Trasport fl-1 ta' Ġunju 2010 kienet tinvolvi l-bini ta' ċirkwit ewlieni twil 57 km għal ferroviji ta' veloċità għolja (b'veloċità massima tal-ittestjar ta' 450 km/siegħa) u żewġ ċirkwiti sekondarji (b'tul ta' 20 km u 5 km) għall-ittestjar ta' metros u trammijiet (b'veloċità massima ta' 220 km/siegħa). Ġew eżaminati diversi postijiet għaċ-ċirkwit ewlieni u diversi possibiltajiet ta' disinn. Id-dokument inizjali kien jippreżenta erba' alternattivi għaċ-ċirkwit ewlieni u tnejn għal dawk sekondarji u ġie elaborat bl-għan li titnieda l-valutazzjoni tal-impatt ambjentali tal-proġett.

(30)

B'mod parallel mal-istudji tal-ADIF maħsuba biex tiġi identifikata l-aħjar opzjoni għaċ-ċentru ta' ttestjar ferrovjarju ta' veloċità għolja, Spanja inkludiet proposti għal tali proġett fil-Programm Operattiv tagħha (taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (14)), sabiex tikseb fondi tal-ERDF (15).

(31)

Fl-1 ta' Diċembru 2010, l-ADIF approvat b'mod proviżorju l-“Informative study for Testing and experimentation facilities associated with the ADIF railway technology centre in Malaga”. Id-dokument kien jippreżenta analiżi, ibbażata fuq diversi kriterji, ta' żewġ alternattivi għaċ-ċirkwit ewlieni (1 A u 1B) u żewġ alternattivi għaċ-ċirkwit sekondarju (1B1 u 1B2). Id-dokument ikkonkluda li l-alternattivi 1B u 1B1 kienu l-iktar xierqa.

(32)

Ġie ffirmat ftehim (“convenio de collaboración”) għall-finanzjament tal-bini u t-tagħmir ta' ċentru tat-teknoloġija ferrovjarja ta' veloċità għolja bejn il-Ministeru tax-Xjenza u l-Innovazzjoni u l-ADIF fis-27 ta' Diċembru 2010. B'mod partikolari, l-Istat qabel li jipprovdi finanzjament lill-ADIF fil-forma ta' self u għotja. L-għotja ġiet ikkwalifikata bħala “għotja antiċipata” mill-fondi tal-ERDF (16).

(33)

L-ADIF beda jirċievi t-trasferimenti mingħand l-Istat f'Jannar 2011. Skont l-awtoritajiet Spanjoli (17), parti minn dawn l-għotjiet antiċipati ntużaw għall-istudji tal-fattibilità u parti minnhom għall-bini tal-laboratorji (is-CISF) fil-post fejn il-proġett tas-CEATF kien intiż li jiġi stabbilit fir-reġjun ta' Antequera.

(34)

Wara proċess amministrattiv u konsultattiv twil, u wara xi kummenti matul l-ewwel konsultazzjonijiet pubbliċi, l-ADIF iddeċidiet li tikkonsidra mill-ġdid l-ambitu tal-proġett. Alternattiva ġdida (1C) li kienet tikkonsisti f'ċirkwit fejn il-ferroviji jistgħu jilħqu veloċità ta' 520 km/siegħa fis-sezzjoni d-dritta, u fit-tneħħija taċ-ċirkwiti sekondarji (li jiġu sostitwiti b'żewġ partijiet ta' binarji konnessi maċ-ċirkwiti ewlenin) ġiet introdotta fid-dokumenti u analizzata iktar bir-reqqa.

(35)

L-ADIF imbagħad għamlet investigazzjoni addizzjonali u ħejjiet il-“Pjan Bażiku għall-faċilitajiet ta' ttestjar u riċerka taċ-Ċentru tat-Teknoloġija Ferrovjarja tal-ADIF f'Malaga. Ċirkwit u konnessjonijiet ewlenin u sekondarji”. Dan id-dokument, ibbażat fuq l-alternattiva 1C, kien jippreżenta l-proġett kif deskritt fis-sezzjoni 2.1 iktar 'il fuq. Dan il-pjan intbagħat lid-Direttorat Ġenerali għall-Ferroviji tal-Ministeru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u t-Trasport, li ddeċieda li jniedi konsultazzjoni pubblika fit-8 ta' April 2013 (18).

(36)

Wara l-konsultazzjoni pubblika, il-proġett ġie approvat fil-livell ministerjali fis-27 ta' Ġunju 2013 (mid-Direttorat Ġenerali għall-Ferroviji tal-Ministeru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u t-Trasport), soġġett għall-approvazzjoni finali tal-Kunsill tal-Ministri.

(37)

Fit-28 ta' Ġunju 2013, il-Kunsill tal-Ministri approva formalment il-proġett (19) u l-finanzjament tiegħu, u awtorizza lill-Ministeru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u t-Trasport biex iniedi l-offerta, permezz tal-ADIF, għall-bini u l-użu tas-CEATF (20).

(38)

Konsegwentement, il-finanzjament tal-proġett innotifikat l-ewwel kien ibbażat fuq il-ftehim tas-27 ta' Diċembru 2010 u mbagħad fuq id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri tat-28 ta' Ġunju 2013.

2.3.2.   L-istrument ta' għajnuna

(39)

Skont id-Deċiżjoni tat-28 ta' Ġunju 2013, l-ispejjeż totali tal-proġett kienu jammontaw għal EUR 358,6 miljun (21). Il-finanzjament pubbliku jkopri l-ispejjeż kollha tal-proġett u għandu jingħata mill-Ministeru tal-Ekonomija u l-Kompetittività b'dan il-mod:

(a)

EUR 99,6 miljun fil-forma ta' self (EUR 91,3 miljun mill-Convenio INNVENTA 2010, EUR 1,7 miljun mill-Programa INNPLANTA 2010 u EUR 6,6 miljun mill-Programa INNPLANTA 2011) (22).

(b)

EUR 259 miljun fil-forma ta' għotja, imħallsa mill-baġit ġenerali tal-Istat u kkwalifikati bħala “għotjiet antiċipati” mill-fondi tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF) (EUR 253,2 miljun mill-Convenio INNVENTA 2010, EUR 3,9 miljun permezz ta' sejħiet mill-Programa INNPLANTA 2010 u EUR 1,9 miljun mill-Programa INNPLANTA 2011).

(40)

Fir-rigward tas-self li għandu jingħata lill-ADIF għall-proġett u deskritt fil-premessa 39(a) iktar 'il fuq, l-awtoritajiet Spanjoli pprovdew id-dettalji li ġejjin:

Tabella 2

Struttura u ħlas lura tas-self tal-proġett tas-CEATF

PROGRAMM

RATA TAL-IMGĦAX

(%)

PERJODU TA' ĦLAS LURA

AMMONT MASSIMU

(EUR miljun)

INNVENTA 2010

1,17

2016-2024

91,3

INNPLANTA 2010

1,17

2015-2025

1,7

INNPLANTA 2011

0,00

3,06

2014-2018

2015-2025

0,8

5,8

 

 

 

99,6

Sors: l-awtoritajiet Spanjoli.

(41)

Is-self huwa rimunerat b'rati differenti, skont il-porzjonijiet tas-self u l-programmi li taħthom jingħata s-self.

(42)

Biex ikun jista' jsir paragun tar-rati tal-imgħax tas-self imsemmi hawn fuq mar-rati attwali tas-suq, l-awtoritajiet Spanjoli pprovdew lista tas-self kummerċjali mogħti lill-ADIF/ADIF Alta velocidad tul l-aħħar ħames snin, flimkien mal-kundizzjonijiet tagħhom (23) (minbarra l-BEI):

(a)

Fl-2010, l-ADIF ingħatat seba' selfiet: tlieta b'rata tal-imgħax fissa ta' 4,036 % sa 4,580 %, l-erbgħa l-oħra ngħataw b'rati tal-imgħax varjabbli kkalkolati bir-rata tal-Euribor kull 3 sa 12-il xahar, li fuqhom ġie applikat marġni ta' bejn 100 u 170 punt ta' bażi skont id-durata tas-self;

(b)

Fl-2011, l-ADIF ingħatat 11-il selfa b'rata tal-imgħax varjabbli kkalkolata bir-rata tal-Euribor kull bejn tlieta (3) u sitt (6) xhur, li fuqha ġie applikat marġni ta' bejn 210 u 250 punt ta' bażi skont id-durata tas-self. Pereżempju fit-8 ta' April 2011, l-ADIF ingħatat self ta' EUR 75 miljun għal durata ta' seba' snin b'rata tal-imgħax varjabbli kkalkolata bir-rata tal-Euribor kull sitt xhur, li fuqha ġie applikat marġni ta' 230 punt ta' bażi (b'perjodu ta' konċessjoni ta' tliet snin u rimborż semestrali);

(c)

Il-Kummissjoni tinnota li l-marġni tal-punti ta' bażi applikat fuq is-self mogħti lill-ADIF żdied fl-2013 u l-2014, sa 450 punt ta' bażi (24).

2.3.3.   Il-fondi diġà żborżati lill-ADIF

(43)

Spanja indikat ukoll li sa Novembru 2015, l-ADIF kienet irċeviet ammont totali nett ta' EUR 139,9 miljun li kien jinkludi “għotjiet antiċipati” u self. It-Tabelli 3, 4 u 5 hawn taħt jiddeskrivu fid-dettall il-finanzjament riċevut mill-ADIF minn Jannar 2011 'il quddiem:

Tabella 3

Figuri aġġornati tal-ammonti riċevuti mill-ADIF — Novembru 2015

(EUR miljun)

 

INNVENTA

INNPLANTA 2010

INNPLANTA 2011

TOTAL (nett)

Għotjiet antiċipati

130,0

3,9

1,25

135,2

Self

1,7

3,0

4,7

TOTAL

130,0

5,6

4,2

139,9

Sors: l-awtoritajiet Spanjoli.


Tabella 4

Dettalji tal-porzjonijiet tas-self

 

GĦOTJIET ANTIĊIPATI

 

Data

Attività

 

Ammonti (f'EUR)

 

Convenio Innventa

(1)

17.1.2011

 

 

30 000 000

(2)

17.1.2012

 

 

100 000 000

 

 

 

Total Innventa

(1 + 2)

130 000 000

 

Programa Innplanta 2010

(3)

17.1.2011

Att 2

 

3 023 790

(4)

11.1.2012

Att 2

 

966 210

(5)

28.2.2013

Att 2

rimborż

– 25 084

 

 

 

Total Innplanta 2010

(3 + 4 + 5)

3 964 916

 

Programma Innplanta 2011

(6)

2.5.2012

Att 16

 

161 000

(7)

13.2.2013

Att 16

 

857 500

(8)

10.1.2014

Att 16

 

857 500

(9)

16.7.2014

Att 16

rimborż

– 627 591

 

 

Total Innplanta 2011

(6 + 7 + 8 + 9)

1 248 409

(10)

Total tal-programmi kollha żborżati

(1 + 2 + 3 + 4 + 6 + 7 + 8)

135 866 000

(11)

Total tal-programmi kollha rimborżati

(5 + 9)

– 652 675

 

Total tal-programmi kollha li jibqa' (nett) (10 + 11)

135 213 325,00

Sors: l-awtoritajiet Spanjoli.


Tabella 5

Dettalji tal-porzjonijiet tas-self bir-rata tal-imgħax li għandha tiġi applikata

 

SELF

 

Data

Attività

Rata tal-imgħax

(%)

 

Ammonti (f'EUR)

 

Convenio Innventa

 

 

 

Total

00

 

Programa Innplanta 2010

(1)

17.1.2011

Att 2

1,17

 

1 295 910

(2)

11.1.2012

Att 2

1,17

 

414 090

(3)

28.2.2013

Att 2

1,17

rimborż

– 10 750

 

 

 

Total Innplanta 2010

(1 + 2 + 3)

1 699 250

 

Programma Innplanta 2011

(4)

2.5.2012

Att 13

3,06

 

236 000

(5)

13.2.2013

Att 13

3,06

 

5 087 000

(6)

27.11.2013

Att 13

3,06

rimborż

– 2 839 388

(7)

2.5.2012

Att 16

3,06

 

69 000

(8)

13.2.2013

Att 16

3,06

 

367 500

(9)

10.1.2014

Att 16

3,06

 

367 500

(10)

16.7.2014

Att 16

3,06

rimborż

- 268 467

 

 

Total Innplanta 2011

(4 + 5 + 6 + 7 + 8 + 9 + 10)

3 019 145

(11)

Total tal-programmi kollha żborżati

(1 + 2 + 4 + 5 + 7 + 8 + 9)

7 837 000

(12)

Total tal-programmi kollha rimborżati

(3 + 6 + 10)

– 3 118 605

 

Total tal-programmi kollha li jibqa' (nett)

(11 + 12)

4 718 395

Sors: l-awtoritajiet Spanjoli.

