19.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 313/11


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2022

tal-14 ta' Lulju 2016

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward standards tekniċi regolatorji dwar l-informazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' ditti minn pajjiżi terzi u l-format tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-klijenti

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 46(7) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 jistabbilixxi qafas armonizzat għat-trattament ta' ditti ta' pajjiż terz li jaċċessaw l-Unjoni biex jipprovdu servizzi ta' investiment u attivitajiet lil kontropartijiet eliġibbli u lill-klijenti professjonali.

(2)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-informazzjoni li ditta ta' pajjiż terz li tapplika biex tforni servizzi ta' investiment jew biex twettaq attivitajiet fl-Unjoni kollha għandha tipprovdi lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) u l-format li bih l-informazzjoni lill-klijenti kif imsemmi fl-Artikolu 46(5) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 għandha tiġi pprovduta sabiex jiġu stabbiliti rekwiżiti uniformi relatati ma' ditti ta' pajjiż terz u li jibbenefikaw mill-possibbiltà li jipprovdu servizzi fl-Unjoni kollha.

(3)

Sabiex l-ESMA tkun tista' tidentifika b'mod korrett u tirreġistra d-ditti ta' pajjiżi terzi, l-ESMA għandha tkun ipprovduta bid-dettalji ta' kuntatt tagħhom, il-kodiċijiet ta' identifikazzjoni nazzjonali u internazzjonali tagħhom u prova tal-awtorizzazzjoni tagħhom li jipprovdu servizzi ta' investiment fil-pajjiż fejn hija stabbilita d-ditta.

(4)

Għandha tingħata attenzjoni lill-lingwa u l-istruttura użata biex tipprovdi l-informazzjoni lill-klijenti minn ditti ta' pajjiżi terzi, sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni hija ċara u tinftiehem.

(5)

L-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għandha tiġi differita sabiex tiġi allinjata mad-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 600/2014.

(6)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-istandards abbozzati tekniċi regolatorji ppreżentat mill-ESMA lill-Kummissjoni.

(7)

L-ESMA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-istandards abbozzati tekniċi regolatorji li dan ir-Regolament huwa bbażat fuqhom, analizzat l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Konċernati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Informazzjoni meħtieġa għar-reġistrazzjoni

Ditta ta' pajjiż terz li tapplika għall-għoti ta' servizzi ta' investiment jew biex twettaq attivitajiet fl-Unjoni kollha skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 46(4) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 tissottometti l-informazzjoni li ġejja lill-ESMA:

(a)

l-isem sħiħ tal-kumpanija, inklużi l-isem legali tagħha u kwalunkwe isem kummerċjali ieħor li jintuża mid-ditta;

(b)

id-dettalji tal-kumpanija, inkluż l-indirizz tal-uffiċċju prinċipali, in-numru tat-telefon u l-indirizz tal-posta elettronika;

(c)

id-dettalji ta' kuntatt tal-persuna responsabbli għall-applikazzjoni, inkluż in-numru tat-telefon u l-indirizz tal-posta elettronika;

(d)

sit web, fejn ikun disponibbli:

(e)

in-numru nazzjonali ta' identifikazzjoni tal-kumpanija, fejn disponibbli;

(f)

identifikatur tal-entità ġuridika (LEI) tad-ditta, fejn disponibbli;

(g)

il-Kodiċi tal-Identifikazzjoni tan-Negozju (BIC) tad-ditta, fejn disponibbli;

(h)

l-isem u l-indirizz tal-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz li jkun responsabbli għas-superviżjoni tad-ditta; meta iktar minn awtorità waħda hija responsabbli għas-superviżjoni, jingħataw id-dettalji tal-oqsma rispettivi ta' kompetenza;

(i)

il-ħolqa għar-reġistru ta' kull awtorità kompetenti tal-pajjiż terz, fejn disponibbli;

(j)

l-informazzjoni dwar liema servizzi, attivitajiet ta' investiment u servizzi anċillari hija awtorizzata tipprovdi fil-pajjiż fejn hija stabbilita d-ditta;

(k)

is-servizzi ta' investiment li għandhom jiġu pprovduti u l-attivitajiet li għandhom jitwettqu fl-Unjoni, flimkien ma' kwalunkwe servizzi anċillari.

Artikolu 2

Rekwiżiti ta' preżentazzjoni ta' informazzjoni

1.   Id-ditta ta' pajjiż terz għandha tinforma lill-ESMA, fi żmien 30 jum, bi kwalunkwe bidla fl-informazzjoni provduta skont l-Artikolu 1(a) sa (g), (j) u (k).

2.   Informazzjoni mogħtija lill-ESMA skont l-Artikolu 1(j) tiġi pprovduta permezz ta' dikjarazzjoni bil-miktub maħruġa minn awtorità kompetenti tal-pajjiż terz.

3.   L-informazzjoni mogħtija lill-ESMA skont l-Artikolu 1 għandha tkunu bl-Ingliż, bl-użu tal-alfabett Latin. Kwalunkwe dokument ta' akkumpanjament mogħti lill-ESMA skont l-Artikolu 1 u fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu jkun bl-Ingliż jew, fejn ikun ġie miktub b'lingwa differenti, tiġi pprovduta wkoll traduzzjoni ċertifikata bl-Ingliż.

Artikolu 3

Informazzjoni dwar it-tip ta' klijenti fl-Unjoni

1.   Ditta ta' pajjiż terz tipprovdi l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 46(5) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 lill-klijenti f'mezz li jservi fit-tul.

2.   L-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 46(5) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, tkun:

(a)

ipprovduta bl-Ingliż jew bil-lingwa uffiċjali, jew b'waħda mil-lingwi uffiċjali, tal-Istat Membru fejn ikunu fornuti s-servizzi

(b)

ippreżentata u strutturata b'mod li tkun faċli li tinqara, bl-użu ta' tipa ta' daqs li tinqara;

(c)

mingħajr l-użu ta' kuluri li jistgħu inaqqsu l-fehim tal-informazzjoni.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa japplika mid-data li tidher fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 55 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Lulju 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).