13.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 12/20


Rettifika tad-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi tal-UE għall-2018-2019

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea C 446 tad-29 ta’ Diċembru 2017 )

(2018/C 12/11)

Id-Dikjarazzjoni Konġunta ppubblikata f’paġna 1 għandha taqra kif ġej:

Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi tal-UE għall-2018-2019

Il-ġejjieni tal-Ewropa jinsab f’idejna. Konvinti li l-Unjoni Ewropea hija l-aqwa strument biex niksbu l-objettivi tagħna, ser inkomplu naħdmu flimkien biex l-Unjoni tagħna nagħmluha aktar b’saħħitha, aktar magħquda u aktar demokratika fis-snin li ġejjin.

L-Ewropa qed tirkupra saħħitha u rridu nieħdu vantaġġ minn dan ir-ritmu mġedded. Issa li fadal xi 18-il xahar sal-elezzjonijiet Ewropej li jmiss, mument demokratiku ċentrali biex il-votanti jivvalutaw kemm hi effettiva l-Unjoni, dan hu ż-żmien li għandna nuru li l-Ewropa tista’ tipprovdi riżultati konkreti liċ-ċittadini tagħha fil-ħin u fejn hu importanti.

Id-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi tal-UE għall-2017, l-ewwel waħda minn meta dan l-istrument inħoloq permezz tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016, uriet il-valur tagħha bħala mezz biex tinżamm l-attenzjoni politika fuq il-proposti ewlenin fejn huma l-aktar meħtieġa riżultati, u għandha tiġġedded għall-perijodu li jkopri sal-elezzjonijiet Ewropej.

It-tliet Istituzzjonijiet jaqblu li jwettqu aġenda pożittiva għal UE aktar inklużiva u aktar magħquda u qafas finanzjarju ġdid li jħares ’il quddiem għas-snin wara l-2020, b’appoġġ għall-objettivi tal-Unjoni u biex jiġi żgurat il-bilanċ xieraq bejn il-politiki tal-UE fl-interess taċ-ċittadini. F’konformità ma’ dan is-sens qawwi ta’ twettiq, ser nittrattaw bħala prijorità fil-proċess leġiżlattiv l-inizjattivi msemmijin hawn taħt biex niżguraw progress sostanzjali fihom u, jekk jista’ jkun, inwettquhom qabel l-elezzjonijiet Ewropej tal-2019:

1.

Nipproteġu aħjar is-sigurtà taċ-ċittadini tagħna, billi niżguraw li l-awtoritajiet tal-Istati Membri jkunu jafu min qed jaqsam il-fruntieri esterni komuni tagħna, sistemi interoperabbli ta’ informazzjoni tal-UE għas-sigurtà, ir-rekords kriminali, il-ġestjoni tal-fruntieri u tal-migrazzjoni, billi nsaħħu l-istrumenti tagħna għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u kontra l-ħasil tal-flus, u billi nsaħħu l-kompetittività u l-innovazzjoni tal-industrija tad-difiża tal-Unjoni permezz ta’ Fond Ewropew għad-Difiża;

2.

Nirriformaw u niżviluppaw il-politika tagħna dwar il-migrazzjoni fi spirtu ta’ responsabbiltà u solidarjetà, inkluż r-riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil, inkluż il-mekkaniżmu ta’ Dublin, u l-pakkett dwar il-migrazzjoni legali;

3.

Nagħtu spinta ġdida lill-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment, billi nimmodernizzaw l-istrumenti tad-difiża tal-kummerċ tal-UE u nagħmlu progress fl-iskrinjar tal-investiment dirett barrani fl-UE, billi ntejbu l-ġestjoni tal-iskart f’ekonomija ċirkolari, billi nkomplu bl-isforzi tagħna għal Unjoni Ekonomika u Monetarja aktar profonda, u billi nlestu l-Unjoni Bankarja tagħna b’mod li jibbilanċja l-kondiviżjoni tar-riskju u t-tnaqqis tar-riskju;

4.

Nindirizzaw id-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ewropea, billi naħdmu fuq it-titjib tal-koordinament tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, billi nipproteġu l-ħaddiema minn riskji għal saħħithom fuq il-post tax-xogħol, billi niżguraw trattament ġust għal kulħadd fis-swieq tax-xogħol tagħna permezz ta’ regoli modernizzati dwar l-istazzjonar ta’ ħaddiema, u billi ntejbu l-infurzar transkonfinali;

5.

Inwettqu l-impenn tagħna li nimplimentaw Suq Uniku Diġitali kollegat, billi nlestu l-immodernizzar tar-regoli għas-settur tal-komunikazzjoni elettronika, billi nissettjaw standards ogħla ta’ protezzjoni tal-konsumatur għall-bejgħ bl-Internet u mill-bogħod ta’ oġġetti kemm diġitali kif ukoll fiżiċi, u billi nsaħħu ċ-ċibersigurtà;

6.