(44)

L-ammont totali (25) żborżat mill-Istat Spanjol lill-ADIF huwa EUR 143 703 000, li jikkonsisti f'għotjiet ta' EUR 135 866 000 u self ta' EUR 7 837 000. Il-Kummissjoni tinnota li fil-perjodu 2011–2014, skont informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Spanjoli, l-ADIF diġà ħallset lura EUR 652 675 mill-għotjiet u EUR 3 118 605 mis-self. Skont l-awtoritajiet Spanjoli, EUR 139 931 720 (nett) għadhom pendenti, inklużi EUR 135 213 325 f'għotjiet u EUR 4 718 395 f'self. L-awtoritajiet Spanjoli indikaw li minn dik is-somma, l-ADIF diġà nefqet EUR 20,46 miljun (26).

(45)

Fil-kuntest tal-investigazzjonijiet formali, l-awtoritajiet Spanjoli kkonfermaw li l-EUR 20,46 miljun li kienu diġà ntefqu kienu joriġinaw mill-programmi msemmija hawn fuq (INNVENTA 2010, INNPLANTA 2010 u 2011) u li l-ebda nefqa ma ġiet koperta mir-riżorsi tal-ADIF li joriġinaw mill-attivitajiet ekonomiċi tagħha. Barra minn hekk, huma pprovdew lista tal-kuntratti ffirmati u tax-xogħlijiet imwettqa (ara l-premessa 33 iktar 'il fuq li tirreferi għax-xogħlijiet imwettqa). Kull kuntratt kien ikkategorizzat skont is-suġġett tiegħu u skont il-komponent tal-proġett globali li b'rabta miegħu ġie konkluż il-kuntratt. L-ADIF nefqet EUR 6,54 miljun fuq studji u xogħlijiet preliminari għaċ-ċirkwiti tat-testijiet u EUR 13,92 miljun fuq il-kostruzzjoni u t-tagħmir tas-CISF.

3.   ID-DEĊIŻJONI LI TINBEDA PROĊEDURA TA' INVESTIGAZZJONI FORMALI

(46)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha, il-Kummissjoni esprimiet dubji fir-rigward ta':

(a)

L-allegat nuqqas ta' għajnuna:

fil-livell tal-ADIF. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni nnotat li l-ADIF hija impriża pubblika li twettaq attivitajiet ekonomiċi u mhux ekonomiċi, u tirċievi finanzjament pubbliku żborżat mill-Ministeru tal-Ekonomija u l-Kompetittività (riżorsi tal-Istat). Peress li l-għajnuna tingħata lill-ADIF bl-iskop li twettaq attivitajiet ekonomiċi (kiri tal-faċilitajiet lil partijiet terzi, ara l-premessa 19 iktar 'il fuq) u peress li l-ADIF hija maħtura bħala s-sid tal-infrastruttura lil hinn minn kwalunkwe proċess ta' offerta, il-miżura kienet tidher li tammonta għal għajnuna mill-Istat, skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, favur l-ADIF;

fil-livell tal-SPV. Filwaqt li n-nuqqas ta' għajnuna mill-Istat jista' jiġi preżunt kieku l-proċedura ta' offerta kellha tippermetti li l-iktar offerta ekonomikament vantaġġuża tikkorrispondi għall-valur tal-konċessjoni, l-offerta mnedija f'Lulju 2013 ġiet iddikjarata nulla f'Ottubru 2013 u ma ġie mniedi ebda proċess ta' għażla kompetittiv ulterjuri. Għaldaqstant, id-deċiżjoni tal-ftuħ qajmet dubji rigward il-preżenza ta' għajnuna f'dan il-livell (27);

fil-livell tal-utenti taċ-ċentru tas-CEATF. Għalkemm l-infrastruttura hija miftuħa għall-utenti potenzjali kollha, in-nuqqas ta' pjan tan-negozju vijabbli wassal lill-Kummissjoni biex tqajjem dubji dwar jekk il-prezzijiet ta' aċċess maħsuba effettivament jirriflettux il-livelli tas-suq.

(b)

Il-legalità tal-għajnuna:

Abbażi tal-informazzjoni disponibbli fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha, il-Kummissjoni nnotat li kienu ntefqu EUR 19,8 miljun qabel in-notifika tal-miżura lill-Kummissjoni, u saqsiet dwar in-natura privata jew pubblika tar-riżorsi użati għax-xogħol imwettaq qabel in-notifika tal-miżura inkwistjoni;

(c)

Il-kompatibilità ta' tali finanzjament mal-Qafas tal-Kummissjoni għall-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni (il-Qafas tar-RŻI) (28):

il-Kummissjoni esprimiet tħassib dwar il-kontribut tal-proġett lejn objettiv ta' interess komuni definit b'mod ċar, il-bżonn u l-adegwatezza tiegħu, l-effett ta' inċentiv tal-għajnuna u l-proporzjonalità tagħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat li ma jistgħux jiġu esklużi effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ.

4.   KUMMENTI TA' PARTIJIET INTERESSATI

(47)

Kif imsemmi fil-premessa 5 iktar 'il fuq, għaxar kumpaniji li joperaw fis-settur ferrovjarju bagħtu l-kummenti tagħhom matul il-proċedura ta' investigazzjoni formali.

(48)

L-ewwel, il-biċċa l-kbira ta' dawk li wieġbu esprimew dubji dwar l-eżistenza ta' domanda għal faċilità ta' ttestjar li topera b'veloċità tant għolja (jiġifieri iktar minn 385 km/siegħa), u indikaw li attwalment is-settur ferrovjarju ta' veloċità għolja fl-Ewropa huwa limitat għal 320/350 km/siegħa (29). Skont operatur ferrovjarju, veloċità ta' 300 km/siegħa tirrappreżenta bilanċ ottimali bejn il-konsum tal-enerġija u l-ħin ta' vvjaġġar f'termini ta' effikaċja tas-suq.

(49)

Minn perspettiva teknika, żewġ kumpaniji indikaw li l-linji ta' veloċità għolja issa saru binarji bil-ballast li jippermettu li vetturi ferrovjarji jiċċirkolaw b'veloċità sa 350 km/siegħa. Żieda sinifikanti fil-veloċità kummerċjali tirrikjedi li tiġi mmodifikata l-infrastruttura u li l-binarji eżistenti jiġu sostitwiti b'ċangaturi tal-konkrit, u dan jinvolvi spejjeż ta' investiment u operat eżorbitanti. Peress li l-ispejjeż tal-użu u l-manutenzjoni tal-binarji ferrovjarji kummerċjali jiżdiedu maż-żieda fil-veloċità, il-prezz konsegwenti tal-biljetti tal-vjaġġaturi jrendi l-operazzjonijiet mhux kompetittivi meta mqabbla mat-trasport bl-ajru.

(50)

It-tieni, fir-rigward tal-ittestjar innifsu, manifattur tal-vetturi ferrovjarji enfasizza li anke meta tali faċilitajiet jippermettu ttestjar, validazzjoni u approvazzjoni avvanzati ta' tagħmir ferrovjarju ta' veloċità għolja, u ta' elementi ta' infrastruttura u sovrastruttura, xi testijiet speċifiċi jistgħu jitwettqu aħjar jekk isiru direttament fuq ferroviji kummerċjali, jiġifieri fuq l-infrastruttura reali. Barra minn hekk, manifattur ieħor tal-vetturi ferrovjarji indika li l-ferroviji prodotti jiġu ttestjati wkoll fuq in-netwerk regolari fil-pajjiż ta' destinazzjoni. Iż-żewġ kummenti juru n-nuqqas ta' domanda.

(51)

Barra minn hekk, kumpanija li tipprovdi ambjent ta' ttestjar tinnota li l-ittestjar virtwali permezz ta' pjattaformi avvanzati tal-ICT diġà jista' jitwettaq u jista' jkun soluzzjoni kosteffikaċi għall-ittestjar futur tal-veloċità għolja, peress li l-ispejjeż tal-operat u l-manutenzjoni tal-faċilitajiet fiżiċi tal-ittestjar jiġu evitati u b'hekk jitnaqqsu sew il-baġits tar-R&Ż tal-kumpaniji ferrovjarji.

(52)

It-tielet, kumpanija waħda biss li tipprovdi wkoll ittestjar ta' materjali qalet li s-CEATF tkun opportunità għal proġetti ta' żvilupp ġodda. Żewġ kumpaniji oħra indikaw li jekk tinbena l-faċilità ta' ttestjar, huma jużawha.

(53)

Waħda minn dawn iż-żewġ kumpaniji qalet li jekk ikun hemm ċentru ta' ttestjar lokali dan ikun vantaġġ kompetittiv għall-manifatturi Spanjoli tal-vetturi ferrovjarji stabbiliti fit-territorju nazzjonali.

(54)

Ir-raba', fir-rigward tal-bini u l-operat taċ-ċentru ta' ttestjar, xi partijiet interessati enfasizzaw li hemm bżonn pjan kummerċjali ċar u robust li jappoġġja l-investiment biex dan il-proġett ikun jista' jsir. Ħafna mis-sottomissjonijiet enfasizzaw ukoll il-bżonn li ċ-ċentru ta' ttestjar, jekk jinbena u jsir operattiv, jipprovdi aċċess wiesa' u mhux diskriminatorju fit-termini tas-suq.

(55)

Finalment, diversi partijiet terzi kkummentaw fuq il-pożizzjoni ġeografika tal-faċilità tas-CEATF. Huma jenfasizzaw il-fatt li n-Nofsinhar ta' Spanja huwa 'l bogħod mill-maġġoranza l-kbira tal-impriżi ferrovjarji u l-manifatturi tal-vetturi ferrovjarji Ewropej. Tali pożizzjoni ġġorr magħha riskji u spejjeż sinifikanti peress li t-trasport tal-prototipi ta' ferroviji jiswa ħafna flus u dan inevitabbilment jipprovdi vantaġġ lill-manifatturi Spanjoli tal-vetturi ferrovjarji.

5.   IL-KUMMENTI TA' SPANJA

5.1.   L-eżistenza ta' għajnuna

(56)

L-awtoritajiet Spanjoli rrevedew il-pożizzjoni tagħhom parzjalment fir-rigward tal-eżistenza ta' għajnuna, b'attenzjoni partikolari għad-distorsjoni potenzjali tal-kompetizzjoni li tirriżulta mill-għajnuna. Huma indikaw li ġew identifikati tliet meded ta' ttestjar tal-veloċità li fihom il-proġett tas-CEATF jista' jew ma jistax jikkompeti ma' faċilitajiet oħra fl-Unjoni Ewropea:

(a)

Testijiet b'veloċitajiet ta' inqas minn 210 km/siegħa: l-awtoritajiet Spanjoli kkonfermaw li tali testijiet imwettqa fuq is-CEATF jistgħu jikkompetu ma' testijiet imwettqa f'faċilitajiet oħra fl-Ewropa. Madankollu, huma qalu li ċ-ċentru tas-CEATF ma jkollu ebda vantaġġ fir-rigward ta' tali testijiet, peress li l-ispejjeż fissi għall-użu u l-manutenzjoni f'Antequera jkunu wisq għoljin meta mqabbla ma' ċentri oħra maħsuba li joperaw b'dawk il-veloċitajiet;

(b)

Testijiet b'veloċitajiet ta' bejn 210 u 385 km/siegħa: l-awtoritajiet Spanjoli rrikonoxxew li f'dan is-segment jista' jkun hemm kompetizzjoni bejn it-testijiet imwettqa fuq is-CEATF u t-testijiet imwettqa fuq binarji ferrovjarji kummerċjali eżistenti. Madankollu, l-awtoritajiet Spanjoli indikaw li dawk it-testijiet jirrappreżentaw biss parti żgħira mit-testijiet kollha relatati mal-elementi ta' infrastruttura u superstruttura tal-binarji, mal-vetturi ferrovjarji u l-interazzjonijiet bejniethom. Għalhekk tali testijiet ikunu limitati għal ċerti tipi ta' vetturi ferrovjarji ttestjati f'kundizzjonijiet ta' użu “klassiċi”. Barra minn hekk, kif diġà ntqal iktar 'il fuq, l-awtoritajiet Spanjoli indikaw li l-ispejjeż ta' dawn it-testijiet huma wisq għoljin biex ikunu kompetittivi fil-faċilità tas-CEATF;

(c)

Testijiet b'veloċitajiet ta' aktar minn 385 km/siegħa: l-awtoritajiet Spanjoli jsostnu li peress li ma jeżisti ebda suq għall-ittestjar b'tali veloċitajiet, il-parti tal-finanzjament li tikkorrispondi għall-kostruzzjoni tal-faċilità ta' ttestjar għal testijiet ta' iktar minn 385 km/siegħa m'għandhiex titqies bħala għajnuna.

