5.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 299/22


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1928

tal-4 ta' Novembru 2016

dwar id-determinazzjoni ta' merkanzija li tinġarr għall-kategoriji ta' bastimenti li mhumiex bastimenti tal-passiġġieri, bastimenti ro-ro u bastimenti tal-kontejners skont ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta' emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta' emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE (1), u b'mod partikolari il-paragrafu 2 tal-Parti A tal-Anness II tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-regoli dwar il-monitoraġġ ta' merkanzija li tinġarr u informazzjoni rilevanti oħra huma stabbiliti fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2015/757. B'mod partikolari, id-determinazzjoni ta' merkanzija li tinġarr għall-kategoriji ta' bastimenti li mhumiex bastimenti tal-passiġġieri, bastimenti ro-ro u bastimenti tal-kontejners għandha ssir f'konformità mal-parametri stipulati fil-punt (g) tal-paragrafu 1 tal-Parti A ta' dan l-Anness.

(2)

Fil-każ ta' tankers taż-żejt, tankers tal-kimika, trasportaturi tal-gass, bastimenti ta' tagħbija bl-ingrossa, bastimenti tal-merkanzija bil-friża u bastimenti kkombinati, huwa xieraq li jiġi żgurat li d-determinazzjoni tal-indikatur operattiv medju tal-effiċjenza enerġetika hija skont il-Linji Gwida tal-IMO għall-użu volontarju tal-Indikatur Operattiv tal-Effiċjenza Enerġetika tal-Bastimenti (EEOI) (2) peress li dawn il-Linji Gwida jirriflettu l-prattiki tal-industrija.

(3)

Fil-każ ta' trasportaturi tal-LNG u bastimenti tal-kontejners/tal-merkanzija ro-ro, il-parametru li għandu jintuża għall-kalkolu ta' merkanzija li tinġarr għandu jirrifletti l-prattiki industrijali u jiżgura li l-informazzjoni provduta hija preċiża u komparabbli tul iż-żmien.

(4)

Fil-każ ta' bastimenti ta' merkanzija ġenerali, id-determinazzjoni tal-merkanzija li tinġarr għandha ssegwi approċċ żviluppat b'mod speċifiku li jqis il-varjazzjonijiet fid-densità tal-merkanzija sinifikanti għal din il-kategorija ta' bastimenti. Huwa xieraq li din id-dejta tkun issupplimentata fuq bażi volontarja b'dejta addizzjonali skont il-Linji Gwida tal-IMO għall-użu volontarju tal-Indikatur Operattiv tal-Effiċjenza Enerġetika tal-Bastimenti (EEOI).

(5)

Fil-każ ta' bastimenti tal-vetturi, id-determinazzjoni tal-merkanzija għandha ssegwi approċċ flessibbli bbażat fuq żewġ opzjonijiet differenti. Sabiex tkun riflessa aħjar ir-rilevanza speċjali tal-volum, huwa xieraq li tkun tista' tingħata fuq bażi volontarja dejta dwar parametru addizzjonali differenti.

(6)

Il-bastimenti ro-pax għandhom jitqiesu bħala każ speċifiku fejn għandhom japplikaw kondizzjonijiet partikolari. Fid-dawl tas-servizz mħallat offrut mill-bastimenti ro-pax u sabiex jiġu riflessi aħjar il-prattiki tal-industrija, għandhom jiġu applikati żewġ parametri biex jirrappreżentaw il-merkanzija li tinġarr.

(7)

Għal tipi oħra ta' bastimenti li ma jaqgħux taħt waħda mill-kategoriji ta' hawn fuq u lanqas taħt dawk fil-punti (d), (e) u (f) tal-paragrafu 1 tal-Parti A tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2015/757, għandu jkun permess approċċ flessibbli sabiex jirrifletti bis-sħiħ id-diversità ta' bastimenti li jġorru tipi differenti ħafna ta' merkanzija. Sabiex jiġu żgurati l-konsistenza u l-komparabbiltà tad-dejta tul iż-żmien skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) 2015/757, l-għażla tal-kumpanija dwar il-parametru l-aktar xieraq għall-merkanzija li tinġarr għandha tiġi dokumentata fil-pjan ta' monitoraġġ tal-bastiment u tiġi applikata skont dan.

(8)

Il-Kummissjoni kkonsultat lill-partijiet ikkonċernati dwar l-aħjar prattiki tal-industrija f'dak li għandu x'jaqsam mal-kwistjonijiet indirizzati b'dan ir-Regolament. Il-konsultazzjoni twettqet permezz tas-'Sottogrupp ta' monitoraġġ tal-MRV tat-trasport marittimu' stabbilit fil-qafas tal-Forum Ewropew dwar Trasport Marittimu Sostenibbli.

