8.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 300/10


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1948

tas-7 ta' Novembru 2016

dwar l-adattament tar-rata ta' aġġustament għall-pagamenti diretti previsti fir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sena kalendarja 2016 u li jħassar ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1153

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 26(4) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli,

Billi:

(1)

Fit-22 ta' Marzu 2016 il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jiffissa r-rata ta' aġġustament prevista fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1306/2013 għall-pagamenti diretti fir-rigward tas-sena kalendarja 2016 (2). Sat-30 ta' Ġunju 2016, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill kienu għadhom ma ddeterminawx dik ir-rata ta' aġġustament. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, il-Kummissjoni stabbiliet ir-rata ta' aġġustament fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1153 (3).

(2)

Il-previżjonijiet għall-pagamenti diretti u għan-nefqa relatata mas-suq li hemm fl-Ittra Emendatorja tal-Kummissjoni Nru 1 tal-Abbozz tal-Baġit għall-2017 juru l-bżonn li tiġi adattata r-rata ta' dixxiplina finanzjarja li tqieset fl-Abbozz tal-Baġit għall-2017. Dik l-Ittra Emendatorja ġiet stabbilita billi tqies ammont ta' dixxiplina finanzjarja ta' EUR 450,5 miljun għar-riżerva tal-kriżijiet fis-settur agrikolu li tissemma fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013. Sabiex titqies din l-informazzjoni ġdida, il-Kummissjoni jenħtieġ li tadatta r-rata ta' aġġustament stabbilita fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1153.

(3)

Bħala regola ġenerali, il-bdiewa li jressqu applikazzjoni għall-għajnuna għal pagamenti diretti għal sena kalendarja waħda (N) jitħallsu f'perjodu tal-pagamenti fiss li jkun fis-sena finanzjarja (N + 1). Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu pagamenti tardivi lill-bdiewa wara dak il-perjodu tal-pagamenti, b'ċertu limiti. Dawn il-pagamenti tardivi jistgħu jsiru f'sena finanzjarja sussegwenti. Meta d-dixxiplina finanzjarja tiġi applikata għal sena kalendarja partikolari, ir-rata ta' aġġustament jenħtieġ li ma tiġix applikata għal pagamenti li għalihom l-applikazzjonijiet għall-għajnuna jkunu tressqu fi snin kalendarji li mhumiex is-sena kalendarja li għaliha tapplika d-dixxiplina finanzjarja. Għalhekk, biex jiġi żgurat it-trattament ugwali tal-bdiewa, huwa xieraq li jiġi previst li r-rata ta' aġġustament tiġi applikata biss għal pagamenti li għalihom l-applikazzjonijiet għall-għajnuna jkunu tressqu fis-sena kalendarja li għaliha tapplika d-dixxiplina finanzjarja, irrispettivament minn meta jsir il-pagament lill-bdiewa.

(4)

L-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jistipula li r-rata ta' aġġustament applikata għal pagamenti diretti stabbilita skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għandha tapplika biss għal pagamenti diretti li jaqbżu l-EUR 2 000 u li jkunu se jingħataw lill-bdiewa fis-sena kalendarja korrispondenti. Barra minn hekk, l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jipprevedi li b'riżultat tal-introduzzjoni gradwali tal-pagamenti diretti, ir-rata ta' aġġustament għandha tibda tapplika għall-Kroazja mill-1 ta' Jannar 2022 biss. B'hekk ir-rata ta' aġġustament li trid tiġi ddeterminata permezz ta' dan ir-Regolament jenħtieġ li ma tiġix applikata għall-pagamenti lill-bdiewa f'dak l-Istat Membru.

(5)

Sabiex ikun żgurat li r-rata ta' aġġustament adattata tkun tapplika minn meta għandhom jibdew il-pagamenti lill-bdiewa skont ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mill-1 ta' Diċembru 2016.

(6)

Għall-kalkolu ta' kull pagament li jrid jingħata lill-bdiewa għal applikazzjoni għall-għajnuna li tressqet għas-sena kalendarja 2016, jenħtieġ li titqies ir-rata ta' aġġustament adattata. Għalhekk, għaċ-ċarezza, ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1153 jenħtieġ li jitħassar,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Għall-fini li tiġi ffissata r-rata ta' aġġustament prevista fl-Artikoli 25 u 26 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, u f'konformità mal-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-ammonti ta' pagamenti diretti li jkunu ta' iktar minn EUR 2 000 skont l-iskemi ta' appoġġ elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, li jridu jingħataw lill-bdiewa għal applikazzjoni għall-għajnuna mressqa fir-rigward tas-sena kalendarja 2016, għandhom jitnaqqsu b'rata ta' aġġustament ta' 1,353905 %.

2.   It-tnaqqis previst fil-paragrafu 1 ma għandux japplika fil-Kroazja.

Artikolu 2

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1153 jitħassar.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan jibda japplika mill-1 ta' Diċembru 2016.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Novembru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(2)  COM(2016) 159.

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1153 tal-14 ta' Lulju 2016 li jiffissa r-rata ta' aġġustament għall-pagamenti diretti skont ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sena kalendarja 2016 (ĠU L 190, 15.7.2016, p. 76).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608).