(57)

L-awtoritajiet Spanjoli nsistew fuq il-fatt li d-distinzjoni bejn testijiet b'veloċitajiet differenti għandha titqies bħala waħda teoretika, peress li fil-prattika l-possibilità li jsiru testijiet b'veloċità ta' inqas minn 210 km/siegħa jew bejn 210 u 385 km/siegħa fis-CEATF hija limitata minħabba spejjeż ta' manutenzjoni u operat għoljin.

(58)

Bħala konklużjoni, bir-rikunsiderazzjoni parzjali tal-pożizzjoni inizjali tagħha fir-rigward tal-eżistenza ta' għajnuna, Spanja tqis li huwa biss il-finanzjament tal-bini tal-elementi tas-CEATF li jippermettu ttestjar ta' inqas minn 385 km/siegħa li għandu jitqies bħala għajnuna mill-Istat u għandu jiġi vvalutat f'konformità mal-Qafas tar-RŻI. Fis-sottomissjoni tagħhom tat-2 ta' Lulju 2015, l-awtoritajiet Spanjoli pprovdew evalwazzjoni u indikaw li dawk l-ispejjeż jirrappreżentaw 25,1 % tal-ispejjeż tal-proġett, u jammontaw għal EUR 90,2 miljun, eskluża l-VAT. Għalhekk huma qiesu li t-taqsima tal-faċilitajiet tas-CEATF iddedikata għal ittestjar b'veloċitajiet ta' iktar minn 385 km/siegħa, li tammonta għal EUR 240,6 miljun, m'għandhiex titqies bħala għajnuna (30).

5.2.   Kompatibilità

(59)

Fl-osservazzjonijiet tagħhom, l-awtoritajiet Spanjoli itennu wkoll il-pożizzjoni tagħhom fuq il-kompatibilità tal-għajnuna mill-Istat:

(a)

Il-faċilità tas-CEATF jikkontribwixxu għal objettiv ta' interess komuni peress li biż-żieda ta' investimenti ta' RŻI, hija tiffittja fil-Programm Operattiv ta' Tkabbir Intelliġenti għal Spanja, adottat fi Frar 2015 (31), li wieħed mill-objettivi tiegħu huwa li jiġu aġġornati l-infrastrutturi tar-RŻI bl-għan li tissaħħaħ il-kapaċità ta' innovazzjoni ta' Spanja. Skont Spanja, il-pajjiż għandu l-iktar netwerk ta' veloċità għolja estiża fl-Ewropa u tali faċilità ta' ttestjar tista' evidentement twassal għal żviluppi ta' teknoloġiċi ġodda;

(b)

L-awtoritajiet Spanjoli jiġġustifikaw il-bżonn ta' għajnuna mill-Istat għal dan il-proġett fuq il-bażi tan-natura multidixxiplinarja tat-testijiet tekniċi li se jitwettqu. Fl-opinjoni tagħhom, minħabba d-diversi oqsma ta' attivitajiet tal-kumpaniji involuti f'dawn it-testijiet (pereżempju kumpaniji ta' inġinerija ċivili, komunikazzjoni, sinjalar, trazzjoni, vetturi ferrovjarji) ebda kumpanija ma tilħaq il-massa kritika jew ikollha l-kapaċità finanzjarja li tagħmel investiment komparabbli ma' dak meħtieġ għas-CEATF u li jista' jattira u jiffedera kumpaniji oħra. Fir-rigward tal-finanzjament tal-proġett u l-eżistenza ta' falliment tas-suq fil-forma ta' informazzjoni imperfetta u asimetrika, l-awtoritajiet Spanjoli kkonfermaw li ebda sors ta' finanzjament għajr finanzjament pubbliku mhuwa disponibbli għall-konstruzzjoni tas-CEATF “meta jittieħdu inkunsiderazzjoni l-istudji tal-profittabilità magħmula mill-ADIF”;

(c)

Fid-dawl ta' dak imsemmi hawn fuq, Spanja kkonfermat li l-miżura ta' għajnuna hija xierqa, peress li m'hemm ebda strument ta' għajnuna ieħor xieraq għajr il-finanzjament pubbliku minħabba l-fatt li l-flussi ta' flus tal-proġett ikopru biss 8,13 % tal-investiment (id-defiċit finanzjarju jkun 91,87 %). Is-sitwazzjoni tal-flussi ta' flus tispjega wkoll il-falliment tal-ewwel offerta biex jingħażel l-SPV peress li l-kumpaniji qiesu li l-flussi ta' flus ma kinux biżżejjed biex ikopru l-investiment inizjali;

(d)

Skont l-awtoritajiet Spanjoli, l-għajnuna għandha effett ta' inċentiv. Spanja insistiet fuq il-fatt li għalkemm l-analiżi ekonomika tal-proġett tindika Valur Preżenti Nett (“VPN”) negattiv ta' EUR – 362,5 miljun, huwa jkollu, minn perspettiva soċjoekonomika, VPN pożittiv ta' EUR 17,3 miljun (meta jitqiesu l-impjiegi maħluqa u attivitajiet oħra ġġenerati mill-istabbiliment tas-CEATF fir-reġjun);

(e)

L-awtoritajiet Spanjoli indikaw li biex jiġi kkalkolat l-ammont tal-għajnuna mill-Istat u l-intensità massima tal-għajnuna applikabbli għall-proġett, hija biss il-parti tal-investiment li tikkorrispondi għall-parti tal-proġett li tista' effettivament tikkompeti ma' faċilitajiet oħra li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni (jiġifieri EUR 90,2 miljun fil-fehma tagħhom). Kif imsemmi fil-premessa 58 iktar 'il fuq, l-awtoritajiet Spanjoli jqisu li din il-parti tirrappreżenta 25,1 % tal-investiment totali. Fil-fehma tagħhom, peress li l-intensità ta' għajnuna permessa għal infrastruttura ta' riċerka li twettaq attività ekonomika hija 60 %, kif stabbilit fil-punt 89 tal-Qafas tar-RŻI, l-ADIF tkun trid tipprovdi biss 10 % tal-investiment (0,4 × 25,1 % = 10 %). Minkejja dan, huma jindikaw li l-ADIF, billi tipprovdi direttament EUR 39,2 miljun, tiżgura finanzjament ikbar, ekwivalenti għal 20 % tal-parti mhux koperta bid-dħul iġġenerat mill-proġett, permezz ta' self mogħti b'rata tal-imgħax ta' 1,17 %. Barra minn hekk, skont Spanja, il-proċeduri tal-offerta u l-kuntratt jiżguraw li l-għajnuna tkun limitata għall-ammont minimu. Għalhekk huma jqisu li l-għajnuna hija proporzjonata u limitata għall-minimu neċessarju;

(f)

Skont Spanja, effetti negattivi mhux dovuti fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ jiġu evitati, minħabba l-iżvantaġġi kompetittivi relattivi tas-CEATF ikkawżati mill-ispejjeż kbar tal-operat u l-manutenzjoni għall-ittestjar b'veloċitajiet ta' inqas minn 210 km/siegħa. Peress li l-ispejjeż tal-użu u l-manutenzjoni ta' linja ta' veloċità għolja huma mmultiplikati bi tlieta (3) meta mqabbla ma' linja normali użata, de facto, is-CEATF tkun eskluża mis-suq għal tali ttestjar;

(g)

Spanja tassigura li l-għajnuna tikkonforma mar-rekwiżiti kollha tat-trasparenza kif rikjest fir-regolamenti applikabbli tal-Unjoni.

(60)

Kif indikat fil-premessa 6 iktar 'il fuq, il-kummenti riċevuti minn partijiet terzi ntbagħtu lill-awtoritajiet Spanjoli fl-24 ta' Settembru 2015. Fit-tweġiba tagħhom tal-14 ta' Ottubru 2015, l-awtoritajiet Spanjoli osservaw li dawk il-kummenti kienu ġenerali ħafna fin-natura tagħhom, fir-rigward tal-prospettiva li jintuża ċ-ċentru tas-CEATF, u kienu bbażati fuq il-kunċezzjoni ta' kull kumpanija dwar l-evoluzzjoni tas-suq tal-ittestjar ferrovjarju.

6.   VALUTAZZJONI TAL-GĦAJNUNA

6.1.   L-eżistenza ta' għajnuna

(61)

L-Artikolu 107(1) tat-Trattat jistipola li “kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern”.

(62)

Il-Kummissjoni se tqis jekk il-fondi mogħtija lill-ADIF fuq il-bażi tal-ftehim tas-27 ta' Diċembru 2010 kif ukoll il-finanzjament totali mogħti għall-proġett fuq il-bażi tad-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri tat-28 ta' Ġunju 2013 jikkwalifikawx bħala għajnuna.

6.1.1.   Attività ekonomika

(63)

Il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement iddefiniet l-impriżi bħala entitajiet involuti f'attività ekonomika, indipendentement mill-istatus legali tagħhom u l-mod kif jiġu ffinanzjati (32). Il-klassifikazzjoni ta' entità partikolari bħala impriża għalhekk tiddependi kompletament fuq in-natura tal-attivitajiet tagħha.

(64)

Il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet, fl-1999, li “l-provvista ta' infrastrutturi minn entitajiet responsabbli għall-immaniġġjar tagħhom” tista' tikkostitwixxi attività ekonomika (33). Għaldaqstant, huwa ċar li l-kostruzzjoni ta' infrastruttura li se tiġi użata kummerċjalment tikkostitwixxi attività ekonomika (34).

(65)

Fil-każ preżenti, il-bini tas-CEATF huwa direttament marbut mal-użu tiegħu u l-awtoritajiet Spanjoli kkonfermaw li l-attivitajiet ta' ttestjar li se jitwettqu fis-CEATF huma ta' natura ekonomika. Dawk l-attivitajiet fil-fatt jinvolvu servizzi li se jiġu offruti fis-suq.

(66)

Il-Kummissjoni tqis li l-bini u l-użu tas-CEATF huma għalhekk attivitajiet ekonomiċi.

6.1.2.   Riżorsi tal-Istat

(67)

Il-proġett huwa ffinanzjat permezz ta' għotjiet antiċipati u self mill-Ministeru tal-Ekonomija u l-Kompetittività. Dawk huma riżorsi tal-Istat.

6.1.3.   Vantaġġ ekonomiku selettiv

6.1.3.1.   Favur l-ADIF

(68)

Il-miżura qed tingħata lil impriża waħda biss, l-ADIF (35), u għalhekk hija selettiva.

(69)

Billi tikkontribwixxi għall-finanzjament tas-CEATF permezz ta' għotjiet antiċipati u self, il-miżura tagħti vantaġġ lill-ADIF.

(70)

L-ewwel, l-għotjiet antiċipati jikkostitwixxu trasferiment dirett ta' riżorsi tal-Istat lill-ADIF li jikkostitwixxi b'mod ċar vantaġġ ekonomiku.

(71)

It-tieni, fir-rigward tas-self mogħti lill-ADIF, huwa neċessarju li jiġi stabbilit jekk ir-rata tal-imgħax tikkorrispondix mar-rata tas-suq.

(72)

Il-Komunikazzjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta' referenza u ta' skont (36) (“il-Komunikazzjoni tal-2008”) tipprovdi indikatur tar-rati tas-suq applikabbli għas-self. Fis-sottomissjoni tagħhom ta' Novembru 2015, l-awtoritajiet Spanjoli indikaw li kienu segwew din il-metodoloġija u applikaw marġni ta' 100 punt fuq ir-rata applikabbli għal Spanja. Imbagħad għamlu stima tal-imgħax imfaddal b'riżultat tad-differenza bejn ir-rata tas-suq u r-rata tal-imgħax tal-programm, filwaqt li ttieħdu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet speċifiċi ta' kull self (perjodu ta' amortizzament, durata u konċessjoni). Huma waslu għall-konklużjoni li r-rati tas-suq applikabbli, għall-porzjonijiet żborżati taħt il-Programm Innplanta 2010, huma ogħla mir-rata tal-imgħax applikata taħt il-Programm iżda huma inqas mir-rati tas-suq applikabbli għall-porzjonijiet żborżati taħt il-Programm Innplanta 2011 (3,06 %) (37).

(73)

Il-marġni applikati fuq ir-rati kkalkolati taħt il-Komunikazzjoni tal-2008 jiddependu mill-klassifikazzjoni tal-kumpanija u mil-livell ta' kollateral offrut. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li l-klassifikazzjoni tal-ADIF hija intrinsikament marbuta mal-klassifikazzjoni tal-Istat Spanjol (38). Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li l-awtoritajiet Spanjoli ma pprovdewx informazzjoni speċifika fir-rigward tal-kollateral offrut għas-self miksub taħt id-diversi programmi. Huwa ċar mit-Tabella 6 hawn taħt li f'xi mument fl-ewwel nofs tal-2012, l-ADIF twaqqgħet minn klassifikazzjoni A għal klassifikazzjoni B. L-awtoritajiet Spanjoli applikaw marġni ta' 100 punt ta' bażi fuq is-self kollu mogħti lill-ADIF. Għandu jiġi osservat li għal kumpanija bi klassifikazzjoni “A”, tali marġni jimplika livell ta' kollateral baxx. Min-naħa l-oħra, għal kumpanija bi klassifikazzjoni B, marġni ta' 100 punt ta' bażi jimplika livell ta' kollateral normali (u mhux ta' livell baxx).