(9)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Tibdil fil-Klima stabbilit bl-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 525/2013/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli li jispeċifikaw il-parametri applikabbli għad-determinazzjoni ta' merkanzija li tinġarr għall-kategoriji ta' bastimenti li mhumiex bastimenti tal-passiġġieri, bastimenti ro-ro u bastimenti tal-kontejners għall-finijiet tal-monitoraġġ ta' informazzjoni rilevanti oħra abbażi ta' kull vjaġġ skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2015/757.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“Tanker taż-żejt” tfisser bastiment mibni jew adattat primarjament biex iġorr żejt grezz jew prodotti petrolifiċi bl-ingrossa fl-ispazji tiegħu għall-merkanzija, bl-esklużjoni ta' bastimenti kkombinati, tankers għas-sustanzi likwidi noċivi (NLS) jew tankers tal-gass;

(2)

“Tanker tal-kimika” tfisser bastiment mibni jew adattat għall-ġarr bl-ingrossa ta' kull prodott likwidu elenkat fil-Kapitolu 17 tal-Kodiċi Internazzjonali għall-Kostruzzjoni u t-Tagħmir ta' Bastimenti li jġorru Kimiki Perikolużi bl-Ingrossa (4) jew bastiment mibni jew adattat biex iġorr merkanzija ta' NLS bl-ingrossa;

(3)

“Trasportatur tal-LNG” tfisser tanker għall-ġarr bl-ingrossa ta' gass naturali likwifikat (LNG) (prinċipalment metan) f'tankijiet iżolati indipendenti;

(4)

“Trasportatur tal-gass” tfisser tanker għall-ġarr bl-ingrossa ta' gassijiet likwifikati bl-esklużjoni tal-LNG;

(5)

“Bastiment ta' tagħbija bl-ingrossa” tfisser bastiment li huwa maħsub primarjament biex iġorr merkanzija xotta bl-ingrossa, inklużi tipi bħal trasportaturi ta' minerali kif definit fir-Regolament 1 tal-Kapitolu XII tal-Konvenzjoni Internazzjonali tal-1998 dwar is-Sigurtà tal-Ħajja fuq il-Baħar (il-Konvenzjoni SOLAS), iżda teskludi bastimenti kkombinati;

(6)

“Bastiment ta' merkanzija ġenerali” tfisser bastiment b'buq ta' ħafna gverti jew ta' gverta waħda mfassal primarjament għall-ġarr tal-merkanzija ġenerali bl-esklużjoni ta' bastimenti speċjalizzati li jġorru merkanzija xotta, li mhumiex inklużi fil-kalkolu tal-linji ta' referenza għal bastimenti ta' merkanzija ġenerali, jiġifieri, trasportatur tal-bhejjem, trasportatur tal-barkuni, trasportatur li jġorr tagħbija tqila, trasportatur tal-jottijiet, trasportatur tal-fjuwil nukleari;

(7)

“Bastiment tal-merkanzija bil-friża” tfisser bastiment imfassal esklussivament għall-ġarr ta' merkanziji refriġerati fl-istivi;

(8)

“Bastiment tal-vetturi” tfisser bastiment b'ħafna gverti ta' merkanzija roll-on-roll-off imfassal għall-ġarr ta' karozzi u trakkijiet vojta;

(9)

“Bastiment ikkombinat” tfisser bastiment imfassal biex jgħabbi piż mejjet 100 % b'merkanzija kemm likwida kif ukoll xotta bl-ingrossa;

(10)

“Bastiment ro-pax” tfisser bastiment, li jġorr aktar minn 12-il passiġġier u li għandu spazju għall-merkanzija roll-on/roll-off abbord;

(11)

“Bastiment tal-kontejners/tal-merkanzija ro-ro” tfisser ibridu ta' bastiment tal-kontejners u bastiment tal-merkanzija ro-ro f'sezzjonijiet indipendenti;

(12)

“Piż mejjet li jinġarr” tfisser, f'tunnellati metriċi, il-volum imkejjel tal-ispostament ta' bastiment b'kundizzjoni ta' pixka tal-bastiment b'tagħbija mmultiplikat bid-densità relattiva tal-ilma fit-tluq tiegħu u mnaqqas bil-piż ħafif tal-bastiment u bil-piż tal-fjuwil abbord kif ikun determinat fit-tluq tal-vjaġġ mgħobbi kkonċernat;

(13)

“Volum imkejjel tal-ispostament” tfisser, f'metri kubi, il-volum tal-ispostament iffurmat mill-bastiment, bl-esklużjoni ta' appendiċijiet, f'bastiment b'qafas tal-metall, u tfisser il-volum ta' spostament lejn il-wiċċ ta' barra tal-buq f'bastiment b'qafas ta' kwalunkwe materjal ieħor;

(14)

“Piż ħafif” tfisser, f'tunnellati metriċi, il-piż attwali tal-bastiment mingħajr fjuwil, passiġġieri, merkanzija, ilma u oġġetti konsumabbli oħra abbord.