Inwettqu l-objettiv tagħna ta’ Unjoni tal-Enerġija ambizzjuża u politika dwar it-tibdil fil-klima li tħares ’il quddiem, b’mod partikolari billi nimplimentaw il-qafas għall-klima u l-enerġija għall-2030, billi nkomplu nsegwu l-Ftehim ta’ Pariġi, inkluż b’leġiżlazzjoni dwar enerġija nadifa għall-Ewropej kollha u dwar mobbiltà nadifa;

7.

Inkomplu niżviluppaw il-leġittimità demokratika fil-livell tal-UE, billi ntejbu l-funzjonament tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej u billi nżidu t-trasparenza fil-finanzjament tal-partiti politiċi.

Barra minn hekk, naqblu li hemm bżonn isir progress ukoll fil-kwistjonijiet importanti li ġejjin:

Inkomplu bl-impenn tagħna favur il-valuri komuni Ewropej, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, it-tisħiħ tal-leġittimità demokratika tal-UE kif ukoll l-impenn konġunt tagħna li nieqfu kontra d-diskriminazzjoni u l-ksenofobija;

Naħdmu lejn politika kummerċjali robusta, miftuħa u bbażata fuq ir-regoli, bil-konvinzjoni li l-kummerċ jikkontribwixxi għall-ħolqien tal-ġid u l-impjiegi;

Nindirizzaw il-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa, kif ukoll niżguraw sistema tat-taxxa li tkun b’saħħitha u ġusta;

Niżguraw li l-protezzjoni soċjali u d-drittijiet soċjali jkunu ġusti u ta’ livell adegwat, kif stabbilit fl-20 prinċipju bażiku tal-Pilastru tad-Drittijiet Soċjali;

Insaħħu r-rwol tal-UE fil-protezzjoni u l-ħarsien tal-interessi tagħna lil hinn mill-fruntiera tagħha u fil-kontribut għall-istabbiltà, is-sigurtà u l-paċi;

Niżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tad-data, drittijiet diġitali u standards etiċi filwaqt li naħsdu l-benefiċċji u nevitaw ir-riskji tal-iżviluppi fl-intelliġenza artifiċjali u r-robotika.

It-tliet Istituzzjonijiet jaqblu wkoll li jkomplu jaħdmu fuq il-proposti kollha pendenti.

Filwaqt li nkiseb progress sostanzjali fit-twettiq tal-proposti prijoritarji identifikati fid-Dikjarazzjoni Konġunta tal-2017, ninsabu determinati li nlestu x-xogħol li ntrabatna li nagħmlu. Ser inkomplu naħdmu fuq il-proposti ppreżentati sa minn Diċembru 2016. Ser nittrattaw ukoll il-proposti leġiżlattivi li jinsabu fil-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2018.

Nibqgħu impenjati favur il-promozzjoni tal-implimentazzjoni korretta u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni eżistenti.

Aħna, bħala l-Presidenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni Ewropea, ser nagħmlu monitoraġġ regolari tal-implimentazzjoni fil-ħin u effiċjenti ta’ din id-Dikjarazzjoni Konġunta.

Antonio TAJANI

President tal-Parlament Ewropew

Jüri RATAS

President tal-Kunsill

Jean-Claude JUNCKER

President tal-Kummissjoni Ewropea

Dikjarazzjoni tal-Kunsill

Fir-rigward tar-referenza fid-dikjarazzjoni konġunta għat-tlestija tal-Unjoni Bankarja, jitfakkru l-konklużjonijiet tal-Kunsill ECOFIN tas-17 ta’ Ġunju 2016 dwar pjan direzzjonali biex titlesta l-Unjoni Bankarja. Il-Kunsill jibqa’ impenjat għal dan il-pjan direzzjonali u jissottolinja l-ħtieġa li titlesta l-Unjoni Bankarja f’termini tat-tnaqqis u l-kondiviżjoni tar-riskji fis-settur finanzjarju, fis-sekwenza adatta, kif jinsab f’dawn il-konklużjonijiet.

Dikjarazzjoni mill-President tal-Parlament Ewropew dwar ir-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni

Bla preġudizzju għall-Artikolu 311 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew huwa impenjat favur ir-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni, abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji. F'dan il-kuntest, il-Parlament Ewropew jissottolinja l-ħtieġa li jsiru proposti leġiżlattivi komprensivi dwar ir-riżorsi proprji tal-Unjoni flimkien mal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss. Id-dħul u l-infiq tal-Unjoni għandhom jiġu ttrattati b'mod parallel.