(74)

Matul il-proċeduri formali, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Spanjoli biex jipprovdu informazzjoni dwar is-self li l-ADIF kisbet mis-suq bejn l-20 ta' Lulju 2010 u l-20 ta' Lulju 2015 (eskluż il-BEI). L-awtoritajiet Spanjoli pprovdew lista tas-self kummerċjali mogħti lill-ADIF/ADIF Alta velocidad tul l-aħħar ħames snin, flimkien mal-kundizzjonijiet assoċjati (39) (eskluż il-BEI) (40).

(75)

Dan is-self, miksub mis-suq, jipprovdi informazzjoni suffiċjenti biex tiġi stabbilita, għal kull waħda mis-snin mill-2011 sal-2014, rata tal-imgħax tas-suq xierqa.

Tabella 6

Dettalji tal-kalkolu tar-rata tal-imgħax tas-suq li għandha tiġi applikata fuq is-self żborżat lill-ADIF

Data tal-iżborż

Rati tal-imgħax tas-self żborżat lill-ADIF

(%)

Klassifikazzjoni tal-kreditu tal-ADIF

Komunikazzjoni tal-2008

Suġġeriment tal-awtoritajiet Spanjoli għall-kalkolu tar-rati tal-imgħax tas-suq

(%)

Self kummerċjali miksub mill-ADIF

Kalkolu tar-rata tal-imgħax tas-suq ibbażata fuq it-termini tas-self kummerċjali

(%)

Rata ta' bażi

(%)

Punti ta' bażi li għandhom jiżdiedu għal kollateralizzazzjoni normali għal baxxa

(1)

(2)

(3)

(4)

(5)

(6)

(7)

(8)

17.1.2011

1,17

Aa1

1,49

75-100

2,49

Għall-2011: Euribor 6M

(3.1.2011) + 227 bp (medja)

1,224 + 2,27 = 3,494

11.1.2012

1,17

Aa2

2,07

75-100

3,07

Għall-2012: Euribor 6M

(2.1.2012) + 352 bp (medja)

1,606 + 3,52 = 5,126

2.5.2012

3,06

Baa1

1,67

100-220

2,67

-”-

(2.5.2012)

0,992 + 3,52 = 4,512

13.2.2013

1,17 /3,06

Ba1

0,66

100-220

1,66

Għall-2013: Euribor 6M

(1.2.2013) + 425 bp (medja)

0,38 + 4,25 = 4,63

10.1.2014

3,06

Ba1

0,53

100-220

1,53

Għall-2014: Euribor 6M

(2.1.2014) + 215 bp (medja)

0,387 + 2,15 = 2,537

(76)

Fit-Tabella 6 jista' jiġi osservat li r-rati tal-imgħax tas-suq ibbażati fuq is-self kummerċjali miksub mill-ADIF (kolonna tal-lemin) huma konsistentement ogħla mir-rati ssuġġeriti minn Spanja. Peress li l-Komunikazzjoni tal-2008 tipprovdi biss indikatur tar-rati tas-suq, peress li ma ngħatat ebda evidenza minn Spanja li tappoġġja konklużjoni dwar il-livell ta' kollateral disponibbli u peress li evidenza konsistenti fil-fajl turi li r-rati li l-ADIF fil-fatt ħallset fis-suq kienu sinifikantement ogħla, il-Kummissjoni tqis li dawn tal-aħħar jipprovdu punt ta' riferiment xieraq biex jiġi stabbilit jekk is-self relatat mal-proġett jagħtix vantaġġ lill-ADIF.

(77)

Mit-Tabella 6 jista' jiġi konkluż li r-rati tal-imgħax tas-self mogħti lill-ADIF b'rabta mal-proġett huma iktar baxxi mir-rati tal-imgħax tas-suq rilevanti kkalkolati fuq il-bażi tat-termini tas-self kummerċjali miksub mill-ADIF, minbarra s-self mogħti fl-2014. Għaldaqstant, it-termini għad-divesi selfiet mogħtija lill-ADIF fil-perjodu 2011-2013 u li jammontaw għal EUR 7 469 500 jagħtu vantaġġ lill-ADIF skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

6.1.3.2.   Favur l-SPV u utenti futuri tas-CEATF

(78)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ (41), il-Kummissjoni spjegat li n-nuqqas ta' għajnuna mill-Istat jista' jiġi preżunt biss jekk il-proċedura tal-offerta tipprovdi li l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament tikkorrispondi għall-valur tas-suq tal-konċessjoni u jekk l-Istat Membru kkonċernat jiċċekkja li t-tariffi ta' konċessjoni li jirriżultaw ikunu konformi mal-prezzijiet tas-suq billi jwettaq analiżi tal-fluss tal-flus skontat u jagħmel paragun mat-tariffi mħallsa għal servizzi simili bnadi oħra (42). Il-Kummissjoni indikat li għalkemm ċertu komponenti bażiċi tal-istruttura tat-tariffa ġew stabbiliti minn Spanja ex ante, dan minnu nnifsu mhuwiex biżżejjed biex ma tiġix iddubitata n-natura miftuħa u mhux diskriminatorja tal-proċess.

(79)

Il-Kummissjoni qieset ukoll il-possibilità li jista' jkun hemm vantaġġ indirett fil-livell tal-utenti tal-infrastruttura.

(80)

Peress li ma kienx ingħażel l-SPV minħabba li kienet falliet l-ewwel offerta u ma hemmx indikazzjoni li se titnieda t-tieni offerta, mhux possibbli li jsiru konklużjonijiet definittivi dwar l-eżistenza ta' vantaġġ fil-livell tal-SPV. Bl-istess mod, ma jistgħux isiru konklużjonijiet ċerti dwar l-eżistenza ta' għajnuna fil-livell tal-utenti.

6.1.4.   Distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ

(81)

Meta għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta' impriża mqabbla ma' impriżi oħra li jikkompetu fil-kummerċ intern tal-Unjoni, dan tal-aħħar għandu jitqies li jiġi affettwat minn dik l-għajnuna (43).

(82)

Huwa ċar li l-vantaġġi mogħtija lill-ADIF isaħħu l-pożizzjoni ta' dik l-impriża meta mqabbla ma' impriżi oħra li jikkompetu fil-kummerċ intern tal-Unjoni.

(83)

Kif indikat fis-sezzjoni 5.1 iktar 'il fuq, l-awtoritajiet Spanjoli jirrikonoxxu li s-CEATF tista' tikkompeti ma' faċilitajiet Ewropej oħra għal testijiet ta' inqas minn 210 km/siegħa u ma' linji eżistenti miftuħa għat-traffiku għal testijiet ta' bejn 210 u 385 km/siegħa. B'riżultat ta' dan, huma issa jqisu li huwa biss il-finanzjament tal-bini tal-partijiet tas-CEATF li jippermettu ttestjar ta' inqas minn 385 km/siegħa li għandu jitqies bħala għajnuna mill-Istat u għandu jiġi vvalutat f'konformità mal-Qafas tar-RŻI. F'dan ir-rigward, huma jsostnu wkoll li l-finanzjament pubbliku tal-attivitajiet imsemmija l-aħħar ikun limitat għal EUR 90,2 miljun.

(84)

Is-CEATF tkun tikkompeti ma' faċilitajiet oħra fl-Unjoni Ewropea li joffru servizzi ta' ttestjar tal-ferroviji ta' veloċità għolja, peress li hija totalment kapaċi li toffri testijiet b'veloċitajiet ta' inqas minn 385 km/siegħa. Peress li l-evidenza tissuġġerixxi li hemm domanda żgħira ħafna jew ineżistenti għal testijiet b'veloċitajiet iktar għoljin (ara iktar dettalji fil-premessi 48 sa 51 iktar 'il fuq), l-ittestjar b'veloċitajiet ta' inqas minn 385 km/siegħa x'aktarx isir l-attività ewlenija tas-CEATF.

(85)

B'riżultat ta' dan, ir-riżorsi tal-Istat mogħtija lill-ADIF għall-bini tas-CEATF jintużaw biex jiġi ssussidjat id-dħul fis-suq ta' kompetitur ġdid.

(86)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-premessi 82 sa 85 iktar 'il fuq, l-għajnuna mogħtija lill-ADIF x'aktarx twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

6.1.5.   Konklużjoni fuq l-eżistenza ta' għajnuna

(87)

Il-Kummissjoni tqis li r-riżorsi pubbliċi mogħtija lill-ADIF għall-bini tas-CEATF fuq il-bażi tad-Deċiżjoni tat-28 ta' Ġunju 2013 u l-ftehim tas-27 ta' Diċembru 2010 jikkwalifikaw bħala għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

6.2.   Il-legalità tal-għajnuna

(88)

L-awtoritajiet Spanjoli nnotifikaw il-miżura abbażi tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat fl-20 ta' Settembru 2013. Huma indikaw ukoll li ċ-ċirkwit ferrovjarju mhux se jinbena qabel l-approvazzjoni tal-Kummissjoni (44).

(89)

Spanja tat l-għajnuna fuq il-bażi tal-ftehim tas-27 ta' Diċembru 2010 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri tat-28 ta' Ġunju 2013. Parti minn dik l-għajnuna diġà tħallset, kif deskritt fil-premessa 44 iktar 'il fuq.

(90)

Peress li l-għajnuna ngħatat qabel l-approvazzjoni tal-Kummissjoni, din għandha titqies bħala għajnuna kontra l-liġi skont it-tifsira tal-Artikolu 1(f) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 (45).

6.3.   Kompatibilità

(91)

Wara li stabbiliet li l-miżura tinvolvi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, il-Kummissjoni issa trid tivvaluta jekk tistax titqies kompatibbli mas-suq intern.

(92)

Il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li “meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tiftaħ proċedura ta' investigazzjoni formali, huwa l-obbligu tal-Istat Membru u tal-benefiċjarju potenzjali ta' għajnuna ġdida li jipprovdu lill-Kummissjoni bl-elementi intiżi sabiex juru li din l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq komuni” (46). Kif deskritt iktar 'l isfel, l-awtoritajiet Spanjoli u l-benefiċjarju ADIF ma pprovdewx evidenza konvinċenti għal dan l-għan la fin-notifika jew fis-sottomissjonijiet segwenti, u lanqas fil-kummenti tagħhom dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ jew fis-sottomissjonijiet ipprovduti matul il-fażi ta' investigazzjoni formali.

(93)

L-awtoritajiet Spanjoli indikaw li l-finanzjament pubbliku tas-CEATF, sa fejn tali finanzjament jikkostitwixxi għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, għandu jiġi ddikjarat kompatibbli mas-suq intern fid-dawl tal-objettiv ġenerali tiegħu ta' RŻI u fid-dawl tar-regoli tal-Qafas tar-RŻI applikabbli għall-infrastrutturi ta' RŻI (47).

(94)

Mill-konklużjoni tas-sezzjoni 6.2 iktar 'il fuq jirriżulta li l-għajnuna hija kontra l-liġi. Il-punt 126 tal-Qafas tar-RŻI jistipola li “għajnuna kontra l-liġi ta' RŻI tiġi vvalutata f'konformità mar-regoli applikabbli fid-data li fiha tingħata l-għajnuna”.

(95)

Meta ngħatat l-għajnuna, il-Qafas tar-RŻI tal-2006 kien fis-seħħ (48).

(96)

Il-Qafas tar-RŻI tal-2006 ma fihx dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-għajnuna għal infrastrutturi ta' riċerka. Għaldaqstant il-Kummissjoni tqis li l-valutazzjoni tal-miżura ta' għajnuna għandha tkun ibbażata direttament fuq l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat. Dik id-dispożizzjoni tipprovdi li “għajnuna li tiffaċilita l-iżvilupp ta' ċerti attivitajiet ekonomiċi jew ta' ċertu oqsma ekonomiċi, fejn tali għajnuna ma taffettwax negattivament il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt li jmur kontra l-interess komuni” tista' titqies kompatibbli mas-suq intern.