Artikolu 3

Il-parametri biex tiġi ddeterminata il-“merkanzija li tinġarr” għal kull kategorija ta' bastiment

“Merkanzija li tinġarr” għall-finijiet tal-monitoraġġ ta' informazzjoni rilevanti oħra fuq bażi ta' kull vjaġġ skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2015/757, għandu jiġi stabbilit kif ġej:

(a)

għal tankers taż-żejt, bħala l-massa tal-merkanzija abbord;

(b)

għal tankers tal-kimika, bħala l-massa tal-merkanzija abbord;

(c)

għal trasportaturi tal-LNG, il-volum tal-merkanzija mal-ħatt, jew jekk il-merkanzija tkun imħatta f'diversi okkażjonijiet matul vjaġġ, is-somma tal-merkanzija mħatta matul vjaġġ u l-merkanzija mħatta fil-portijiet ta' waqfa sussegwenti tagħhom sakemm titgħabba merkanzija ġdida;

(d)

għal tankers tal-gass, bħala l-massa tal-merkanzija abbord;

(e)

għal bastimenti ta' tagħbija bl-ingrossa, bħala l-massa tal-merkanzija abbord;

(f)

għal bastimenti ta' merkanzija ġenerali, bħala piż mejjet li jinġarr għal vjaġġi mgħobbija u bħala żero għal vjaġġi bis-saborra;

(g)

għal bastimenti tal-merkanzija bil-friża, bħala l-massa tal-merkanzija abbord;

(h)

għal bastimenti tal-vetturi, bħala l-massa tal-merkanzija abbord, determinata bħala l-massa attwali jew bħala l-għadd ta' unitajiet ta' merkanzija jew il-metri tal-karreġġata (lane meters) okkupati mmultiplikati bil-valuri predefiniti għall-piż tagħhom.

(i)

għal bastimenti kkombinati, bħala l-massa tal-merkanzija abbord;

(j)

għal bastimenti ro-pax, bħala l-għadd ta' passiġġieri u bħala l-massa tal-merkanzija abbord, determinati bħala l-massa attwali jew l-għadd ta' unitajiet tal-merkanzija (trakkijiet, karozzi, eċċ.) jew il-metri tal-karreġġata okkupati mmultiplikati bil-valuri predefiniti għall-piż tagħhom.

(k)

Għal bastimenti tal-kontejners/tal-merkanzija ro-ro, bħala l-volum tal-merkanzija abbord, determinat bħala somma tal-għadd ta' unitajiet tal-merkanzija (karozzi, trejlers, trakkijiet u unitajiet standard oħra) immultiplikata bis-superfiċe prestabbilita u bl-għoli tal-gverta (id-distanza bejn l-art u l-latta strutturali), somma tal-għadd ta' metri tal-karreġġata okkupati mmultiplikata bl-għoli tal-gverta (għal merkanzija ro-ro oħra) u somma tal-għadd ta' TEUs immultiplikata bi 38,3 m3;

(l)

għal tipi oħra ta' bastimenti li ma jaqgħu taħt ebda waħda mill-kategoriji msemmija fil-punti (a) sa (k) u lanqas taħt dawk fil-punti (d), (e) u (f) tal-paragrafu 1 tal-Parti A tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2015/757, bħala massa ta' merkanzija abbord jew bħala piż mejjet li jinġarr għal vjaġġi mgħobbija u valur żero għal vjaġġi bis-saborra.

Għall-finijiet tal-punt (h) tal-ewwel paragrafu, il-massa tal-merkanzija abbord tista' tintuża fuq bażi volontarja bħala parametru addizzjonali.

Għall-finijiet tal-punt (h) tal-ewwel paragrafu, il-piż mejjet li jinġarr għal vjaġġi mgħobbija u l-valur żero għal vjaġġi bis-saborra jistgħu jintużaw fuq bażi volontarja bħala parametru addizzjonali.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Novembru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 123, 19.5.2015, p. 55.

(2)  MEPC.1/Circ.684.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rapportar ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra u għar-rapportar ta' informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 13).

(4)  Kif emendat bi MEPC.225(64) u MSC.340(91).