17.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 344/77


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2292

tas-16 ta' Diċembru 2016

li jistipula l-medja ponderata tar-rati massimi għat-terminazzjoni ta' telefonati bil-mobile madwar l-Unjoni u li jħassar ir-Regolament (UE) 2015/2352

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 531/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta' komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6e(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont ir-Regolament (UE) Nru 531/2012, il-fornituri domestiċi ma għandhom jimponu ebda ħlas supplimentari addizzjonali mal-prezz bl-imnut domestiku fuq il-klijenti tar-roaming fi kwalunkwe Stat Membru għal kwalunkwe telefonata roaming regolata rċevuta, fil-limiti permessi minn politika ta' użu ġust. Din id-dispożizzjoni tapplika mill-15 ta' Ġunju 2017, sakemm l-att leġiżlattiv li għandu jiġi adottat flimkien mal-proposta dwar is-suq tar-roaming bl-ingrossa msemmija fl-Artikolu 19(2) ta' dak ir-Regolament, ikun beda japplika minn dik id-data.

(2)

Skont ir-Regolament (UE) Nru 531/2012, il-fornituri domestiċi jistgħu japplikaw ħlas supplimentari flimkien mal-prezz domestiku bl-imnut, għall-konsum ta' servizzi regolati ta' roaming bl-imnut, matul perjodu transitorju mit-30 ta' April 2016 sad-data meta jiġi applikabbli l-att leġislattiv previst fl-Artikolu 19(2) ta' dak ir-Regolament.

(3)

Ir-Regolament (UE) Nru 531/2012 jippermetti lill-fornituri domestiċi li japplikaw, wara l-perjodu ta' tranżizzjoni, ħlas supplimentari flimkien mal-prezz domestiku bl-imnut, għall-konsum ta' servizzi regolati ta' roaming bl-imnut li jaqbeż kwalunkwe limitu stipulat taħt politika ta' użu ġust.

(4)

Ir-Regolament (UE) Nru 531/2012 jillimita kwalunkwe ħlas supplimentari applikat għal telefonati tar-roaming regolati rċevuti għall-medja ponderata tar-rati massimi għat-terminazzjoni ta' telefonati bil-mobile madwar l-Unjoni.

(5)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2352 (2) jistabbilixxi l-medja ponderata tar-rati massimi għat-terminazzjoni ta' sejħiet bil-mobile madwar l-Unjoni li għandu jiġu applikat mit-30 ta' April 2016 fuq il-bażi tal-valuri tad-data kif kienu fl-1 ta' Lulju 2015.

(6)

Il-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi pprovda lill-Kummissjoni b'informazzjoni aġġornata miġbura mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Istati Membri dwar: (i) il-livell massimu tal-ogħla rati għat-terminazzjoni tas-sejħiet bil-mobile li jkunu imponew, skont l-Artikoli 7 u 16 tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) (id-“Direttiva ta' Qafas”) u l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) (id-“Direttiva tal-Aċċess”), f'kull suq nazzjonali għat-terminazzjoni ta' sejħiet bil-vuċi bl-ingrossa fuq networks individwali tal-mobile, u ii) l-għadd totali ta' abbonati fl-Istati Membri.

(7)

Skont ir-Regolament (UE) Nru 531/2012, il-Kummissjoni kkalkulat il-medja ponderata tar-rati massimi għat-terminazzjoni ta' sejħiet bil-mobile madwar l-Unjoni billi: (i) immultiplikat ir-rata massima għat-terminazzjoni ta' sejħiet bil-mobile permessa fi Stat Membru partikolari mill-għadd totali ta' abbonati f'dak l-Istat Membru, (ii) għaddiet dan il-prodott għall-Istati Membri kollha u (iii) iddividiet it-total miksub bin-numru totali ta' abbonati fl-Istati Membri kollha, fuq il-bażi tal-valuri tad-dejta kif kienu fl-1 ta' Lulju 2016. Għal pajjiżi mhux fiż-żona tal-Euro, ir-rata tal-kambju rilevanti hija l-medja tat-tieni kwart tal-2016 miksuba mill-bażi ta' dejta tal-Bank Ċentrali Ewropew.

(8)

Għalhekk hemm bżonn li jkun aġġornat il-valur tal-medja pponderata tar-rati massimi għat-terminazzjoni ta' telefonati bil-mobile madwar l-Unjoni stabbiliti skont ir-Regolament (UE) 2015/2352.

(9)

Għalhekk ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2352 għandu jitħassar.

(10)

Skont ir-Regolament (UE) Nru 531/2012, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-medja ponderata tar-rati massimi għat-terminazzjoni ta' telefonati bil-mobile madwar l-Unjoni kull sena.

(11)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Komunikazzjoni,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-medja ponderata tar-rati massimi għat-terminazzjoni ta' sejħiet bil-mobile madwar l-Unjoni hija stabbilita għal EUR 0,0108 kull minuta.

Artikolu 2

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2352 jitħassar.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Diċembru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 172, 30.6.2012, p. 10

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2352 tas-16 ta' Diċembru 2015 li jistabbilixxi l-medja ponderata tar-rati massimi għat-terminazzjoni ta' sejħiet bil-mobile madwar l-Unjoni (ĠU L 331, 17.12.2015, p. 7)

(3)  Id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU L 108; 24.4.2002, p. 33)

(4)  Id-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta', netwerks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Id-Direttiva tal-Aċċess) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 7).