(97)

Sabiex tistabbilixxi l-kompatibilità ta' miżura taħt l-Artikolu 107(3) tat-Trattat, il-Kummissjoni twettaq test ta' bbilanċjar billi tiżen l-effetti pożittivi f'termini ta' kontribut biex jintlaħqu l-objettivi ta' interess komuni definiti b'mod ċar u l-effetti negattivi fuq il-kummerċ u l-kompetizzjoni fis-suq komuni. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni se tqis il-prinċipji li ġejjin (49):

(a)

kontribut lejn objettiv ta' interess komuni definit b'mod ċar: miżura ta' għajnuna mill-Istat għandha timmira li tilħaq objettiv ta' interess komuni f'konformità mal-Artikolu 107(3) tat-Trattat;

(b)

il-bżonn ta' intervent mill-Istat: miżura ta' għajnuna mill-Istat għandha tkun indirizzata lejn sitwazzjoni fejn l-għajnuna tista' twassal għal titjib materjali li s-suq ma jistax iwettaq hu, pereżempju billi jiġi rrimedjat falliment tas-suq jew jiġi indirizzat tħassib ta' ekwità jew ta' koeżjoni;

(c)

l-adegwatezza tal-miżura ta' għajnuna: il-miżura ta' għajnuna proposta trid tkun strument ta' politika xieraq biex jiġi indirizzat l-objettiv ta' interess komuni;

(d)

effett ta' inċentiv: l-għajnuna trid tibdel l-imġiba tal-impriża/i kkonċernata/i b'tali b'mod li titwettaq attività addizzjonali li mingħajr l-għajnuna ma titwettaqx jew titwettaq b'mod jew f'post ristrett jew differenti;

(e)

proporzjonalità tal-għajnuna: l-ammont u l-intensità tal-għajnuna jridu jkunu limitati għall-minimu meħtieġ biex jinbdew l-investiment jew l-attività addizzjonali mill-impriża/i kkonċernata/i;

(f)

evitar ta' effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri: l-effetti negattivi tal-għajnuna jridu jkunu suffiċjentement limitati, biex il-bilanċ globali tal-miżura jkun pożittiv;

(g)

trasparenza tal-għajnuna: l-Istati Membri, il-Kummissjoni, l-operaturi ekonomiċi u l-pubbliku għandu jkollhom aċċess faċli għall-atti kollha rilevanti u għal informazzjoni pertinenti dwar l-għajnuna mogħtija taħt dawn l-atti.

6.3.1.   Kontribut lejn objettiv ta' interess komuni definit b'mod ċar

(98)

L-awtoritajiet Spanjoli enfasizzaw fin-notifika tagħhom u fir-risposta għad-deċiżjoni tal-ftuħ (ara l-premessa 59 tad-deċiżjoni tal-ftuħ u s-sezzjoni 5.2 iktar 'il fuq) li l-proġett jikkontribwixxi għal żieda fl-investimenti ta' RŻI fi Spanja, li huwa wieħed mill-objettivi ta' interess komuni tal-Istrateġija UE 2020, u jiffittja fil-Programm Operattiv ta' Tkabbir Intelliġenti għal Spanja, adottat fi Frar 2015. Huma jsostnu li s-CEATF hija infrastruttura xjentifika u teknika li tippermetti li jiġu ttestjati aspetti tekniċi multidixxiplinari fis-settur ferrovjarju. L-awtoritajiet Spanjoli jsostnu wkoll li l-investiment fis-CEATF isaħħaħ l-iżvilupp ekonomiku ta' reġjun, Andalucía, li qed jiffaċċja rata ta' qgħad għolja.

(99)

L-ewwel, tali stqarrijiet għandhom jiġu vvalutati fid-dawl ta' domanda għal tali faċilità ta' riċerka u fid-dawl tal-attivitajiet ta' RŻI li jistgħu jitwettqu hemmhekk.

(100)

Kif spjegat fid-dettall fil-premessi 60 sa 62 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni ddubitat l-eżistenza tad-domanda mill-manifatturi ta' vetturi ferrovjarji u ta' linji ferrovjarji għal din l-infrastruttura ta' riċerka speċifika. B'mod partikolari, il-Kummissjoni rreferiet għall-falliment tal-ewwel offerta għall-bini u l-operat tas-CEATF, kif ukoll għall-ispejjeż għoljin għall-bini u l-operat tan-netwerks ferrovjarji, maħsuba biex jipprovdu servizzi ta' trasport kummerċjali b'veloċitajiet ta' iktar minn 350 km/siegħa, li ma jkunux ekonomikament vijabbli fil-kundizzjonijiet tas-suq preżenti u fil-futur qarib (50).

(101)

Il-kummenti li waslu mingħand partijiet terzi b'risposta għad-deċiżjoni tal-ftuħ jikkonfermaw il-pożizzjoni tal-Kummissjoni li infrastruttura ta' riċerka ddedikata għal testijiet ferrovjarji ta' veloċità għolja ħafna (testijiet imwettqa b'veloċità ta' iktar minn 385 km/siegħa għal servizzi ta' trasport kummerċjali pprovduti b'veloċità ta' iktar minn 350 km/siegħa) mhijiex meħtieġa fis-suq.

(102)

Ebda produttur tal-vetturi ferrovjarji ma għandu l-ħsieb li jiżviluppa prodotti li jkollhom din il-veloċità għolja ħafna minħabba n-nuqqas ta' domanda fis-suq għall-operat kummerċjali ta' tali ferroviji. Xi operaturi ferrovjarji jiġbdu l-attenzjoni għall-argumenti dwar l-effikaċja tas-suq (il-bilanċ bejn il-konsum tal-enerġija u l-ħin ta' vvjaġġar) li jikkumplimentaw l-użu kummerċjali tal-ferroviji ta' veloċità għolja fl-Ewropa b'veloċitajiet ħafna iktar baxxi (il-medja fl-Ewropa — 280-300 km/siegħa, massimu — 320-350 km/siegħa), kif ukoll iż-żieda esponenzjali tal-ispejjeż tal-investiment, l-użu u l-manutenzjoni tal-infrastruttura għal veloċitajiet ta' iktar minn 300 km/siegħa, li jrendi l-prezzijiet tal-biljetti tal-ferrovija mhux kompetittivi meta mqabbla mal-biljetti tal-ajru. Ma hemmx evidenza li tissuġġerixxi li hemm domanda fis-suq għall-bini ta' linji ferrovjarji kummerċjali ġodda u/jew għall-aġġornament tal-binarji eżistenti bl-iskop li jingħataw servizzi ta' trasport b'veloċitajiet li jaqbżu 320-350 km/siegħa — u għalhekk lanqas għal faċilità ta' ttestjar ferrovjarju speċifikament iddedikata għal veloċitajiet li jaqbżu tali limiti (51).

(103)

Argumenti speċifiċi oħra dwar in-nuqqas ta' domanda għal infrastruttura tas-CEATF huma bbażati fuq il-pożizzjoni ġeografika tagħha li, skont uħud minn dawk li wieġbu, twassal għal spejjeż sinifikanti f'termini ta' ħin u trasport.

(104)

Finalment, anke l-argumenti relatati mad-disponibilità ta' soluzzjonijiet iktar avvanzati u kosteffikaċi għal faċilità ta' ttestjar ta' veloċità għolja potenzjali futura, bħal ittestjar virtwali permezz ta' soluzzjonijiet ibbażati fuq l-ICT imorru kontra l-bżonn ta' faċilità fiżika ddedikata għall-ittestjar.

(105)

Għaldaqstant, l-asserzjoni li l-għajnuna nnotifikata kienet twassal għal attivitajiet addizzjonali ta' RŻI fis-settur ferrovjarju permezz tal-bini ta' infrastruttura għal faċilità ta' ttestjar ta' veloċità għolja hija kontradetta bl-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni.

(106)

It-tieni, objettivi oħra relatati mal-politika, invokati mill-awtoritajiet Spanjoli, b'mod partikolari l-benefiċċji soċjoekonomiċi li jirriżultaw mill-ħolqien ta' impjiegi ġodda fir-reġjun ta' Antequera (52), mhumiex rilevanti għall-valutazzjoni tal-kontribut tal-għajnuna nnotifikata għal objettiv ta' interess komuni fil-qasam tar-RŻI. Għalkemm l-awtoritajiet Spanjoli jsostnu li, minn perspettiva soċjoekonomika, il-proġett tas-CEATF jikseb VPN pożittiv ta' EUR 17,3 miljun, huma ma pprovdew ebda evidenza konvinċenti ta' benefiċċji li jkunu ta' tali skala li jpaċu l-ispejjeż tal-kostruzzjoni u t-telf mill-operat iġġenerati mill-infrastruttura ppjanata matul il-perjodu tal-operat kollu tagħha. Il-benefiċċji asseriti jidhru li huma limitati għall-ħolqien ta' impjiegi fis-settur tal-kostruzzjoni matul il-fażi tal-bini tal-infrastruttura. Dan ifisser li mhux talli l-proġett ma jikkontribwix għal objettiv fit-tul li jippromwovi żvilupp sostenibbli fir-reġjun ta' Andalucía, talli huwa jkollu biss effetti ta' terminu qasir u tranżitorji fuq l-ekonomija lokali (53).

(107)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fil-premessi 98 sa 106 iktar 'il fuq, il-Kummissjoni tqis li Spanja ma pprovdietx biżżejjed evidenza bħala prova li l-proġett jikkontribwixxi għal objettiv ta' interess komuni definit b'mod ċar.

6.3.2.   Bżonn ta' intervent mill-Istat

(108)

L-awtoritajiet Spanjoli jiġġustifikaw il-bżonn ta' għajnuna mill-Istat għal dan il-proġett abbażi tan-natura multidixxiplinarja tat-testijiet tekniċi li se jitwettqu. Skont huma, minħabba d-diversi oqsma ta' attivitajiet tal-kumpaniji potenzjalment involuti f'dawn it-testijiet (pereżempju kumpaniji ta' inġinerija ċivili, komunikazzjoni, sinjalar, trazzjoni u vetturi ferrovjarji) ebda kumpanija, fuq bażi individwali, ma tilħaq il-massa kritika jew ikollha l-kapaċità finanzjarja li tagħmel investiment kbir daqs dak meħtieġ għas-CEATF jew li jista' jattira u jiffedera kumpaniji oħra f'tali investiment. Fir-rigward tal-finanzjament tal-proġett, l-awtoritajiet Spanjoli qalu li ebda sors ta' finanzjament għajr il-finanzjament pubbliku mhu disponibbli għall-bini tas-CEATF “meta jittieħdu inkunsiderazzjoni l-istudji tal-profittabilità magħmula mill-ADIF”.

(109)

L-argument imressaq mill-awtoritajiet Spanjoli jindika allegat falliment tas-suq fil-forma ta' problema ta' koordinazzjoni għall-finanzjament tal-bini tal-faċilità maħsuba. Dan l-argument jidher li jassumi li peress li ebda kumpanija individwali ma għandha inċentiv biex tidħol għall-finanzjament tal-proġett minħabba l-iżbilanċ bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji mistennija (fil-livell tal-impriżi individwali), l-uniku mod possibbli li jiġi appoġġjat l-investiment ikun bil-ħolqien ta' konsorzju li jiġbor flimkien diversi kumpaniji li joperaw f'oqsma tekniċi differenti u li jistgħu jiżguraw li jiġi sfruttat kompletament il-potenzjal tal-faċilità permezz ta' użu konġunt.

(110)

Madankollu, ma hemm xejn fil-fajl li jissuġġerixxi li l-kumpaniji potenzjalment interessati li jidħlu f'tali kollaborazzjoni ma setgħux jagħmlu dan minħabba diffikultajiet oġġettivi li jostakolaw kollaborazzjoni effettiva bejniethom. Anzi, għall-kuntrarju, il-fatt li l-gvern Spanjol intervjena biex jiffaċilita l-ħolqien ta' Veikolu bi Skop Speċjali (SPV) permezz tal-organizzazzjoni tal-ftuħ tal-offerti u li tali proċess falla jissuġġerixxi li l-problema reali tal-finanzjament tal-proġett innotifikat kienet oħra, jiġiferi n-nuqqas ta' vijabilità finanzjarja tiegħu. Id-dgħufija tal-argument imressaq mill-awtortajiet Spanjoli hija kkonfermata mill-fatt li, anke meta l-gvern Spanjol iddeċieda li jipproċedi bl-allokazzjoni tal-finanzjament pubbliku lill-ADIF biex jinbdew ix-xogħlijiet, ebda investitur privat indipendenti ma wera interess li jipparteċipa fil-finanzjament.

(111)

Il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet li Spanja ma pprovdietx biżżejjed evidenza tal-eżistenza ta' falliment tas-suq fil-forma ta' falliment tal-koordinazzjoni fil-livell tal-finanzjament tas-CEATF.

(112)

Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li l-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni fil-qasam tar-RŻI tirreferi għal tliet tipi ta' fallimenti tas-suq speċifiċi: informazzjoni imperfetta u asimetrika, fallimenti tal-koordinazzjoni u tan-netwerk għal attivitajiet ta' RŻI, u effetti konsegwenzjali fuq l-għarfien. Madankollu, l-awtoritajiet Spanjoli ma wrewx li seħħ xi wieħed minn dawn il-fallimenti tas-suq speċifiċi fil-każ preżenti.

(113)

Fir-rigward tad-diffikultajiet li jaffettwaw il-finanzjament tal-proġett tas-CEATF, ma ngħatat ebda evidenza li s-settur privat ikun skoraġġut milli jiffinanzja l-proġett minħabba l-possibilità ta' insuffiċjenza jew asimetrija ta' informazzjoni speċifikament marbuta ma' attivitajiet identifikabbli u riskjużi ta' RŻI. Fir-rigward tal-fallimenti ta' koordinazzjoni u tan-netwek fir-RŻI, huwa ċar mill-istqarrijiet tal-awtoritajiet Spanjoli li ma ġiet ippjanata ebda koordinazzjoni bejn l-ADIF u l-industrija fiċ-ċentru tal-ittestjar. Jidher li l-għajnuna għandha l-għan li tattira kumpaniji biex jipparteċipaw fid-disinn jew fl-użu tal-infrastruttura tas-CEATF, iżda ma tiskattax kooperazzjoni speċifika bejniethom biex jitwettqu attivitajiet kollaborattivi ta' RŻI fiċ-ċentru. Finalment, Spanja ma pprovdiet ebda elementi li jagħtu prova tal-eżistenża ta' effetti konsegwenzjali fuq l-għarfien ta' benefiċċju għal partijiet terzi li jistgħu jitnisslu mill-proġett tas-CEATF.

(114)

Spanja ma pprovdiet ebda argument ieħor biex tappoġġja l-konklużjoni li l-għajnuna tista' twassal għal titjib materjali li s-suq ma jistax iwettaq hu stess.

(115)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-premessi 108 sa 113 iktar 'il fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-bżonn ta' intervent mill-Istat ma ntweriex.

6.3.3.   L-adegwatezza tal-miżura ta' għajnuna

(116)

L-Istati Membri jistgħu jagħmlu għażliet differenti fir-rigward tal-istrumenti ta' politika u l-kontroll tal-għajnuna mill-Istat ma jimponix mod wieħed kif isir intervent fl-ekonomija. Madankollu, l-għajnuna mill-Istat taħt l-Artikolu 107(1) tat-Trattat tista' tiġi ġġustifikata biss bl-adegwatezza ta' strument partikolari li jilħaq l-objettiv tal-politika pubblika u jikkontribwixxi għal wieħed jew iktar mill-objettivi ta' interess komuni (54).

(117)

Il-Kummissjoni normalment tqis li miżura tkun strument xieraq meta l-Istat Membru jkun ikkunsidra jekk jeżistux possibilitajiet ta' politika alternattivi li huma xierqa ndqas biex jintlaħaq l-objettiv ta' interess komuni iżda fl-istess ħin jikkawżaw inqas distorsjoni tal-kompetizzjoni mill-għajnuna selettiva mill-Istat u meta tkun tista' tintwera l-adegwatezza tal-miżura biex jintlaħqu l-objettivi ta' effiċjenza u/jew ekwità.

(118)

L-awtoritajiet Spanjoli ma pprovdew ebda informazzjoni fir-rigward ta' strumenti ta' politka alternattivi possibbli jew strumenti ta' għajnuna oħra biex jiġi ffinanzjat il-proġett. B'risposta għat-tħassib muri fid-deċiżjoni tal-ftuħ, huma llimitaw ruħhom li jsostnu li, fid-dawl tal-allegat defiċit ta' finanzjament ta' 91,87 % tal-proġett, ebda strument għajr il-finanzjament pubbliku ma jkun xieraq f'dan il-każ.

(119)

Il-Kummissjoni tosserva li l-fatt li l-proġett innotifikat jibqa' jagħmel telf sostanzjali anke meta mogħti l-għajnuna mhuwiex biżżejjed biex juri li l-għajnuna mill-Istat hija strument xieraq.

(120)

Barra minn hekk, billi ma ntweriex li l-proġett jikkontribwixxi għall-objettiv ta' interess komuni li jiżdiedu l-attivitajiet ta' RŻI, l-adegwatezza tal-istrument ta' investiment magħżul mill-gvern Spanjol ma ntwerietx lanqas. Miżuri oħra li effettivament joħolqu iktar attivitajiet ta' RŻI jkunu strumenti iktar xierqa biex jintlaħaq dak l-objettiv ta' interess komuni.

(121)

Konsiderazzjonijiet simili japplikaw b'rabta mal-objettivi l-oħra ta' interess komuni invokati minn Spanja. Kif indikat fil-premessa 106 iktar 'il fuq, impjiegi ġodda jkunu prinċipalment limitati għas-settur tal-kostruzzjoni u jkunu temporanji fin-natura tagħhom. L-għajnuna mill-Istat għall-bini ta' infrastruttura li x'aktarx ma tintużax mhijiex strument ta' politika xieraq biex jinħolqu t-tkabbir u l-impjiegi.

6.3.4.   Effett ta' inċentiv

(122)

L-għajnuna mill-Istat għandu jkollha effett ta' inċentiv. Ikun hemm l-effett ta' inċentiv meħtieġ meta l-għajnuna tibdel l-imġiba tal-benefiċjarju b'rabta mal-ilħiq tal-objettiv ta' interess komuni u l-indirizzar tal-falliment tas-suq identifikat.

(123)

L-awtoritajiet Spanjoli indikaw li mingħajr l-għajnuna, is-CEATF ma tinbeniex: huma jsostnu li l-għajnuna għandha effett ta' inċentiv peress li l-proġett ma jistax jitwettaq mingħajr l-għajnuna.

(124)

Madankollu, f'dan il-każ, il-Kummissjoni tinnota li l-għajnuna tipperemtti l-bini ta' faċilità ta' ttestjar ferrovjarju li qed titpoġġa għad-dispożizzjoni tal-ADIF, bħala s-sid futur, iżda ma jidhirx li qed tiskatta bidla fl-imġiba tal-ADIF jew ta' oħrajn f'termini ta' attivitajiet addizzjonali ta' RŻI li għandhom jitwettqu fil-faċilita tal-ittestjar.

(125)

Matul il-proċedura ta' investigazzjoni formali, l-awtoritajiet Spanjoli ma pprovdew ebda informazzjoni jew argumenti ġodda dwar il-bdil fl-imġiba tal-ADIF dovut għall-għajnuna. Filwaqt li d-data disponibbli tindika li l-proġett innotifikat se jibqa' jagħmel it-telf anke bl-għajnuna, l-awtoritajiet Spanjoli naqsu milli juru li l-proġett madankollu jiġġenera benefiċċji importanti għas-soċjetà relatati mar-RŻI. Għall-kuntrarju, il-kummenti li waslu mingħand utenti potenzjali tal-infrastruttura matul l-investigazzjoni formali jissuġġerixxu li, kif inhu ddisinjat bħalissa, il-proġett ma jweġibx għall-ħtiġijiet mhux issodisfati min-naħa tad-domanda mingħand kumpaniji involuti f'attivitajiet ta' RŻI fi ħdan is-settur ferrovjarju.

(126)

Ma tressqu ebda raġunijiet li jiġġustifikaw li l-Kummissjoni tibdel il-valutazzjoni inizjali tagħha, kif espressa fid-deċiżjoni tal-ftuħ. Essenzjalment, lil hinn mill-ħolqien ta' effett ta' inċentiv, l-għajnuna hija immirata lejn il-bini ta' infrastruttura li l-valur miżjud tagħha meta mqabbel ma' alternattivi oħra (jiġifieri testijiet fuq in-netwerks ferrovjarji regolari) ma ntweriex.

6.3.5.   Il-proporzjonalità tal-għajnuna

(127)

Il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna tkun proporzjonata jekk l-istess riżultat ma jkunx jista' jinkiseb b'inqas għajnuna.

(128)

L-awtoritajiet Spanjoli nnotifikaw il-proġett bħala konformi mal-Qafas tar-RŻI, li jindika li l-intensità massima tal-għajnuna permessa biex jiġu koperti investimenti f'infrastrutturi ta' riċerka użati għal skopijiet ekonomiċi hija limitata għall-ispejjeż netti ekstra sa limitu massimu ta' 60 % tal-ispejjeż eleġibbli (punt 89 tal-Qafas tar-RŻI). Fil-każ preżenti, l-appoġġ pubbliku se jkopri 100 % tal-ispejjeż.

(129)

Minħabba l-assenza jew l-insuffiċjenza ta' investimenti privati fl-infrastruttura tas-CEATF, l-għajnuna inkwistjoni ma tidhirx li hija proporzjonata.

6.3.6.   Evitar ta' effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri

(130)

L-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat jistipola li l-iżviluppi pożittivi ġġenerati b'riżultat ta' miżura għandhom ikunu bbilanċjati mal-effetti negattivi tagħha fuq il-kummerċ u l-kompetizzjoni.

(131)

Il-Kummissjoni tqis li l-awtoritajiet Spanjoli ma tawx prova tal-eżistenza ta' effetti pożittivi ġġenerati b'din il-miżura. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-bini tas-CEATF jonqos milli jilħaq l-objettiv tiegħu li jiżdiedu r-R&Ż fil-qasam speċifiku tas-servizzi tat-trasport ferrovjarju ta' veloċità għolja ħafna peress li d-domanda fis-suq għal tali infrastruttura u servizzi relatati ta' R&Ż hija żgħira jew saħansitra ineżistenti. Il-Kummissjoni tikkonkludi wkoll li m'hemmx prova ta' falliment tas-suq jew li l-miżura tikkontribwixxi għal bdil sinifikanti fl-imġiba tal-benefiċjarju.

(132)

Fir-rigward tal-effetti pożittivi l-oħra tal-miżura li fuqhom tibbaża ruħha Spanja, il-Kummissjoni tqis li l-ħolqien temporanju ta' impjiegi, prinċipalment fis-settur tal-kostruzzjoni, iġib miegħu spejjeż għoljin ħafna u valur pożittiv limitat.

(133)

Barra minn hekk, peress li l-miżura tippermetti li jidħol kompetitur ġdid fis-suq permezz tal-użu ta' finanzjament pubbliku massiv, il-Kummissjoni tqis li dan ikollu effett negattiv fuq il-kompetizzjoni. L-għajnuna timmina investimenti preċedenti magħmula minn kompetituri fil-faċilitajiet ta' ttestjar tagħhom kif ukoll tnaqqas investimenti futuri fil-manutenzjoni u t-titjib ta' tali infrastrutturi.

(134)

Is-suq li jiġi affettwat mill-għajnuna huwa s-suq tas-servizzi ta' ttestjar tat-tagħmir ferrovjarju fl-Unjoni Ewropea. F'dan is-suq, kif diġà ġie nnotat fid-deċiżjoni tal-ftuħ, attwalment qed jitħaddmu tliet ċentri ta' ttestjar ferrovjarju fl-Unjoni Ewropea: Cerhenice (Velim) fir-Repubblika Ċeka, Wildenrath fil-Ġermanja u Valenciennes fi Franza, fejn isir ittestjar b'veloċitajiet sa 210 km/siegħa. L-ittestjar ta' vetturi ferrovjarji ta' veloċità għolja jitwettaq fuq linji li jintużaw kummerċjalment (55) li għandhom veloċità ta' disinn massima ta' 350 km/siegħa, u t-testijiet isiru b'veloċità massima sa 385 km/siegħa kif rikjest fl-istandard (10 % iktar mill-veloċità nominali tal-ferrovija).

(135)

Minn dan jirriżulta li ma hemmx sostitwibilità perfetta bejn is-servizzi ta' ttestjar tas-CEATF fuq naħa u l-faċilitajiet ta' ttestjar oħra u testijiet fuq netwerks kummerċjali fuq in-naħa l-oħra, minħabba l-veloċitjiet massimi differenti tal-ittestjar. Madankollu, il-possibilità diġà eżistenti ta' ttestjar b'veloċitajiet sa 385 km/siegħa f'netwerks kummerċjali twieġeb għad-domanda attwali u potenzjali għal servizzi ta' ttestjar sa din il-veloċità kummerċjalment vijabbli. Fir-rigward tad-domanda futura potenzjali għal ittestjar b'veloċitajiet sa 520 km/siegħa, l-informazzjoni disponibbli u l-kummenti li waslu mingħand il-parteċipanti tas-suq jissuġġerrixxu li din mhux se tkun possibilità kummerċjalment vijabbli, għall-inqas fil-futur qarib. Għaldaqstant, il-faċilità ta' ttestjar tas-CEATF se tkun kompetitur dirett ta' dawk iż-żewġ faċilitajiet eżistenti u anke tan-netwerks ferrovjarji pubbliċi. Għalhekk il-Kummissjoni tqis li l-miżura hija maħsuba biex tissussidja d-dħul fis-suq ta' kompetitur kompletament ġdid bir-riżorsi tal-Istat, u x'aktarx twassal għal distorsjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni f'dak is-suq b'riżultat ta' dan.

(136)

Il-kompetizzjoni fis-swieq downstream ta' prodotti ferrovjarji li se jiġu ttestjati (inklużi vetturi u tagħmir) tista' wkoll tiġi affettwata b'mod negattiv b'din il-miżura ta' għajnuna. Kif osservat fil-kummenti li waslu dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ, il-pożizzjoni ġeografika tal-faċilità tista' de facto toħloq vantaġġi ta' kompetizzjoni favur il-produtturi nazzjonali tal-vetturi ferrovjarji li x'aktarx jużaw is-CEATF għall-ittestjar, mingħajr ma jidħlu fi spejjeż ta' trasport sinifikanti.

(137)

Wara li ġie kkunsidrat li l-effetti pożittivi tal-għajnuna nnotifikata mhumiex suffiċjentement ippruvati, kif osservat mill-Kummissjoni fis-sezzjonijiet 6.3.1 sa 6.3.5, l-effetti negattivi tal-miżura f'termini tad-distorsjoni attwali u potenzjali tal-kompetizzjoni huma meqjusa akbar mill-effiċjenzi asseriti.

6.3.7.   It-trasparenza tal-għajnuna

(138)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, m'hemmx bżonn jiġi kkunsidrat sa fejn l-għajnuna hija trasparenti.

6.3.8.   Konklużjonijiet dwar il-kompatibilità tal-għajnuna

(139)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fis-sezzjonijiet 6.3.1 sa 6.3.7 iktar 'il fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura ta' għajnuna nnotifikata ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat.

6.4.   Irkupru tal-għajnuna inkompatibbli

(140)

F'konformità ma' ġurisprudenza stabbilita sew, l-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) 2015/1589 jgħid li “fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f'każijiet ta' għajnuna kontra l-liġi, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju (…)”.

(141)

Il-Qrati tal-Unjoni konsistentement sostnew ukoll li l-obbligu ta' Stat Membru li jabolixxi għajnuna meqjusa mill-Kummissjoni bħala inkompatibbli mas-suq intern huwa maħsub biex jistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni eżistenti qabel (56). F'dan il-kuntest, il-Qrati tal-Unjoni stabbilixxew li dan l-objettiv ikun intlaħaq meta r-riċevitur ikun ħallas lura l-ammonti mogħtija bħala għajnuna kontra l-liġi (inkluż l-imgħax), u b'hekk jintilef il-vantaġġ li jkun gawda fuq il-kompetituri tiegħu fis-suq, u tiġi restawrata s-sitwazzjoni ta' qabel l-għoti tal-għajnuna (57).

(142)

Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-għajnuna mogħtija minn Spanja lill-ADIF hija kontra l-liġi u inkompatibbli mas-suq intern. B'riżultat ta' dan, l-għajnuna għandha tiġi rkuprata biex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni li kienet teżisti fis-suq qabel ingħatat. L-irkupru għandu jkopri ż-żmien minn meta ngħata l-vantaġġ lill-benefiċjarji, jiġifieri meta l-għajnuna tpoġġiet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji, u l-ammonti li għandhom jiġu rkuprati għandhom ikunu bl-imgħax sal-irkupru effettiv.

(143)

Abbażi tal-informazzjoni pprovduta minn Spanja u deskritta fil-qosor fil-premessi 43 u 44, u fit-Tabelli 3, 4 u 5 iktar 'il fuq, it-total tal-fondi żborżati lill-ADIF fil-perjodu 2011–2014 jammonta għal EUR 143 703 000 (inkluż EUR 135 866 000 f'għotjiet u EUR 7 837 000 f'self).

(144)

Il-Kummissjoni kkalkolat ir-rata tal-imgħax li kienet tkun disponibbli fis-suq abbażi tal-informazzjoni pprovduta minn Spanja fir-rigward tas-self kummerċjali effettivament ikkuntrattat mill-ADIF fil-perjodu rilevanti. Madankollu, il-Kummissoni tapprezza li r-riżultat tal-kalkolu tagħha jista' jkun affettwat bl-eżistenza ta' self ieħor li hija ma ġietx mgħarrfa dwaru. Għaldaqstant, għall-finijiet tal-kalkolu tad-differenza bejn ir-rati tal-imgħax effettivament stabbiliti fis-self mogħti lill-ADIF u r-rata tal-imgħax tas-suq, u għalhekk l-element ta' għajnuna li għandu jiġi rkuprat, Spanja għandha perjodu ta' xahrejn mid-data tal-adozzjoni ta' din id-deċiżjoni li fih hija tista' tipprovdi lill-Kummissjoni evidenza ta' kwalunkwe self kummerċjali ieħor ikkuntrattat mill-ADIF fil-perjodu rilevanti.

(145)

Għalhekk, Spanja għandha tirkupra mingħand l-ADIF kemm l-għotjiet antiċipati effettivament żborżati u li għadhom ma ġewx rimborżati mill-ADIF u l-element ta' għajnuna inkluż fis-self mogħti fl-2011, l-2012 u l-2013, li mingħajr preġudizzju għall-possibilità msemmija fil-paragrafu preċedenti, huwa d-differenza bejn ir-rata tal-imgħax tas-self u r-rata tal-imgħax tas-suq kif indikat fit-Tabella 6 iktar 'il fuq (ara l-premessa 75 iktar 'il fuq). L-ammont totali li għandu jiġi rkuprat għandu jinkludi mgħax ta' rkupru sa mill-mument meta ġiet żborżata kull għotja jew self sal-mument tar-rimborż.

(146)

Filwaqt li għall-għotjiet, l-imgħax ta' rkupru għandu jkun ikkalkolat abbażi tas-somma kapitali tal-għotja, l-interess ta' rkupru fuq is-self għandu jiġi kkalkolat abbażi tal-element tal-għajnuna inkluż fis-self.

(147)

Ma għandu jsir ebda ħlas ġdid min-naħa ta' Spanja b'rabta mal-proġett inkwistjoni.

(148)

Kif indikat fil-premessa 88 iktar 'il fuq, l-awtoritajiet Spanjoli qalu li ċ-ċirkwit ferrovjarju tas-CEATF mhux se jinbena mingħajr l-approvazzjoni tal-Kummissjoni. Fid-dawl ta' dan, il-Kummissjoni tqis li ma għandu jkun hemm ebda raġuni li l-ADIF iżżomm is-self mogħti billi dan ingħata biss għal dan il-proġett speċifiku. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni titlob it-terminazzjoni u l-ħlas lura immedjati tas-self mogħti lill-ADIF.

7.   KONKLUŻJONI

(149)

L-għotjiet antiċipati u s-self ipprovdut lill-ADIF minn Spanja jikkostitwixxu għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. L-għajnuna ngħatat minn Spanja bi ksur tal-obbligi ta' notifika u ta' moratorju fl-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

(150)

Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-għajnuna hija inkompatibbli mas-suq intern.

(151)

Għalhekk, l-għajnuna għandha tiġi rkuprata mingħand il-benefiċjarju, l-ADIF, flimkien mal-imgħax ta' rkupru.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-finanzjament pubbliku mogħti minn Spanja lill-Administrador de Infraestructura ferroviaria (ADIF) abbażi tal-ftehim tas-27 ta' Diċembru 2010 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri tat-28 ta' Ġunju 2013 għall-bini tas-CEATF, fil-forma ta' self b'rati iktar baxxi mir-rati tal-imgħax tas-suq u għotjiet, li jammonta għal EUR 358 552 309, jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

Artikolu 2

L-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 hija kontra l-liġi peress li ngħatat bi ksur tal-obbligi ta' notifika u ta' moratorju li joħorġu mill-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

Artikolu 3

L-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 hija inkompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 4

1.   Inkwantu l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 ġiet żborżata lill-ADIF, Spanja għandha tirkupraha immedjatament.

2.   L-ammonti li għandhom jiġu rkuprati għandhom ikunu bl-imgħax mid-data ta' meta tpoġġew għad-dispożizzjni tal-ADIF sal-irkupru effettiv tagħhom.

3.   L-imgħax għandu jiġi kkalkolat fuq bażi komposta f'konformità mal-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (58). L-ammonti li għandhom jitħallsu lura għandhom ikunu bl-imgħax mid-data ta' meta ġew għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji, jiġifieri mid-data tal-pagamenti parzjali tal-għotja u s-self, sal-irkupru effettiv.

4.   Spanja għandha tikkanċella l-ħlasijiet pendenti kollha tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 b'effett mid-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

5.   Spanja għandha titlob it-terminazzjoni u l-ħlas lura tas-self mogħti lill-ADIF.

Artikolu 5

Spanja għandha tiżgura li din id-deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba' xhur mid-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 6

1.   Fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni, Spanja għandha tibgħat l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:

(a)

l-ammont totali (is-somma kapitali u l-imgħax ta' rkupru) li għandu jiġi rkuprat mingħand l-ADIF;

(b)

deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri diġà meħuda u ppjanati biex tikkonforma ma' din id-Deċiżjoni;

(c)

dokumenti li juru li l-ADIF ġiet ordnata tħallas lura l-għajnuna.

2.   Spanja għandha żżomm lill-Kummissjoni infurmata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali meħuda biex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni sakemm jiġi kkompletat l-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1. Hija għandha immedjatament tibgħat informazzjoni, fuq sempliċi talba tal-Kummissjoni, dwar il-miżuri diġà meħuda u ppjanati għall-finijiet tal-konformità ma' din id-Deċiżjoni. Hija għandha tipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti ta' għajnuna u interess ta' rkupru diġà rkuprati mingħand l-ADIF.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta' Spanja.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Lulju 2016.

Għall-Kummissjoni

Margrethe VESTAGER

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 188, 5.6.2015, p. 10.

(2)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 1.

(3)  Il-Programm Operattiv Multireġjonali “Riċerka, Żvilupp u Innovazzjoni (RŻI) għall-Intrapriżi u minnhom — Fond għat-Teknoloġija” adottat mill-Kummissjoni fis-7 ta' Diċembru 2007 (id-Deċiżjoni C/2007/6316). Dan il-Programm jagħmel użu mill-appoġġ Komunitarju fir-reġjuni Spanjoli kollha fil-qafas tal-Objettivi ta' Konverġenza u Kompetittività Reġjonali u Impjiegi.

(4)  It-tieni sottomissjoni tal-awtoritajiet Spanjoli, li waslet u ġiet irreġistrata fl-20 ta' Mejju 2014, p. 12, ikkonfermat is-sottomissjoni tagħhom tat-22 ta' Jannar 2015.

(5)  Kif deskritt fis-sezzjoni 2.3.1 hawn taħt, il-proġett ġie soġġett għal bidliet fid-disinn tekniku waqt il-fażi tal-istudju preliminari tal-fattabilità sakemm laħaq il-forma finali tiegħu f'April 2013, meta l-ADIF bagħtet il-proġett lill-Ministeru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u t-Trasport.

(6)  Ara s-sezzjoni 2.4 tad-deċiżjoni tal-ftuħ għal deskrizzjoni iktar dettaljata.

(7)  Ġurnal uffiċjali Spanjol (BOE) Nru 157, 2 ta' Lulju 2013.

(8)  Deloitte, “Final conclusions on the questionnaires received on the project for the development, construction, maintenance and operation of ADIF's railway ring in Antequera under public-private partnership” (Konklużjonijiet finali dwar il-kwestjonarji riċevuti fuq il-proġett għall-iżvilupp, il-bini, il-manutenzjoni u l-operat taċ-ċirkwit ferrovjarju tal-ADIF f'Antequera taħt sħubija pubblika-privata), 8 ta' Ottubru 2012.

(9)  Sommarju eżekuttiv tar-rapport tad-Deloitte, riprodott fis-sottomissjoni tal-awtoritajiet Spanjoli fit-22 ta' Jannar 2015.

(10)  http://www.c-e-f.fr/

(11)  Ley 39/2003 del Sector Ferroviario, Ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali Spanjol (BOE) Nru 299, tal-14 ta' Diċembru 2013.

(12)  Kummerċjalment immaniġġjati mid-Dipartiment tal-Istazzjonijiet tal-Passiġġieri tal-ADIF (Source: www.adif.es).

(13)  Ir-raggruppament tat-teknoloġija ferrovjarja li jopera fl-istess reġjun, ara l-premessa 12 tad-deċiżjoni tal-ftuħ

(14)  Regolament (KE) Nru 1083/2006 tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25).

(15)  Minuti tal-laqgħa tal-“Comité de seguimiento del programa operativo de I+D+I por y para el beneficio de las empresas — Fondo tecnologico 2007-2013” — 11 ta' Ġunju 2010. Il-Kumitat huwa presedut mid-Direttur Ġenerali għall-ERDF fi ħdan il-Ministeru tal-Ekonomija Spanjol, u għalih jattendu r-rappreżentanti tal-parteċipanti fil-Programm Operattiv (kemm amministrazzjonijiet pubbliċi kif ukoll kumpaniji) u l-Kummissjoni.

(16)  L-awtoritajiet Spanjoli bagħtu t-test tal-ftehim permezz tal-ittra elettronika tat-2 ta' Lulju 2015.

(17)  L-ittri elettroniċi tal-awtoritajiet Spanjoli bid-dati tal-1 u t-8 ta' Ġunju 2015 ġew ikkonfermati fis-sottomissjoni tat-13 ta' Novembru 2015, paġna 5 u l-annessi tagħha.

(18)  Pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali Spanjol (BOE), 17 ta' April 2013.

(19)  F'konformità mal-karatteristiċi tekniċi stabliliti bħala definiti (il-veloċità massima, in-numru u l-forma taċ-ċirkwit, il-post u t-tip ta' vetturi ferrovjarji li fuqhom għandhom isiru t-testijiet).

(20)  Riżoluzzjoni tad-Dipartiment tal-Istat għall-Infrastruttura, it-Trasport u d-Djar li tapprova l-proġett u tippreżenta l-objettivi tiegħu u l-proċess li jmiss. Ara l-premessa 10 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(21)  L-ammont eżatt huwa EUR 358 552 309,00 arrotonditi għal EUR 358,6 miljun; ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri tat-28 ta' Ġunju 2013. http://prensa.adif.es/ade/u08/GAP/Prensa.nsf/0/80A8FA05AE117307C1257B9B00284BC1/$file/130628%20Anillo%20Ferroviario%20Antequera%20Consejo%20Ministros.pdf?OpenElement

(22)  Sors: p. 85 tal-memorandum ta' notifika (Settembru 2013) ikkumplimentata bl-ittra elettronika tat-2 ta' Lulju 2015 u s-sottomissjoni tat-13 ta' Novembru 2015. L-istruttura tal-finanzjament fil-forma ta' għotja (ikkwalifikata bħala “għotja antiċipata”) u self toriġina mill-ftehim iffirmat fl-2010 iżda l-baġit ġie aġġornat wara li ttieħdet id-deċiżjoni fit-28 ta' Ġunju 2013.

(23)  Huma elenkaw is-self kollu miksub mill-ADIF U ADIF-Alta Velocidad iżda b'effett mill-1 ta' Jannar 2013, id-data ta' meta l-ADIF inqasmet f'ADIF u ADIF-Alta Velocidad. L-assi relatati maċ-ċirkwit ferrovjarju baqgħu għand l-ADIF.

(24)  Fl-2012, ir-rata tal-imgħax fissa kienet 4,884 % u dik varjabbli kienet ikkalkolata fuq ir-rata tal-Euribor bejn kull tlieta (3) u sitt (6) xhur li fuqha ġie applikat marġni ta' bejn 275 u 400 punt ta' bażi skont id-durata tas-self. Fl-2013, ir-rata tal-imgħax fissa kienet 6,28 % u dik varjabbli kienet ikkalkolata fuq ir-rata tal-Euribor kull sitt (6) xhur li fuqha ġie applikat marġni ta' bejn 400 u 450 punt ta' bażi skont l-ammont tas-self.

(25)  Il-figura ta' 139 931 720 diġà hija nett mir-rimborżi parzjali tas-self u l-għotjiet.

(26)  EUR 19,8 miljun imsemmija fis-sottomissjoni tal-20 ta' Mejju 2014, l-Anness II “konsegwenzi negattivi tan-nuqqas ta' twettiq tal-proġett”, p. 10. Aġġornata għal EUR 20,46 miljun fis-sottomissjoni tal-awtoritajiet Spanjoli tat-28 ta' Settembru 2015.

(27)  Ara l-premessa 43 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(28)  ĠU C 198, 27.6.2014, p. 1.

(29)  Veloċità kummerċjali sa 350 km/siegħa tirrikjedi li jsiru testijiet b'veloċità massima ta' 385 km/siegħa.

(30)  Peress li l-awtoritajiet Spanjoli jammettu li hemm spejjeż addizzjonali li huma komuni għaż-żewġ sezzjonijiet tal-faċilità tas-CEATF u ma jistgħux jiġu separati u allokati għal kull waħda miż-żewġ sezzjonijiet b'mod preċiż, dawk il-valuri m'għandhomx jitqiesu bħala allokazzjoni preċiża tal-ispejjeż.

(31)  https://ec.europa.eu/commission/2014-2019/cretu/announcements/new-eu-regional-funds-programme-will-transform-spain-smarter-and-more-competitive-economy_en

(32)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Settembru 2000, Pavlov et al, Kawżi Magħquda C-180/98 sa C-184/98, ECLI:EU:C:2000:428, paragrafu 74; Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et al, C-222/04, ECLI:EU:C:2006:8, paragrafu 107.

(33)  Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta' Diċembru 2000, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni, T-128/98, ECLI:EU:T:2000:290, kif ikkonfermata fl-appell bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta' Ottubru 2002 f'Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni, C-82/01 P, ECLI:EU:C:2002:617, paragrafi 75 sa 80.

(34)  Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Diċembru 2012 f'Mitteldeutsche Flughafen u Flughafen Leipzig-Halle vs Il-Kummissjoni, C-288/11 P,, ECLI:EU:C:2012:821, punti 43 u 44, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta' Jannar 2015 f'Eventech, C-518/13, ECLI:EU:C:2015:9, paragrafu 42.

(35)  ADIF, bħala s-sid tal-infrastruttura maħsuba biex tintuża għal attivitajiet ekonomiċi, hija meqjusa bħala “impriża” għall-iskopijiet tal-għajnuna mill-Istat. L-awtoritajiet Spanjoli ma kkontestawx dan matul l-investigazzjoni formali.

(36)  ĠU C 14, 19.1.2008, p. 6.

(37)  Ir-rata ta' bażi, li magħha żdiedu 100 punt ta' bażi bħala marġni minima skont il-Komunikazzjoni tal-2008, kienet 2,49 % għal Jannar 2011, 3,07 % għal Jannar 2012, 2,67 % għal Mejju 2012, 1,66 % għal Frar 2013 u 1,53 % għal Jannar 2014.

(38)  https://www.moodys.com/credit-ratings/Administrador-de-Infraestruct-Ferroviarias-credit-rating-3010 Il-klassifikazzjoni tal-kreditu tal-ADIF ġiet stabbilita b'rabta mal-klassifikazzjoni tal-gvern Spanjol.

(39)  Huma elenkaw is-self kollu miksub mill-ADIF u ADIF-Alta Velocidad, iżda b'effett mill-1 ta' Jannar 2013, id-data li fiha l-ADIF inqasmet f'ADIF u ADIF-Alta Velocidad, l-assi relatati maċ-ċirkwit ferrovjarju baqgħu għand l-ADIF. Huma pprovdew informazzjoni dwar id-data tal-użu, id-data tal-iskadenza, il-bank, il-proġett li se jiġi ffinanzjat, l-ammont, ir-rata tal-imgħax għall-ħlas lura u l-perjodu ta' grazzja.

(40)  Ara l-premessa 42 iktar 'il fuq

(41)  Ara l-premessi 43 u 44 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(42)  Kawża SA.38302 Għajnuna ta' investiment fil-port ta' Salerno, deċiżjoni tas-27 ta' Marzu 2014, premessa 46.

(43)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta' Jannar 2015, Eventech, C-518/13, ECLI:EU:C:2015:9, paragrafu 66, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, Libert et al, C-197/11 u C-203/11, ECLI:EU:C:2013:288, paragrafu 77.

(44)  Ara s-sottomissjoni tal-awtoritajiet Spanjoli tas-6 ta' Frar 2014, tweġiba għall-mistoqsija 7, ipprovduta mill-Ministeru Spanjol għall-Finanzi u l-Amministrazzjoni Pubblika, paġna 13.

(45)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta' Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 9).

(46)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Diċembru 2010, AceaElectrabel Produzione vs Il-Kummissjoni, C-480/09 P, ECLI:EU:C:2010:787, paragrafu 99 u l-ġurisprudenza ċċitata fiha.

(47)  Skont il-punt 15(ff) tal-Qafas tar-RŻI “infrastruttura ta' riċerka” tfisser faċilitajiet, riżorsi u servizzi relatati li jintużaw mill-komunità xjentifika biex twettaq riċerka fl-oqsma rispettivi tagħha, u tkopri tagħmir xjentifiku jew sett ta' strumenti, riżorsi bbażati fuq l-għarfien bħalma huma kollezzjonijiet, arkivji jew informazzjoni xjentifika strutturata, li jippermettu infrastrutturi ta' informazzjoni u komunikazzjoni bbażati fuq it-teknoloġija bħal netwerk, informatika, softwer u komunikazzjoni, jew kwalunkwe entità oħra ta' natura unika essenzjali biex titwettaq ir-riċerka. Tali infrastruttura tista' tkun “f'sit wieħed” jew “imqassma” (netwerk ta' riżorsi organizzat).

(48)  Qafas Komunitarju għall-għajnuna mill-Istat għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni (ĠU C 323, 30.12.2006, p. 1).

(49)  Pereżempju, SA 32835 (2011/N) — Fond ta' Investiment Urban għall-Majjistral (JESSICA) (ĠU C 281, 24.9.2011, p. 2, http://ec.europa.eu/competition/state_aid/cases/240234/240234_1247477_97_2.pdf u SA 38769 (2015/N) — Ftehim Ekoloġiku għal Infrastruttura għall-Iċċarġjar tal-Vetturi Elettriċi, li għandu jiġi ppubblikat, http://ec.europa.eu/competition/state_aid/cases/258489/258489_1710979_137_2.pdf

(50)  Fir-rigward tal-argument tal-awtoritajiet Spanjoli li fakkru li ntbagħat kwestjonarju lil iktar minn 80 kumpanija, li minnhom 47 wieġbu u 26 indikaw li huma lesti li jassumu parti mir-riskji tal-proġett, għandu jiġi osservat li dawn tal-aħħar kienu fil-biċċa l-kbira kumpaniji mis-settur tal-kostruzzjoni li l-interess kummerċjali tagħhom huwa marbut mal-fażi tal-kostruzzjoni tal-proġett, u mhux mal-attivitajiet ta' RŻI li jiwettqu fih. Barra minn hekk, ħadd minnhom ma kkonferma l-interess reali tiegħu billi fl-aħħar mill-aħħar issottometta offerta meta ġiet organizzata s-sejħa għall-offerti fl-2013, li ġiet iddikjarata nulla minħabba n-nuqqas ta' parteċipanti.

(51)  Mhijiex sorpriża li l-unika kumpanija li esprimiet opinjoni favorevoli għall-proġett hija kumpanija Spanjola li, kif ikkonfermat mill-kummenti ta' partijiet oħra li wieġbu, jista' de facto jkollha aċċess preferenzjali għall-faċilità minħabba l-viċinanza tagħha għaċ-ċentru. Għalhekk jidher li l-kumment tagħha huwa ispirat mill-possibilità li takkwista vantaġġ kompetittiv iktar milli minn evalwazzjoni oġġettiva dwar il-bżonn tal-faċilità.

(52)  Ara wkoll in-nota ta' qiegħ il-paġna 17 fid-deċiżjoni tal-ftuħ.

(53)  Pereżempju, il-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-2014-2020 (ĠU C 209, 23.7.2013, p. 1), li jaħsbu speċifikament għall-ħolqien tal-impjiegi, ipoġġu dak l-objettiv fil-kuntest iktar wiesa' li jinkiseb tkabbir inklużiv u sostenibbli (enfażi miżjuda). Fil-fatt, anke meta l-Kummissjoni kellha linji gwida speċifiċi dwar l-għajnuna għall-ħolqien tal-impjiegi (Linji Gwidi dwar l-għajnuna għall-impjiegi, ĠU C 334, 12.12.1995, p. 4), ġie rikonoxxut li għajnuna għall-ħolqien tal-impjiegi li tkun limitata għal settur jew setturi sensittiv/i li jesperjenzaw kapaċità żejda jew li jkunu fi kriżi hija wkoll ġeneralment meqjusa b'mod inqas favorevoli, bir-riżultat li l-effetti ħżiena tagħha fuq l-impjiegi f'setturi ta' kompetizzjoni fi Stati Membri oħra ġeneralment huma ikbar mill-interess komuni involut f'miżuri attivi biex jitnaqqas il-qgħad (ara l-punt 23).

(54)  Għal diskussjoni dwar l-adegwatezza ara l-Kawżi C 25/2004 — DVB-T Berlin-Brandenburg (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 14) jew N 854/06 — Soutien de l'agence de l'innovation industrielle en faveur du programme mobilisateur pour l'innovation industrielle TVMSL (ĠU C 182, 4.8.2007, p. 5).

(55)  Pereżempju — Rete Feroviaria Italiana fl-Italja, SNCF fi Franza, DB Bahn fil-Ġermanja.

(56)  Ara inter alia s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta' Settembru 1994, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-278/92, C-279/92 u C-280/92, ECLI:EU:C:1994:325, paragrafu 75.

(57)  Ara inter alia s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Ġunju 1999, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, Kawża C-75/97, ECLI:EU:C:1999:311, paragrafi 64 u 65.

(58)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta' April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1).